LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

 

 

Home

Librerija

Blog

Arkivju

Links

Ikkuntatjana

 

 

 

 

IL-KNISJA TIĠĠEDDED U TIKBER

bil-ħila tAL-EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA

Intervista lil Mons. Rino Fisichella

Ħajr lis-Sur Tony Aquilina tat-traduzzjoni

 

RUMA, il-Ħamis 2 ta’ Diċembru, 2010 (www.ZENIT.org): “Ir-realtà hi li l-Knisja qed tiġġedded u tikber. Id-deċiżjoni li jingħata bidu għal evanġelizzazzjoni ġdida ma tteħditx bħala azzjoni ta’ difiża, imma ġejja mill-fatt li aħna konxji li l-Knisja hi msejħa biex tkun missjunarja”. Dan stqarru Mons. Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal- Evanġelizzazzjoni Ġdida, f’intervista li għamillu Zenit, li fiha wieġeb fuq l-inizjattiva tal-Papa li joħloq Dikasteru ġdid fil-Vatikan.

L-Arċisqof titulari ta’ Voghenza fisser li “l-evanġelizzazzjoni ġdida ma ssirx għax qed ngħixu fi żminijiet ta’ kriżi. L-evanġelizzazzjoni ġdida tfisser li nġeddu fina l-ispirtu missjunarju li għandu jkollu kull nisrani. Qed nitkellmu fuq xi ħaġa li għandha timxi mal-proċess tal-ewwel evanġelizzazzjoni li permezz tagħha s-Sinjur Tagħna Ġesù ried iwaqqaf il-Knisja u fdalha f’idejha din il-biċċa xogħol: li tmur u tiltaqa’ ma’ kull bniedem u tagħtih il-Vanġelu”.

 

Imma xi trid tagħmel biex jerġa’ jingħata bidu għal din il-missjoni u kif irridu nħossuna biex inwieġbu għal dmir bħal dan?

Fisichella: L-evanġelizzazzjoni ġdida teħtieġ missjunarji ġodda. Ma nistgħux noqogħdu madwar mejda biex nippjanaw kif se nagħmlu l-evanġelizzazzjoni ġdida għax jekk nagħmlu hekk ma taħdimx. Xogħolna jsir billi jkollna u nrabbu missjunarji ġodda.

Ngħid għalija, f’ħajti dejjem tajt sehemi u għallimt ir-reliġjon nisranija, għalhekk inħossni tajjeb f’din il-ħidma, u jiena niżżi ħajr lill-Qdusija Tiegħu għal din il-biċċa xogħol li fdali f’idejja. Naf tajjeb li din mhijiex faċli, imma li kelli nħossni mtaqqal biha, kont inkun bniedem tassew miskin. Iżda nista’ ngħid li ninsab mimli ħeġġa. Din hi xi ħaġa li dejjem xtaqt nagħmel, li nxerred il-Vanġelu.

 

X’tista’ tgħidilna xi ħaġa fuq il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida?

Fisichella: Il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida hi intuwizzjoni profetika tal-Papa Benedittu XVI u sfida kbira għall-ħajja tal-Knisja fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Hija intuwizzjoni profetika għax iġġegħelna naħsbu bis-serjetà fuq iż-żminijiet tallum. Hija ġġegħelna nifhmu l-mard li welled din il-kundizzjoni li nistgħu infissruh bħala indifferenza, anjostiċiżmu, atejiżmu pprofessat, individwaliżmu li qatt ma deher daqshekk qawwi bħal f’dawn l-aħħar sekli. F’kelma waħda sekolarizzazzjoni li fuqha l-Papa spiss jitkellem. Din il-kundizzjoni ġġiegħel lill-Knisja biex tifli minn fejn ġej dan il-mard kollu u biex tagħraf xi trid tagħmel biex tfejqu.

Għandna naħsbu fuq x’qed iwassal il-bniedem tallum li ma jimpurtah xejn mill-verità u mbagħad inħarsu lejn il-ġejjieni biex nerġgħu nqarrbu l-fidi mar-raġuni f’kundizzjoni ta’ djalogu u kollaborazzjoni. Irrid nisħaq li l-għażla libera u konsapevoli tal-fidi ma sserraħx fuq x’kienu jgħidu fl-antik, imma fuq rabta persunali ta’ ġrajja storika li biddlet wiċċ l-umanità u l-istess storja, jiġifieri l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù ta’ Nażaret.

Għandu jkollna l-ħila nqarrbu din il-kundizzjoni u nuru li l-laqgħa u l-esperjenza t’Alla hija kundizzjoni meħtieġa biex il-bnedmin tallum jerġgħu jsibu tassew is-sens ta’ ħajjithom.

Fi tweġiba fuq l-eklissi t’Alla li fuqha fuqha kien tkellem Pawlu VI, u li Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI ħasbu fil-fond fuqha, twieled il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida. Quddiem il-fatt li llum Alla qed jiġi mwarrab, aħna rridu niġbru l-forzi u l-konvinzjoni kollha tagħna biex il-bnedmin jerġgħu jpoġġu lil Alla fl-ewwel post ta’ ħajjithom u juru li Alla mhuwiex realtà li nistgħu ngħaddu mingħajrha, imma li rridu ngħixu ħajja tassew umana, ma nistgħux ngħaddu mingħajrU.

Fi kliem ieħor, aħna fid-dmir inwasslu mill-ġdid il-Vanġelu lill-irġiel u n-nisa tallum sabiex ħajjithom jgħixuha b’mod uman, biex huma jkollhom il-ħila jġeddu l-eżistenza tagħhom.

 

Kif għidtha int, tidher ħaġa faċli, imma rridu nsibu tarf ta’ ħafna problemi. Ħafna drabi naraw li l-Knisja mhijiex mifhuma. Jidher biċ-ċar li teżisti firda fil-mod kif il-fidi kienet titwassal lill-ġenerazzjonijiet qodma u kif qed titwassal lil dawk tallum. F’xi partijiet tal-Knisja jidher li jsiru biss attivitajiet awtoreferenzjali...

Fisichella: L-istorja tal-Knisja llum mhijiex differenti minn dik tal-imgħoddi. Anki fl-imgħoddi kellna mumenti mdawla u oħrajn le. Anki fl-imgħoddi għaddejna minn żminijiet diffiċli ħafna. Sa mill-ewwel sekli, imma anki matul it-tieni gwerra dinjija, saru atti ta’ krudeltà kbira min-naħa ta’ ideoloġiji totalitarji: naziżmu, faxxiżmu u komuniżmu, li lkoll kemm huma ħaduha qatta’ bla ħabel kontra l-Knisja.

Fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau kien hemm settur minnu li fih kien hemm 2,500 qassis internati minn naħat differenti tal-Ewropa. Ħafna minnhom inqatlu. Wieħed minn dawn is-saċerdoti li reġgħu lura mil-lager kien wieħed mid-diretturi tas-seminarju li kien jattendi Joseph Ratzinger. Dan kien jismu Alfred Läpple, rettur fil-formazzjoni u tħejjija għas-saċerdozju taż-żagħżugħ Ratzinger.

L-istorja tgħallimna li l-Knisja qatt ma kellha mixja faċli fil-ħajja tal-evanġelizzazzjoni, imma dejjem kellha xhieda kbar, nies kredibbli li ħabbru l-Vanġelu bla waqfien. Dak li jidher li nbidel hu li filwaqt li qabel kien hemm ċertu sens reliġjuż, kien hemm bħal kultura nisranija li qatt ma ġiet nieqsa, illum il-ġurnata nindunaw li dan is-sens reliġjuż f’ħafna naħat tad-dinja qed jintilef. Għalhekk ninsabu f’diffikultà serja meta niġu biex nitkellmu fuq Ġesù Kristu, fuq il-fidi u l-Knisja f’kuntest kulturali li jeħodha jew iwaqqa’ għaċ-ċajt dan kollu, u b’hekk joħroġ ċar li din il-kuxjenza issa ntilfet.

Li hu żgur hu li rridu nibdlu l-mod kif nitkellmu, irid ikollna aktar ħila li nikkomunikaw, irid ikollna aktar ħila li naċċettaw l-isfida tal-komunikazzjoni moderna, madankollu jibqa’ l-fatt li l-kontenut jibqa’ dejjem dak li hu. Għax kif kien jgħid l-appostlu San Pawl fl-ittra lil-Lhud, il-kristjaneżmu jibqa’ l-istess ilbieraħ, illum u dejjem’. Mela dak li kulħadd kien jemmen fih, f’kull naħa tad-dinja u dejjem, irid jiġi mħares, imma rridu niksuh b’lingwaġġ li jkun jista’ jiftiehem. Irridu nagħmlu ħilitna biex il-bniedem tallum ikun jista’ jara l-Mulej, jagħmel l-esperjenza li jdur lejh persunalment, iqanqal fih ix-xewqa li jagħmel l-esperjenza t’Alla, ta’ Ġesù Kristu u li jkun jifforma parti mill-Knisja.

 

Il-movimenti qed jiżdiedu, il-gruppi u l-għaqdiet qed iniedu inizzjattivi bil-għan li jqanqlu r-riflessjoni fuq l-importanza t’Alla f’ħajjitna. X’taħseb dwar dan?

Fisichella: Dak li rridu nagħmlu, inwasslu u nanimaw huwa proġett li għandu jkun sħiħ. Sfortunatament jiġri li aħna wkoll naqgħu vittmi tal-kundizzjoni kulturali li fiha qed ngħixu u għalhekk ma nistgħux nevitaw milli nkunu frammentarji. Isiru ħafna inizzjattivi, imma kull waħda tkun indipendenti mill-oħra, kulħadd jimxi wara l-kariżma tiegħu, li hi sabiħa ħafna imma nirriskjaw li nimxu f’settur limitat. Għal dan il-għan irridu nirkupraw dak li l-Knisja għandha li hu tagħha, jiġifieri l-għaqda, li niltaqgħu lkoll flimkien f’sens profond li lkoll kemm aħna nagħmlu parti mill-Knisja għax nafu li lkoll qed naħdmu għal għan wieħed li hu li nħabbru s-Saltna t’Alla fid-dinja tallum.

Għandna f’moħħna nqanqlu l-preżenza tar-realtajiet differenti li jaħdmu u jaħdmu sewwa ħafna fi ħdan il-qasam pastorali, lil dawk li jinsabu qrib u ’l bogħod, imma nagħmlu dan b’tali mod li wieħed ma jkunx maqtugħ mill-ieħor imma li kulħadd ikun jista’ jifhem li jagħmel parti sħiħa flimkien mal-oħrajn. Jekk ma jkunx hemm din il-preżenza li tgħaqqad aħna ma nkunux qed nagħtu sinjal effikaċi. Nixtieq infakkar li l-Kunċilju Vatikan II sejjaħ il-Knisja bħala sinjal u strument ta’ għaqda tal-bnedmin kollha. Jekk meta nħabbru l-Vanġelu ma nagħtux sinjal ta’ għaqda, allura nkunu qed nirriskjaw li dak li aħna nħabbru jkun jidher anqas effikaċi.

 

X’passi għandek f’moħħok li tieħu biex l-evanġelizzazzjoni ġdida timxi l quddiem?

Fisichella: Il-ħajja tal-ministeru tiegħi għadha fil-bidu tagħha. Bħala l-ewwel ħaġa għandna f’moħħna li nifhmu u nsiru nafu b’dak li diġà qed isir biex hekk il-gruppi kollha jsiru jafu lil xulxin biex jaħdmu flimkien b’mod sħiħ.

Għandna f’moħħna li nkunu ta’ servizz għall-Knisja b’mod speċifiku. Nittamaw li norganizzaw fl-aktar żmien qasir possibbli l-membri Kardinali u Isqfijiet, li magħhom se nieħdu sehem u nwettqu flimkien dan il-proġett. Ma ninsewx li l-Papa ddeċieda li l-Assemblea ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2012 se tkun iddedikata appuntu għal “l-evanġelizzazzjoni ġdida bil-għan li tixtered il-fidi nisranija”.

Se nfittxu li nimxu flimkien mal-isqfijiet kollha għax l-ewwel evanġelizzaturi huma l-Isqfijiet u wieħed mill-ħidmiet li l-Papa fdalna f’idejna hu eżattament dak li nagħmlu kuntatt partikulari mal-konferenzi tal-isqfijiet u li, fejn dan jista’ jseħħ, infittxu li nqanqlu l-preżenza ta’ organiżmu li jkun jista’ jaħdem għall-evanġelizzazzjoni ġdida. Kif jeżisti wieħed għall-katekeżi, ieħor għall-karità, l-istess għandu jsir wieħed għall-evanġelizzazzjoni ġdida.

 

L-evanġelizzazzjoni ġdida għandha x’taqsam biss mal-Ewropa?

Fisichella: Le. L-evanġelizzazzjoni ġdida m’għandhiex x’taqsam biss ma’ pajjiżi fejn il-Knisja ilha teżisti għal ħafna sekli. M’hemmx biss l-Ewropa. Kelli l-okkażjoni li niltaqa’ ma’ diversi Isqfijiet mill-Indja u minn pajjiżi oħra tal-lvant li qaluli li huma wkoll jeħtieġu l-evanġelizzazzjoni ġdida. Għall-ewwel bqajt skantat, imma fhimt li l-bliet il-kbar tad-dinja fil-kuntest ta’ globalizzazzjoni li qed ngħixu fih illum, mhumiex neqsin mill-fenomenu tas-sekolarizzazzjoni.

 

Fil-ktieb intervista “Luce del mondo” (Dawl tad-dinja), li għadu kemm ħareġ mill-Librerija Editrice Vaticana, il-Papa Benedittu XVI kiteb li anki jekk “il-kristjaneżmu mhux qed ifassal l-opinjoni pubblika dinjija, hemm oħrajn li qed jagħmlu hekk”, madankollu “fuq dak li nara u fuq dak li jirnexxili nagħmel esperjenza persunali, ninsab ħafna ottimist għall-fatt li l-kristjaneżmu jinsab fuq quddiem nett ta’ din id-dinamika ġdida”. X’raġunijiet hemm għal dan l-ottimiżmu?

Fisichella: Il-Papa għandu idea preċiża ħafna tar-realtà tal-Knisja. Fiż-żjajjar ad limina ma’ Isqfijiet mid-dinja kollha, hu jirċievi informazzjoni preċiża fuq il-kontinenti kollha, filwaqt li aħna xi drabi jkollna dehra xi ftit ġeografikament limitata u ħafna drabi nħarsu biss lejn l-Ewropa. Imma l-Papa għandu dehra globali. Il-Knisja tinsab fl-Afrika, fl-Amerika t’isfel, fl-Indja, fil-Korea t’isfel... U mit-tagħrif li għandna naraw li l-Knisja qed tikber.

Dalgħodu ltqajt ma’ Chiara Amirante bl-organizzazzjoni tagħha “Komunitajiet Orizzonti Ġodda”. Din tieħu ħsieb djar li huma mibnija fuq il-ħsieb tal-ewwel komunitajiet insara fejn kull ma hu mitlub minn dawk li jgħixu fihom hu li jagħmlu ħitilthom li jgħixu l-Vanġelu u li “jaħsbu b’mod pożittiv”. Għalkemm neqsin mill-mezzi li qatt ma huma biżżejjed biex jieħdu ħsieb tant nies li jinsabu fil-bżonn, illum il-Komunitajiet Orizzonti Ġodda jiltaqgħu ma’ miljuni ta’ nies, fis-skiet, imma ssir ħidma vera ta’ konverżjoni u bidla fil-qlub. Kif jista’ jkun ma tarax il-preżenza tal-Ispirtu, il-ħeġġa tal-Knisja, f’dawn l-inizzjattivi? Żgur li jekk naħsbu jew nimmaġinaw li l-Knisja hi biss dik li tiġi ppreżentata lilna minn xi mezzi ta’ komunikazzjoni tal-massa, joħroġ ċar li se jkollna dejjem dehra parzjali u mgħawġa. Imma l-Knisja mhijiex hekk. Il-Knisja hi ta’ kobor kbir li tibdel in-nies billi twasslilhom u tkunilhom xiehda tal-Vanġelu.


Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org