L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Marija u l-Beatitudnijiet

 

Ara l-pittura f'aktar dettal ...

IL-PRIEDKA TAL-MUNTANJA

Fiha Ġesù jibda bil-beatitdnijiet. F'dan id-dettall mill-pittura, Marija tidher rasha baxxuta tirrifletti dwar kliem Ġesù.

Tfajjel li hemm warajha qed jipponta lejha waqt li farfett ċkejken jidher jittajjar fuq rasha.

Fuq in-naħa l-oħra tax-xena hemm raġel bilqegħda maġenb Ġesù. Ħarstu hija ffissata lejn Marija, li hija mudell għalina għall-mod kif għexet b'mod eżemplari l-beatitudnijiet priedkati minn Binha. 

 


 

Kitba ta' Deborah M,

Catholic Community Forum online.

Miġjub mill-Ingliż għall-Malti

minn

Francesco Pio Attard

 

Aħna u nisimgħu r-rakkont tal-Beatitudnijiet mill-Vanġelu ta’ San Mattew, nistgħu nistħajlu lil Marija qed tisma’ d-Diskors tal-Muntanja waqt li Ġesù qed jipprietka.

B’mod partikulari l-Beatitudnijiet, li qishom “ritratt” li Ġesù tana tiegħu nnifsu, żgur li waqgħu bħal żerriegħa tajba fuq l-art għammiela ta’ qalbha.

Billi Marija kienet ħielsa mid-dnub, min jaf kemm semgħet ċar u ħabbet il-Verità f’kull kelma li lissen Binha. Hi żammet kollox fil-qalb tagħha u ħasbet fuq kif setgħet twettaq il-Verità li semgħet. L-“Iva” fidila tagħha baqgħet dejjem f’qalbha, u Kelmtu għamlet il-frott f’kull ħsieb, kelma u għemil li hi, fl-imħabba tagħha, offriet lil Alla.

Ejjew nirriflettu fuq kull waħda mill-Beatitudnijiet f’rabta ma’ Marija.

 

 

Mt 5:3 “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet”.

 

Bħal Ġesù, Marija għexet fi spirtu ta’ faqar. Hi rċiviet kollox mill-Missier u għarfet li ruħha riedet “issebbaħ” lill-Mulej. L-ispirtu tagħha thenna fih. Hi kienet tassew “imbierka u hienja” għax is-Saltna tas-Smewwiet kienet fiha. Kienet semgħet lill-Anġlu jlissnilha li kienet mimlija bil-grazzja, li l-Mulej ħa grazzja magħha; imqar qabel ma l-Iben qaddis ta’ Alla sar Binha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

 

Marija hi l-Omm u x-Xempju tagħna u għalhekk nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Qegħdin ngħixu aħna fi spirtu ta’ faqar u nagħrfu li dak kollu li għandna ġej minn Alla, jew iktar ħsiebna fina nfusna bħala l-għajn u ċ-ċentru ta’ dak kollu li għandna? Aħna mbierka u henjin għax nafu li l-Magħmudija tagħna daħħlitna fis-Saltna tiegħu u ninsabu fi vjaġġ lejn darna fil-Ġenna? Aħna tassew konvinti mill-grazzja tremenda tal-ħajja ta’ Alla li fiha għandna sehem, u li biex nagħmlu dan għandna l-għajnuna tiegħu? Qed nisimgħu kontinwament minn Ġesù biex nistgħu nikbru fih kif għamlet Marija?

 

Ejjew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina hu lejn għarfien ikbar ta’ Marija, bniedma bħalna, li tat lilha nfisha għalkollox fl-imħabba lejn Alla.

 

 

Mt 5:4 “Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”.

 

Fil-Vanġelu tal-Preżentazzjoni nisimgħu kliem Xmun lil Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna” (Lq 2:34-35).

 

Ma nafx setax kien hemm persuna umana b’“dulur” ikbar minn ta’ Marija hija u tibki f’riġlejn is-Salib. Imma b’xi mod misterjuż, Alla taha l-“faraġ” fl-għaqda tagħha ma’ Ġesù u mar-rieda tal-Missier. “Nibku” kemm nibku f’ħajjitna, nistgħu nsibu l-faraġ ta’ Alla mqar hawn f’din id-dinja billi bħal Marija llissnu l-“Iva” tagħna għar-rieda ta’ Alla.

 

Alla jagħtina l-grazzja tiegħu biex nissaportu dak kollu li jista’ jippermetti f’ħajjitna, u bil-fidi kollha mħabba nistgħu nafdaw li hu jridilna l-ġid, imqar meta qalbna qed tħoss biss is-sejf jinfidha.

 

 

Mt 5:5 “Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art”.

 

Forsi drajna wisq nisimgħu ċerti versi li fil-verità ma nkunux nagħtu widen sew għalihom. Għalhekk, bil-grazzja ta’ Alla, inkomplu nisimgħu bħal Marija l-kliem ta’ Alla għalina. Hi żammet Kelmtu f’qalbha u ħasbet fuqha bejn u bejn ruħha. Kemm għożżot kull kelma li lissen Ġesù!

 

Iktar tard fl-istess Vanġelu ta’ Mattew, Ġesù qal: “Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli…” (Mt 11:28-30). Marija lil Ġesù kienet tafu iżjed minn kull persuna oħra li semgħetu, imma xorta baqgħet tisimgħu u tikber fir-relazzjoni tagħha miegħu u mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu. Marija ħasbet fuq it-twelid umli u fqajjar tiegħu u l-ubbidjenza ħelwa u umli li wera Ġesù lejha u lejn Ġużeppi. Hi baqgħet taħseb u tgħix il-Verità li semgħet. Kemm kienet kbira l-umiltà tagħha meta ratu msallab, u l-istess ruħha sfat minfuda!

 

Issa hi ssaltan bħala Reġina tas-Sema u tal-art.

 

Hekk aħna wkoll irridu nitgħallmu minn Ġesù, kif għamlet Marija, biex għad nistgħu nsaltnu magħhom.

 

 

Mt 5:6 “Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin”.

 

Din il-Beatitudni dritt tfakkarna fil-Kantiku ta’ Marija: “Mela bil-ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn” (Lq 1:53). Meta Marija lissnet dawn il-kelmiet lil Eliżabetta, Ġesù Tarbija kien qed jgħammar f’ġufha. Marija kienet imtliet bil-grazzja mat-tnissil tagħha, u issa hi fil-Kantiku tagħha tgħanni kelmiet profetiċi għalina: telgħet ix-Xemx tal-Ġustizzja biex taqta’ l-ġuħ kollu tagħna għall-qdusija.

 

Dawk li ma jilqgħux lil Ġesù, dawk li jaħsbu li huma “għonja” biżżejjed mingħajru, dawk li ma jfittxux li jsiru jafuh, se jisimgħuh jgħid: “Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen” (Mt 7:23).

 

Ejjew nersqu għand Ġesù u Marija, u nisimgħu minn Ġesù kif għamlet hi. Ejjew inpattu għall-Imħabba bl-imħabba.

 

Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek. Kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek. Marija, Omm u Xempju tagħna, itlob għalina.

 

 

Mt 5:7 “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena”.

 

Marija, taħt is-Salib ta’ Binha, semgħetu jgħid dawn il-kelmiet: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Kif kienet wieqfa hemm, nistħajjilha tiftakar il-beatitudni tal-ħniena.

 

Meta Marija semgħet lil Ġesù jipprietka l-Beatitudnijiet għall-ewwel darba, min jaf ħasbitx bejnha u bejn ruħha li hu kien qed jgħallem lill-oħrajn ikunu bħalu? Marija kienet taf l-imħabba ta’ Alla fil-qalb tagħha iżjed minn kull persuna oħra. Kienet ġarret fi ħdanha l-Imħabba Inkarnata għal disa’ xhur sħaħ u ratu jikber u jsir raġel, u emmnet li hu ħabbna tant li għażel li jsir wieħed minna. Xi Ħniena bla tarf hu Alla tagħna!

 

F’riġlejn is-salib biss setgħet tara l-qawwa tal-ħniena tiegħu meta tneżża’ minn kollox, b’qalbu tnixxi demm u ilma hekk kif ħalla li tiġi minfuda għal imħabbitna. F’dak il-ħin hi ħasset qalbha tintifed ukoll u għarfet li bil-grazzja tiegħu hi wkoll setgħet tħenn bħalu.

 

O Ħniena Divina, imla lil qlubna bl-imħabba tiegħek, kif int imlejt il-qalb ta’ Marija. Agħmilna ħanina bħalek.

 

 

Mt 5:8 “Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla”.

 

Kemm hi sabiħa din il-Beatitudni! Mnejn ħa nibdew? Mill-Qalb ta’ Alla, li tant ħabbna li bagħtilna lil Ibnu. Fil-Qalb ta’ Ġesù aħna naraw lil Alla u nitgħallmu nkunu bħalu: ta’ qalb ħelwa u umli. In-nar tal-imħabba jħeġġeġ fil-Qalb ta’ Ġesù jnaddafna u jsaffina, biex hawn fuq din l-art nistgħu “naraw” bil-fidi fih, u jum wieħed għad naraw lil Alla fil-Viżjoni Beatifika.

 

Marija kienet meħlusa minn kull tebgħa sa mit-tnissil tagħha u qatt ma tilfet is-safa fil-qalb tagħha. Hi dejjem “rat lil Alla” bl-għajnejn tal-fidi. Anki qabel ma ħarset lejn wiċċ Ġesù, il-Kelma li saret laħam, hi ħarset lejh bil-fidi.

 

Mela aħna, bil-Magħmudija tagħna, aħna mnaddfin u bil-fidi nistgħu “naraw” lil Alla. Kemm għandna bżonn nibqgħu nikbru fis-safa tal-qalb! Kemm għandna bżonn insammru ħarsitna fuq Ġesù ħaj f’Marija u nitgħallmu minnu – biex nistgħu naraw lil Alla, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, għal dejjem!

 

 

Mt 5:9 “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla”.

 

Meta nħarsu madwarna u naraw x’inhu għaddej fil-Lvant Nofsani u fi nħawi oħra tad-dinja, nistgħu napprezzaw aktar il-bżonn ta’ “dawk li jġibu l-paċi”.

 

Kif kienet “iġġib il-paċi” fi żmienha Marija? U kif tagħmel dan illum? Hi u tisma’ lil Ġesù jlissen dawn il-kelmiet, Marija aktar ftakret fl-Anġli jgħannu s-sliem fi twelidu. Kienet taf li Ġesù kien il-Prinċep tas-Sliem u f’qalbha aktarx ħasbet kif hi wkoll kienet imsejħa tieħu sehem fil-paċi tiegħu.

 

Marija kienet dejjem ħsieb wieħed u qalb waħda ma’ Ġesù, u għalhekk talbet għall-paċi u għexet fil-paċi tiegħu miegħu. Fis-Sema, hi tkompli tgħix fil-paċi tiegħu u flimkien ma’ Binha tinterċedi għalina.

 

Din hi wkoll is-sejħa tagħna: li nilqgħu l-paċi ta’ Ġesù, li nibqgħu fih (Ġw 15), u li nitolbu f’għaqda miegħu biex inkunu lkoll ħaġa waħda kif hu mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu. Aħna wlied Alla f’Ibnu l-Waħdieni, Ġesù Kristu. Fit-talb nistgħu anki nħossuna msejħin inwettqu għemejjel oħra ta’ paċi wkoll, imma jkunu xi jkunu kliemna u għemilna dwar il-paċi, ejjew, bil-grazzja tiegħu, nibqgħu fih.

 

Jgħid is-Salm 122:6: “Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm!”.

 

 

Mt 5:10Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”.

 

L-aħħar Beatitudni qed ngħixuha dejjem iktar, iżjed ma noqorbu lejn l-aħħar taż-żmien. Nistgħu nħarsu lejn Marija u naraw kif hi mxiet wara Ġesù anki sat-tmiem “kiefer imma ħelu” tal-Kalvarju. Nużaw l-espressjoni “kiefer imma ħelu” bl-istess mod li Dun Karm jikteb “tan-niket il-hena” u li l-Liturġija tal-Lejl Qaddis tal-Għid issemmi l-“ħtija hienja” li ġabet lil Ġesù u l-fidwa tagħna. Bla dubju, il-Kalvarju ma kienx it-“tmiem” imma l-“bidu”.

 

Ġesù fl-Iskrittura jwissina li kif ippersegwitaw lilu, hekk id-dixxipli tiegħu għad jiġu ppersegwitati, biex hekk ma “nistagħġbux” jekk dan jiġri: “Ftakru fil-kelma li għedtilkom: il-qaddej mhuwiex akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll; jekk ħarsu l-kelma tiegħi, għad iħarsu tagħkom ukoll” (Ġw 15:20).

 

Marija, il-Qaddejja dejjem fidila tal-Mulej, intasbet taħt is-Salib u qasmet ma’ Ġesù l-mistħija u n-niket. Hi diġà kienet qed tgħix fis-Saltna tiegħu li kienet tgħammar f’qalbha, imma kellha tistenna sakemm hu aktar tard isejħilha lura d-dar fil-Viżjoni Beatifika.

 

Xi ġmiel ta’ Omm u Xempju għalina dik li d-dixxiplu l-maħbub laqa’ f’daru u f’ħajtu! Ejjew nagħmlu l-istess. Ejjew, bħal Ġwanni u l-qaddisin kollha, nitgħallmu minn Marija xi jfisser inkunu dixxipli fidili ta’ Ġesù. Ħa nitgħallmu minn Ġesù u minn Marija kif għandna ngħixu l-Beatitudnijiet.