IL-KTIEB TAL-PROFETA  MIKEA

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

IL-PROFETA MIKEA, mir-raħal ta’ Moreset, għex fi żmien is-sultan Ħeżekija u ħadha kontra l-inġustizzja soċjali ta’ żmienu.   

Hu ħabbar il-qerda ta’ Ġerusalemm u wkoll li mill-fdal ikkonvertit ta’ Iżrael kellu joħroġ il-Messija minn Betlehem.

 


 

1. [Mik:1:1] Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Mikea, minn Moreset, fi żmien Ġotam, Aħaż u Ħeżekija, slaten ta' Ġuda, li kellu dehriet dwar Samarija  u Ġerusalemm.

 

Tehdid u kundanni

 

[Mik:1:2] Isimgħu, popli kollha,

agħti widen, art u kull ma fik:

Sidi l-Mulej ikun xhud kontrikom,

is-Sid mit-tempju mqaddes tiegħu!

[Mik:1:3] Għax, ara, il-Mulej ħiereġ mill-għamara

                                                                       tiegħu,

se jinżel u jirfes fuq l-għoljiet ta' l-art;

[Mik:1:4] il-muntanji jdubu taħtu,

u l-widien jinħallu,                      

bħax-xema' quddiem in-nar,

bħall-ilma mitluq għan-niżla.

[Mik:1:5] Dan kollu minħabba d-dnub ta' Ġakobb,

u minħabba l-ħtija ta' dar Iżrael.

X'inhu d-dnub ta' Ġakobb?

M'hux Samarija?

U x'inhi l-ħtija ta' dar Ġuda?

M'hux Ġerusalemm?

[Mik:1:6] Lil Samarija nagħmilha borġ ġebel fir-raba',

għalqa fejn ixettlu d-dwieli;

il-ġebel tagħha narmih fil-wied,

u nikxfilha s-sisien tagħha.

[Mik:1:7] L-istatwi tagħha kollha jitfarrku,

il-qligħ tagħha kollu jinbala' fin-nar,

l-idoli tagħha kollha neqridhomlha;

għax minn qligħ in-nisa żienja ġabrithom,

u kiri tan-nisa żienja jerġgħu jsiru.

 

Tilwim dwar l-ibliet fil-lbiċ ta' Ġuda

 

[Mik:1:8] Fuq hekk nibki u nolfoq,

immur imnażża' u għeri,

noqgħod nibki bħax-xakalli,

u nnewwaħ bħan-ngħama.

[Mik:1:9] Għax il-ġerħa tagħha m'hemmx fejqan

                                                                      għaliha,

u messet ukoll lil Ġuda,

laħqet sal-bieb tal-poplu tiegħi,

sa lil Ġerusalemm.

[Mik:1:10] Tgħiduhiex f'Gatt;

tibku xejn;

f'Bet-legħafra tmiegħku fit-trab!

[Mik:1:11] Għaddi 'l hemm, int li tgħammar f'Safir;

dawk li jgħammru f'Sanan

ma ħarġux mill-belt.

Bet-esel inqabdet sa mis-sisien tagħha,

sa mill-post qawwi tagħha.

[Mik:1:12] Qiegħda tnin bix-xewqa għall-ġid

dik li tgħammar f'Marot;

imma mingħand il-Mulej niżlet il-ħsara

f'bieb Ġerusalemm.

[Mik:1:13] Orbot iż-żiemel ġerrej fil-karru,

int li tgħammar f'Lakis;

int il-bidu tad-dnub għal bint Sijon,

għax fik instabu d-dnubiet ta' Iżrael.

[Mik:1:14] Għalhekk ikollok tagħti r-rigali tat-tluq

lil Moreset-gat.

Bet-akżib tkun gidba        

għas-slaten ta' Iżrael.

[Mik:1:15] Għad nerġa' nġib fuqek 'il min jirbħek,

int li tgħammar f'Maresa;

sa Għadullam għad tasal,

il-glorja ta' Iżrael.

[Mik:1:16] Tfartas u tqarweż,

għal ulied l-għaxqa tiegħek,

il-qargħa tiegħek daqs ta' ajkla,

għax ittieħdu fl-eżilju 'l bogħod minnek!

 

2. Kontra n-negozju inġust

 

[Mik:2:1] Ħażin għalihom dawk li jfasslu l-ħsara,

dawk li jsawwru d-deni fuq soddithom!

U jagħmluh mas-sebħ fil-għodu,

għax idejhom għandhom is-setgħa.

[Mik:2:2] Jekk jitlebilbu għall-għelieqi, jisirquhom;

jekk għad-djar, jaħtfuhom;

jagħmlu l-vjolenza fuq raġel u daru,

fuq is-sid u ġidu.

[Mik:2:3] Għalhekk dan jgħid il-Mulej:

"Ara, kontra din ir-razza ta' nies

qed infassal ħsibijiet ta' ħsara,

li ma teħilsux għonqkom minnha,

u ma tibqgħux timxu raskom merfugħa,

għax ikun żmien ħażin."

[Mik:2:4] Dakinhar tiġu f'ilsien in-nies,

jgħannulkom għanja tal-biki u jgħidulkom:

"Aħna misruqin serqa għall-aħħar:

sehem il-poplu tiegħu qiegħed jitqies bil-ħbula,

m'hemm ħadd biex iroddhulu lura;               

ir-raba' tagħna sar sehem min seraqna."

[Mik:2:5] Għalhekk għalikom ma jkunx hemm

min jixħet il-ħabel tal-qjies bix-xorti

fil-ġemgħa tal-Mulej.

 

Il-profeta li jhedded bil-ħsara

 

[Mik:2:6] "Ixxerrdux xnigħat!"  ixandru huma;

"Aħbarijiet bħal dawn m'għandhomx jixxandru!

Ebda għajb m'hu se jaqa' fuqna."

[Mik:2:7] Jaqaw id-dar ta' Ġakobb misħuta?

Jaqaw il-Mulej tilef sabru?

Dawn huma għemejjel tiegħu?

Kliemu m'huwiex kliem ta' ġid

ma' min jimxi dritt?"

[Mik:2:8] Intom li qomtu bħala għedewwa

għall-poplu tiegħi,                 

lill-bniedem fis-sliem

tneżżgħuh mill-mantar tiegħu,

lil min ikun għaddej b'rasu mistrieħa,

bħallikieku priża tal-gwerra.

[Mik:2:9] In-nisa tal-poplu tiegħi tgerrxuhom

minn djarhom fejn ikunu għal qalbhom.

Lil uliedhom tneħħulhom

il-ġieħ li jien tajthom għal dejjem.

[Mik:2:10] "Qumu u morru, għidulhom,

dan m'hux post il-mistrieħ!"

Għal kull ħaġa ta' xejn

tieħdu rahan bla qjies.

[Mik:2:11] Jekk jgħaddi bniedem fieragħ,

kollu gideb u qerq,

u jgħid: "Nħabbarlek inbid u xorb,"

dan isir il-profeta ta' dan il-poplu.

 

Wegħda ta' tiġdid

 

[Mik:2:12] Niġbrok, Ġakobb, kollok kemm int,

niġbor il-fdal ta' Iżrael,

nqegħedhom flimkien bħal nagħaġ f'maqjel,

bħal merħla f'nofs ta' mergħa,

geġwiġija ta' nies, bla ma jibżgħu minn ħadd.

[Mik:2:13] Jitla' quddiemhom dak li jiftaħ it-triq,

jiftaħ it-triq, jgħaddu mill-bieb u joħorġu minnu,

u jgħaddi s-sultan tagħhom quddiemhom,

il-Mulej  fir-ras tagħhom.

 

3. Għall-kbarat li jaħqru l-poplu

 

[Mik:3:1] Mbagħad jien għedt:

"Issa isimgħu, kbarat ta' Ġakobb,

u mexxejja tad-dar ta' Iżrael!

M'hux lilkom imiss li tagħrfu l-ġustizzja?

[Mik:3:2] Intom għedewwa tat-tjieba u ħbieb

                                                                 tal-ħażen,

li tisolħulhom il-ġilda minn fuqhom,

u laħamhom minn fuq għadamhom?

[Mik:3:3] Dawn huma li jieklu laħam il-poplu tiegħi;

iqaxxruhom u jfarrkulhom għadamhom;

iqattgħuhom qishom laħam għall-borom,

bħal biċċa laħam f'kazzola,

[Mik:3:4] u mbagħad jgħajjtu lill-Mulej.

Iżda hu ma jweġibhomx;

hu jaħbi wiċċu minnhom f'dak iż-żmien,

talli kull ma għamlu għamluh ħażin.

 

Għall-profeti mixtrija

 

[Mik:3:5] Hekk jgħid il-Mulej dwar il-profeti,

li jtellfu t-triq lill-poplu tiegħi;

li jgħidu Paċi!"

jekk ikollhom xi jgerrmu bi snienhom,

imma jħejju gwerra qaddisa

għal min ma jagħtihom xejn għal ħalqhom.

[Mik:3:6] Għalhekk ikollkom lejl fuqkom

u ma tarawx dehriet;

ikollkom dlam fuqkom

mingħajr tħabbir;

u tgħib ix-xemx għall-profeti,

u jiddallam għalihom il-jum.

[Mik:3:7] Mbagħad il-veġġenti jkollhom mniex jistħu.

il-ħabbara jħammru wiċċhom,

u lkoll jibdew jgħattu xufftejhom,

għax ebda tweġiba ma jkollhom minn Alla.

[Mik:3:8] Imma jien, jien mimli bil-qawwa,

bl-ispirtu tal-Mulej,

bil-ġustizzja u l-kuraġġ,

biex nuri 'l Ġakobb id-dnub tiegħu,

u l-ħtijiet tiegħu lil Iżrael.

 

Titħabbar il-qerda ta' Sijon

 

[Mik:3:9] Isimgħu dan, mela,

kbarat tad-dar ta' Ġakobb,

u mexxejja tad-dar ta' Iżrael,

li għandkom mibegħda għall-ġustizzja,

u tħassru kull ma hu sewwa,

[Mik:3:10] li tibnu 'l Sijon bid-demm,

u lil Ġerusalemm  bil-ħażen.

[Mik:3:11] Il-kapijiet tagħha jinxtraw biex jagħmlu

                                                                l-ġustizzja,

il-qassisin tagħha jridu l-ħlas biex jgħallmu,

il-profeti tagħha jridu l-flus biex jeħbru.

U madankollu jistrieħu fuq il-Mulej u jgħidu:

"M'huwiex fostna l-Mulej?

Ħsara ma tiġix fuqna!"

[Mik:3:12] Għalhekk, minħabba fikom,

Sijon għad tinħarat bħal għalqa,

borġ ġebel għad issir Ġerusalemm,

u l-muntanja tat-tempju għolja kollha siġar.

 

4. Il-Mulej għad isaltan f'Sijon

 

[Mik:4:1] Għad jiġri fl-aħħar jiem

li l-għolja ta' dar il-Mulej

togħla 'l fuq mill-qċaċet tal-muntanji,

u tintrefa' 'l fuq mill-għoljiet.

Lejha għad jiġu l-popli kollha,

[Mik:4:2] kotra sħiħa ta' ġnus għad jiġu u jgħidu:

"Immorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej,

lejn id-dar ta' Alla ta' Ġakobb,

biex jgħallimna triqatu,

biex aħna nimxu fi triqtu.

Għax minn Sijon toħroġ il-liġi,

u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm."

[Mik:4:3] U jkun hu l-imħallef ta' ħafna popli,

f'idejh ikun id-destin ta' ġnus setgħana,

mqar l-aktar imbiegħda.

Ix-xwabel tagħhom idewwbuhom f'sikek,

u l-lanez tagħhom fi mnieġel.

Il-ġnus ma jisiltux ix-xwabel għal xulxin,

u ma jitħarrġux aktar għall-gwerra.

[Mik:4:4] Imma kull wieħed jintasab taħt  id-dielja

                                                                       tiegħu,

u taħt is-siġra tat-tin tiegħu;

u ma jkunx hemm min iwerwirhom,

għax fomm il-Mulej ta' l-eżerċti tkellem.

[Mik:4:5] Għax il-popli kollha jimxu

kull wieħed f'isem l-alla tiegħu;

imma aħna nimxu

f'isem il-Mulej, Alla tagħna,

għal dejjem ta' dejjem.

 

Il-merħla mxerrda għad tinġabar f'Sijon

 

[Mik:4:6] "Dakinhar, oraklu tal-Mulej,

jien niġma' z-zopop,

u niġbor  l-imkeċċijin

u 'l dawk li jien kont ħqart.

[Mik:4:7] U z-zopop nagħmilhom fdal,

l-imwarrba nagħmilhom ġnus setgħana."

U l-Mulej isaltan fuqhom

fil-muntanja Sijon,

minn issa u għal dejjem.

[Mik:4:8] U int, Torri tal-Merħla,

Għolja ta' bint Sijon,

tasallek u tiġik is-saltna ta' l-imgħoddi,

is-saltna ta' bint Ġerusalemm.

 

Assedju, turufnament u ħelsien ta' Sijon

 

[Mik:4:9] Issa għalfejn dan il-biki kollu?

Ma hemmx sultan ġo fik?

Jaqaw il-kunsillier tiegħek għab,

biex qabdek uġigħ il-mara fil-ħlas?

[Mik:4:10] Tkagħweġ bl-uġigħ, bint Sijon,

nfaqa' bil-biki, bħal mara fil-ħlas,

għax issa se toħroġ barra mill-belt,

u tibda tgħammar fil-kampanja.

Inti se tmur Babilonja:

hemm teħles, hemm jifdik il-Mulej

minn idejn l-għedewwa tiegħek.

 

Il-ġnus midrusa fuq il-qiegħa ta' Sijon

 

[Mik:4:11] Issa nġemgħu kontra tiegħek

ġnus kotrana, li qegħdin jgħidu:

"Ħa titkasbar,

u ħa jitpaxxew għajnejna b'Sijon."

[Mik:4:12] Iżd'huma ħsibijiet il-Mulej ma jafuhomx,

il-pjan tiegħu ma għarfuhx;

għax hu ġabarhom qishom qatet fuq il-qiegħa.

[Mik:4:13] Qum, bint Sijon, u idres,

għax il-qarn jien nagħmilhulek tal-ħadid,

dwiefer saqajk nagħmilhomlok tal-bronż,

u inti tfarrak bosta popli,

tħalli għall-Mulej dak li tikseb minnhom,

u ġidhom lil Sid l-art kollha.

 

Niket u ġieħ għal dar David

 

[Mik:4:14] Bħalissa int tinsab marsusa wisq,

għalquna f'assedju;                       

lill-imħallef ta' Iżrael

qegħdin jagħtuh b'għasluġ fuq ilħitu.

 

5. [Mik:5:1] Imma int, Betlehem ta' Efrata,

ċkejkna fost il-familji ta' Ġuda,

minnek għad joħroġli

dak li jkun prinċep f'Iżrael;

hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem,

sa minn dejjem ta' dejjem.

[Mik:5:2] Għalhekk il-Mulej jitlaqhom

sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas;

mbagħad il-bqija ta' ħutu jerġgħu lura

fost ulied Iżrael.

[Mik:5:3] U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu

bil-qawwa tal-Mulej,

bil-glorja ta' isem il-Mulej, Alla tiegħu.

U huma jgħammru fiż-żgur,

għax issa tkun kbira setgħetu,

sa trufijiet l-art.

[Mik:5:4] U dan ikun is-sliem!

 

Il-Lhud qalbhom qawwija

 

L-Assirja, jekk tidħl f’pajjiżna,

U jekk tirfes fil-kastelli tagħna,

Nqajjmu għaliha seba’ rgħajja,

U tmien prinċpijiet mill-poplu.

[Mik:5:5] Huma jirgħu 'l-Assirja bis-sejf,

u l-art ta' Nimrod bix-xwabel misluta.

U jeħlisna mill-Assirja,

jekk din tidħol f'pajjiżna,

u jekk tirfes fuq artna.

 

Post il-bqija fost il-ġnus

 

[Mik:5:6] U jkun il-fdal ta' Ġakobb fil-ġnus,

fost kotra ta' popli

bħan-nida li tiġi mill-Mulej,

bħall-irxiex tax-xita fuq il-ħaxix,

li ma jistennew xejn minn ħadd,

lanqas jittamaw fil-bnedmin.

[Mik:5:7] U jkun il-fdal ta' Ġakobb fil-ġnus fost

                                                           kotra ta' popli,

bħal iljun qalb il-bhejjem tal-foresta,

bħal ferħ ta' ljun fost merħliet ta' nagħaġ,

li, meta jgħaddi, jgħaffeġ u jqatta',

u ħadd ma jeħlisha minn taħt idejh.

[Mik:5:8] Ħa tintrefa' idek kontra min jeħodha

                                                                   miegħek,

u jintemmu l-għedewwa kollha tiegħek.

 

Il-Mulej iwarrab kull tiġrib

 

[Mik:5:9] U jiġri f'dak il-jum,

oraklu tal-Mulej,

li ntemm iż-żwiemel tiegħek minn ġo nofsok,

neqred il-karrijiet tiegħek,

[Mik:5:10] ntemm il-bliet ta' pajjiżek,

nġarraf is-swar tiegħek kollha,

[Mik:5:11] ntemm kull seħer minn idek,

u bassara ma jkollokx iżjed;

[Mik:5:12] nkisser il-plieri u l-istatwi tiegħek minn

                                                                 ġo nofsok,

xbihat allatek nagħmilhom ħerba,

[Mik:5:13] ntemm ix-xbihat tiegħek ta' l-Asera,

u ma tinxteħetx aktar fl-art

quddiem l-opri ta' idejk.

[Mik:5:14] U b'korla u saħna kbira nitħallas

mill-ġnus li ma jkunux iridu jisimgħu.

 

6. Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu

 

[Mik:6:1] Isimgħu, mela, dan li jgħid il-Mulej!

Qum, iddefendi ruħek quddiem il-muntanji,

ħalli l-għoljiet jisimgħu leħnek!

[Mik:6:2] Isimgħu, muntanji, it-tilwima tal-Mulej,

iftħu widnejkom, sisien l-art,

għax din hi tilwima tal-Mulej mal-poplu tiegħu,

ma' Iżrael għandu xi jgħid:

[Mik:6:3] "X'għamiltlek jiena, poplu tiegħi?

Fiex dejjaqtek? Weġibni.

[Mik:6:4] Għax jien tellajtek mill-art ta' l-Eġittu,

fdejtek minn dar il-jasar;

jien bgħatt quddiemek 'il Mosč,

lil Aron u 'l Mirjam.

[Mik:6:5] Ftakar, iva, poplu tiegħi:

biex kien ħareġ Balak, sultan ta' Mowab,

u x'wieġbu Balgħam bin Begħor?

Ftakar ma' xiex iltqajt

minn Sittim sa Gilgal,

ħalli b'hekk tagħraf                       

l-għemejjel sewwa tal-Mulej."

[Mik:6:6] "Biex se nersaq quddiem il-Mulej,

u nitbaxxa quddiem Alla l-Għoli?

Se nersaq quddiemu b'sagrifiċċji tal-ħruq

u b'għoġiela ta' sena?

[Mik:6:7] Il-Mulej se jogħġbuh l-eluf ta' mtaten,

u l-għaxriet ta' eluf ta' widien ta' żejt?

Se noffrilu 'l ibni l-kbir

b'sagrifiċċju għad-dnub tiegħi?

Se nagħtih l-ewwel wild tiegħi,

il-frott ta' ħdani għal ħtijieti?"

[Mik:6:8] Bniedem, huwa wriek x'inhu tajjeb

u x'jistenna minnek il-Mulej:

li tagħmel dak li hu ġust,

li tħobb u tkun ħanin,

u li tkun umli fl-imġiba tiegħek

ma' Alla tiegħek."

 

Għall-qarrieqa tal-belt

 

[Mik:6:9] Leħen il-Mulej isejjaħ il-belt,

jiswa li wieħed jibża' minn ismek!

"Isimgħu tribujiet u ġemgħa tal-belt!

[Mik:6:10] Se ninsa jiena dar il-ħażin,

li jiġma' fiha t-teżori tal-ħażen,

u s-saħta ta' l-efa mnaqqsa?

[Mik:6:11] U l-miżien ħażin,

u l-borża bil-bċejjeċ foloz ta' l-użin,

nista' jien inqishom b'tajba?

[Mik:6:12] L-għonja tagħha m' għandhomx ħlief

                                                                    moħqrija

u n-nies tagħha kollhom kliem b'ieħor,

u lsienhom qerq ġo fommhom.

[Mik:6:13] Jien ukoll, mela, nneħħilek saħħtek

                                                                   bis-swat,

u nagħmlek ħerba għal ħtijietek.

[Mik:6:14] Tibda tiekol bla ma tixba',

titħalla bl-istonku tiegħek vojt,

twarrab xi ħaġa u ma tfaddal xejn,

u dak li tfaddal nitlaqhulek għax-xabla.

[Mik:6:15] Tiżra' u ma taħsadx,

tisħaq iż-żebbuġ, u ma tindilikx biż-żejt,

tagħsar l-għeneb, u ma tixrobx inbid.

[Mik:6:16] Int ħarist il-liġijiet ta' Għomri

u d-drawwiet kollha tad-dar ta' Aħab,

u mxejt fit-triqat li fasslu huma,

biex nagħmel minnek ħerba,

u 'l niesek jiddieħku bihom,

u int titgħabba biż-żebliħ tal-ġnus."

 

7. Nuqqas ta' ħaqq kullimkien

 

[Mik:7:1] Msejken jien! Għax sirt

bħal min irid jiġbor il-frott tas-sajf,

qisni tilqit wara qtigħ l-għeneb:

ebda għanqud ma ssib x'tiekol,

jew xi tina bikrija milli nħobb jien!

[Mik:7:2] Għab il-bniedem twajjeb mill-pajjiż,

u ħadd ġust fost il-bnedmin.

Kulħadd jissajja għad-dmija,

kulħadd jonsob xibka għal sieħbu.

[Mik:7:3] Idejhom qegħdin biex jagħmlu l-ħsara;

il-prinċep u l-imħallef jittallbu rigali,

u l-kbir jitkellem kif jogħġob lilu;

kulħadd iħawwad.

[Mik:7:4] U l-aħjar fosthom qishom xewka,

l-aktar nies sewwa fosthom qishom ħarġa ħurrieq.

Jasal jum l-għases tiegħek,

il-kastig tiegħek,

mbagħad tiġihom it-taħwida.

[Mik:7:5] Tafdawx f'għajrkom,

isserrħux raskom fuq il-ħbieb.

Oqgħod attent li ma tiftaħx fommok

ma' dik li tistrieħ fi ħdanek.

[Mik:7:6] Għax l-iben imaqdar lil missieru,

il-bint tqum għal ommha,

il-mara kontra omm żewġha,

u l-għedewwa tal-bniedem ikunu nies daru.

[Mik:7:7] Imma jien nittama fil-Mulej,

nistenna 'l Alla tas-salvazzjoni tiegħi,

Alla tiegħi jismagħni.

 

Sijon imżebilħa mill-għadu

 

[Mik:7:8] Tifraħ xejn minħabba fija, għadu tiegħi,

għax jien, jekk waqajt, nerġa' nqum;

jekk ninsab fid-dlam, Alla d-dawl tiegħi.

[Mik:7:9] Ladarba ħtejt kontra l-Mulej,

jien nissaporti fuqi l-korla tiegħu,

sa ma jaqta' l-kawża tiegħi

u jagħmel ħaqq miegħi;

mbagħad hu joħroġni għad-dawl

ħa nara l-għemejjel sewwa tiegħu.

[Mik:7:10] Meta dik li hi għadu tiegħi tara dan,

hi tinkesa bil-mistħija,

hi li kienet tgħidli:

"Fejn hu Alla tiegħek?"

Jitpaxxew għajnejja biha;

imma hi tkun mgħaffġa

bħat-tajn tat-triqat.

 

Jitħabbar it-tiġdid

 

[Mik:7:11] Ara jum li jerġgħu jinbnew swarek,

il-jum li jitwasslu fil-bogħod trufijietek,

[Mik:7:12] il-jum li jiġu għandek

mill-Assirja u sa   mill-Eġittu,

minn Tir u sa min-naħa ta' l-Ewfrat,

minn baħar sa ieħor u minn muntanja sa oħra.

[Mik:7:13] U l-art issir ħerba,

ħtija ta' dawk li jgħammru fiha,

minħabba frott għemilhom.

 

Talba kontra l-ġnus

 

[Mik:7:14] Irgħa l-poplu tiegħek taħt ix-xettru

                                                                     tiegħek,

il-merħla, il-wirt tiegħek,

maqtugħa għaliha ġol-foresta,

fil-qalba ta' ġnejna sabiħa.

Jalla tirgħa f'Basan u f'Gilgħad,

bħal fiż-żmien ta' dari!

[Mik:7:15] Urina għeġubijietek,

bħal meta ħriġt mill-Eġittu.

[Mik:7:16] Il-ġnus jaraw u jitħawwdu,

minkejja ħilithom kollha;

iqiegħdu idhom fuq fommhom,

widnejhom jittarrxulhom;

[Mik:7:17] jilagħqu t-trab bħas-serp,                   

bħall-bhejjem li jitkaxkru ma' l-art;

joħorġu mriegħda mill-moħbiet tagħhom,

lejn il-Mulej, Alla tagħna,

jitkexkxu u jibżgħu quddiemek.

 

Sejħa għall-maħfra ta' Alla

 

[Mik:7:18] Min hu Alla bħalek li jneħħi l-ħażen,

u jaħfer id-dnub lil fdal wirtu?

Hu ma żammx il-korla tiegħu għal dejjem,

għax lilu jogħġbu juri ħniena.

[Mik:7:19] U hu jerġa' jħenn għalina,

jixħet ħżunitna taħt saqajh,

jarmi ħtijietna kollha f'qiegħ il-baħar.

[Mik:7:20] Ġib ruħek ma' Ġakobb bil-fedeltŕ,

bil-ħniena ma' Abraham,

bħalma ħlift lil missirijietna

minn żmien il-qedem.