L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Magnum Principium

 

 

 

ITTRA APPOSTOLIKA

F’GĦAMLA TA’ “MOTU PROPRJU”

TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FRANĠISKU

“Magnum Principium”

LI BIHA JIĠI MMODIFIKAT IL-KAN. 838

TAL-KODIĊI TAD-DRITTU KANONIKU

 

Il-prinċipju importanti, ikkonfermat mill-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, li bih it-talba liturġika, adattata biex jifhimha l-poplu, tista’ tiġi mifhuma, talbet il-ħidma kbira, fdata lill-Isqfijiet, li jintroduċu l-ilsien tal-post fil-liturġija u jħejju u japprovaw il-verżjonijiet tal-kotba liturġiċi.

 

Il-Knisja Latina kienet konxja mis-sagrifiċċju imminenti tat-telfa parzjali tal-ilsien Latin liturġiku tagħha, imħaddem fid-dinja kollha matul is-sekli, madankollu fetħet minn qalbha l-bieb għal dawk il-verżjonijiet, li bħala parti mill-istess riti, saru leħen tal-Knisja li tiċċelebra l-misteri mqaddsa, flimkien mal-ilsien Latin.

 

Fl-istess waqt, speċjalment wara l-bosta fehmiet espressi b’mod ċar mill-Padri Konċiljari dwar l-użu tal-ilsien tal-post fil-liturġija, il-Knisja kienet konxja mid-diffikultajiet li setgħu jinqalgħu f’dan il-qasam. Minn naħa, kien meħtieġ li l-ġid tal-fidili ta’ kull età u kultura u d-dritt tagħhom għal sehem konxju u attiv fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi jiġu mxierka mal-għaqda sostanzjali tar-Rit Ruman; min-naħa l-oħra, l-istess ilsna tal-post spiss b’mod progressiv biss setgħu jsiru ilsna liturġiċi, mhux ifqar fil-ġmiel mil-Latin liturġiku għall-eleganza tal-istil u s-serjetà tal-kunċetti bl-għan li jsaħħu l-fidi.

 

Għal dan kienu mmirati ċerti Liġijiet liturġiċi, Istruzzjonijiet, Ittri ċirkulari, indikazzjonijiet u konfermi tal-kotba liturġiċi fl-ilsna vernakulari maħruġa mis-Sede Appostolika diġà minn żmien il-Konċilju, u għalhekk kemm qabel u kemm wara l-liġijiet stabbiliti fil-Kodiċi tad-Drittu Kanoniku. Il-kriterji indikati kienu u jibqgħu jiswew b’mod ġenerali u, sa fejn hu possibbli, għandhom jiġu osservati mill-Kummissjonijiet liturġiċi bħala għodod xierqa biex, fil-firxa wiesgħa ta’ ilsna, il-komunità liturġika tista’ tasal għal stil espress b’mod xieraq u li jaqbel mal-partijiet singoli, iżżomm l-integrità u l-fedeltà kollha fl-attenzjoni, speċjalment fit-traduzzjoni ta’ xi testi ta’ importanza ikbar f’kull ktieb liturġiku.

 

It-test liturġiku, bħala sinjal ritwali, hu mezz ta’ komunikazzjoni orali. Imma għal dawk li jiċċelebraw b’fidi r-riti mqaddsa, anki l-kelma hi misteru: fil-fatt, meta jitlissen il-kliem, b’mod partikulari meta tinqara l-Iskrittura Mqaddsa, Alla jkellem lill-bnedmin, Kristu nnifsu fil-Vanġelu jkellem lill-poplu tiegħu li, waħdu jew permezz taċ-ċelebrant, iwieġeb bit-talb lill-Mulej fl-Ispirtu s-Santu.

 

L-għan tat-traduzzjonijiet tat-testi liturġiċi u tat-testi bibliċi, għal-Liturġija tal-Kelma, hu li jħabbru lill-fidili l-kelma tas-salvazzjoni f’ubbidjenza għall-fidi u jesprimu t-talba tal-Knisja lill-Mulej. Għal dan il-għan hu meħtieġ li jitwassal fedelment lil poplu determinat, permezz tal-ilsien tiegħu, dak li l-Knisja riedet twassal lil poplu ieħor permezz tal-ilsien Latin. Imqar jekk il-fedeltà mhux dejjem tista’ tiġi mgħarbla minn kliem singolu imma dan isir fil-kuntest tal-att kollu tal-komunikazzjoni u skont il-ġeneru letterarju proprju, madankollu xi termini partikulari għandhom jitqiesu anki fil-kuntest tal-fidi Kattolika sħiħa, għax kull traduzzjoni tat-testi liturġiċi għandha tkun fi qbil mad-duttrina t-tajba.

 

Ma nistagħġbux li, matul din il-mixja twila ta’ ħidma, qamu xi diffikultajiet bejn il-Konferenzi Episkopali u s-Sede Appostolika. Biex id-deċiżjonijiet tal-Konċilju dwar l-użu tal-lingwi tal-post fil-Liturġija jistgħu jgħoddu anki fiż-żminijiet li ġejjin, hi meħtieġa qatigħ kollaborazzjoni kostanti mimlija fiduċja reċiproka, attenta u kreattiva, bejn il-Konferenzi Episkopali u d-Dikasteru tas-Sede Appostolika li jeżerċita d-dmir li jippromovi l-Liturġija mqaddsa, jiġifieri l-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti. Għalhekk, biex jissokta t-tiġdid tal-ħajja liturġika kollha, deher opportun li xi prinċipji mgħoddija lilna sa minn żmien il-Konċilju jiġu mseddqa b’mod iżjed ċar u mqiegħda fil-prattika.

 

Ċertament irridu nagħtu attenzjoni lis-siwi u lill-ġid tal-fidili, bla ma ninsew lanqas id-dritt u d-dmir tal-Konferenzi Episkopali li, flimkien mal-Konferenzi Episkopali ta’ reġjuni li għandhom l-istess ilsien tagħhom u mas-Sede Appostolika, jagħmlu mod u jistabbilixxu li, waqt li jitħares il-karattru ta’ kull ilsien, joħroġ b’mod sħiħ u fidil is-sens tat-test oriġinali u li l-kotba liturġiċi tradotti, anki wara l-adattamenti, ikunu dejjem mera tal-għaqda tar-Rit Ruman.

 

Biex nagħmlu iżjed faċli u għammiela l-kollaborazzjoni bejn is-Sede Appostolika u l-Konferenzi Episkopali f’dan is-servizz lill-fidili tagħhom, wara li smajt il-parir tal-Kummissjoni tal-Isqfijiet u l-Esperti [Periti] minni mwaqqfa, qed nipprovdi, bl-awtorità fdata lili, li d-dixxiplina kanonika attwalment applikata fil-kan. 838 tal-CIC tiġi iżjed iċċarata, biex, skont dak espress fil-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, b’mod partikulari fl-artikli 36 §§ 3. 4, 40 u 63, u fl-Ittra Appostolika Motu Proprju Sacram Liturgiam, n. IX, tidher aħjar il-kompetenza tas-Sede Appostolika dwar it-traduzzjonijiet tal-kotba liturġiċi u l-adattamenti iżjed profondi, li fosthom jistgħu jinkludu wkoll testi ġodda li jiddaħħlu fihom, stabbiliti u approvati mill-Konferenzi Episkopali.

 

F’dan is-sens, fil-futur il-Kan. 838 għandu jinqara kif ġej:

 

Kan. 838 – § 1. Ir-regolamentazzjoni tal-liturġija mqaddsa tiddipendi unikament mill-awtorità tal-Knisja: hi kompetenza proprja tas-Sede Appostolika u, skont l-Liġi Kanonika [id-Drittu], tal-Isqof djoċesan.

§ 2. Hi kompetenza tas-Sede Appostolika li tordna l-liturġija mqaddsa tal-Knisja universali, tippubblika l-kotba liturġiċi, tirrevedi[1] l-adattamenti approvati skont il-Liġi Kanonika [id-Drittu] mill-Konferenza Episkopali, u wkoll li tara li n-normi liturġiċi jiġu osservati fedelment kullimkien.

§ 3. Il-Konferenza Episkopali għandha tħejji fedelment it-traduzzjonijiet [il-verżjonijiet] tal-kotba liturġiċi fl-ilsna prevalenti, adattati skont il-bżonn fil-limiti definiti, tapprova u tippubblika l-kotba liturġiċi, għar-reġjuni li għalihom huma relevanti, wara l-konferma tas-Sede Appostolika.

§ 4. Huwa l-Isqof djoċesan li fil-Knisja fdata lilu għandu, fil-limiti tal-kompetenza tiegħu, jagħti normi f’materja liturġika, li kulħadd hu marbut bihom.

 

Konsegwentement, hekk għandhom jiġu interpretati kemm l-art. 64 § 3 tal-Kostituzzjoni Appostolika Pastor Bonus u kemm il-liġijiet l-oħra, b’mod partikulari dawk li jinsabu fil-kotba liturġiċi, dwar it-traduzzjonijiet [il-verżjonijiet] tagħhom. Bl-istess mod niddisponi li l-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti timmodifika r-“Regolament” tagħha fid-dawl tad-dixxiplina l-ġdida u tgħin lill-Konferenzi Episkopali biex iwettqu l-ħidma tagħhom u tħabrek biex tippromovi dejjem iżjed il-ħajja liturġika tal-Knisja Latina.

 

Dan li ġie stabbiliti b’din l-Ittra appostolika f’għamla ta’ “motu proprju”, nordna li jiġi fis-seħħ b’mod sod u stabbli, minkejja kull ħaġa kuntrarja anki jekk jixirqilha li tissemma b’mod speċjali, u li jiġi ppromulgat permezz tal-pubblikazzjoni fuq L’Osservatore Romano, u jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2017, meta jiġi mxandar fuq l-Acta Apostolicæ Sedis.

 

Mogħti Ruma, f’San Pietru, fit-3 ta’ Settembru 2017, il-ħames tal-Pontifikat tiegħi.

 

Franġisku

 

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Ħajr ukoll lil Monsinjur Arthur Said Pullicino

 


 

[1] Fil-verżjoni Taljana tal-CIC, komunement fl-użu, il-verb “recognoscere” hu tradott “tawtorizza”, imma n-Nota esplicativa tal-Kunsill Pontifiċju għall-interpretazzjoni tat-Testi Leġislattivi ppreċiżat li r-recognitio “mhix approvazzjoni ġenerika u sommarja u wisq inqas sempliċi ‘awtorizzazzjoni’, imma eżami jew reviżjoni attenta u dettaljata…” (28 ta’ April 2006).