IR-RABAT - 17.04.2010 - 20.00
Knisja ta’ San Pawl
Żjara lill-Grotta ta’ San Pawl
 
 
Għażiż Arċisqof Cremona,
Għeżież Ħuti,
 
Il-pellegrinaġġ tiegħi f’Malta beda b’mument ta’ talba fis-skiet fil-Grotta ta’ San Pawl li ġab għall-ewwel darba l-fidi lil dawn il-gżejjer. Jien imxejt fuq il-passi ta’ dawk il-pellegrini li ma tgħoddhomx li tul is-sekli talbu f’dan il-post qaddis u fdaw lilhom infushom, lill-familji tagħhom u lil din in-nazzjon f’idejn l-interċessjoni tal-Appostlu tal-Ġentili. Jien nifraħ li, fl-aħħar , ninsab fostkom u nagħtikom ilkoll merħba b’imħabba kbira fil-Mulej!

In-nawfraġju ta’ Pawlu u l-qagħda tiegħu f’Malta tul tliet xhur ħallew marka li ma titħassarx fl-istorja ta’ pajjiżkom. Kliemu lil dawk li kienu miegħu qabel ma wasal Malta huma reġistrati għalina fl-Atti tal-Appostli u għandhom tema speċjali fit-tħejjija għaż-żjara tiegħi.
 
Dawk il-kelmiet – “Jeħtieg iżda li naslu fi gżira” (Atti 27:26) – fil-kuntest oriġinali tagħhom huma sejħa għall-kuraġġ quddiem dak li mhux magħruf u fiduċja kostanti fil-provvidenza misterjuża ta’ Alla. In-nawfragi, fil-fatt, intlaqgħu bil-qalb mill-poplu Malti li mexa wara l-gwida mogħtija minn San Publju. Fil-pjan ta’ Alla, San Pawl b’hekk sar missierkom fil-fidi Nisranija. Bis-saħħa tal-preżenza tiegħu fostkom, l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu rabba għeruq sodi u ta frott mhux biss fil-ħajjiet ta’ individwi, familji u komunitajiet iżda wkoll fil-formazzjoni tal-identità nazzjonali ta’ Malta u tal-kultura vibranti u distintiva tagħha.
 
Il-ħidmiet appostoliċi ta’ Pawlu taw ukoll ħsad għani fil-ġenerazzjonijiet ta’ predikaturi li segwew il-passi tiegħu, u b’mod partikolari fl-għadd kbir ta’ saċerdoti u reliġjużi li imitaw iż-żelu missjunarju tiegħu billi ħallew Malta biex iwasslu l-Evanġelju fi xtut imbiegħda. Jien ferħan li kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ tant minnhom illum f’din il-Knisja ta’ San Pawl u nħeġġiġhom fis-sejħa sfidanti u spiss erojka tagħhom.

Għeżież missjunarji: Jien nirringrazzja lilkom ilkoll, f’isem il-Knisja kollha, għax-xhieda tagħkom għall-Mulej Imqajjem u għall-ħajjiet imgħoddija fis-servizz tal-oħrajn. Il-preżenza u l-attività tagħkom f’tant pajjiżi tad-dinja tagħmel unur lil pajjiżkom u tixhed għal stimulu evanġeliku li jinsab imħawwel fil-fond fil-Knisja f’Malta. Ejjew nitolbu lill-Mulej biex isejjaħ ħafna aktar irġiel u nisa ħalli jkomplu jmexxu ’l quddiem il-missjoni nobbli tax-xandir tal-Evanġelju u jaħdmu għall-avvanz tas-Saltna ta’ Kristu f’kull art u poplu!

 
Il-miġja ta’ San Pawl f’Malta ma kinitx ippjanata. Kif nafu, kien sejjer Ruma meta qamet maltempata vjolenti u l-bastiment tiegħu inkalja fuq din il-gżira. Il-baħħara jistgħu jfasslu vjaġġ, iżda Alla, fl-għerf u l-provvidenza tiegħu, ifassal korsa li hi tiegħu. Pawlu, li b’mod drammatiku ltaqa’ mal-Mulej Imqajjem waqt li kien fi triqtu lejn Damasku, kien jaf dan tajjeb ħafna. Il-korsa ta’ ħajtu nbidlet għal għarrieda; minn dak il-waqt ’il quddiem, għalih li jgħix kien Kristu (ara Fil 1:21); kull ħsieb u azzjoni tiegħu kienu diretti biex ixandru l-misteru tas-Salib u l-messaġġ rikonċiljattiv tiegħu tal-imħabba ta’ Alla. Dik l-istess kelma, il-kelma tal-Evanġelju, għad għandha s-setgħa li tidħol f’ħajjietna u tibdel it-triqat tagħhom.


Illum dak l-istess Evanġelju li Pawlu xandar jibqa’ jsejjaħ lill-poplu ta’ dawn il-gżejjer għall-konverżjoni, għal ħajja ġdida u għal ġejjieni ta’ tama. Waqt li jien fostkom bħala s-Suċċessur tal-Appostlu Pietru, jien nistedinkom biex tisimgħu l-kelma ta’ Alla mill-ġdid, kif għamlu l-antenati tagħkom, u tħalluha tisfida l-modi ta’ kif taħsbu u l-mod kif tgħixu ħajjietkom.
 
Minn dan il-post qaddis minn fejn il-predikazzjoni appostolika xterdet ma’ dawn il-gżejjer kollha, jien insejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom biex tidħlu għal din l-isfida eċċitanti tal-evanġelizzazzjoni ġdida. Għixu l-fidi tagħkom b’mod dejjem isħaħ mal-membri tal-familji tagħkom, fl-inħawi fejn tgħixu, fil-post tax-xogħol u fit-tessut sħiħ tas-soċjetà Maltija. B’mod partikolari jien inħeġġeġ lill-ġenituri, lill-għalliema u lill-katekisti biex jitkellmu ma’ oħrajn fuq il-laqgħa ħajja tagħkom infuskom ma’ Ġesù Mqajjem, l-aktar maż-żgħażagħ li huma l-futur ta’ Malta. “Il-fidi tissaħħaħ meta tingħadda lil oħrajn!” (ara Redemptoris Missio, 2). Emmnu li l-mumenti tagħkom ta’ fidi jiżguraw laqgħa ma’ Alla li fis-setgħa qawwija tiegħu jmiss il-qlub tal-bnedmin. B’dan il-mod intom tintroduċu liż-żgħażagħ għas-sbuħija u l-għana tal-fidi Kattolika u toffrulhom katekeżi soda b’mod li tistednuhom għal sehem dejjem aktar attiv fil-ħajja sagramentali tal-Knisja.
 
Id-dinja teħtieġ din ix-xhieda! Quddiem tant theddidiet għas-sagralità tal-ħajja umana, u għad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja, m’għandhiex tidher il-ħtieġa li n-nies tal-lum jitfakkru l-ħin kollu fil-kobor tad-dinjità tagħna bħala wlied Alla u fis-sejħa sublimi li rċevejna fi Kristu? M’għandhiex is-soċjetà l-ħtieġa li terġa’ tagħmel tagħha u tiddefendi dawn il-veritajiet morali fundamentali li jibqgħu l-pedament ta’ libertà awtentika u progress ġenwin?
 
Iss’issa, kif kont quddiem din il-Grotta, jien irriflettejt fuq id-don spiritwali kbir (ara Rum 1:11) li Pawlu ta lil Malta, u jien tlabt li intom tkun tistgħu żżommu bla mittiefes il-wirt imħolli lilkom mill-Appostlu l-kbir. Jalla l-Mulej iwettaq lilkom u lill-familji tagħkom fil-fidi li topera permezz tal-imħabba (ara Gal 5:6) u tagħmilkom xhieda ferrieħa tat-tama li qatt ma tqarraq (ara Rum 5:5). Kristu qam! Tassew qam! Halleluja!