IL-KTIEB TA' NAĦUM

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1. [Naħ:1:1] Oraklu dwar Ninw.

Ktieb id-dehra ta' Naħum minn Elkos.

 

Salm. Il-korla tal-Mulej

 

[Naħ:1:2] Il-Mulej hu Alla għajjur u jaf jitħallas,

il-Mulej jitħallas u jixgħel bil-korla,

il-Mulej jitħallas mill-avversarji tiegħu

isorr il-korla għall-għedewwa tiegħu.

[Naħ:1:3] Il-Mulej tqil biex jagħdab, għalkemm kbir fil-qawwa.

Il-Mulej ma jaħfirhiex lill-ħati.

Triqtu tinsab fir-riefnu u fit-tempesta,

is-sħab hu t-trab tal-passi tiegħu.

[Naħ:1:4] Hu jċanfar l-ibħra u jinxfu,

u x-xmajjar kollha jbattal.

Basan jidbiel quddiemu mal-Karmel,

fil-Libanu tisfar il-ħdura kollha.

[Naħ:1:5] Quddiemu taqbad rogħda lill-muntanji,

l-għoljiet idubu.

Quddiemu l-art titqanqal

u d-dinja u kull min jgħammar fiha.

[Naħ:1:6] Quddiem qilltu min se jieqaf?

Min jista' jżomm bil-korla mkebbsa tiegħu?

L-għadab tiegħu bħan-nirien jitferrex,

mqar il-blat jitfarrak trab quddiemu.

[Naħ:1:7] Twajjeb, iva, il-Mulej,

fortizza f'jum l-għawġ:

hu jieħu ħsieb dawk li fih jistkennu.

[Naħ:1:8] Iżda b'għargħar ta' ilma,

hu jġib fix-xejn lil min iqum kontrieh,

u jiġri sa fid-dlam wara l-għedewwa.

 

Oraklu kontra Ninw

 

[Naħ:1:9] X'intom taħsbu ġo moħħkom kontra

                                                                     l-Mulej?

Se jagħmel qerda sħiħa;

kull min iqum kontrieh ma jqumx darbtejn.

[Naħ:1:10] U bħal meta faxx xewk jagħtuh in-nar,

hekk in-nar jikolhom bħat-tiben niexef.

[Naħ:1:11] Minnek kien ħareġ dak li niseġ

id-deni kontra l-Mulej, ix-xitan Beljal.

[Naħ:1:12] Hekk jgħid il-Mulej:

"Għad li qawwija, u kotrana ħafna,

iżd'huma jkunu maħsuda, u jgħibu.

U għad li jien għakkistek,

iżda ma ngħakksikx iktar.

[Naħ:1:13] Minn fuqek issa nkisser il-madmad tiegħu

u nqaċċat l-irbit tiegħek."

[Naħ:1:14] Dan hu illi l-Mulej ordna għalik:

"Ma jkunx hemm aktar nisel li jġib ismek,

minn dar allatek jien għad neqred

kull xbieha mnaqqxa, u kull xbieha mdewwba;

nħaffer qabrek, għax int kollok għajb."

 

2. Oraklu dwar Ġuda

 

[Naħ:2:1] Ara, fuq il-muntanji

hemm ir-riġlejn

ta' min iġib l-aħbarijiet it-tajba,

ta' min is-sliem ixandar!

Agħmel bil-ferħ il-festi tiegħek, Ġuda,

u rodd wegħdietek,

għax ma jżidx jgħaddi minnek ix-xitan Beljal,

ntemm għalkollox.

[Naħ:2:3] Għax ġedded il-Mulej

id-dielja ta' Ġakobb,

u  d-dielja t'Iżrael,

li l-ħallelin żarmawhom

u ħassru l-friegħi tagħhom.

 

Il-qerda ta' Ninw

 

[Naħ:2:2] Tiela' l-qerried għalik.

Mur għamel l-għassa mal-fortizzi tiegħek,

żomm taħt għajnejk it-triq,

ħażżem ġenbejk,

saħħaħ u żid qawwietek.

[Naħ:2:4] Mimlija ħmura t-tarka tal-qalbiena tiegħu,

liebsa s-suldati tiegħu l-iskarlatt,

l-azzar tal-karrijiet in-nar itajjar

huma u resqin għall-ħbit

Isulu ż-żwiemel tagħhom fuq riġlejhom,

[Naħ:2:5] taqliba waħda l-karrijiet fit-toroq,

u 'l hawn u 'l hemm fil-pjazez jiġġerrew,

id-dehra tagħhom qisha torċi mqabbda,

iżiġġu donnhom beraq.

[Naħ:2:6] L-aħjar suldati jiġu dlonk imsejjħa,

sarbut jaħbat ma' ieħor,

ilebbtu lejn is-sur,

il-post tal-kenn ġa mħejji.

[Naħ:2:7] Nfetħu bwieb ix-xmajjar,

mqalleb il-palazz taqliba waħda.

[Naħ:2:8] Lil sidtu 'l barra joħorġuha,

u lsira jeżiljawha.

Jolfqu l-qaddejja tagħha

bħal tnehid il-ħamiem,

u jagħtu fuq sidirhom.

[Naħ:2:9] Ninw qisha għadira                   

bl-ilmijiet tagħha ħierġa maħrubin.

"Ieqfu! Ieqfu!"

U ħadd ma jerġa' lura.

[Naħ:2:10] "Aħtfu l-fidda! Aħtfu d-deheb!

Bla tarf huwa l-ġid tagħha,

minn kull tagħmir prezzjuż issibu fiha!"

[Naħ:2:11] Ħerba, tiġrif u qerda!

Qlub mifnija u rkubbtejn imriegħda,

tkexkix fil-ġenbejn kollha,

u wiċċ kulħadd musfar.

 

Tehdid kontra l-iljun ta' Assur

 

[Naħ:2:12] Fejn huwa għar l-iljuni,

u fejn hi l-bejta ta' frieħ l-iljuni,

fejn kien imur l-iljun,

u jdaħħal hemm iż-żgħar bla ħadd ma jnaffru?

[Naħ:2:13] Hu kien iqatta' bċejjeċ għaż-żgħar tiegħu,

kien jifga l-priża u jitma' n-nisa tiegħu,

jimla l-ħofra bil-prejjeż,

l-għar tiegħu bil-biċċiet li kien iqatta'.

[Naħ:2:14] Ara, jiena kontrik,

oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti,

il-karrijiet li għandek

duħħan għad nagħmilhomlok;

u frieħ l-iljuni tiegħek

ix-xabla għad tikolhomlok;

il-priża tiegħek

mill-art għad neqridhielek;

anqas qatt iżjed ma jinstama' leħen

il-messaġġiera tiegħek!

 

3. Tehdid kontra Ninw għal ħtijietha

 

[Naħ:3:1] Ħażin għal belt id-dmija, kollha qerq,

mimlija ħtif, u s-serq ma jaqta' xejn.

[Naħ:3:2] Ħoss il-frosta,

ħoss it-tkarwit tar-roti,

żwiemel ilebbtu ħfief,

karrijiet jaqbżu,

[Naħ:3:3] rikkieba jħebbu għall-għedewwa tagħhom,

ix-xabla tleħħ fid-dija,

il-lanza tilma,

kotra ta' midrubin,

għadd kbir ta' maqtulin,

iġsma bla tarf,

kulħadd imfixkel jaqa' fil-mejtin!

[Naħ:3:4] Ħtija taż-żna kbir tal-mara żienja,

sbuħitha ġmiel li jsaħħar:

li jassret bosta ġnus biż-żna tagħha,

u qerdet popli sħaħ bis-seħer tagħha.

[Naħ:3:5] Ara, jiena kontrik,

oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti,

jiena ntellagħlek djulek sa fuq wiċċek,

nikxef quddiem il-ġnus il-għera tiegħek

f'wiċċ is-saltniet għawarek għad inberraħ;

[Naħ:3:6] nwaddab il-ħmieġ fuqek,

u ġieħek inwaqqagħlek,

u nagħmel wirja minnek.

[Naħ:3:7] U jiġri mbagħad

li min iħares lejk jitwarrab minnek,

u jgħid: "Ninw meqruda!

Min se jitħassarha?

Mnejn infittxilha,

min iħenn għaliha?"

[Naħ:3:8] Jaqaw inti aħjar minn No-amon,

li kienet f'xatt ix-xmara?

Madwarha kellha l-baħar,

u bħal imramma tagħha kien il-baħar,

b'sur tagħha l-ilmijiet,

[Naħ:3:9] l-Etjopja l-qawwa tagħha,

u hekk l-Eġittu, qawwa bla tarf;

b'għajnuna kellha 'l Put u n-nies tal-Libja.

[Naħ:3:10] Iżd'hija wkoll inġarret lejn l-eżilju,

marret itturufnata;

u wliedha ż-żgħar ukoll sefgħu mbiċċra

fi ftuħ kull triq;

għan-nobbli tagħha tefgħu x-xorti,

u rabtu l-kbarat tagħha lkoll bil-ktajjen.

[Naħ:3:11] Għad inti wkoll tintilef minn sensik,

u tkun mifnija

għad inti wkoll tfittex

xi kenn mill-għadu.

 

Għalxejn titħejja Ninw

 

[Naħ:3:12] Sarulek il-fortizzi kollha tiegħek

siġar tat-tin, mimlija frott tal-bikri,

malli tħarrku, jaqa' f'ħalq min jieklu.

[Naħ:3:13] Arah, il-poplu tiegħek;

int nisa għandek fik!

Nfetħu beraħ bibien artek

quddiem l-għedewwa tiegħek;

l-istaneg tiegħek mikulin min-nar.

[Naħ:3:14] Aħseb biex taħżen l-ilma għall-assedju,

mur saħħaħ il-fortizzi,

agħġen it-tajn,

agħġen it-tafal,

aqbad f'idejk il-forma tal-madum.

[Naħ:3:15] Hemmhekk in-nar għad jieklok

u s-sejf jeqirdek,

jieklok bħall-ġradijiet.

Tista' toktor bħall-ġrad;

tista' titkattar daqs l-urieżaq!

[Naħ:3:16] Kabbart l-għadd  tan-neguzjanti tiegħek

aktar minn dak tal-kwiekeb tas-smewwiet;

imma l-ġrad joħroġ mill-fosdqa u jittajjar.

[Naħ:3:17] L-għassiesa bħall-urieżaq,

l-uffiċjali tiegħek bħal sħab ta' ġradijiet,

li jinżlu jgħammru fuq is-swar f'jum kiesaħ.

Titla' x-xemx u l-ġrad itir u jaħrab,

ma jkun magħruf minn ħadd 'il fejn imur.

Fejn huma?

[Naħ:3:18] Mela raqdu r-rgħajja tiegħek,

sultan ta' l-Assirja?

Il-kbarat tiegħek marret għajnhom bihom,

xtered fuq il-muntanji l-poplu tiegħek,

m'hemm ħadd li jerġa' jiġbru.

[Naħ:3:19] Anqas għall-ħsara tiegħek m'hemm

                                                                       fejqan,

il-ġerħa tiegħek ma tistax tagħlaqlek.

Dawk kollha li jisimgħu bl-aħbar tiegħek

jinfexxu jċapċpu idejhom kontra tiegħek.

Għax min hu dak li ma ħassux għaddej

minn fuqu bla waqfien id-deni tiegħek?