L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Ċelebrazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija Omm il-Knisja

 

 

CONGREGATIO DE CULTO DIVINO ET DISCIPLINA SACRAMENTORUM

 

DIGRIET

dwar iċ-ċelebrazzjoni

tal-Verġni Mqaddsa Marija

Omm il-Knisja

fil-Kalendarju Ġenerali Ruman

 

Il-qima hienja li l-Knisja fi żmienna għandha lejn l-Omm ta’ Alla, fid-dawl tar-riflessjoni fuq il-misteru ta’ Kristu u fuq in-natura proprja tiegħu, ma setgħet qatt tinsa lil dik il-figura ta’ Mara (ara Gal 4:4), il-Verġni Marija, li hija Omm Kristu u wkoll Omm il-Knisja.

 

Dan diġà b’xi mod kien preżenti f’dak li l-Knisja dejjem ħasset, ibda mill-kelmiet profetiċi ta’ Santu Wistin u ta’ San Ljun il-Kbir. Fil-fatt, tal-ewwel jgħid li Marija hi omm il-membri ta’ Kristu, għax bi mħabbitha kkoperat għat-twelid mill-ġdid tal-fidili fil-Knisja; l-ieħor, imbagħad, meta jgħid li t-twelid tar-Ras hu wkoll it-twelid tal-Ġisem, juri kif Marija hi fl-istess waqt omm Kristu, l-Iben ta’ Alla, u omm il-membri tal-ġisem mistiku tiegħu, jiġifieri tal-Knisja. Dawn il-kunsiderazzjonijiet joħorġu mill-maternità divina ta’ Marija u mir-rabta qawwija tagħha mal-opra tal-Feddej, li tilħaq il-quċċata tagħha fis-siegħa tas-salib.

 

Fil-fatt, l-Omm, li kienet maġenb is-salib (ara Ġw 19:25), laqgħet it-testment ta’ mħabba ta’ Binha u laqgħet lill-bnedmin kollha, miġbura fil-persuna tad-dixxiplu l-maħbub, bħala wlied imnissla mill-ġdid għall-ħajja divina, u hekk saret dik li bi mħabba tmantni lill-Knisja li Kristu nissel fuq is-salib, meta ta l-Ispirtu tiegħu. Min-naħa l-oħra, fid-dixxiplu l-maħbub, Kristu għażel lid-dixxipli kollha bħala vigarji ta’ mħabbtu lejn l-Omm, u fdaha lilhom biex jilqgħuha għandhom bi mħabba ta’ wlied.

 

Gwida attenta tal-Knisja li għadha titwieled, Marija għalhekk bdiet il-missjoni tagħha ta’ omm diġà sa miċ-Ċenaklu, fejn inġabret fit-talb mal-Appostli fl-istennija tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu (ara Atti 1:14). B’dan is-sentiment, mal-medda tas-sekli, il-pjetà Nisranija tat ġieħ lil Marija bit-titli, b’xi mod ekwivalenti, ta’ Omm tad-dixxipli, tal-fidili, ta’ dawk li jemmnu, ta’ dawk kollha li jitwieldu mill-ġdid fi Kristu, u anki ta’ “Omm il-Knisja”, kif jidher fit-testi ta’ awturi spiritwali u anki tal-maġisteru ta’ Benedittu XIV u Ljun XIII.

 

Minn dan jirriżulta b’mod ċar fuq liema bażi l-Beatu Papa Pawlu VI, nhar il-21 ta’ Novembru 1964, fl-għeluq tat-tielet Sessjoni tal-Konċilju Vatikan II, iddikjara lill-Imqaddsa Verġni Marija “Omm il-Knisja, jiġifieri tal-poplu Nisrani kollu, kemm tal-fidili u kemm tar-Ragħajja, li jsejħulna bħala Omm l-iżjed maħbuba”, u ried li “l-poplu Nisrani kollu dejjem jagħti iżjed ġieħ lill-Omm ta’ Alla b’dan l-isem mill-aktar ħelu”.

 

Għaldaqstant, is-Sede Appostolika, fl-okkażjoni tas-Sena Mqaddsa tar-Rikonċiljazzjoni (1975), kienet ipproponiet quddiesa votiva f’ġieħ l-Imqaddsa Marija Omm il-Knisja, li mbagħad iddaħħlet fil-Missal Ruman; tat ukoll il-fakultà li tiżdied l-invokazzjoni ta’ dan it-titlu fil-Litanija Lawretana (1980) u xandret formularji oħra fil-ġabra tal-quddies tal-Verġni Mqaddsa Marija (1986); lil xi nazzjonijiet, djoċesijiet u familji reliġjużi li talbuha, tat li jżidu din iċ-ċelebrazzjoni mal-Kalendarju partikulari tagħhom.

 

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, wara li qies b’reqqa kemm it-tixrid ta’ din il-qima jista’ jgħin biex joktor is-sens matern tal-Knisja fir-Ragħajja, fir-reliġjużi u fil-fidili, kif ukoll id-devozzjoni ġenwina Marjana, stabbilixxa li t-tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija, Omm il-Knisja, tinkiteb fil-Kalendarju Ruman nhar it-Tnejn wara Għid il-Ħamsin u tiġi ċċelebrata kull sena.

 

Din iċ-ċelebrazzjoni tgħinna niftakru li l-ħajja Nisranija, biex tikber, trid tkun ankrata fil-misteru tas-Salib, fl-offerta ta’ Kristu fl-ikla Ewkaristika, fil-Verġni li tagħti lilha nfisha, Omm il-Feddej u omm il-mifdija.

 

Għalhekk, din it-tifkira għandha tidher fil-Kalendarji u l-Kotba liturġiċi kollha għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u tal-Liturġija tas-Sigħat; it-testi liturġiċi tagħha huma mehmuża ma’ dan id-digriet u t-traduzzjonijiet tagħhom, approvati mill-Konferenzi Episkopali, jixxandru wara l-konferma min-naħa ta’ dan id-Dikasteru.

 

Fejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, Omm il-Knisja, skont in-norma tal-liġi partikulari approvata, diġà qed tiġi ċċelebrata f’jum differenti bi grad liturġiku ogħla, anki fil-ġejjieni tista’ tiġi ċċelebrata b’dan il-mod.

 

Minkejja kull ħaġa kuntrarja.

 

Mis-sede tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, 11 ta’ Frar 2018, tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes.

 

Kardinal Robert Sarah

Prefett

 

+ Arthur Roche

Arċisqof Segretarju

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta