Editorjal ta’ Fr. Lombardi: Il-Vjaġġ tal-Papa f’Malta, festa mill-isbaħ ta’ fidi
 
Ferħ u konsolazzjoni. Dawn kienu ż-żewġ sentimenti ewlenin li tqanqlu f’Benedittu  XVI  bil-festa li l-Maltin hejjew għalih meta kien qed jagħmel iż-żjara appostolika tiegħu fil-Gżira tal-Mediterran matul is-Sibt u l-Ħadd li għaddew.   U flimkien mal-imħabba li ntweriet lejh, il-Papa ġarrab ukoll  sentiment qawwi ta’ ħniena  f’laqgħa oħra biex il-Knisja tkompli l-mixja tagħha ta’ fejqan.  F’din in-nota, id-direttur ġenerali, Fr. Federico Lombardi, jitkellem dwar l-aspetti differenti li kkaratterizzaw il-vjaġġ   internazzjonali  ta’ Benedittu XVI:
 
L-ewwel vjaġġ ta’ din is-sena li l-Papa għamel f’art barranija kien tassew meraviljuż. Għal darb’oħra, il-preokkupazzjonijiet u l-biżgħat ta’ qabel ma kinux ġustifikati. Il-merħba li l-qlub Maltin u l-għeruq kattoliċi tagħhom hejjew għal Benedittu XVI  kienet waħda mimlija spontanjetaˋ u ħeġġa memorabbli.  Din kompliet dejjem aktar tiżdied sakemm saret festa fuq il-baħar meta d-dgħajjes akkumpanjaw lill-Papa fil-Port il-Kbir u meta fl-aħħar iż-żgħażagħ laqgħuh b’entużjażmu kbir, tassew innu ta’ vitalitaˋ u tama.
 
Paradossalment, il-mument  tant mistenni mill-media dinjija u li l-aktar tkellmet dwaru – il-laqgħa ma’ xi wħud mill-vittmi tal-abbuż sesswali -  kien l-uniku wieħed li ħarab minn taħt għajnejha għax sar f’atmosfera diskreta  ta’ talb u ta’ intimitaˋ personali.   Imma l-mod li tkellmu  dwaru xi wħud minn dawk li ħadu sehem fih laqat b’mod profond għadd kbir ta’ nies: tneħħa piż kbir minn qlubhom, il-fejqan beda, twieldu mill-ġdid il-fiduċja u t-tama. L-Erbgħa ta’ wara l-Papa qal “qsamt magħhom it-tbatija” u “ħassejt ħafna għalihom”. Xi ġranet qabel kien qal li l-penitenza hi grazzja, u meta wasal Malta biex ifakkar in-nawfraġu ta’ San Pawl, qal li dak in-nawfraġu kien bidu ġdid li minnu ħarġet il-fidi u t-tama għal dawk li kienu jgħixu  fil-gżira.
 
Hekk il-laqgħa mal-vittmi sabet it-tifsira tagħha ta’ tama fil-kuntest tal-laqgħa tal-Papa ma’ Knisja ħajja fil-mixja tagħha,  li kapaċi tagħraf il-ġrieħi tagħha b’mod sinċier, imma wkoll li taqla’ l-grazzja tal-fejqan. Dan hu messaġġ li kellna bżonnu.