1.

 

INTRODUZZJONI - NINETTE BORG GRECH.

 

Resqin lejn ġrajja importanti fl-istorja ta’ pajjiżna u fil-ħajja tal-Knisja f’Malta – iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI fostna, fis-sena meta qegħdin infakkru l-1950 sena min-nawfraġju ta’ Missierna San Pawl fuq il-gżira tagħna.

 

Il-miġja tal-Papa fostna hija viżta pastorali li għandha sservi biex issaħħaħ fina l-fidi li ġagħbilna San Pawl u tressaqna iktar lejn Kristu. Dawn il-ħsibijiet, meħuda mill-ktieb “Ġesù ta’ Nazaret” tal-Papa Benedittu XVI, huma maħsuba biex, kif xtaq il-Papa, “għinu lill-qarrejja ikabbru r-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù”.

 

 

KELMTEJN TA’ QABEL

 

Fil-kelmtejn ta’ qabel tal-ktieb, il-Papa jagħmilha ċara li l-punt li fuqu hu mibni l-ktieb hu li “Mingħajr rabta ma’ Alla l-persuna ta’ Ġesù tidher dell irreali u ma titfissirx”.  Hu jittratta lil Ġesù min-naħa tal-għaqda mal-Missier, li hija ċ-ċentru tal-personalita’ tiegħu, u mingħajra wieħed ma jifhem xejn, fil-waqt li permezz tagħha Ġesù jsir preżenti fostna llum.

 

B’Ġesù, Alla daħal tabilħaqq fl-istorja reali. Jekk inwarrbu din l-istorja, il-fidi Nisranija fiha nfisha tispiċċa fix-xejn u tinbidel f’forma oħra ta’ reliġjon. Il-Papa jkompli jgħid li huwa pprova jippreżenta lil Ġesù tal-Vanġeli bħala Ġesù l-veru, Ġesù ta’ l-istorja fis-sens uniku. Ġesù tal-Vanġeli huwa figura storikament bis-sens u konvinċenti.

 

Il-Papa jgħid li dan il-ktieb huwa frott ta’ l-istudju personali tiegħu fuq “il-wiċċ” tal-Mulej” (S 27:8). li ilu sejjer is-snin. Huwa jkompli jgħid li billi ma jafx kemm sa jingħata żmien u saħħa, iddeċieda  li jippublika l-ewwel għaxar kapitli, dawk mill-Magħmudija fil-Ġordan sa l-istqarrija ta’ Pietru u t-Trasfigurazzjoni, bħala l-ewwel ktieb.

 

Fit-tieni parti bi ħsiebu jittratta t-tfulija ta’ Ġesù imma deherlu  li kien aktar urġenti li jippreżenta l-figura u l-messaġġ ta’ Ġesù fl-attivita’ pubblika tiegħu, biex jgħin lill-qarrejja ikabbru relazzjoni ħajja miegħu.


 

2.

 

Daħla -  L-Ewwel Ħarsa Lejn il-Misteru ta’ Ġesù

 

Fiż-żminijiet kollha, il-bniedem mhux biss kien jistaqsi minn fejn kien ġej iżda aktar dwar il-ġejjieni moħbi lejn fejn sejjer. Il-bniedem irid ikun jaf x’sa jiġri, biex ikun jista’ jevita l-ħsara u jsib is-salvazzjoni.

 

Ir-reliġjonijiet kollha jfittxu li jerfgħu l-velu tal-ġejjieni u li juru lill-bnedmin it-triq li għandhom jieħdu biex ma jfallux. Fit-Testment il-Qadim, qamu ħafna profeti foloz li kienu jbassru l-ġejjieni iżda Alla offra “it-triq tal-fidi” u għamel wegħda: “Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek profeta bħali minn fost ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu” (Dewt 18:15). Il-wegħda kienet ta’ Mose’ ġdid “li lil Alla kien jafu wiċċ imb’wiċċ” (Dewt. 34:10). Is-sinjal tiegħu kellu jkun li huwa jittratta direttament ma’ Alla, biex hu jkun jista’ jħabbar ir-rieda ta’ Alla u l-kelma tiegħu, minn ras il-għajn u mingħajr tagħwiġ.

 

Il-wegħda tal-profeta l-ġdid hija mwettqa f’ Ġesù. Il-profeta jurina l-wiċċ ta’ Alla u b’hekk jurina t-triq li għandna nieħdu. Ġesù ma kienx jgħallem bħala bniedem għax t-tagħlim tiegħu kien ġej mill-kuntatt dirett tiegħu mal-Missier, mid-djalogu “wiċċ imb’wiċċ”, mill-viżjoni ta’ Dak  li hu “fi ħdan il-Missier”. Mingħajr din l-għaqda mal-Missier, it-tagħlim ta’ Ġesù kien ikun tagħlim  bla ħsieb. Fil-fatt, l-għorrief ta’ żmien Gesu’ hekk kienu jaraw it-tagħlim ta’  Ġesù għax ma kienux jaċċettaw il-fatt li, lil Alla Ġesù jarah u jagħrfu wiċċ imb’ wiċċ.

 

Biex wieħed jifhem lil Ġesù, huwa importanti li niftakru l-ħafna drabi li nsibu meta Ġesù mar waħdu “fuq il-muntanja” u hemmhekk għadda l-lejl jitlob “waħdu” mal-Missier. Dan it-“talb” ta’ Ġesù huwa t-taħdit ta’ l-Iben mal-Missier fejn Ġesù kien juża’ l-moħħ, r-rieda u r-ruħ umana Tiegħu, b’mod illi t-“talb” tal-bniedem isir sħubija fil-għaqda ta’ l-Iben mal-Missier.

 

Ġesù jista’ jitkellem fuq il-Missier kif jitkellem, biss għaliex hu l-Iben u jgħix f’għaqda ta’ Iben mal-Missier. Dan il-misteru ta’ l-Iben bħala rivelatur tal-Missier qiegħed f’dak kollu li Ġesù jgħid u jagħmel.

 

Hekk id-dixxiplu li jrid jimxi ma’ Ġesù għandu jfittex li jidħol miegħu f’għaqda ma’ Alla. Din hija t-tifsira tas-salvazzjoni: li wieħed jaqbeż il-limiti ta’ l-umanita’ tiegħu, il-limiti tiegħu bħala bniedem. Dan il-pass il-bniedem jista’ jagħmlu għax huwa xbieha ta’ Alla u sa mill-ħolqien ingħatatlu l-possibilta’ li dan iseħħ.


 

3.

 

Kap 1 – Il-Magħmudija ta’ Ġesù

 

Il-ħidma pubblika ta’ Ġesù bdiet mal-magħmudija tiegħu minn Ġwanni fil-Ġordan. Il-ħidma ta’ Ġesù hija grajja storika b’data preċiża, li ġrat fl-istorja umana.

 

Il-proċess tal-magħmudija tal-Battista, bl-inżul fl-ilma, kien simbolu tal-mewt, tar-rebħa fuq l-ħajja midinba ta’ qabel u l-ħruġ mill-ilma juri tisfija, ħelsien mill-ħmieġ ta’ l-imgħoddi, bidu ta’ ħajja mill-ġdid.

 

Ġesù ried jitgħammed, ried jidħol fil-folla tal-midinbin li kienu qed jistennew fuq ix-xatt tax-xmara Ġordan. Kif seta’ Ġesù jistqarr dnubietu u kif seta’ jinqata’ mill-ħajja l-imgħoddija u jgħaddi għal waħda ġdid? Ġesù ħa fuq spallejh it-toqol tal-ħtija tal-bnedmin kollha u ġarru miegħu ‘l isfel fil-Ġordan. Beda l-ħidma tiegħu billi ħa post il-midinbin. It-tifsira tal-magħmudija ħarġet ċara fuq is-salib u l-leħen li nstema’ fil-magħmudija: “Dan hu Ibni l-għażiż”  huwa referenza minn qabel għall-qawmien mill-mewt. Pġ 37 B’hekk il-magħmudija bl-ilma ta’ Ġwanni timtela’ bil-magħmudija tal-ħajja u l-mewt ta’ Ġesù. Bil-magħmudija Ġesù identifika ruħu magħna u aħna nidentifikaw ruħna miegħu.

 

Is-Sagrament tal-magħmudija hu riġal li bih wieħed jaqsam ma’ Gesu’ fit-taqbida għall-bidla għall-aħjar.

 

Fir-rakkont tal-magħmudija, l-evangelisti jgħidulna li “nfetħu s-smewwiet” li juri l-għaqda tar-rieda ta’ Ġesù mal-Missier; l-Ispirtu niżel fuqu “bħal ħamiema”; fil-waqt li nstema’ leħen mis-sema “Dan hu Ibni l-għażiż”.  Fil-magħmudija , flimkien ma’ l-Iben, niltaqgħu mal-Missier  u ma’ l-Ispirtu s-Santu – il-misteru ta’ Alla wieħed fi tliet persuni. Hawnhekk tidher bħal arkata li tgħaqqad dan il-bidu tal-mixja ta’ Ġesù mal-kliem li bih l-Irxoxt jibgħat lid-dixxipli tiegħu fid-“dinja”: “Morru, mela , agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Mt 28:19).

 

Il-magħmudija, li d-dixxipli ta’ Ġesù bdew jagħtu minn dak iż-żmien, hija daħla fil-magħmudija ta’ Ġesù, hija d-dħul fir-realta’ li Hu lestilna minn qabel. Bil magħmudija l-bniedem isir Nisrani.


 

4.

 

Kap 2 (1) - It-Tiġrib ta’ Ġesù

 

Fit-tieni kapitlu tal-ktieb tiegħu “Ġesù ta’ Nazaret”, il-Papa Benedittu jitkellem dwar it-tiġrib ta’ Ġesù mix-xitan u jgħaqqdu mal-magħmudija tiegħu fil-Ġordan fejn hu sar ħaġa waħda mal-midinbin. Pġ 46 Fit-tliet tiġribiet hemm miġbura t-taqbida kontinwa li kien hemm mal-missjoni ta’ Ġesù, ma’ dak li Gesu’ kien jgħallem – il-mistoqsija dwar dak li fil-fatt jiswa fil-ħajja tal-bniedem.

 

Il-qofol ta’ kull tiġrib hu li jitwarrab Alla, li ħdejn dak kollu li fil-ħajja tagħna jidher urġenti, Alla jieħu t-tieni post, jekk ukoll ma jidhirx żejjed u ta’ xkiel. It-tentazzjoni li għandna llum , li theddidna f’ħafna forom hi, li wieħed jaħseb li jista’ jġib l-ordni fid-dinja mingħajr Alla, li wieħed jista’ jibni d-dinja bil-ħila tiegħu biss u li jħares lejn ir-realtajiet politiċi u materjali bħala l-unika verita’, li jħalli lil Alla fil-ġenb  daqslikieku hu biss xi ħaġa li ma teżistix. 

 

It-tentazzjoni ma tistedinniex direttament għall-ħażen għaliex kieku malajr imwarrbuha.  It-tentazzjoni tipprova turina xi ħaġa aħjar, tipperżentalna l-idea li d-dinja tista’ ssir aħjar bis-setgħa u l-ħobż u li dawn jiġu qabel il-ħwejjeġ ta’ Alla u li l-ħwejjeġ ta’ Alla m’għandniex bżonnhom.

 

Hawnhekk il-Papa jsostni li kollox jiddependi fuq kif aħna nħarsu lejn Alla. Huwa veru li Hu hu l-verita’ infisha? Huwa Hu li hu t-Tajjeb jew it-tajjeb irridu niddeċiduh aħna?

 

Il-kwistjoni ta’ Alla hija kwistjoni li fuqha tiddependi l-mod ta’ kif nagħmlu l-għażliet f’ħajjitna. Il-kwistjoni ta’ Alla ġġegħelna nistaqsu x’għandna nagħmlu u x’m’għandniex nagħmlu quddiem is-sitwazzjonijiet li nsibu ruħna fihom.

 

Fit-tliet tentazzjonijiet din kienet l-għażla ta’ Ġesù -  x’għandu jagħmel il-Feddej tad-dinja u x’m’għandux jagħmel.

 

 

5.

 

Kap 2 (2) It-Tiġrib ta’ Ġesù

 

L-Ewwel Tentazzjoni

 

“Jekk inti l-Iben t’Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż” (Mt 4:3) – sfida lil Gesu’ biex juri biċ-ċar min hu, x-inhu u x’m’huwiex. Matul l-istorja, din it-talba, nagħmluha lil Alla, lil Kristu u lill-Knisja. Jekk inti hemm, o Alla, jeħtieġ turi ruħek. Jekk inti Kristu, inti verament l-Iben ta’ Alla urina dan biċ-ċar u għandek tagħti lill-Knisja tiegħek, jekk tassew għandha tkun tiegħek, li turina li hi tiegħek b’mod aktar ċar milli qegħda tagħmel issa.

 

Jekk inti Bin Alla...” – dan il-kliem nerġgħu nisimgħuh minn dawk li kienu jiddieħku b’Ġesù taħt is-Salib. Din l-isfida biex Ġesù juri lilu n-nifsu  nsibuha matul l-istorja kollha tal-Ħajja ta’ Ġesù.

 

It-tentatur ried juża l-ġuħ ta’ Ġesù biex iġagħlu jipprova l-preżenza  t’Alla billi jibdel il-ġebel tad-deżert f’ħobż. Forsi l-ġuħ fl-umanita’ ma jikkontradixxix l-fidi f’Alla u fil-Feddej? Mhix forsi din l-istess sfida li ssir lill-Knisja – jekk trid tkun il-Knisja ta’ Alla, ħu ħsieb l-ewwel li jkun hawn ħobż fid-dinja – il-ħwejjeġ l-oħra jiġu wara.

 

“Il-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla (Mt4:4) jirrispondi Gesu’. Wieħed ma jistax jifhem it-tweġiba ta’ Ġesù mill-istorja tat-tentazzjoni biss. Nieħduha wkoll mill-istorja tat-tkattir tal-ħobż. Hawnhekk Ġesù il-miraklu għamlu u qatgħa l-ġuħ tal-folla iżda dan għamlu wara li dawk ta’ madwaru kienu ħallew kollox biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Bħala bnedmin, huma fetħu qalbhom għal Alla u għal xulxin u għalhekk setgħu jirċievu l-ħobż b’mod tajjeb.

 

Din it-tieni storja tal-ħobż twassal għat-tielet waħda u hija tħejjija għaliha – l-aħħar ikla, li ssir l-Ewkaristija tal-Knisja u l-miraklu kontinwu tal-Ħobż ta’ Gesu’.Hu nnifsu sar ħobż għalina u dan it-tkattirtal-ħobż jasal bla qatt ma’ jintemm sa l-aħħar taż-żminijiet.

 

Fejn il-ħobż jiġi qabel kollox u l-bniedem iqis il-kobor ta’ Alla bħala sekondarju, bħala ħaġa li wieħed jista’ jwarrabha fil-ġenb għal xi żmien jew għal kollox minħabba fi ħwejjeġ aktar importanti, hemm jispiċċaw fix-xejn ħwejjeġ suppost importanti.


 

6.

 

Kap 2 (3) It-Tigrib ta’ Gesu’

 

 It-Tieni Tentazzjoni

 

It-tieni tentazzjoni hija diskussjoni bejn it-tentatur u Ġesù, żewġ għorrief tal-liġi. “Jekk inti l-Iben t’Alla inxteħet minn hawn għal isfel” – Għax l-anġlu tiegħu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqtek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek”. Ix-xitan jikkwota l-Iskrittura biex iwaqqa’ lil Ġesù fin-nassa tiegħu. Juri li hu midħla ta’ l-Iskrittura u li jaf jikkwota s-Salmi eżatt. It-tweġiba ta’ Gesu’, ukoll hija meħudha mill-Iskrittura, “Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”,  (Dw 6:16).

 

Id-disputa bejn Ġesù u x-xitan hija disputa li ssir f’kull żmien u turi l-importanza li jkollna t-tifsira korretta tal-Bibbja. Hija diskussjoni fuq min hu Alla.

 

Din it-tentazzjoni għadha tirrepeti ruħa llum meta nisfida lil Alla li juri li hu Alla u biex juri dan għandu joqgħod għall-kundizzjonijiet li nfasslu aħna. B’dan l-atteggjament żgur ma nistgħux insibu lil Alla. Inkunu qegħdin nqegħdu ruħna fuqu u qegħdin inkejlu fuq dak li hu sensazzjonali. Min jaħseb hekk ikun qed jagħmel lilu nnifsu Alla u jkun qed ibaxxi mhux biss lil Alla, imma d-dinja u lilu nnifsu.

 

Minn din ix-xena fuq il-quċċata tat-tempju, il-Papa jistedinna nħarsu lejn is-Salib. Ġesù ma qabiżx minn fuq il-quċċata tat-tempju. Lil Alla ma ġarrbux. L-anqas niżel minn fuq is-Salib. Imma huwa niżel fil-fond tal-mewt u ssogra jagħmel dan, bħala att ta’ mħabba minn Alla għall-bnedmin. Hu kien jaf li b’din il-qabża , seta’ jaqa’ biss fl-idejn twajba tal-Missier għax kien ċert mill-fiduċja aħħarija u bla tarf tiegħu.

 

Min jimxi wara r-rieda ta’ Alla jaf, li Alla jibqa’ miegħu fit-terruri kollha li jiġu kontrieh. Jaf li l-imħabba hija r-raġuni tad-dinja, u li anki, meta l-ebda bniedem ma jista’ jew irid jgħinu, huwa jista’ jibqa’ jafda f’dak li jħobbu.

 

Hija din il-fiduċja li l-Iskrittura trid tqawwi fina u li l-Mulej, l-Irxoxt, jistedinna għaliha; fiduċja, li hi għal kollox differenti mill-isfidi avventurużi lil Alla fejn nippruvaw inwasslu lil Alla jagħmel dak li rridu aħna.

 

 

 

7.

 

 It-Tigrib ta’ Gesu’

 

Kap 2 (4) It-Tielet Tentazzjoni

 

It-tielet tentazzjoni hi l-quċċata ta’ l-istorja kollha. Ix-xitan …offrielu s-saltna tad-dinja. Imma mhux din kienet il-missjoni tal-Messija – li jgħaqqad id-dinja kollha f’saltna waħda ta’ sliem u ġid?

 

Minn din il-muntanja, il-Papa jirreferina għall-muntanja oħra fejn l-Mulej irxoxt jiġbor lid-dixxipli u jgħid: “Lili ngħata kull setgħa fis-sema u fl-art” (Mt. 28: 16-18). B’din is-setgħa tas-sema biss, tista’ s-setgħa tad-dinja ssir setgħa għat-tajjeb li ta’ min jafdaha. Ġesù għandu din is-setgħa bħala rxoxt u din is-setgħa ġiet wara s-salib u l-mewt tiegħu.

 

Is-Saltna ta’ Kristu hija differenti mis-saltniet tad-dinja bit-tlellix tagħhom. Hija tikber permezz ta’ l-umilta’ tal-predikazzjoni f’dawk li jitgħammdu fl-isem ta’ Alla Wieħed fi Tliet Persuni u li josservaw il-kmandamenti tiegħu. (Mt. 28:19).

 

Matul is-sekli din it-tentazzjoni dehret taħt forom differenti u dejjem bit-theddida li l-fidi tkun fgata meta ssir ħaġa waħda mas-setgħa. Il-ġlieda għal-liberta’ tal-Knisja, il-ġlieda biex is-saltna ta’ Ġesù ma tkunx identifikata ma’ l-ebda struttura politika, trid tkompli matul is-sekli kollha.

 

Din l-għażla bejn Alla u s-setgħa tad-dinja tidher ukoll fil-Passjoni ta’ Ġesù meta l-poplu għażel bejn Ġesù u Barabba. Barabba kien “ġellied tar-reżistenza”, ġellied politiku. Kieku kellna nagħżlu llum, kien ikollu ċans Ġesù ta’ Nazaret, Iben Marija, Iben il-Missier? Aħna nafuh sew lil Ġesù? Nifhmuh? Ma għandniex inħabirku biex insiru nafuh b’mod ġdid?

 

It-tentatur mhux ser jissuggerilna naduraw lix-xitan; jissuġġerilna nagħżlu dak li jagħmel sens għalina. Jekk nippruvaw infissru l-Kristjaniżmu bħala riċetta għall-progress u l-ġid komuni , din tkun forma ġdida ta’ l-istess tentazzjoni.

 

Hawnhekk tqum il-mistoqsija l-kbira li toħroġ matul dan il-ktieb kollu. Imma x’ġieb sewwasew Ġesù, jekk ma ġiebx il-paċi fid-dinja, il-ġid għal kulħadd u dinja aħjar? X’ġieb?

 

Huwa ġieb lil Alla, uriena t-triq li għandna nieħdu u għarrafna t-triq tal-fidi, tat-tama u ta’ l-imħabba.

 

Is-setgħa t’Alla ma tinstemax tgħajjat f’din id-dinja, imma hija s-setgħa l-vera li tibqa’.

 

 

 

 

8.

 

Kap 3 (1) - Il-Vangelu tas-Saltna t’Alla

 

Fit-tieni kapitlu tal-ktieb tiegħu, l-Papa jitkellem dwar “Il-Vanġelu tas-Saltna ta’ Alla” u jgħid li wara li arrestaw lil Ġwanni, Gesu’ mar fil-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: "Iż-żmien huwa mitmum: indmu u emmnu fl-Evanġelju”. Dan kien il-bidu tal-ħidma ta’ Gesu’ u fih insibu wkoll x’kien il-messaġġ li Ġesù ried iwassal.

 

Il-Papa jibda billi jispjega t-tifsira tal-kelma Vangelu. It-tifsira “il-bxara tajba”, li qed tingħata dan l-aħħar, ma tagħtix it-tifsira sħiħa tal-kelma “Vangelu”. Il-kelma “Vangelu” hija parti mill-lingwaġġ ta’ l-imperaturi Rumani, li kienu jqisu  ruħhom sidien tad-dinja, salvaturi u ħelliesa tagħha. Il-“vangeli kienu proklami, ta’ ferħ jew le, ta’ l-imperatur. Ma kinux aħbar iżda messaġġ ta’ bidla tad-dinja għat-tajjeb.

 

Meta wżaw din il-kelma, l-Evanġelisti riedu jfissru li kitbiethom hi bxara awtorevoli, li mhix biss aħbar, imma azzjoni u qawwa effikaċi li tidħol fid-dinja, issalvaha u tibdilha. Il-kontenut ċentrali tal-Vanġelu huwa: is-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib. Il-bniedem sa jintalab jwieġeb għal dan ir-rigal: indiema u fidi.

 

Ġesù stess huwa s-saltna. Is-saltna mhix territorju, bis-sid tiegħu, kif inhuma s-saltniet tad-dinja. Hija persuna. Ġesù hu s-Saltna. Bil-mod kif jitkellem fuq is-Saltna t’Alla, Gesu’ jwassal lill-bnedmin għall-fatt li fih hemm Alla nnifsu preżenti fost il-bnedmin u li Hu nnifsu hu l-preżenza t’Alla.

 

Is-saltna t’Alla tinsab fil-qalb tal-bniedem.Din is-saltna tikber u taħem f’kull bniedem qaddis. San Pawl jgħidilna li jekk irridu li Alla jsaltan fina, ma għandu qatt u bl-ebda mod id-dnub isaltan fil-ġisem tagħna li jmut (Rm 6:12)

 

Meta jitkellem fuq is-saltna, Gesu’ jħabbar lil Alla l-ħaj li  jieħu sehem fid-dinja u fl-istorja b’mod konkret. Alla qiegħed jaħdem issa,  jidher fl-istorja bħala s-Sid tagħha, bħala Alla ħaj..

 

It-tema “Saltna ta’ Alla” tinsab fil-predikazzjoni ta’ Ġesù l-ħin kollu. Jekk inħarsu lejn il-qofol tal-messaġġ ta’ Ġesù – id-Diskors tal-muntanja – nsibu kif Gesu’ jisħaq fuq din it-tema. Nifħmu wkoll li l-isfond tal-messaġġ tiegħu huwa dejjem ir-relazzjoni bejn il-Missier u l-Iben.

 

 

 

 

9.

 

Kap 3 (2) - Il-Vanġelu tas-Saltna ta’ Alla 

 

Il-qofol tal-messaġġ ta’ Ġesù hu t-tħabbir tas-“Saltna” . Mattew jitkellem fuq is-“Saltna tas-sema” u jfisser li “sema tfisser “Alla”. Għalhekk bil-kelma “Saltna tas-sema” wieħed ma jridx jifhem xi ħaġa lil hemm minna, imma Alla, li huwa kemm hawn isfel u kemm hemm fuq – li jgħaddi t-trufijiet tad-dinja tagħna imma fl-istess waqt huwa wkoll ħaġa waħda magħna.

 

Fil-Vanġelu nsibu t-tħabbira tas-Saltna ta’ Alla mqabbla maż-żerriegħa tal-mustarda, l-iżgħar fost iż-żrieragħ kollha. Insibuha mqabbla mal-ħmira, ammont żgħir imqabbel mal-għaġna kollha, imma tant meħtieġa għall-għaġina u għal dak li jsir minna.

 

Titqabbel maż-żerriegħa, li tinżergħa fl-għalqa tad-dinja u hemmhekk issib sehemha jew mikula mill-għasafar, jew tinxef qalb ix-xewk, jew tagħmel ħafna frott.

 

Parabbola oħra tgħid li ż-żerriegħa tas-Saltna tikber, imma l-għadu jiżra’ f’nofsha s-sikrana li tikber magħha, u fl-aħħar tintagħżel minna.

 

 Ġesù jqabbilha wkoll ma’ teżor li kien midfun f’għalqa. Tixbah lil din hemm il-parabbola tal-ġawhra tiswa ħafna.

 

Ir-realta’, li Ġesù jsejħilha “Saltna t’Alla; setgħa ta’ Alla Sultan” hija komplessa ħafna u nistgħu naslu għaliha biss jekk naċċettaw lilu u nħalluh imexxina hu. Pġ 77 Ġesù stess qalilna li s-Saltna ma tiġix b’sinjali li jidhru ...is-Saltna t’Alla fostkom qegħda. Mhux sempliċiment  il-preżenza fiżika tiegħu li fiha hemm is-“Saltna”, imma hi qegħda hemm bil-ħidma tiegħu fl-Ispirtu s-Santu.

 

Permezz tal-preżenza ta’ Ġesù u t-tagħlim tiegħu, Alla daħal fl-istorja b’mod ġdid u għalhekk wasslet iż-żmien ta’ konverżjoni u penitenza kif ukoll żmien ta’ ferħ, għax Alla jiġi lejna f’Ġesù.  Fih issa Alla hu dak li jaħdem u jsaltan b’mod divin, isaltan mingħajr setgħa tad-dinja, isaltan bl-imħabba “sa l-aħħar” (Ġw 13:1), sa fuq is-salib.

 

Hu nnifsu hu t-teżor, u l-għaqda miegħu hi l-ġawhra li tiswa ħafna.

 

 

 

10.

 

 Kap 4 (1) - Id-Diskors Tal-Muntanja

 

Wara l-istorja tat-tigrib ta’ Ġesù, insibu rapport qasir fuq l- ewwel ħidma ta’ Ġesù li fiha naraw tliet elementi:

-          il-bażi tal-priedki ta’ Ġesù “Indmu: is-Saltna t’Alla waslet

-          is-sejħa tat-tnax

-          il-fatt li Ġesù mhux biss għalliem imma wkoll Feddej – Ġesù l-għalliem huwa fl-istess ħin dak li jfejjaq.

 

Fir-rakkont tad-Diskors tal-Muntanja insibu li “Kif ra l-folol, Ġesù tela’ fuq muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetah fommu u qabad jgħallimhom...

 

Ġesù qagħad bilqiegħda – espressjoni li turi awtorita’ ta’ għalliem. Ġesù joqgħod bilqiegħda bħala għalliem assolut tal-bnedmin.

 

Resqu lejh id-dixxipli tiegħu – Gesu’ jwessa ċ-ċirku ta’ dawk li kien qed ikellem. Pġ 84 Kulħadd jista’ jsir dixxiplu u kulħadd huwa msejjaħ. Kull min jisma’ u jilqa’ l-Kelma jista’ jsir “dixxiplu”.

 

Ġesù tela’ fuq il-muntanja – il-muntanja kienet il-post tat-talb ta’ Ġesù – il-post fejn jiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ mal-Missier, li għalhekk huwa l-post tat-tagħlim tiegħu, tagħlim li joħroġ mill-komunikazzjoni tiegħu mal-Missier. Permezz ta’ Kristu, Alla jitkellem mill-qrib “bħal bniedem ma’ ieħor”.

 

Id-diskors tal-Muntanja hu t-Torah, il-liġi ġdid, li jġib Ġesù. Luqa u Mattew jgħidulna li d-diskors tal-muntanja jħares lejn il-wisa’ tad-dinja, tal-preżent u tal-futur, imma jitlob id-dixxipulat. Wieħed jista’ jifhmu u jgħixu biss jekk jimxi wara Ġesù u flimkien miegħu.


 

 

11.

 

Kap 4 (2) - Id-Diskors tal-Muntanja

 

Il-Beatitudnijiet

 

Fil-Beatudnijiet  Ġesù fisser aktar fil-fond il-kmandamenti tat-tieni tavla. Huma joħorġu li l-valur ta’ Alla huwa differenti mill-valur li tagħti d-dinja u jgħidilna  min huma dawk li huma vera henjin:

·         “Il-fqar fl-ispirtu” – li ma jiftaħrux quddiem Alla bil-kisbiet tagħhom. Huma fqar minn ġewwa, iħobbu u  jilqgħu bis-sempliċita’ dak li Alla jagħtihom. Pġ94 Il-faqar materjali biss ma jsalvax. Qalb min m’għandu xejn tista’ tkun iebsa, velenuza u ħażina u jista’ jkollha kilba għall-ġid materjali.

·         Ta’ ”qalbhom ħelwa”- ma jużawx vjolenza. Ġesù kien eżempju ta’ umilta’ u ta’ qalb ħelwa lejn Alla u l-bniedem. L-umilta’ u s-sempilċita’, lill-bniedem jagħmluh aktar reżistenti minn dawk li jużaw il-vjolenza.

·         Il-bniedem li “jġibu l-paċi” - huwa ħabib t’Alla u jista’ jġib il-paċi madwaru u fid-dinja kollha. Alla jrid il-paċi fid-dinja u ħalla din il-biċċa xogħol f’idejn il-bnedmin. Il-lum naraw ċar li fejn il-bniedem ma jibqax jara lil Alla, il-paċi tispiċċa fix-xejn u tiddomina l-vjolenza u l-ħruxija.

·         “L-imnikkta” - Hemm niket li tilef kull tama li jfarrak lill-bniedem, u hemm niket li jiġi mix-xokk quddiem il-verita’, li jwassal lill-bniedem għall-indiema u biex jerġa’ jibda jittama u jħobb mill-ġdid. Eżempju ta’ dan huma Ġuda u Pietru.

·         L- “ippersegwitati minħabba s-sewwa” - jżommu mat-triq it-tajba li jurihom Alla, li ċ-ċentru tagħha huma l-għaxar kmandamenti u ma jħallux lilhom infushom jiġu mkaxkra mill-kurrenti tad-dinja.

·         Dawk li għandhom “Il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja” joqgħodu għassa madwarhom biex ifittxu dak li hu tajjeb, il-ġustizzja vera u l-ġid veru. Dawn huma nies li kapaċi jisimgħu u jaraw is-sinjali żgħar li Alla jibgħat fid-dinja u jkunu kapaċi jaħsbu b’rashom.

·         Ta’ “qalbhom safja” - ma jaħilfux bil-qerq, jgħożżu l-onesta’, il-verita’ u l-ġustizzja lejn il-proxxmu u l-komunita’.

·         Bħala eżempju ta’ dawk li “juru ħniena”, il-Papa jpoġġilna quddiemna l-parabbola tas-Samaritan u dik ta’ l-għani u l-fqir Lazzru fejn iqabbel qalb li tagħder u tħenn ma’ qalb egoista u iebsa.

 

Id-dnub ewlieni tal-bniedem u l-akbar periklu għalih hu: li wieħed ikun prużuntuż, sodisfatt bih innifsu u b’hekk jgħolli lilu nnisfu għal-livell ta’ Alla: ikun irid isir alla tiegħu nnifsu, biex jieħu l-ħajja kollha kemm hi taħt idejh u jagħmel użu minn dak kollu li toffri.

 

Fit-triq ta’ l-imħabba biss, li r-rotot tagħha huma mfissra fid-Diskors tal-Muntanja, wieħed jikxef l-għana tal-ħajja u l-kobor tas-sejħa tal-bniedem.

 

 

 

 

12.

 

Kap 4 (3) - Id-Diskors tal-Muntanja

 

It-Torah tal-Messija

 

It-Torah tal-Messija, il-“liġi ta’ Kristu” hija l-ħelsien, mhux dak li lill-bnedmin jidhrilhom li jeħlishom imma fil-verita’ jagħmilhom ilsiera. Dan il-ħelsien ifisser ħelsien għat-tajjeb, ħelsien li jiġi mill-fatt li wieħed iħalli l-Ispirtu ta’ Alla jmexxih hu. Il-ħelsien il-bniedem bidlu fit-twarrib ta’ Alla u fil-ġiri wara s-suċess.

 

Gesu’ għamilha ċara li Hu ma ġiex biex iwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti iżda biex iwassalhom għall-perfezzjoni. Pġ 120 Il-perfezzjoni, il-qdusija li titlob it-Torah, kif hu qaddis Alla, tikkonsisti fil-mixi wara Gesu’.

 

Gesu’ jifhem lilu nnifsu bħala t-Torah – bħala l-Kelma ta’ Alla ppersonifikata. Pġ129 Din ir-rabta bejn it-Torah, u Ġesù innifsu, bniet komunita’ ta’ dixxipli  li  ċ-ċentru tagħha hu Gesu’ nnifsu; komunita’ mibnija fuq  l-għaqda ma’ Ġesù, l-għaqda fir-rieda t’Alla u l-għaqda mal-Missier. Din il-familja l-ġdida ta’ Ġesù aktar tard bdiet tissejjaħ Knisja. In-Nisrani li jemmen fit-Torah (fil- Liġi) tal-Mulej dejjem ifittex li jimxi fuq din il-Liġi. Il-Liġi ta’ Kristu hija ħelsien u Ġesù jista’ jġibilna l-ħelsien għax għandu s-setgħa u hu l-Iben t’Alla.

 

Fid-Diskors tal-Muntanja Gesu’ jkompli jpoġġi sfidi quddiem id-dixxipli. Mhux biss la toqtolx, imma ersaq lejn ħuk li ma ħfirtlux biex issa taħfirlu. M’hemmx aktar divorzju; mhux biss drittijiet indaqs (għajn għal għajn u sinna għal sinna) imma ħalli lil min jagħtik bil-ħarta mingħajr ma tagħtih lura; ħobb mhux biss lill-proxxmu, imma wkoll lill-għadu. Kienu dawn it-testi li laqtu lil Mahatma Gandhi mill-qrib.

 

Fit-Torah kollox hu marbut mal-fidi f’Alla li hija mibnija fuq l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu li ma jinfirdux. L-imħabba tal-proxxmu, b’mod prattiku tfisser il-preżenza t’Alla fil-fqar u l-batuti.

 

Dan irid iwassal lill-Kristjaneżmu biex dejjem ifittex li jiżviluppa u jaġġorna t-“tagħlim soċjali Nisrani” biex jiggarantixxi d-dinjita’ tal-bniedem li ġejja mid-dinjita’ ta’ Alla.

 

 

 
 

13.

 

Kap 5 (1) – It-Talba Tal-Mulej

 

It-talb

 

Id-Diskors tal-Muntanja, tana stampa sħiħa ta’ kif wieħed għandu jgħix tajjeb. Fih rajna kif għandu jkun bniedem u l-ħajja tiegħu, u li ħajtu tkun tajba biss meta jaċċetta lil Alla f’ħajtu. Alla mhux xi ħadd ‘il bogħod minna u mhux xi ħadd mhux magħruf. Huwa jurina wiċċu f’Ġesù Kristu u fih nagħrfu il-ħsibijiet u r-rieda t’Alla. Għalhekk importanti li nitkellmu u nisimgħu lil Alla. Fid-Diskors tal-Muntanja Gesu’ jgħidilna kif għandna nitolbu u jagħtina wkoll xi twissijiet.

 

L-ewwel twissija hi li t-talb m’għandux ikun wirja quddiem in-nies. It-talb jitlob minna attenzjoni għax importanti li dan ikun relazzjoni ta’ mħabba ma’ Alla. Alla jkellem lil kull individwu b’ismu. L-imħabba t’Alla għal kull individwu hija personali.

 

Barra it-talb personali hemm it-talb kominitarju. It-talba tal-Missierna nfisha hija   talba fejn ngħidu Missierna mhux Missieri . Fiha, magħqudin ħaġa waħda mal-komunita’ ta’ wlied Alla, nistgħu ngħaddu lil hemm mill-fruntieri ta’ din id-dinja u naslu għand Alla iżda xorta waħda, kull wieħed u waħda minna għandu jħoss l-kuntatt personali tiegħu ma’ Alla.

 

It-tieni twissija hi dwar it-tlablib, il-ħafna kliem. Hemm il-periklu li ngħidu formuli ta’ talb li drajnieh, fil-waqt li l-ispirtu jkun x’imkien ieħor. L-aktar li nkunu moħħna hemm hu, meta nitolbu lil Alla f’xi emerġenza jew meta niżżuh ħajr ta’ ħaġa tajba li jkun tana. Barra minn dawn il-mumenti qosra, l-importanti hu li jkun hemm relazzjoni ma’ Alla li rridu ngħixuha kull mument ta’ ħajjitna. Aktar ma Alla jkun preżenti fina, aktar inkunu bnedmin tas-sliem. Aktar inkunu kapaċi nissaportu l-uġigħ, aktar nifhmu lill-oħrajn u ninfetħu għalihom. Din il-preżenza siekta ta’ Alla fina nsejħulha  “talba kontinwa” li mhix ħlief dak li nifhmu bi “mħabba ta’ Alla”. Fl-istess ħin hija l-forza li twassalna għall-imħabba tal-proxxmu.

 

Din il-preżenza ġewwiena  ta’ Alla trid tiġi sostnuta mit-talb bil-kliem, bl-immaġinazzjoni u bil-ħsibijiet.

 

 

 

 

14.

 

Kap 5 (2) – It-talba tal-Missierna

 

Il-Missierna

 

Il-laqgħa mat-talb ta’ Gesu’, qajmet fid-dixxipli x-xewqa li jitgħallmu jitolbu minn għandu u Ġesù talab magħhom il- Missierna.

 

Dan ifisser li huma kienu qegħdin jitolbu f’rabta ma’ Ġesù. Ifisser li fil-Missierna hu jagħtina sehem mit-talb tiegħu u jdaħħalna fi djalogu intern ta’ l-imħabba Trinitarja u jiġbed il-ħtiġijiet ta’ l-imħabba tagħna l-bnedmin lejn il-qalb ta’ Alla.

 

Il-Missierna hija sejħa indirizzata lil Alla u hi magħmula minn seba’ talbiet. Fl-ewwel tliet talbiet nitkellmu fuq ix-xogħol ta’ Alla nnifsu f’din id-dinja; fl-erbgħa ta’ wara nitkellmu fuq tamiet, ħtiġijiet u bżonnijiet tagħna. Dawn it-talbiet jistgħu jitqabblu maż-żewġ partijiet tal-Kmandament ewlieni – l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu – li huma direzzjonijiet fit-triq ta’ l-imħabba.

 

Il-Missierna tibda bil-primat ta’ Alla li minnu jiġi kollox. Biex il-bniedem jista’ jitlob tajjeb, jeħtieġ ikun fil-verita’ li hi “l-ewwel Alla u s-Saltna tiegħu” (Mt 6:33). Biex nitolbu jeħtieġ li l-ewwel noħorġu minna nfusna u ninfetħu għal Alla. Għalhekk il-Missierna tibda b’Alla u tmexxina minnu lejn it-triq li nkunu bnedmin. Fil-Missierna ninżlu sa l-aħħar theddida tal-bniedem, li l-ħażin qed jistennieh biex jonsbu. Imma aħna nafu li “Missierna” hu magħna u li jżommilna idejna u jsalvana.

 

Il-Missierna hi talba ta’ Gesu’ u tibda mill-għaqda miegħu. Fiha nitolbu lill-Missier tas-sema li nafu permezz ta’ l-Iben – nitolbu ma’ Kristu, lill-Missier, bl-ispirtu s-Santu  u għalhekk hi wkoll talba Trinitarja. Aħna nitolbu ma’ Kristu lill-Missier bl-Ispirtu s-Santu.

 


 

15.

 

Kap 5 (3) – It-talba tal-Mulej

 

L-ewwel tliet talbiet tal-Missierna

 

Fl-ewwel tliet talbiet, mis-seba’ talbiet tal-Missierna, nitkellmu fuq ix-xogħol ta’ Alla nnifsu f’din id-dinja.

 

Nibdew bis-sejħa “Missier”. Dan huwa ta’ faraġ kbir għalina li nistgħu nsejħu lil Alla Missier. Dan nistgħu nagħmluh, għax l-Iben sar ħuna u rrivelalna lill-Missier; għax aħna bl-għemil ta’ Krisu rġajna sirna wlied Alla.

 

Alla huwa Missierna għax huwa ħalaqna xbieha tiegħu u aħna tiegħu. Hu jaf lil kull wieħed minna. Il-kelma  Alla l-Missier hija sejħa għalina biex ngħixu bħala wliedu. Li tkun iben tfisser relazzjoni ta’ mħabba li tikber fina bis-saħħa ta’ għaqda dejjem aktar qawwija ma’ Ġesù.

 

Jitqaddes ismek – Din tfakkarna fit-tieni kmandament “La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek fix-xejn”. L-isem jagħmilha possibbli li aħna nsejħu lil Alla u dan joħloq relazzjoni bejnu u bejna. Iżda iktar ma Alla hu qrib tagħna iktar l-isem ta’ Alla jista’ jkun abbużat. u għalhekk tajjeb li nagħmlu  eżami tal-kuxjenza u nistaqsu: Kif qiegħed nittratta l-isem ta’ Alla u l-preżenza reali tiegħu fl-Ewkaristija? Qiegħed nagħmel ħilti biex l-għaqda tiegħu magħna, lilu ma tiġbdux fil-ħmieġ, imma tgħolli lilna fis-safa u l-qdusija tiegħu?

 

Tiġi Saltnatek – Ġesù huwa s-Saltna ta’ Alla ppersonifikata. Fit-talba għas-saltna ta’ Alla, lil Ġesù ngħidulu dak li qal San Pawl : Mulej, ħallina nkunu tiegħek! Idħol fina, għix fina u iġbor l-umanita’ mxerrda f’ġismek, biex kollox  jitqiegħed fik taħt Alla u int imbagħad tista’ tagħti kollox lill-Missier, biex “Alla jkun kollox f’kollox (1Kor 15:16-28).

 

Ikun li trid int, kif fis-sema hekda fl-art – Fejn ir-rieda t’Alla ssir, hemm is-sema u d-dinja ssir “smewwiet”jekk u safejn ir-rieda ta’ Alla sseħħ fiha. Għalhekk nitolbu li jsir fl-art dak li jsir fis-sema, li l-art issir sema. Imma x’inhi r-“rieda ta’ Alla?” Kif sa nagħrfuha? Kif nistgħu nagħmluha? Aħna għandna kuxenzja iżda li ġiet imtappna. Iżga għandna l-Għaxar Knandamenti li Ġesù reġa’ tennihomna fid-diskors tal-muntanja.

 

F’din it-talba nitolbu, li aħna dejjem nersqu lejn Alla biex negħlbu il-ġibda tax-xewqa tagħna u nkunu kapaċi nilħqu l-għoli li għalih imsejħin.

 

 

 

 

 

16.

 

Kap 5 (4) -  It-talba tal-Mulej

 

L-aħħar erba’ talbiet tal-Missierna

 

Ħobżna ta’ kull jum agħtina l-lum –Il-Mulej jaf bil-ħtiġijiet tagħna u jistedinna ngħaddu l-inkwiet tagħna lil Alla. F’din it-talba qegħdin nitolbu bħala komunita’ ta’ wlied Alla. Flimkien nitolbu l-ħobż għall-oħrajn wkoll u nagħrfu li għandna naqsmu dak li għandna ma’ ħaddieħor. Hija wkoll talba għall-Ewkaristija. L-ikel veru tal-bniedem huwa l-Kelma eterna, is-sens etern li minnu aħna ġejjin u li lejh sejrin.

 

U aħfrilna dnubietna, kif aħna naħfru lil min hu ħati għalina – Fid- dinja hawn il-ħtija - ħtija ta’ bnedmin kontra bnedmin oħra, ħtija kontra Alla. Kull ħtija lejn il-bnedmin tmur kontra l-verita’ u l-imħabba u għalhekk tmur kontra Alla li huwa verita’ u imħabba. B’din it-talba l-Mulej jgħidilna li l-ħtija tingħeleb biss bil-maħfra u mhux bit-tpattija. Il-maħfra hija aktar milli ma tagħtix kas, milli sempilċiment tinsa. Il-maħfra trid tiddewweb, titfejjaq u b’hekk tingħeleb. Ir-rebħa fuq il-ħtija titlob li qalbna taħdem permezz tal-għaqda ma’ Ġesù li ġarr it-toqol kollu tagħna.

 

U la ddaħħalniex fit-tiġrib – Alla lilna ma jdaħħalniex fit-tiġrib. It-tiġrib jiġi mix-xitan. Ix-xogħol tal-Messija hu li jirbaħ it-tiġrib il-kbir li biegħed lill-bnedmin minn Alla u li aktar jibqa’ jbegħedhom. Hemm differenza bejn prova u tiġrib. Il-prova timmatura lill-bniedem. F’din it-talba qegħdin nitolbu lil Alla li ma jagħtiniex aktar milli nifilħu.

 

Iżda eħlisna mid-deni –talba għas-salvazzjoni u għall-qawwa kontra  l-kurrenti li jeżistu madwarna: is-setgħa tas-suq, tal-kummerċ ta’ l-armi, tad-drogi u tal-bnedmin, il-kilba għas-suċċess u l-ġid, u l-idea li Alla huwa biss xi ħaġa immaġinarja  li jeħdilna ż-żmien u l-gost tal-ħajja.

 

Għalhekk nitolbu bil-qalb, li l-fidi tagħna, li tħallina naraw lil Alla u li tgħaqqadna ma’ Kristu, ma titteħdilniex. Nitolbu li ma nitilfux it-tjieba fiha nfisha, għall-ġid li jgħaddi; li anki meta nitilfu l-ġid, ma nitilfux it-tajjeb - lil Alla. Nitolbu li aħna stess ma nintilfux.

 

 

17.

 

Kap 6 (1) - Id-Dixxipli

 

Fil-ħidma kollha ta’ Gesu’ naraw rabta ċara bejn Gesu’ u l-komunita’ li ġabar bil-predikazzjoni u l-ħidma tiegħu. Gesu sejjaħ grupp ta’ ġewwa, ta’ nies magħżulin minnu, biex ikomplu l-missjoni tiegħu  u jagħtu ordni u forma lil din il-familja. Gesu’ għażel it-tnax l-Appostlu fuq “il-muntanja”, il-post ta’ l-għaqda tiegħu ma’ Alla. Hu għażilhom “biex ikunu miegħu u biex hu jibgħathom.”

 

Kien jeħtieġ li jkunu miegħu biex jagħrfuh, biex jieħdu minn għandu l-għarfien li ma nagħtax lin-“nies”. Kien jeħtiġilhom ikunu miegħu biex huma jagħrfuh bħala ħaġa waħda mal-Missier u b’hekk ikunu xiehda tal-misteru tiegħu; li jidħlu mill-għaqda miegħu minn barra għall-għaqda miegħu minn ġewwa. Huma kellhom ikunu l-mibgħuta ta’ Ġesù – Appostli – li jieħdu magħhom il-messaġġ tiegħu fid-dinja u jxerrduh “sat-trufijiet ta’ l-art”. Kien jeħtiġilhom jitgħallmu jibqgħu miegħu, b’mod li jkunu miegħu anki jekk imorru “sat-trufijiet ta’ l-art”.

 

L-ewwel xogħol tagħhom kien il-predikazzjoni tal-Kelma lill-bnedmin, li jwasslu d-dawl tal-bxara ta’ Gesu’. Il-predikazzjoni mhix biss kelma, mhix biss tagħlim . Hija ġrajja kif Gesu’ stess huwa ġrajja, il-Verb ta’ Alla f’persuna. Meta jħabbruh, kellhom jwasslu għal-laqgħa miegħu.

 

Il-predikazzjoni hi wkoll taqbida mas-setgħat tal-ħażen. Fid-dinja tagħna, l-bniedem huwa mhedded minn xi ħaġa “li tinsab fl-arja” u li qed iġiegħlu jara l-fidi bħala xi ħaġa tad-daħk u bla raġuni. Fid-dinja hawm klima li qed thedded il-bniedem fid-dinjita’  u fl-eżistenza tiegħu, li twassal lill-individwu  u l-komunitajiet jitilfu kull tama. In-Nisrani jaf li waħdu ma jistax jirbaħ dan it-theddid imma bil-fidi, fil-għaqda mas-Sid waħdieni tad-dinja u f’għaqda waħda mal-ġisem sħiħ ta’ Kristu huwa jista’ joħodha kontra dawn is-setgħat.

 

Fit-tnax, nies għal-kollox differenti minn xulxin, ġejjin minn ambjenti differenti, b’temperamenti u attitudnijiet  differenti naraw il-Knisja taż-żminijiet kollha u d-diffikulta’ tal-ħidma tagħha biex issaffi dawn il-bnedmin u tmexxihom bil-mod il-mod fit-triq misterjuża l-ġdida ta’ Ġesù.

 

 

 

18.

 

Kap 6 (2) Id-Dixxipli

 

Id-dixxipulat fil-kitba ta’ Luqa

 

Luqa jgħidilna li barra l-Appostli, Gesu’ bena għaqda oħra ta’ dixxipli li kienet tgħodd 70 (jew 72).Din kellha l-istess missjoni li nagħtaw it-Tnax. Fihom jidher il-karattru universali tal-Vanġelu li huwa maħsub għall-ġnus kollha.

 

L-Evanġelista Luqa jgħidilna wkoll li Ġesù, li kien idur l-ibliet u l-irħula mat-Tnax jipprietka, kellu n-nisa miegħu. Huwa jsemmi tliet ismijiet u jkompli jgħid: “U ħafna oħrajn li kienu jaqduhom minn ġidhom” (Lq 8:3). Id-differenza bejn li tkun dixxiplu bħala wieħed mit-Tnax u tkun dixxiplu bħala waħda min-nisa hija ċara. Iż-żewġ xogħlijiet huma għal kollox differenti.

 

Luqa jgħidilna wkoll li n- nisa kienu għaqda żgħira ta’ fidili.Il-mixja tagħhom ta’ fidi ma’ Gesu’ kienet importanti ħafna għalihom biex isaħħu r-rabta tagħhom ma’ miegħu. Din ir-rabta dehret ċara taħt is-Salib u fil-qawmien mill-mewt ta’ Gesu’.

 

Barra li jitkellem b’mod speċjali fuq dak li jfissru n-nisa, Luqa jitkellem ukoll fuq il-fqar  u fih insibu bla dubju “l-faqar bħala l-ewwel għażla ta’ Ġesù.

 

Luqa huwa wkoll l-Evangelista li ħafna drabi juri t-talb ta’ Ġesù bħala l-għajn tal-predikazzjoni u tal-ħidma tiegħu. Hu jurina li l-għemil u l-kliem ta’ Gesu’ jiġi mill-għaqda tiegħu mal-Missier, mid-djalogu bejn Missier u Iben.

 

Fil-kitba “ispirata” tiegħu, li mmaturat b’mod speċjali taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu, Luqa għadda lilna bla mittiefsa l-essenza tal-figura oriġinali ta’ Ġesù.

 

 

  

 

 

19.

 

Kap 7 (1) – Il-Messaġġ tal-Parabboli

 

Natura u Skop tal-Parabboli

 

Bla dubju l-parabboli huma l-qalba tal-predikazzjoni ta’ Ġesù. Inbidlu kemm inbidlu ż-żminijiet, il-parabboli baqgħu dejjem jolqtuna bil-freskezza u l-umanita’ tagħhom. Fil-parabboli nħossuna qrib ta’ Ġesù, kif għex u għallem. Imma jiġrilna l-istess kif ġara lin-nies ta’ żmien Gesu’ u lid-dixxipli tiegħu. Jeħtieġ nerġgħu nistaqsuh x’irid jgħid ma’ kull parabola.

 

Il-Papa jpoġġi żewġ domandi: X’inhi eżattament parabbola? U xi jrid dak li jgħidha?

 

Il-Papa jkompli jispjega. Kull edukatur, kull għalliem li jrid jagħti tagħrif ġdid lis-semmiegħa tiegħu, jagħmel użu mill-eżempji, mit-tixbihat. Bis-saħħa ta’ l-eżempju huwa jiċċara dak li s-semmiegħa tiegħu ma kinux qegħdin jaraw. Il-parabbola ġġib dak li kien jidher bogħod, qrib lejn min qiegħed jismagħha u min-naħa l-oħra is-semmiegħ jagħraf dak li s’issa ma kienx magħruf. Ifisser li il-parabbola teħtieġ kooperazzjoni minn żewġ naħat. Mingħajr din il-kooperazzjoni nifhmu dak li qal Ġesù, meta tkellem fuq li wieħed iħares u ma jarax u li jisma’ u ma jifhimx. 

 

Permezz ta’ parabboli mibnija fuq il-ħajja ta’ kull jum, Gesu’ ried jurina ir-raġuni essenzjali tal-ħwejjeġ kollha u b’hekk id-direzzjoni vera li għandna nieħdu fil-ħajja ta’ kull jum biex nimxu sewwa. Hu jurina lil Alla, mhux xi Alla astratt imma Alla li jaħdem, li jidħol f’ħajjitna u jixtieq jaqbdilna idejna. Permezz ta’ l-eżempji mill-ħajja ta’ kull jum, jurina min aħna u x’għandna nagħmlu skont dak li aħna. Hu jgħaddilna għarfien li jitlob ħafna minna, li lilna mhux biss u fuq kollox iġibilna għerf ġdid, imma jibdlilna ħajjitna. Huwa għarfien li lilna jagħtina don: Alla hu fi triqtu lejk.  Huwa għarfien li jitlob minna fidi: emmen u ħalli lilek innifsek titmexxa mill-fidi. U għalhekk huwa possibbli ħafna dan it-tagħlim ma naċċettawhx.

 

Raġuni oħra li tagħmilha diffiċli għalina li naċċettaw dan it-tagħlim, ġejja mill-fatt li aħna bnejna idea tar-realta’ li tħalli barra lil Alla. Ir-realta’ li tgħodd hija biss dik li tista’ tkun ippruvata b’esperiment u Alla ma jippermettix lilu nnifsu li jsir suġġett ta’ esperiment.

 

Ma nistgħux nagħrfu lil Alla jekk ma ninbidlux - jekk “ma nikkonvertux”, jekk ma ninqatgħux mill-“jien” u mill-“iva” tagħna li ma tfisser xejn.

 

 

 

 

20.

 

Kap 7 (2) – Il-Messaġġ tal-Parabboli

 

Il-Parabbola tas-Samaritan it-tajjeb (Lq 10:25-37)

 

Il-Papa jgħid li l-messaġġ ta’ din il-parabbola hu  li “Irridu insiru bniedem li jħobb, wieħed li għandu qalbu miftuħa għal dak li jħoss ħaddieħor li qiegħed fil-bżonn. Imbagħad insib il-proxxmu tiegħi, jew aħjar, imbagħad isibni hu”. Jgħid ukoll: “li jien insir minn ġewwa ħu dawk kollha li niltaqa’ magħhom u li jeħtieġu l-għajnuna tiegħi”.

 

Ikompli jgħid: “Jidher ċar kemm din il-parabbola tgħodd għaż-żminijiet tallum. Jekk inħarsu fid-dinja ta’ madwarna, naraw kif il-ġnus misruqa u mħollija ħerba ta’ l-Africa għandhom x’jaqsmu magħna. Imbagħad naraw kemm huma tassew “proxxmu” tagħna. Naraw li l-istil ta’ ħajjitna, l-istorja tagħna, li fiha aħna magħġuna, lilhom żarmathom u qiegħda tkompli tagħmel dan. Ma dan hemm ukoll li aħna lilhom weġġajniehom f’ruħhom. Minflok tajniehom lil Alla, li huwa qrib tagħna fi Kristu, u minflok ma ħadna kull ma hu għażiż u kbir mit-tradizzjonijiet tagħhom u wettanieh, wassalnielhom dinja mingħajr Alla, li fiha jgħoddu biss is-setgħa u l-qlieħ. Farrakna l-kejl morali, biex il-korruzjoni u r-rieda mingħajr skrupli saru setgħa. U dan ma jgħoddx biss għall-Africa”.

 

Il-Papa jkompli: “Aħna għandna nagħtu għajnuna materjali u għandna nezaminaw l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu. Imma huwa ftit wisq meta nagħtu għajnuna materjali biss. Madwarna nsibu nies imfarrka u misruqa. Insibu l-vittmi tad-droga, tal-kummerċ tan-nies, tat-turiżmu tas-sess, nies li huma mfarrka minn ġewwa, li huma vojta f’nofs il-ġid u l-għana materjali. Dan kollu għandu jimpurtana u jsejħilna biex ikollna għajnejn u qalb għall-proxxmu kif ukoll il-kuraġġ ta’ l-imħabba tal-proxxmu”.

 

Ikompli jgħid: “Il-qassis u l-Levita baqgħu sejrin aktar għax beżgħu milli għax ma impurtahomx. Jeħtieġ nitgħallmu mill-ġdid ir-riskju tal-tjieba: dan nistgħu nagħmluh biss jekk aħna stess insiru “tajbin” minn ġewwa, jekk insiru “proxxmu” minn ġewwa. B’hekk ikollna idea ċara liema forma ta’ servizz jeħtieġ fl-ambjent tagħna u fiċ-ċirku aktar wiesa ta’ ħajjitna. Nifhmu wkoll li huwa dover tagħna li nagħtu is-sehem tagħna”.

 

Kull wieħed minna għandu jsir Samaritan – jimxi wara Kristu u jsir bħalu. Meta nsiru nixbħuh nibdew inħobbu, inħobbu kif ħabb hu, li kien Hu l-ewwel li ħabbna. (Ġw 4:19).


 

21.

 

Kap 7 (3) Il-Messaġġ tal-Parabboli

Il-Parabbola taż-żewġ aħwa (l-iben il-ħali

u dak li baqa’ d-dar) u tal-missier it-tajjeb (Lq 15:11-32)

 

Għalkemm din il-parabbola insibuha bħala l-parabbola ta’ l-iben il-ħali fiha niltaqgħu ma’ tliet personaġġi ewlewnin: iż-żewġ aħwa (l-iben il-ħali u dak li baqa’ d-dar) u l-missier it-tajjeb. Fil-verita’, il-protagonist prinċipali tal-parabbola hu l-missier. Il-Papa jislet messaġġ minn kull personaġġ.

 

Il-Papa jibda  bl-iben il-ħali imma jikkummenta li mill-bidunett naraw il-ġenerosita’ tal-missier meta jagħtih is-sehem tal-wirt tiegħu, jagħtih il-ħelsien u jħallih jieħu triqtu. L-iben kiser ir-relazzjoni mal-missier; tajjar il-wirt.  Kull ma ried kien  li jieħu pjaċir; igawdi ħajtu; ma ried joqgħod taħt l-ebda kmand; ried il-liberta’.

 

U l-Papa jagħmel din ir-riflessjoni: “Naraw f’dan, l-ispirtu tar-rebiljoni kontra Alla u l-liġi tiegħu li hawn  daż-żmien? Naraw kif abbandunajna dak li kien pedament sod fil-ħajja tagħna u għażilna xewqa bla rażan għal liberta’ mingħajr limitu?

 

Fil-parabbola nsibu li malajr spiċċalu kollox. Minn ħieles sar qaddej; il-liberta wasslitu għal jasar; sar ilsir ta’ min jitħassru. Wasal il-waqt tat-“taqliba”. Fehem li hu mitluf; li d-dar hu kien ħieles u li l-qaddejja ta’ missieru huma aktar ħielsa minnu; li kien qed jgħix bogħod mill-oriġini tiegħu. Fih innifsu sab it-triq lura lejn il-missier, lejn il-liberta’ tassew ta’ “iben”. Kienet il-konverzjoni tiegħu. Beda t-“triq lura” li kienet tiġbor fiha tant tbatija, tant tisfija.

 

Il-missier “jilmaħ lil ibnu mill-bogħod” u jmur jilqgħu. Ġesù jrid jurina t-tjieba tiegħu lejn il-midinbin, li jilqa’ l-midinbin bl-imġieba tal-Missier. Fil-festa li ħejja l-missier naraw xbieha tal-festa tal-fidi, l-Ewkaristija festiva u antiċipazzjoni tal-ikla festiva eterna.

 

Il-Papa jiġbed l-attenzjoni tagħna lejn il-kumment tal-iben il-kbir: “Ili dawn is –snin kollha naqdik u qatt ma ksirt wieħed mill-kmandamenti tiegħek”. Il-Papa jikkummenta li hawn naraw dawk in-nies twajba, li r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla hija mibnija biss fuq li josservaw il-liġi tiegħu bil-kejl, u mhix relazzjoni ta’ mħabba ta’ iben lejn il-missier. Fil-kliem tal-missier tal-parabbola Gesu’ ried ifisser il-kobor ta’ min hu iben: “Ibni, inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek” (Lq 15:31)

 

Il-kliem immirat lejn it-tifel il-kbir huwa stedina għal dawk li baqgħu d-dar biex huma wkoll jikkonvertu u jifirħu bil-fidi tagħhom li tagħmilhom ulied Alla.

 

 

 

 

22.

 

Kap 7 (4) – Il-Messaġġ tal-Parabboli

 

Il-Parabbola tal-wikkiel għani u tal-fqajjar Lazzru (Lq 16: 19-31)

 

Fil-parabbola niltaqgħu ma’ żewġ persunaġġi: l-għani li ħsiebu hu f’ħajja mill-aħjar, u l-fqir, li l-anqas għandu l-loqom li jaqgħu minn fuq il-mejda. Fil-parabbola naraw il-foqra, li jgħixu bil-fidi f’ Alla u jobdu l-kmandamenti tiegħu, imma ma wiċċhom ma jarawx ħlief il-maqlub, u dawk li jkasbru lil Alla  jimxu minn suċċess għal ieħor u jgawdu l-ġid kollu tad-dinja.

 

Il-bniedem sewwa, li jbati u li jara dan kollu, jistaqsi lilu nnifsu: “Tassew li Alla dan kollu ma jarahx? Ma jisma’ xejn? Ma jimputahx mid-destin tal-bniedem?” Ir-risposta jsibha biss meta jerfa’ ħarstu ‘l fuq lejn Alla u jagħraf il-ġid veru x’inhu.

 

Fit-tieni parti tal-parabbola, insibu li r-raġel għani jitlob sinjali u jgħid dak li ħafna nies jgħidu jew jixtiequ jgħidu lil Alla: “Jekk inti trid li aħna nemmnu u nfasslu ħajjitna fuq il-kelma rrivelata tal-Bibbja, għandek tkun aktar ċar. Ibgħatilna lil xi ħadd mid-dinja l-oħra li jista’ jgħidilna li hu tassew hekk”. Matul il-Vanġelu kollu nsibu li n-nies ta’ żmien Gesu’ ukoll kienu jitolbu għal sinjali . It-tweġiba ta’ Kristu għat-talba tagħhom hija ċara. Min ma jemminx il-kelma ta’ l-Iskrittura lanqas ma hu sa jemmen lil xi ħadd li jiġi mid-dinja l-oħra.

 

Il-Papa jfakkarna x’ġara  meta Gesu’ għamel sinjal u qajjem mill-mewt lil Lazzru ta’ Betanja. “Ħafna mill-Lhud...emmnu fih” iżda minn hemm beda l-moviment biex joqtluh. Il-miraklu ma wassalx għal fidi imma għall-ħruxija tal-qalb (Gw 11:45-53).

 

Il-parabbola hija sejħa għall-imħabba u għar-responsabbilta’, li għandna nuru ma’ ħutna fil-bżonn, kemm fis-soċjeta’ dinjija, kif ukoll fiċ-ċirku ċkejken tal-ħajja tagħna ta’ kull jum.

 

Il-Papa jkompli jgħid li Lazzru tal-parabbola, mimli ġrieħi, huwa  figura ta’ Ġesù mdendel mas-salib. Dan Lazzru l-veru qam mill-mewt. Is-sinjal ta’ Alla għall-bnedmin huwa Bin il-bniedem, Gesu’ nnifsu u l-parabbola tistedinna nemmnu u nimxu wara dan is-sinjal.

 

 


 

23.

 

Kap 8 (1) – Ix-xbihat il-Kbar ta’ Ġwanni

 

L-Ilma

 

L-ewwel tixbiha li jitkellem fuqha l-Papa hija l-ilma. Hu jgħid: L-ilma hu element bażiku tal-ħajja.

 

Lil Nikodemu Gesu’ jgħidlu: “Biex wieħed jista’ jidħol fis-saltna ta’ Alla jeħtieġlu … jitwieled mill-ġdid bl-ilma u l-Ispirtu (Ġw 3:5) Il-magħmudija bħala dħul fil-komunita’ ta’ Kristu tfisser twelid mill-ġdid.

 

Ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, Ġesù jwiegħed lill-mara Samaritana ilma, li f’min jixorbu, jsir għajn ta’ ilma li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem. (Gw 4:14)

 

Lir-raġel, ħdejn il-menqa, li kien ilu 38 sena mixħut marid, Ġesù jfejqu bis-setgħa tiegħu u jagħtih il-fejqan, imwiegħed mill-kuntatt ma’ l-ilma. (Gw 5)

 

Insibu wkoll lir-raġel imwieled għama li biex ifieq kien jeħtieġ li jmur jinħasel fil-menqa ta’ Silwam. Huwa Ġesù li bih u fih dak ir-raġel issaffa u sar jara. Kristu hu dak li jagħti d-dawl u li jiftħilna għajnejna bis-sagrament tal-magħmudija.

 

Fl-aħħar ikla, Gesu’ ferragħ l-ilma f’żinġla u ħasel riġlejn id-dixxipli. (Gw 13:4) L-umilta’ ta’ Ġesù,li tagħmlu lsir, hija l-ħasil tar-riġlejn li jsaffi, li jagħmel lill-bnedmin jistħoqqilhom joqgħodu miegħu għall-mejda ta’ Alla.

 

Fi tmiem il-passjoni fuq is-Salib insibu: “nifdulu ġenbu bil-lanza u minnufih ħareġ demm u ilma” (Gw19:34) Ma hemmx dubju, jgħid il-Papa, li hawn Ġwanni ried ifisser iż-żewġ sagramenti ewlenin tal-Knisja – Magħmudija u Ewkaristija u li bihom il-Knisja twieldet minn ġenb Kristu.

 

Il-fidi f’Ġesù huwa l-mod kif il-bniedem jixrob l-ilma ħaj li fuqu tkellem Ġesù. Pġ 263 Il-bniedem li jemmen u jgħix flimkien ma’ Kristu jsir għajn li tagħti l-ħajja. Wieħed jista’ jara dan b’mod meraviljuż fl-istorja, kif il-qaddisin huma oasi li madwarhom tinbet il-ħajja.

 

 

24.

 

Kap 8 (2) – Ix-xbihat il-Kbar ta’ Ġwanni

 

Id-Dielja u l-Inbid

 

L-inbid niltaqgħu miegħu fit-tieġ ta’ Kana fejn Gesu’ wera lilu nnifsu u s-“sebħ” tiegħu. L-ilma li jservi għall-ħasil ritwali, isir inbid, isir xbieha u don tal-ferħ tat-tieġ. Alla jagħti lilu nnifsu u b’hekk jagħmel il-festa tal-ferħ. Il-preżenza ta’ Alla u d-don tiegħu biss jistgħu jgħatu dan il-ferħ.

 

Insibu wkoll il-parabbola tal-ħaddiema tal-għalqa tad-dwieli li qatlu sa bin  is-sid biex jirtu l-għalqa. Mk 12: 1-12) Fuq din il-parabbola l-Papa jikkummenta: “Din mhix forsi l-mod kif nirraġunaw fi żmienna? L-ewwel ngħidu li Alla miet; imbagħad ngħidu li aħna stess alla!; insiru sidien tagħna nfusna u sidien tad-dinja; nibdew nagħmlu dak li jogħġobna. Inwarrbu lil Alla: insiru aħna stess il-kejl tagħna nfusna. L-“għalqa tad-dwieli” saret tagħna. Meta naslu hawn imbagħad nibdew naraw x’jibda  jiġri mill-bniedem u mid-dinja.

 

Gesu’ jitkellem ukoll fuq id-dielja fid-diskors tat-tluq tiegħu. “Jiena d-dielja,” jgħid il-Mulej u hawn il-Mulej iżid il-kelma “vera”. Bħad-dielja Hu ħalla lilu nnifsu jitħawwel fl-art – sar bniedem. Alla stess sar dielja fl-Iben. Jekk l-Iben huwa nnifsu sar id-dielja, huwa jibqa’ ħaġa waħda ma’ dawk li huma tiegħu b’mod li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin.

 

Il-Papa jkompli jgħidilna: Id-dielja jkollha bżonn li tissaffa. Tisfija teħtieġha l-Knisja u jeħtieġha l-individwu. F’din it-tisfija hemm dejjem preżenti l-misteru tal-mewt u l-qawmien. Il-kobor individwali tal-bniedem kif ukoll ta’ l-istituzzjonijiet jeħtieġ jinżabar: dak li kiber iżżejjed irid jittieħed lura fis-sempliċita’ tiegħu. Il-frott tat-tisfija huma– il-ġustizzja, is-sewwa u l-paċi.

 

Fit-talba saċerdotali tiegħu fl-aħħar ċena, Ġesù jorbot id-diskors tad-dielja mat-tema kbira ta’ l-unita’, u jitlob lill-Missier li, bħad-dielja, lkoll jkunu, magħqudin fl- imħabba, ma’ Alla u bejniethom.

 

 
 

25.

 

Kap  8 (3) – Ix-xbihat il-Kbar ta’ Ġwanni

 

Il-Ħobż

 

Tixbiha oħra li Gesu’ juża’ għalih innifsu fil-Vanġelu ta’ San Ġwann u li dwarha jitkellem il-Papa hija l-ħobż. Il-Papa jikkummenta li t-tema tal-ħobż tidher l-ewwel darba fit-tiġrib ta’ Gesu’ fejn fit-tweġiba tiegħu, Ġesù  diġa beda jirreferi għad-don ta’ Ġismu bħala ħobż għall-ħajja ta’ dejjem.

 

Jgħidilna wkoll li l-miraklu  tat-tkattir tal-ħobż kien il-bidu tat-triq ta’ Ġesù lejn is-salib. Il-Lhud  ma fehmuh it-tkattir tal-ħobż bħala ”sinjal”- kif fil-fatt kien– imma dak li nteressahom kien l-ikel li bih xebgħu. (Gw 6:26)  Huma raw biss il-ġid materjali u lil Alla ħallewh barra.

 

F’okkazjoni oħra, Gesu’ qalilna : “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja: min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġw 6:35) Fil-laqgħa tagħna ma’ Ġesù nersqu lejn Alla l-ħaj innifsu. Alla jsir ħobż għalina fuq kollox fl-Inkarnazzjoni u fl-għotja Tiegħu għall-mewt fuq is-salib. Fis-sagrament ta’ l-Ewkaristija li ħallielna, Alla jinżel lejna u għalina.

 

Ġesù qalilna wkoll: “Jekk il-qamħa ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Gw 12:24) Biex isir il-ħobż, jeħtieġ li, l-ewwel iż-żerriegħa, il-ħabba tal-qamħ, “tmut” u minn dik il-mewt tinbet l-isbula. Fil-ħobż ta’ l-art għandna xbiha tal-passjoni għax dan jgħaqqad fih il-mewt u l-qawmien.

 

Il-Papa jgħidilna li meta jitkellem fuq il-ħobż, Gesu’ jitkellem fuq l-Inkarnazzjoni tiegħu u fuq l-Ewkaristija mqaddsa li huma l-inżul ta’ Alla lejna u għalina. Fl-Ewkaristija Alla jagħtina l-veru “ħobż tas-sema” li fih induqu bil-quddiem il-ħajja f’Alla u ma’ Alla.

 

 

 

 

 

26.

 

Kap 8 (4) – Ix-xbihat il-Kbar ta’ Ġwanni

 

Ir-ragħaj

 

Tixbiha oħra ta’ Ġesù, li nsibu fil-Vanġelu ta’ San Ġwann u li fuqha jitkellem il- Papa fil-ktieb tiegħu, hi mar-ragħaj.

 

Gesu’ jippreżenta l-missjoni tiegħu bil-figura tar-ragħaj. Huwa jgħid li fil-qedem, is-sultan kien jiddeskrivi ruħu bħala ragħaj maħtur minn Alla. Ir-ragħaj li jieħu l-merħla tirgħa kienet ix-xbieha ta’ sultan li jsaltan. Il-ħsieb, li r-ragħaj jieħu tad-dgħajfin, kienet ukoll waħda mill-ħidmiet tal-ħakkiem ġust. Għalhekk ix-xbieha ta’ Kristu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb turi lil Kristu bħala sultan.

 

Meta l-Fariżej u l-kittieba gergru għal Gesu’ għax kien joqgħod mal-mejda fil-kumpannija tal-midinbin, il-Mulej jirrakkonta l-parabbola tad-disgħa u disgħin nagħġa li baqgħu d-dar u dik mitlufa li r-ragħaj imur warajha u mimli ferħ jerfagħha fuq spallejh u jġibha d-dar. 

 

F” San Mattew insibu li, wara l-aħħar ikla, fi triqtu lejn il-Għolja taż-Żebbuġ Gesu’, ħabbar lid-dixxipli li issa kien sa jseħħ dak li tħabbar dwaru: “Nidrob ir-ragħaj u n-nagħaġ tal-merħla jitferrxu” (Mt 26:31). Il- Papa jgħaqqad dan max-xbieha tal-ħaruf tal-Għid, li demmu għandu s-setgħa li jfejjaq u jorbtu mal-bidu tal-Vanġelu,  meta l-Battista, kif ra ‘l Ġesù qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Gw 1:29) referenza ċara li l-maqtul u s-salvatur huwa Gesu’ Kristu, il-Mislub.

 

Fi Ġwanni, Gesu’ jitkellem ukoll fuqu nnifsu bħal l-bieb tal-maqjel fejn jgħid: “...min jidħol mill-bieb, dak huwa r-ragħaj tan-nagħaġ“ (Gw 10:1) li jfisser li jekk wieħed hu tassew ragħaj irid jidħol minn Ġesù li hu l-bieb, għax il-merħla hi ta’ Gesu’.

 

In-nagħaġ u r-ragħaj jidhru wkoll fil-ħatra ta’ Pietru fl-uffiċċju pastorali ta’ Ġesù nnifsu. Il-Mulej jgħid lil Pietru tliet darbiet: “Irgħa l-ħrief tiegħi” (imbagħad “in-nagħaġ tiegħi”: Gw 21:15-17) Huwa ċar, jgħid il-Papa, li Pietru kien maħtur ragħaj tan-nagħaġ ta’ Ġesù. Imma biex ikun jista’ jagħmel dan, kellu jgħaddi mill-“bieb” bil-mistoqsija għal tliet darbiet: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int? (Ġw 21:17)

 

Ir-ragħaj li jaqbad triqtu biex ifittex in-nagħġa l-mitlufa huwa l-Verb etern innifsu, u n-nagħġa, li hu jġorr fuq spallejh u bil-ħlewwa kollha jġibha lejn darha, hija l-bniedem. Fl-inkarnazzjoni tiegħu u fis-salib tiegħu huwa jġorr in-nagħġa l-mitlufa – lilek u lili – lura lejn id-dar – lura lejn il-Missier.

 

 

 

27.

 

Kap 9 (1) - Żewġ Waqtiet Importanti fil-Mixja ta’ Ġesù

 

L-Istqarrija ta’ Pietru

 

Il-Vanġeli jagħtu importanża lill-mistoqsija li Ġesù għamel lid-dixxpli tiegħu meta staqsihom min jgħidu n-nies li hu u kif jarawh huma. Pietru, f’isem it-Tnax, iwieġeb bi sqarrija li hi wisq differenti minn dak li jaħsbu n-“nies”.

 

Wara din l-istqarrija, Gesu’ ħabbrilhom il-passjoni u l-qawmien tiegħu biex jurihom li t-triq tad-dixxiplu  hi mixja wara l-Imsallab. Pġ305 Fil-waqt li l-istedina biex jimxu warajh Ġesù għamilha lil kulħadd, it-tħabbira tal-passjoni taha biss lid- dixxipli li kellhom ikunu xhieda tiegħu.

 

Gesu’ għamel din il-mistoqsija fit-triq lejn Ġerusalem, il-post fejn kellha sseħħ l-istorja tas-salvazzjoni, il-post fejn Gesu’ kellu jmut fuq is-salib, fejn wara, qam mill-imwiet u fejn ukoll,  wara dawn il-ġrajjiet, il-Knisja kellha l-bidu tagħha.

 

Wara l-istqarrija ta’ Pietru nsibu wkoll l-għoti ta’ l-imfietaħ lil Pietru – is-setgħa li jħoll u jorbot, marbuta mal-wegħda li Kristu fuq Pietru sa jibni l-Knisja tiegħu fuq blata.

 

Insibu okkazjonijiet importanti oħra li fihom insibu stqarrijiet oħra ta’ Pietru. Kien hemm il-ġrajja tal-qabda tal-ħut, li tintemm bis-sejħa, ta’ Xmun Pietru u sħabu biex isiru dixxpli. Hawn ukoll insibu stqarrija ta’ Xmun li jgħid: “Mgħallem ...la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5). U wara l-qabda fenominali ta’ ħut, Pietru, b’qatgħa kbira fuqu qal: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jien raġel midneb!” (Lq 5:8) Huwa għaraf is-setgħa ta’ Alla nnifsu li taħdem permezz ta’ Gesu’, u din il-laqgħa diretta, ma’ Alla l-ħaj f’Ġesù, qanqlitu mill-qiegħ.

 

Lil Pietru nergħu nsibuh fir-rakkont tat-tempesta fuq l-għadira. Pietru jitlob biex jimxi fuq il-baħar lejn Gesu’. L-id imtawla ta’ Gesu’ salvatu u tela’ fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf u d-dixxpli jinżlu quddiem Gesu’ jqimuh u jistqarru: “Tassew, Inti Bin Alla!” (Mt 14:22-33)

 

Stqarrija oħra ta’ Pietru nsibuha wara li Ġesù tkellem fuq l-Ewkaristija, ma għoġobx lin-nies u ħafna telquh. ”Imbagħad Gesu’ qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?” Jerġa’ jwieġeb Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (Gw 6:67-68)

 

Dawn kienu wħud mill-esperjenzi ta’ Gesu’ li kellhom id-dixxipli, mumenti sbieħ tal-mixja tagħhom fil-għaqda ma’ Ġesù.

 

 

 

28.

 

Kap 9 (2) - Żewġ Waqtiet Importanti Fil-Mixja Ta’ Ġesù

 

It-Trasfigurazzjoni

 

Fir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni nsibu li Ġesù ħa lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni fil-ġenb u ħadhom fuq muntanja għolja, huma waħedhom biss (Mk 9:2).

 

Il-Papa jikkummenta li anki din il-ġrajja ġrat fuq muntanja, il-post fejn Ġesù kien jiltaqa’ mal-Missier fit-talb billejl. Fil-ħajja ta’ Ġesù niltaqgħu ma’ muntanji differenti: il-muntanja tat-tiġrib, il-muntanja tal-beatitudnijiet, il-muntanja tat-talb, il-muntanja tat-trasfigurazzjoni, il-muntanja tal-biża’, il-muntanja tas-salib u fl-aħħarnett il-muntanja ta’ l-Irxoxt fejn il-Mulej qal: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art” (Mt 28:18) dik is-setgħa li x-xitan ittantah biha u li Ġesù kien irrifjuta.

 

Il-Papa jagħmel riflessjoni fuq xi tfisser għalina muntanja. Hija l-post fejn inħossuna merfugħa ‘l fuq minn barra u minn ġewwa; tfisser ħelsien mit-toqol ta’ kull jum; tfisser nifs ta’ arja safja tal-ħolqien; il-muntanja toffrilna dehra sabiħa tal-wesgħa tal-ħolqien u tagħtina ħjiel ta’ min hu l-Ħallieq. Fil-ħajja ta’ Ġesù, il-muntanja hi wkoll l-esperjenza ta’ Alla u l-esperjenza tal-passjoni.

 

 Fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni, Luqa jgħidilna li Gesu’ kien tela’ fuq il-muntanja biex jitlob. (Lq 9:28) u jkompli: “U ġara li hu u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbies tiegħu sar ta’ bjuda li jgħammex” (Lq (:29) Fil-għaqda tiegħu mal-Missier, Ġesù nnifsu huwa Dawl minn Dawl. Il-libsa l-bajda tad-dawl ta’ Ġesù fit-trafigurazzjoni tagħtina ħjiel fuq il-ġejjieni tagħna. Tgħidilna wkoll li l-ilbies tal-magħżulin huma bojod għax ħasluhom fid-demm tal-Ħaruf (Gw 7:14) (Lq 15:22) Aħna wkoll ilbisna d-dawl ma’ Kristu u sirna dawl u dan seħħ bis-saħħa tal- magħmudija.

 

Hawnhekk ukoll reġa’ qabeż Pietru li qal: “... Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mose’ u waħda għal Elija” (Mk 9:5). 

 

U hawn il-Papa jgħid: “Gesu’ waqqafha t-tinda tiegħu fostna. Dan għamlu meta sar bniedem. Dan għamlu biex ikun it-triq għal għand Alla l-Missier li f’din il-ġrajja jgħidilna ċar: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9:7).

 

 


 

29.

 

Kap 10 – Id-Dikjarazzjonijiet ta’ Ġesù Fuqu Nnifsu

 

Bin il-Bniedem

 

Sa minn żmien Ġesù, il-bnedmin kienu diga’ bdew jippruvaw ifissru l-figura mimlija misteru tiegħu.

 

L-aktar titlu li Ġesù juża meta jitkellem fuqu nnifsu huwa BIN IL-BNIEDEM –kelma mimlija bil-misteru. Bil-kelma Bin il-bniedem, Gesu’ ħeba l-misteru tiegħu u fl-istess ħin għamilha possibbli li wieħed jersaq lejh u jiskoprih bil-mod il-mod. Bin il-Bniedem kienet espressjoni ġdida u mhux mistennija bħalma kienet il-predikazzjoni ta’ Gesu’. Il-Kelma “Bin il-bniedem” tfisser sempliċement “bniedem”.

 

Ġesù juża il-kliem ‘Bin il-Bniedem meta jitkellem fuq l-aħħar tad-dinja, (ara Mk 13:24-27) meta jitkellem fuq il-glorja tiegħu, u fil-proċess tiegħu quddiem is-Sinedriju, (ara Mk 14:62) bħala akkużat u mżeblaħ. Il-glorja u l-passjoni  jidħlu f’xulxin mingħajr ma jistgħu jinħallu. Bin il-bniedem li hu l-imħallef jidentifika ruħu ma’ kull min qed ibati f’din id-dinja u jurina li dak li nagħmlu mal- batut ikun magħdud bħala li għamilnieh miegħu. Ħajjitna fuq dan ser tkun imkejla.

 

F’Luqa nsibu: “U ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li hu miegħu quddiem l-anġli ta’ Alla. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta’ Alla.” (Lq 12:8-9)

 

Niftakru fir-rakkont tal-magħtub fejn l-ewwel ħafirlu dnubietu u “Biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa li jaħfer id-dnubiet” qallu: ”Qum qiegħed ngħidlek”. (Mk 2:10) Bħala Bin il-bniedem, Gesu għandu l-istess dinjita’ u setgħa ta’ Alla.

 

Fuq Bin il-bniedem, insibu wkoll il-kliem ta’ Gesu’ meta bassar il-passjoni tiegħu: “Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:45) Fil-passjoni u l-mewt, il-ħajja ta’ Bin il-bniedem tagħti l-ħelsien u ssalva lil ulied kollha ta’ Alla, lil bnedmin kollha.

 

Fil-kelma misterjuża “Bin il-bniedem” niltaqgħu ma’ dak li hu l-qofol fil-figura ta’ Ġesù. Hu ġej minn Alla, huwa Alla. Fih tidher ċar l-għaqda ta’ Alla u l-bniedem, li sseħħ, meta l-bniedem jimxi wara Gesu’.

 

 


 

30.

 

Kap 10 (2) – Id-Dikjarazzjonijiet Ta’ Ġesù Fuqu Nnifsu

 

L-Iben

 

Fil-vanġeli ta’ Mattew u Luqa insibu: “Dak iż-żmien Ġesù qal: ‘Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf  u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri u ħadd ma għaraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu” (Mt 11:25; Lq 10:21)

 

Il-Papa jgħid li minn din l-aħħar sentenza jinfetaħ kollox. L-Iben biss “Jagħraf” tassew lill-Missier. Biex tagħraf lil Alla tabilħaqq, jeħtieġ ikun hemm qabel l-għaqda ma’ Alla. Gesu’ stess jgħidilna: “Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (Gw 1:18) Il-kelma “Iben” tfisser għaqda perfetta ta’ għarfien u hija possibbli għax hemm għaqda fir-relazzjoni.

 

Ir-rieda tal-Iben hija waħda ma’ dik tal-Missier bħalna naraw fuq il-Għolja taż-Żebbuġ fejn Gesu għaqqad ir-rieda tiegħu ma’ dik tal-Missier. Dan huwa wkoll dak li nitolbu aħna fil-Missierna: “Ikun dak li trid Int.”

 

Gesu’ jgħidilna wkoll: “ Ħadd ma jista’ jiġi għandi, jekk il-Missier li bagħtni ma jiġbdux lejja” (Gw 6:44) u jkompli jgħidilna li dawn  “Mhumiex dawk li għandhom l-għerf u d-dehen imma ċ-ċkejknin” Id-Diskors tal-muntanja jurina t-triq biex inkunu ċkejknin, jurina t-triq tal-konversjoni, jurina t-triq li twassalna biex nagħrfu  l-Iben - “ Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla (Mt 5:8).

 

Il-Missier hu dak li jagħti, li iżda ħalla “kull ħaġa” f’idejn l-Iben, u sewwasew b’dan il-mod, għamlu Iben, ugwali għalih innifsu. F’San Ġwann insibu: “Dak kollu li huwa tiegħi huwa tiegħek, u dak li hu tiegħek huwa tiegħi”. (Gw 17:10)

 


 

31.

 

Kap 10 (3) – Id-Dikjarazzjonijiet Ta’ Ġesù Fuqu Nnifsu

 

Jiena Hu

 

Fil-kliem ta’ Gesu’ li għaddewlna l-Vanġeli nsibu lil Ġesù jgħid mingħajr ma jżid xejn “Jiena hu”.

 

Meta Ġesù jgħid “Jiena Hu”, juri li fih jinsab il-misteru ta’ Alla wieħed personali. Hu jgħidilna wkoll: “Jiena u l-Missier ħaġa waħda” u  “Min jara lili, jara l-Missier” (Gw 14:9) Il-mistoqsija tal-Lhud: “Int min int?” għada dejjem hemm.

 

Meta d-dixxipli raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar, huma “tbeżżgħu għall-aħħar”. Ġesù iżda jkellimhom bil-ħlewwa: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, la tibżgħux!” (Mk 6:50). L-istess biża’ qabad lil-Pietru wara l-qabda kbira tal-ħut fil-fatt waqa’ f’riġlejn Gesu’ u qallu: “ Tbiegħed minni, għax jiena bniedem midneb” (Lq 5:8) pġ 367 Kien il-biża’ li jaqbad lill-bniedem meta jsib lilu nnifsu direttament fil-preżenza ta’ Alla. Fih għarfu f’daqqa waħda l-preżenza ta’ Alla nnifsu.

 

Fil-vanġelu ta’ Ġwanni nsibu lil Ġesù juża’ din l-espressjoni seba’ darbiet u jkompli magħha: Jiena hu l-ħobż tal-ħajja – id-dawl tad-dinja – il-bieb – ir-ragħaj it-tajjeb – il-qawmien u l-ħajja - it-triq, il-verita’ u l-ħajja – id-dielja vera. Ma dawn ix-xbihat hemm dik ta’ l-għajn ta’ l-ilma, li fiha ma jgħidx il-kelmiet: ”Jiena hu”.

 

Dawn l-espressjonijiet kollha juru li Gesu’ ġie biex il-bnedmin ikollhom il-ħajja u l-ħajja fil-milja tagħha (Ġw 10:10) u din jista’ jagħtiha għax fih hemm il-ħajja divina. Dan nitolbu fil-Missierna: “Tiġi Saltnatek” – “Is-saltna ta’ Alla” - li hija l-ħajja fil-milja kollha tagħha – sewwasew għax m’hijiex ferħ privat, ferħ individwali, imma l-għaqda bejn Alla u d-dinja. Gesu’ jagħtina l-“ħajja”, għax hu jagħtina lil Alla. Għax hu l-Iben. Hu nnifsu huwa d-don – huwa hu l-“ħajja”.

 

Fit-tliet dikjarazzjonijiet li jagħmel fuqu nnifsu, Bin il-bniedem, Iben, Jiena Hu Gesu’ jaħbi u jikxef il-misteru tiegħu nnifsu fl-istess ħin:. Dawn it-tliet kelmiet għandhom is-sens tagħhom kollu fih biss.