Misericordiæ Vultus

BOLLA TAL-INDIZZJONI

TAL-ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

FRANĠISKU ISQOF TA’ RUMA

QADDEJ TAL-QADDEJJA TA’ ALLA

LIL DAWK KOLLHA LI JAQRAW DIN L-ITTRA

GRAZZJA, ĦNIENA U SLIEM 

1. Ġesù Kristu hu wiċċ il-ħniena tal-Missier.  Il-misteru tal-fidi Nisranija donnu jsib f’din il-kelma l-ġabra sħiħa tiegħu.  Hi saret ħajja, viżibbli u laħqet il-quċċata tagħha f’Ġesù ta’ Nazareth.  Il-Missier, “għani fil-ħniena” (Efes 2:4), wara li wera ismu lil Mosè bħala “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà” (Eż 34:6), ma hediex, b’ħafna modi u f’bosta waqtiet tal-istorja, jgħarraf in-natura divina tiegħu.  Fil-“milja taż-żminijiet” (Gal 4:4), meta kollox kien imqiegħed fl-ordni skont il-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni, Hu bagħat lil Ibnu mwieled mill-Verġni Marija biex jurina darba għal dejjem l-imħabba tiegħu.  Min jara lilU jara lill-Missier (ara Ġw 14:9).  Ġesù ta’ Nazareth bil-kelma tiegħu, bil-ġesti tiegħu u bil-persuna sħiħa tiegħu[1] juri l-ħniena ta’ Alla. 

2. Dejjem hemm bżonn nikkontemplaw il-misteru tal-ħniena.  Hu għajn ta’ hena, ta’ serħan u ta’ sliem.  Hi kundizzjoni għas-salvazzjoni tagħna.  Ħniena: din hi l-kelma li turi l-misteru tat-Trinità Qaddisa.  Ħniena: din hi l-aqwa u l-ogħla att li bih Alla jiġi jiltaqa’ magħna.  Ħniena: hi l-liġi fundamentali li tgħammar fil-qalb ta’ kull bniedem meta jħares b’għajnejn sinċiera lejn ħuh li miegħu jiltaqa’ tul il-mixja tal-ħajja.  Ħniena: hi t-triq li ssieħeb lill-bniedem ma’ Alla, għax tiftaħ il-qalb għat-tama li aħna maħbuba għal dejjem minkejja l-limiti tad-dnub tagħna. 

3. Hemm waqtiet li fihom b’mod aqwa aħna msejħin inwaqqfu ħarsitna fuq il-ħniena biex aħna stess insiru sinjal effikaċi tal-Missier li jaħdem f’ħajjitna.  Hu għalhekk li jien sejjaħt Ġublew Straordinarju tal-Ħniena bħala żmien tajjeb għall-Knisja, biex isaħħaħ u jagħmel iżjed effikaċi x-xhieda ta’ dawk li jemmnu.  

Is-Sena Mqaddsa sa tiftaħ fit-8 ta’ Diċembru 2015, solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni.  Din il-festa liturġika tikxef il-mod ta’ kif Alla ilu jaħdem sa mill-bidu tal-istorja tagħna.  Wara d-dnub ta’ Adam u Eva, Alla ma riedx jitlaq waħdu lill-bniedem f’ħalq il-ħażen.  Għalhekk hu ħaseb u ried lil Marija, qaddisa u bla tebgħa fl-imħabba (ara Efes 1:4), biex issir Omm il-Feddej tal-bniedem.  Quddiem il-gravità tal-ħażen, Alla jwieġeb bil-milja tal-maħfra.  Il-ħniena dejjem se tkun ikbar minn kull dnub, u ħadd ma jista’ jqiegħed limitu għall-imħabba ta’ Alla li jaħfer.  Hu pjaċir tiegħi li fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni sa nkun nista’ niftaħ il-Bieb Imqaddes.  F’din l-okkażjoni dan sa jkun Bieb tal-Ħniena, li kull min jidħol minnu jkun jista’ jduq l-imħabba ta’ Alla li jfarraġ, li jaħfer u li jimla bit-tama. 

Il-Ħadd ta’ wara, it-Tielet Ħadd tal-Avvent, jinfetaħ il-Bieb Imqaddes fil-Katidral ta’ Ruma, il-Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran.  Warajh, jinfetaħ il-Bieb Imqaddes fil-Bażiliċi Papali l-oħra.  Fl-istess Ħadd nixtieq li f’kull Knisja partikulari, fil-Katidral li hu l-Knisja Omm għall-fidili kollha, jew inkella fil-Konkatidral jew fi knisja ta’ sinifikat speċjali, jinfetaħ għal matul is-Sena Mqaddsa kollha Bieb tal-Ħniena tal-istess għamla.  Fuq għażla tal-Ordinarju, dan jista’ jinfetaħ ukoll fis-Santwarji, miżjura minn tant pellegrini, li f’dawn l-imkejjen imqaddsa l-grazzja spiss tmissilhom qalbhom u jsibu t-triq tal-konverżjoni vera.  Kull Knisja partikulari, għalhekk, sa tieħu sehem dirett u tista’ tgħix din is-Sena Mqaddsa bħala mument straordinarju ta’ grazzja u ta’ tiġdid spiritwali.  Għaldaqstant, il-Ġublew sa jkun iċċelebrat f’Ruma kif ukoll fil-Knejjes partikulari bħala sinjal viżibbli tal-komunjoni tal-Knisja kollha. 

4. Għażilt id-data tat-8 ta’ Diċembru għax hi mogħnija b’tifsiriet għall-istorja riċenti tal-Knisja.  Fil-fatt sa niftaħ il-Bieb Imqaddes fil-ħamsin anniversarju mill-għeluq tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.  Il-Knisja tħoss il-ħtieġa li żżomm ħajja dik il-ġrajja.  Għaliha hemm bdiet mixja ġdida fl-istorja tagħha.  Il-Padri miġbura fil-Konċilju kienu ħassew qawwija, bħal nifs veru tal-Ispirtu, il-ħtieġa li jitkellmu dwar Alla mal-bnedmin ta’ żmienhom b’mod li jinftiehem iżjed.  Imġarrfa l-ħitan li għal wisq żmien kienu għalqu lill-Knisja f’sur ipprivileġġjat, kien wasal issa ż-żmien li l-Vanġelu jiġi mxandar b’mod ġdid.  Tappa ġdida fl-evanġelizzazzjoni ta’ dejjem.  Impenn ġdid għall-Insara kollha biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom b’iżjed ħeġġa u konvinzjoni.  Il-Knisja ħasset ir-responsabbiltà li tkun fid-dinja s-sinjal ħaj tal-imħabba tal-Missier. 

Jiġuni f’moħħi l-kelmiet mimlija sinifikat li San Ġwanni XXIII lissen fil-ftuħ tal-Konċilju biex juri l-mixja li kellha taqbad il-Knisja: “Fi żminijietna, l-Għarusa ta’ Kristu tippreferi tuża d-duwa tal-ħniena flok taqbad l-armi tas-severità ħarxa…  Il-Knisja Kattolika, waqt li b’dan il-Konċilju Ekumeniku terfa’ fl-għoli l-musbieħ tal-verità Kattolika, tixtieq turi ruħha bħala omm mimlija mħabba għal kulħadd, twajba, tistabar, imqanqla mill-ħniena u mit-tjieba lejn l-ulied li nfirdu minnha”.[2]  Fuq l-istess xefaq nilmħu wkoll lill-Beatu Pawlu VI, li hekk esprima ruħu fl-għeluq tal-Konċilju: “Pjuttost nixtiequ ninnotaw kif ir-reliġjon tal-Konċilju tagħna kienet prinċipalment l-imħabba…  L-istorja antika tas-Samaritan kienet il-mudell tal-ispiritwalità tal-Konċilju…  Mill-Konċilju nixxa fuq id-dinja moderna tal-bnedmin kurrent ta’ mħabba u ta’ ammirazzjoni.  L-iżbalji msewwija, iva; għax dan li titlob l-imħabba, u mhux b’inqas il-verità; imma għall-persuni kien hemm biss sejħa, rispett u mħabba.  Flok verdetti ta’ qtigħ il-qalb, soluzzjonijiet inkuraġġanti; flok tbassir traġiku, mill-Konċilju ħarġu messaġġi ta’ fiduċja għad-dinja tal-lum: il-valuri tagħha mhux biss ġew irrispettati, imma mweġġħa, l-isforzi tagħha mwieżna, ix-xewqat tagħha msoffija u mbierka…  Hemm ħaġa oħra li rridu nosservaw: dan l-għana duttrinali kollu għandu direzzjoni waħda: li naqdu lill-bniedem.  Il-bniedem, qed ngħidu, f’kull qagħda tiegħu, f’kull dgħufija tiegħu, f’kull ħtieġa tiegħu”.[3] 

B’dawn is-sentimenti ta’ gratitudni għal dak li l-Knisja rċiviet u ta’ responsabbiltà lejn il-ħidma li hemm tistenniena, se ngħaddu mill-Bieb Imqaddes b’fiduċja sħiħa li aħna mseħbin mill-qawwa ta’ Kristu Rxoxt li jissokta jwieżen il-pellegrinaġġ tagħna.  L-Ispirtu s-Santu li jmexxi l-passi ta’ dawk li jemmnu biex jikkoperaw mal-opra tal-fidwa li wettaq Kristu, ikun il-gwida li jwieżen lill-Poplu ta’ Alla u jgħinu jikkontempla l-wiċċ tal-ħniena.[4]  

5. Is-Sena Ġubilari se tagħlaq fis-solennità liturġika ta’ Ġesù Kristu Sid tal-univers, nhar l-20 ta’ Novembru 2016.  Dakinhar, aħna u nagħlqu l-Bieb Imqaddes, ikollna qabelxejn sentimenti ta’ gratitudni u ta’ radd il-ħajr lejn it-Trinità Qaddisa għal dan iż-żmien straordinarju ta’ grazzja li tkun tatna.  Nafdaw il-ħajja tal-Knisja, lill-bnedmin kollha ul-kożmu immens f’idejn is-Sinjorija ta’ Kristu, biex ixerred il-ħniena tiegħu bħan-nida ta’ filgħodu ħalli bl-impenn ta’ kulħadd fil-futur qarib tista’ tinbena storja għammiela.  Kemm nixtieq li s-snin li ġejjin ikunu mgħaddsa fil-ħniena biex tassew niltaqgħu ma’ kull persuna u nwasslulha t-tjieba u l-ħniena ta’ Alla!  Ħa jilħaq lil kulħadd, kemm dawk li jemmnu u kemm dawk li huma mbiegħda, il-balzmu tal-ħniena bħala sinjal tas-Saltna ta’ Alla li diġà tinsab fostna. 

6. “Hi ħaġa ta’ Alla li juża l-ħniena u f’dan b’mod speċjali tidher il-qawwa tiegħu li tista’ kollox”.[5]  Kliem San Tumas ta’ Aquino juri kemm il-ħniena divina mhi xejn sinjal ta’ dgħufija, imma pjuttost il-kwalità tas-setgħa bla tarf ta’ Alla.  U għalhekk il-Liturġija, f’waħda mill-eqdem Kolletti, titlob hekk: “O Alla, inti tagħtina l-aqwa xhieda tas-setgħa tiegħek bla tarf billi taħfrilna u tħenn għalina”.[6]  Alla, fl-istorja tal-bniedem, dejjem sa jkun Dak li hu preżenti, qrib tagħna, providenzjali, qaddis u ħanin. 

“Jistabar u jħenn” hi l-espressjoni doppja li spiss insibu fit-Testment il-Qadim biex tfisser in-natura ta’ Alla.  Li hu ħanin insibuh konkretement f’tant azzjonijiet tal-istorja tas-salvazzjoni fejn it-tjieba tiegħu tirbaħ fuq il-kastig u l-qerda.  Is-Salmi, b’mod partikulari, joħorġu għad-dawl dan il-kobor tal-ħidma divina: “Hu li jaħfer dnubietek kollha; ifejjaq il-mard tiegħek kollu; jifdi lil ħajtek mill-qabar; iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena” (103:3-4).  B’mod iżjed espliċitu, Salm ieħor jitkellem fuq is-sinjali konkreti tal-ħniena: “Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin; il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja; il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin; il-Mulej li jħobb lill-ġusti; il-Mulej li jħares lill-barranin; hu li jżomm lill-iltim u lill-armla, imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom” (146:7-9).  U fl-aħħar, hawn espressjoni oħra tas-Salmista: “[Il-Mulej] ifejjaq il-qlub maqsuma, hu jorbot il-ġrieħi tagħhom…  Jerfa’ l-imsejknin il-Mulej, u jniżżel sa l-art il-ħżiena” (147:3,6).  Insomma, il-ħniena ta’ Alla mhix xi idea astratta, imma realtà konkreta li biha Hu juri mħabbtu bħal dik ta’ missier u ta’ omm li għal uliedhom jitqanqlu mill-ġewwieni tagħhom.  Dan hu tabilħaqq il-każ li ngħidu li din hi mħabba “ġewwinija”.  Ġejja mill-ġewwieni bħal sentiment profond, naturali, magħmul minn ħlewwa u kompassjoni, minn ħniena u maħfra. 

7. “Għal dejjem hi l-ħniena tiegħu”: ir-ritornell li nsibu f’kull vers tas-Salm 136 waqt li jirrakkontalna l-istorja tar-rivelazzjoni ta’ Alla.  Bil-qawwa tal-ħniena tiegħu, il-ġrajjiet kollha tat-Testment il-Qadim mimlijin b’valur salfiviku qawwi.  Il-ħniena tagħmel l-istorja ta’ Alla ma’ Israel storja ta’ salvazzjoni.  Itenni l-ħin kollu: “Għal dejjem hi l-ħniena tiegħu”, kif jagħmel is-Salm, donnu jrid ikisser iċ-ċirku tal-ispazju u taż-żmien biex idaħħal kollox fil-misteru etern tal-imħabba.  Donnu jrid jgħid li mhux biss fl-istorja, imma għal dejjem il-bniedem se jkun taħt il-ħarsa ħanina tal-Missier.  Mhux ta’ b’xejn li l-poplu ta’ Israel ried idaħħal dan is-Salm, il-“Hallel il-kbir” kif inhu msejjaħ, fil-festi liturġiċi l-iżjed importanti. 

Qabel il-Passjoni tiegħu, Ġesù talab b’dan is-Salm tal-ħniena.  Dan jgħidhulna l-evanġelista Mattew meta jniżżel li wara li “kantaw is-salmi” (26:30), Ġesù u d-dixxipli tiegħu ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.  Waqt li Hu waqqaf l-Ewkaristija, tifkira dejjiema tiegħU u tal-Għid tiegħu, qiegħed simbolikament fid-dawl tal-ħniena dan l-ogħla att tar-Rivelazzjoni.  Fl-istess xefaq tal-ħniena, Ġesù għex l-istess passjoni u mewt tiegħu, konxju mill-misteru kbir ta’ mħabba li kellu jitwettaq fis-salib.  Meta nafu li Ġesù nnifsu talab b’dan is-Salm, għalina l-Insara dan isir iktar importanti u jimpenjana biex nużaw dan ir-ritornell fit-talb tagħna ta’ tifħir li nagħmlu kuljum: “Għal dejjem hi l-ħniena tiegħu”.

8. Bil-ħarsa tagħna msammra fuq Ġesù u l-wiċċ ħanin tiegħu nistgħu nilqgħu l-imħabba tat-Trinità Qaddisa.  Il-missjoni li Ġesù rċieva mingħand il-Missier kienet dik li juri l-misteru tal-imħabba divina fil-milja kollha tiegħu.  “Alla hu Mħabba” (1 Ġw 4:8,16), jistqarr għall-ewwel u l-unika darba fl-Iskrittura Mqaddsa kollha l-evanġelista Ġwanni.  Din l-imħabba issa dehret u nistgħu mmissuha b’idejna fil-ħajja kollha ta’ Ġesù.  Il-persuna tiegħu mhix ħlief imħabba, imħabba li tingħata b’xejn.  Ir-relazzjonijiet tiegħu mal-persuni li jersqu lejh jikxfu xi ħaġa unika u irripetibbli.  Is-sinjali li jwettaq, fuq kollox mal-midinbin, mal-foqra, l-imwarrbin, il-morda u l-imġarrbin, huma kollha f’isem il-ħniena tiegħu.  Fih kollox jitkellem dwar il-ħniena.  M’hemm xejn fiH li m’għandux ħniena. 

Quddiem il-kotra ta’ nies li kienet timxi warajh, meta ra li kienu għajjenin u mitluqin, mitlufin u bla ħadd min imexxihom, Ġesù ħassu jitqanqal minn qiegħ qalbu għalihom (ara Mt 9:36).  B’din l-imħabba kollha ħniena hu fejjaq il-morda li kienu jressqulu quddiemu (ara Mt 14:14), u bi ftit ħobż u ħutiet tema’ ġmiegħi kbar (ara Mt 15:37).  Dak li lil Ġesù kien imexxih fiċ-ċirkustanzi kollha ma kienx ħlief il-ħniena, li biha kien jaqra fil-qlub ta’ min kien ikollu quddiemu u jwieġeb għall-iktar bżonn veru tagħhom.  Meta ltaqa’ mal-armla ta’ Najm li kienet qed twassal lill-iben il-waħdieni tagħha lejn il-qabar, tqanqal bil-kbir għal dak l-uġigħ immens tal-omm li kienet qed tibki, u taha lura lil binha billi qajmu mill-mewt (ara Lq 7:15).  Wara li ħeles lill-imxajtan ta’ Ġerasa, jafdalu din il-missjoni: “Mur inġabar id-dar ma’ niesek, u għidilhom kull ma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik” (Mk 5:19).  Anki s-sejħa ta’ Mattew tidħol f’dan ix-xefaq tal-ħniena.  Hu u għaddej minn quddiem il-mejda tat-taxxi, għajnejn Ġesù ħarsu msammra f’dawk ta’ Mattew.  Kienet ħarsa mimlija ħniena li ħafret id-dnubiet ta’ dak ir-raġel u, rebbieħ fuq ir-reżistenzi tad-dixxipli l-oħra, għażel lilu, il-midneb u pubblikan, biex isir wieħed mit-Tnax.  San Beda l-Venerabbli, meta jikkummenta dik ix-xena tal-Vanġelu, kiteb li Ġesù ħares lejn Mattew bi mħabba ħanina u għażlu: miserando atque eligendo.[7]  Dejjem laqtitni din l-espressjoni, tant li għażiltha bħala l-motto tiegħi. 

9. Fil-parabboli ddedikati lill-ħniena, Ġesù juri n-natura ta’ Alla bħala dik ta’ Missier li qatt ma jgħodd ruħu b’mirbuħ sakemm ma jkunx xejjen id-dnub u għeleb ir-rifjut, bil-kompassjoni u l-ħniena.  Nafuhom dawn il-parabboli, tlieta b’mod partikulari: dawk tan-nagħġa l-maħruba u l-munita mitlufa, u dik tal-missier u ż-żewġ ulied (ara Lq 15:1-32).  F’dawn il-parabboli, Alla dejjem hu ppreżentat mimli ferħ, l-aktar meta jaħfer.  Fihom insibu l-qalba tal-Vanġelu u tal-fidi tagħna, għax il-ħniena hi ppreżentata bħala l-qawwa li kollox tirbaħ, li timla l-qalb bl-imħabba u li tfarraġ bil-maħfra. 

Barra minn hekk, minn parabbola oħra niksbu tagħlim għall-istil ta’ ħajja li għandu jkollna bħala Nsara.  Imqanqal mill-mistoqsija ta’ Pietru fuq kemm-il darba wieħed għandu jaħfer, Ġesù wieġeb: “Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt 18:22), u rrakkonta l-parabbola tal-“qaddej li ma jaħfirx”.  Dan, meta ġie msejjaħ mis-sultan biex jagħtih lura somma kbira, niżel għarkubbtejh jokroblu u sidu ħafirlu dejnu.  Imma dritt wara dan jiltaqa’ ma’ qaddej ieħor bħalu li kellu miegħu dejn ta’ ftit ċenteżmi, li wkoll niżel għarkubbtejh quddiemu jitkarrablu biex iħenn għalih, imma dan ma jkunx irid u jixħtu l-ħabs.  Hawn is-sultan, meta sar jaf b’dan, jiżbel ħafna u jerġa’ jsejjaħ lil dak il-qaddej u jgħidlu: “Ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?” (Mt 18:33).  U Ġesù jagħlaq hekk: “Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom” (Mt 18:35). 

Il-parabbola fiha tagħlim profond għal kull wieħed u waħda minna.  Ġesù jafferma li l-ħniena mhix biss l-għemil tal-Missier, imma ssir il-kriterju biex nistgħu nifhmu min huma l-ulied veri tiegħu.  F’kelma waħda, aħna msejħin ngħixu bil-ħniena, għax qabelxejn kien magħna stess li ntweriet il-ħniena.  Il-maħfra tal-ħtijiet issir l-espressjoni l-aktar evidenti tal-imħabba ħanina u għalina l-Insara hi kmand li ma nistgħux naħarbu minnu.  Kemm drabi tidher ħaġa iebsa li naħfru!  U safrattant il-maħfra hi l-għodda mqiegħda fl-idejn dgħajfa tagħna biex nistgħu niksbu s-serħan tal-qalb.  Li nwarrbu l-korla, ir-rabja, il-vjolenza u l-vendetta hi kundizzjoni meħtieġa biex nistgħu ngħixu henjin.  Mela ejjew nilqgħu l-eżortazzjoni tal-Appostlu: “Tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom” (Efes 4:26).  U fuq kollox nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù li qegħdilna l-ħniena bħala ideal ta’ ħajja u bħala kriterju ta’ kredibbiltà għall-fidi tagħna: “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mt 5:7) hi l-beatitudni li lejha għandna nitnebbħu b’impenn partikulari matul din is-Sena Mqaddsa. 

Kif nistgħu ninnotaw, fl-Iskrittura Mqaddsa l-ħniena hi l-kelma-muftieħ biex nifhmu kif jaħdem Alla magħna l-bnedmin.  Hu ma jillimitax ruħu għall-istqarrija ta’ mħabbtu, imma din jagħmilha tidher u tintmess.  L-imħabba, wara kollox, ma tista’ qatt tkun kelma fl-arja.  Mill-istess natura tagħha hi ħajja konkreta: intenzjonijiet, atteġġjamenti, imġibiet li jitlaħħmu fil-ħajja ta’ kuljum.  Il-ħniena ta’ Alla hi r-responsabbiltà tiegħu għalina.  Hu jħossu responsabbli, u għalhekk jixtieq il-ġid tagħna u jrid jarana ferħanin, mimlijin ferħ u sereni.  Fuq l-istess frekwenza għandha torjenta ruħha l-imħabba ħanina tal-Insara.  Kif iħobb il-Missier, hekk iħobbu l-ulied.  Kif hu ħanin Hu, hekk aħna msejħin inkunu ħanina aħna, wieħed mal-ieħor. 

10. Il-fus li jwieżen il-ħajja tal-Knisja hu l-ħniena.  L-azzjoni pastorali kollha tagħha għandha tkun imgeżwra fil-ħniena li biha hi ddur fuq dawk li jemmnu; xejn mit-tħabbira u mix-xhieda tagħha quddiem id-dinja m’għandu jkun nieqes mill-ħniena.  Il-kredibbiltà tal-Knisja tgħaddi mit-triq tal-imħabba ħanina u kollha kompassjoni.  Il-Knisja “tgħix bix-xewqa bla temma li toffri ħniena”.[8]  Forsi għal ħafna żmien insejna nuru liema hi u ngħixu t-triq tal-ħniena.  It-tentazzjoni, minn naħa, li nistennew dejjem u biss ġustizzja nessietna li din hi l-ewwel pass, meħtieġ u indispensabbli, imma l-Knisja għandha bżonn tmur lil hemm biex tilħaq destinazzjoni ogħla u iżjed sinifikattiva.  Min-naħa l-oħra, hu ta’ swied il-qalb li jkollna naraw kif l-esperjenza tal-maħfra fil-kultura tagħna qiegħda dejjem tonqos.  Saħansitra l-istess kelma f’xi waqtiet donnha qed tgħib.  Madankollu, mingħajr ix-xhieda tal-maħfra, tibqa’ biss ħajja bla frott u sterili, qisna nkunu ngħixu f’deżert imwarrab.  Għall-Knisja wasal mill-ġdid iż-żmien li xxandar kollha ferħ il-maħfra.  Hu ż-żmien li nerġgħu lura għall-essenzjal biex nagħmlu tagħna d-dgħufijiet u d-diffikultajiet ta’ ħutna.  Il-maħfra għandha l-qawwa li tqajjimna lura għal ħajja ġdida u timliena bil-kuraġġ biex nistgħu nħarsu b’tama lejn il-ġejjieni. 

11. Ma nistgħux ninsew it-tagħlim kbir li San Ġwanni Pawlu II offrielna bit-tieni Enċiklika tiegħu Dives in misericordia, li fi żmienu waslet bla mistennija u ssorprendiet lil ħafna minħabba fit-tema li affrontat.  Nixtieq infakkar b’mod partikulari f’żewġ espressjonijiet.  Qabelxejn, il-Papa qaddis osserva kif it-tema tal-ħniena qed titwarrab u tintesa fil-kultura ta’ żminijietna: “In-nies tal-lum, fil-fehma tagħhom, aktar forsi min-nies ta’ dari, huma kuntrarji għall-fehma ta’ xi Alla kollu ħniena, tant li jfittxu jwarrbu mill-ħajja u jneħħu minn qalb il-bniedem l-istess idea ta’ ħniena.  L-istess kelma ‘ħniena’, l-istess ħsieb qishom idejqu lill-bniedem, li, minħabba l-iżvilupp kbir li sar fix-xjenza u t-teknoloġija, li qatt ma kien hemm sa issa bħalu fl-istorja, sar sid l-art, u ħakimha (ara Ġen 1:28).  Din il-ħakma tad-dinja, li xi kultant tiftiehem b’mod superfiċjali u b’tifsir wieħed biss, milli jidher ma tħalli ebda lok għall-ħniena…  U dan għaliex, fil-qagħda li fiha jinsabu l-Knisja u d-dinja l-lum, ħafna individwi u gruppi, imqanqlin minn sentiment ħaj ta’ fidi, qegħdin ifittxu, qisu minn rajhom, biex ngħid hekk, il-ħniena ta’ Alla”.[9] 

Iżjed minn hekk, San Ġwanni Pawlu II ta din ir-raġuni għall-urġenza li jxandar u jagħti xhieda tal-ħniena fid-dinja tal-lum: “Dan ġej mill-imħabba tiegħi għall-bniedem, għal kull ma hu tal-bniedem, li, kif jaħsbu ħafna nies ta’ żmienna, hu mhedded minn periklu tassew kbir.  Il-misteru ta’ Kristu… iġegħelni wkoll inxandar li l-ħniena hi l-imħabba kollha ħniena ta’ Alla, irrivelata lilna f’dan l-istess misteru ta’ Kristu.  Iġegħelni wkoll nirrikorri għal din il-ħniena u nitlob għaliha f’dan il-mument hekk iebes u hekk kritiku tal-ġrajja tal-Knisja u tad-dinja”.[10]  Dan it-tagħlim tiegħu hu attwali iżjed minn qatt qabel u jixraq li nerġgħu naqbduh f’idejna matul din is-Sena Mqaddsa.  Ejjew nilqgħu mill-ġdid kliemu: “Il-Knisja tkun tgħix ħajja vera meta tistqarr u xxandar il-ħniena – l-aqwa attribut jew perfezzjoni ta’ Alla l-Ħallieq u l-Feddej – u meta tressaq lill-bnedmin lejn l-għejun tal-ħniena tas-Salvatur, li huma fdati lilha biex tħarishom u tqassam minnhom”.[11] 

12. Il-Knisja għandha l-missjoni li xxandar il-ħniena ta’ Alla, il-qalb tħabbat tal-Vanġelu, li permezz tagħha trid tilħaq il-qalb u l-moħħ ta’ kull bniedem.  L-Għarusa ta’ Kristu tagħmel tagħha l-imġiba tal-Iben ta’ Alla li joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd mingħajr ma jħalli lil ħadd barra.  Fi żmienna, meta l-Knisja hi impenjata fl-evanġelizzazzjoni ġdida, it-tema tal-ħniena tesiġi li tiġi mressqa mill-ġdid quddiem id-dinja b’ħeġġa ġdida u b’azzjoni pastorali mġedda.  Hu determinanti għall-Knisja u għall-kredibbiltà tat-tħabbira tagħha li tgħix u tkun hi l-ewwel li tagħti xhieda tal-ħniena.  Mil-lingwaġġ u l-ġesti tagħha trid tgħaddi l-ħniena biex din tinfed il-qalb tal-bnedmin u tqanqalhom ħa jerġgħu jsibu t-triq li twassalhom lura għal għand il-Missier. 

L-ewwel verità tal-Knisja hi l-imħabba ta’ Kristu.  B’din l-imħabba, li tasal sal-punt tal-maħfra u l-għotja tagħha nfisha, il-Knisja ssir qaddejja u medjatriċi għall-bnedmin.  Għalhekk, fejn hemm il-Knisja, hemm għandha tidher ċara l-ħniena tal-Missier.  Fil-parroċċi tagħna, fil-komunitajiet tagħna, fl-għaqdiet u fil-movimenti, insomma, kull fejn hemm l-Insara, kulħadd għandu jsib oasi ta’ ħniena.

13. Nixtiequ ngħixu din is-Sena Ġubilari fid-dawl tal-kelma ta’ Alla: Ħanina bħall-Missier.  L-evanġelista jagħtina t-tagħlim ta’ Ġesù li jgħidilna: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36).  Hu programm ta’ ħajja impenjattiv imma daqstant ieħor mogħni bil-ferħ u l-paċi.  Il-kmand ta’ Ġesù hu għal dawk kollha li jisimgħu leħnu (ara Lq 6:27).  Għalhekk, biex inkunu kapaċi nħennu, l-ewwel nett irridu nisimgħu l-Kelma ta’ Alla.  Dan ifisser li nsibu mill-ġdid il-valur tas-skiet biex nimmeditaw il-Kelma li titħabbrilna.  B’dan il-mod nistgħu nikkontemplaw il-ħniena ta’ Alla u nagħmluha l-istil tal-ħajja tagħna. 

14. Il-pellegrinaġġ hu sinjal partikulari tas-Sena Mqaddsa, għax hu ikona tal-mixja li kull persuna tagħmel f’ħajjitha.  Il-ħajja hi pellegrinaġġ u l-bniedem hu viator, pellegrin li jterraq mixja lejn id-destinazzjoni tant mixtieqa.  Anki biex jilħaq il-Bieb Imqaddes f’Ruma u f’kull post ieħor, kull wieħed u waħda skont kemm tagħtih saħħtu, irid jagħmel pellegrinaġġ.  Dan hu sinjal tal-fatt li anki l-ħniena hi destinazzjoni li rridu naslu fiha u titlob impenn u sagrifiċċju.  Għalhekk, il-pellegrinaġġ irid ikun stimolu lejn il-konverżjoni: meta ngħaddu mill-Bieb Imqaddes, inħallu l-ħniena ta’ Alla tħaddanna magħha u nħabirku biex aħna wkoll nuru ħniena mal-oħrajn kif il-Missier juri magħna. 

Il-Mulej Ġesù jurina x’inhuma t-tappi tal-pellegrinaġġ li bih nistgħu nilħqu din id-destinazzjoni: “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom.  Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom” (Lq 6:37-38).  Jgħidilna qabelxejn biex ma niġġudikawx u ma nikkundannawx.  Jekk ma rridux niġbdu fuqna l-ħaqq ta’ Alla, ħadd minna ma jista’ jsir l-imħallef ta’ ħuh.  Fil-fatt, il-bnedmin, bil-ġudizzju tagħhom ikunu jieqfu mal-qoxra, waqt li l-Missier iħares lejn il-qalb.  Kemm jagħmel ħsara l-kliem meta hu mqanqal minn sentimenti ta’ għira u mibegħda!  Meta titkellem ħażin fuq ħuk fl-assenza tiegħu, tkun qed tpinġih f’dawl ikrah, tilgħab mal-fama tiegħu u terħih fi lsien il-qlajja’ tan-nies.  Li ma niġġudikawx u ma nikkundannawx ifisser, b’mod pożittiv, li nagħrfu dak li hemm tajjeb f’kull persuna u ma nħallux li din issofri minħabba fil-ġudizzju parzjali tagħna u l-preżunzjoni tagħna li nafu kollox.  Imma dan xorta mhux biżżejjed biex nuru ħniena.  Ġesù jitlob minna wkoll li naħfru u nagħtu.  Inkunu għodda tal-maħfra, għax aħna stess ksibnieha mingħand Alla.  Inkunu qalbna tajba ma’ kulħadd, għax nafu li anki Alla jkattar it-tjieba tiegħu fuqna b’ġenerożità liema bħalha. 

Ħanina bħall-Missier, allura, hu l-“motto” tas-Sena Mqaddsa.  Fil-ħniena għandna l-prova ta’ kemm iħobbna Alla.  Hu jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu, dejjem, b’xejn, u bla ma jitlob xejn lura.  Jaqbeż għalina meta nitolbuh l-għajnuna.  Kemm hi sabiħa t-talba ta’ kuljum li biha l-Knisja tiftaħ il-ġurnata tagħha: “O Alla, ejja u eħlisni.  Mulej, fittex għinni” (Salm 70:2).  L-għajnuna li nitolbu diġà hi l-ewwel pass tal-ħniena ta’ Alla lejna.  Hu jiġi jeħlisna mill-kundizzjonijiet ta’ dgħufija li fihom qed ngħixu.  U l-għajnuna tiegħu tikkonsisti f’li jġagħilna nħossu l-preżenza tiegħu u kemm hu qrib tagħna.  Jum wara l-ieħor, imqanqla mill-kompassjoni tiegħu, nistgħu aħna wkoll nuru l-istess kompassjoni ma’ kulħadd. 

15. F’din is-Sena Mqaddsa, nistgħu nagħmlu l-esperjenza li niftħu qalbna għal dawk kollha li qed jgħixu fl-iżjed periferiji eżistenzjali differenti li jeżistu, li spiss id-dinja moderna toħloq b’mod drammatiku.  Kemm sitwazzjonijiet ta’ inċertezza u tbatija għandna fid-dinja tal-lum!  Kemm ġrieħi miftuħa fil-ġisem ta’ ħafna li m’għadx għandhom iżjed leħen għax il-karba tagħhom hi mxejna u mitfija minħabba fl-indifferenza tal-popli għonja.  F’dan il-Ġublew, iżjed minn qabel, il-Knisja qed tkun imsejħa tfejjaq dawn il-ġrieħi, iddewwihom biż-żejt tal-faraġ, tinfaxxahom bil-ħniena u tfejjaqhom bis-solidarjetà u l-attenzjoni li jeħtieġu.  Ejjew ma naqgħux fl-indifferenza li tbaxxi, fid-drawwa ta’ kuljum li tberred il-qalb u ma tħalliniex niskopru l-ġdid, fiċ-ċiniżmu li jeqred.  Niftħu għajnejna biex naraw il-miżerji tad-dinja, il-ġrieħi ta’ tant aħwa mċaħħda mid-dinjità tagħhom, u nħossuna mqanqla biex nisimgħu l-karba tagħhom għall-għajnuna.  Ħa nagħfsulhom idejhom f’tagħna, u niġbduhom lejna biex iħossu s-sħana tal-preżenza tagħna, tal-ħbiberija u l-fraternità.  Jalla l-karba tagħhom issir tagħna u flimkien nistgħu nfarrku l-barriera tal-indifferenza li spiss issaltan sovrana biex tipprova taħbi l-ipokresija u l-egoiżmu. 

Hi xewqa kbira tiegħi li l-poplu Nisrani matul il-Ġublew jirrifletti fuq l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali.  Dan ikun mod kif nerġgħu nqajmu l-kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu, fejn il-foqra huma l-ipprivileġġjati tal-ħniena divina.  Il-predikazzjoni ta’ Ġesù tqegħdilna quddiem għajnejna dawn l-opri tal-ħniena biex nistgħu nifhmu jekk aħniex ngħixu jew le bħala dixxipli tiegħu.  Niskopru mill-ġdid l-opri tal-ħniena korporali: nitimgħu lil min hu bil-ġuħ, nisqu lil min hu bil-għatx, illibbsu lil min hu għarwien, nilqgħu lil min hu bla dar, inżuru lill-marid, inżuru lill-ħabsi, nidfnu lill-mejtin.  U ma ninsewx l-opri tal-ħniena spiritwali: nagħtu parir tajjeb lill-ħosbien, ngħallmu lil min ma jafx, inwiddbu lill-midneb, infarrġu lill-imnikket, naħfru l-ħtijiet, nistabru b’min idejjaqna, nitolbu ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. 

Ma nistgħux naħarbu kliem il-Mulej għax bih sa jsir ħaqq minna: jekk inkunu tajna x’jiekol lill-imġewwaħ u x’jixrob lil min hu għatxan.  Jekk inkunu lqajna lill-barrani u libbisna lill-għarwien.  Jekk inkunu sibna ħin biex noqogħdu ma’ min hu marid u ħabsi (ara Mt 25:31-45).  Bl-istess mod, sa niġu mistoqsija jekk għenniex lil ħaddieħor joħroġ mid-dubju li jnissel il-biża’ u li spiss hu għajn ta’ solitudni; jekk konniex kapaċi nirbħu l-injoranza li fiha jgħixu miljuni ta’ nies, fuq kollox it-tfal imċaħħda mill-għajnuna meħtieġa, biex hekk neħilsuhom mill-faqar; jekk konniex qrib ta’ min hu waħdu u qalbu mtaqqla; jekk ħfirniex lil min kasbarna u warrabniex kull xorta ta’ rabja u ta’ mibegħda li ġġib il-vjolenza; jekk stabarniex fuq l-eżempju ta’ Alla li tant jistabar magħna; jekk, fl-aħħar nett, fdajniex lil ħutna f’idejn il-Mulej fit-talb.  F’kull wieħed u waħda minn dawn “l-iżgħar” hemm Kristu nnifsu.  Ġismu jsir mill-ġdid viżibbli bħala ġisem ittorturat, miġruħ, imsawwat, mitluq mejjet bil-ġuħ, maħrub… biex aħna nagħrfuh, immissuh u ngħinuh b’għożża kbira.  Ma ninsewx kliem San Ġwann tas-Salib: “Fl-għabex tal-ħajja, għad isir ħaqq minna fuq l-imħabba”.[12] 

16. Fil-Vanġelu ta’ Luqa nsibu aspett ieħor importanti biex nistgħu ngħixu l-Ġublew bil-fidi.  L-evanġelista jirrakkonta kif Ġesù, Sibt minnhom, mar lura Nazareth u, kif soltu kien jagħmel, daħal fis-Sinagoga.  Sejħulu jaqra l-Iskrittura u jikkummentaha.  Is-silta kienet dik tal-profeta Isaija fejn hemm miktub: “L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs; biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej” (61:1-2).  “Sena ta’ grazzja [ħniena]”: dan hu li jħabbar il-Mulej u li aħna nixtiequ ngħixu.  Din is-Sena Mqaddsa ġġorr magħha l-għana tal-missjoni ta’ Ġesù li jidwi fi kliem il-Profeta: iwassal kelma u ġest ta’ faraġ lill-foqra, iħabbar il-ħelsien lil dawk li huma ħabsin ta’ xejriet ġodda ta’ jasar tas-soċjetà moderna, u jrodd id-dawl lill-ama u lil min m’għadux jista’ jara għax intlewa fuqu nnifsu, u jagħti lura d-dinjità lil dawk li sfaw imċaħħdin minnha.  Il-predikazzjoni ta’ Ġesù terġa’ tidher mill-ġdid fit-tweġibiet ta’ fidi li x-xhieda tal-Insara hi msejħa toffri.  Iseħibna kliem l-Appostlu: “Min għandu d-don tal-opri tal-ħniena, ħa jagħmel dan bil-ferħ” (Rum 12:8). 

17. Ir-Randan ta’ din is-Sena Ġubilari ħa ngħixuh b’mod iżjed intens bħala mument qawwi biex niċċelebraw u nduqu l-ħniena ta’ Alla.  Kemm paġni tal-Iskrittura Mqaddsa nistgħu nimmeditaw fil-ġimgħat tar-Randan biex niskopru mill-ġdid il-wiċċ ħanin tal-Missier!  Bi kliem il-profeta Mikea nistgħu aħna wkoll intennu: Int, Mulej, int Alla li tneħħi l-ħażen u taħfer id-dnub, li ma żżommx il-korla tiegħek għal dejjem, imma jogħġbok turi ħniena.  Int, Mulej, terġa’ lura għandna u tħenn għall-poplu tiegħek.  Tixħet ħżunitna taħt saqajk u tarmi ħtijietna kollha f’qiegħ il-baħar (ara 7:18-19). 

Il-paġni tal-profeta Isaija jistgħu jiġu mmeditati b’mod iżjed konkret f’dan iż-żmien ta’ talb, sawm u karità: “Jaqaw mhux dan is-sawm li jiena rrid, jiġifieri, li tħoll l-irbit tal-ħażen, u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin, u tkisser kull madmad?  Mhux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf?  Mhux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?  Imbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek.  Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek, u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.  Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej; jekk tgħajjatlu, jgħidlek ‘Hawn jien’.  Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija, ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni bi lsienek, jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ, u xxabba’ qalb l-imnikket, imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam, u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar.  U l-Mulej jibqa’ jmexxik għal dejjem, u jxebbagħlek qalbek fl-imkejjen niexfa, u jsaħħaħlek għadmek.  Int tkun bħal ġnien bis-saqwi, bħal għajn ta’ ilma ma jonqos qatt” (58:6-11). 

L-inizjattiva “24 siegħa għall-Mulej”, li għandhom jiġu ċċelebrati l-Ġimgħa u s-Sibt ta’ qabel ir-IV Ħadd tar-Randan, għandha tingħata iktar prominenza fid-Djoċesijiet.  Tant persuni qed jerġgħu jersqu lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u fosthom għadd ta’ żgħażagħ, li f’din l-esperjenza spiss qed isibu mill-ġdid il-mixja li treġġagħhom lura għand il-Mulej, biex jgħixu mument qawwi ta’ talb u jiskopru mill-ġdid is-sens ta’ ħajjithom.  Ħa nqiegħdu b’konvinzjoni mill-ġdid fiċ-ċentru lis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, biex jagħtina li mmissu b’idejna l-kobor tal-ħniena.  Dan ikun għal kull penitent għajn ta’ sliem ġewwieni veru. 

Qatt ma jien se negħja ninsisti mal-konfessuri li jkunu sinjal veru tal-ħniena tal-Missier.  Konfessuri ma nsirux f’daqqa.  Insiru konfessuri meta, qabelxejn, l-ewwel inkunu aħna penitenti li qed ifittxu l-maħfra.  Ma ninsew qatt illi li tkun konfessur ifisser tieħu sehem fl-istess missjoni ta’ Ġesù u tkun sinjal konkret tal-kontinwità ta’ mħabba divina li taħfer u tifdi.  Kull wieħed minna rċieva d-don tal-Ispirtu s-Santu għall-maħfra tad-dnubiet, u ta’ dan aħna responsabbli.  Ħadd minna mhu propjetarju tas-Sagrament, imma qaddej fidil tal-maħfra ta’ Alla.  Kull konfessur irid jilqa’ lill-fidili l-istess kif għamel il-missier fil-parabbola tal-Iben il-Ħali: missier li ġera għal fuq ibnu minkejja li dan kien berbaqlu ġidu kollu.  Il-konfessuri huma msejħin jgħannqu magħhom dak l-iben niedem li jerġa’ lura d-dar u juruh kemm huma ferħana li sabuh mill-ġdid.  Ma jridux jegħjew joħorġu jiltaqgħu anki mal-iben l-ieħor li baqa’ barra u ma kienx kapaċi jifraħ, biex ifissrulu li l-ġudizzju sever tiegħu hu inġust, u ma jagħmilx sens quddiem il-ħniena tal-Missier li hi bla tarf.  Ma jridux jagħmlu mistoqsijiet żejda, imma bħall-missier tal-parabbola għandhom jaqtgħu d-diskors imħejji mill-Iben il-Ħali, għax jafu jaqraw fil-qalb ta’ kull penitent is-sejħa għall-għajnuna u t-talba għall-maħfra.  Insomma, il-konfessuri huma msejħa jkunu dejjem, kullimkien, f’kull sitwazzjoni u minkejja kollox, is-sinjal tal-primat tal-ħniena. 

18. Fir-Randan ta’ din is-Sena Mqaddsa bi ħsiebi nibgħat il-Missjunarji tal-Ħniena.  Ikunu sinjal tal-għożża ta’ omm li għandha l-Knisja għall-Poplu ta’ Alla, biex tidħol b’mod qawwi fl-għana ta’ dan il-misteru hekk fundamentali għall-fidi.  Dawn ikunu saċerdoti li nagħtihom l-awtorità li jaħfru anki d-dnubiet riservati għas-Sede Appostolika, biex jidher b’mod ċar il-kobor tal-mandat tagħhom.  Ikunu, fuq kollox, sinjal ħaj ta’ kif il-Missier jilqa’ lil dawk li qed ifittxu l-maħfra tiegħu.  Ikunu missjunarji tal-ħniena għax isiru għal kulħadd bennejja ta’ dik il-laqgħa mimlija umanità, għajn ta’ ħelsien, għanja bir-responsabbiltà biex jingħeleb kull xkiel u wieħed jerġa’ jsib il-ħajja ġdida tal-Magħmudija.  Fil-missjoni tagħhom iħallu jmexxihom kliem l-Appostlu: “Alla ħalla ’l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd” (Rum 11:32).  Fil-fatt kulħadd, bla eċċezzjoni, hu msejjaħ jilqa’ s-sejħa għall-ħniena.  Il-missjunarji jgħixu din is-sejħa bl-għarfien li jistgħu jserrħu ħarsithom fuq Ġesù, “il-qassis il-kbir, ħanin u fidil” (Lhud 2:17). 

Nitlob lil ħuti l-Isqfijiet biex jistiednu u jilqgħu lil dawn il-Missjunarji, biex ikunu qabelxejn predikaturi konvinċenti tal-ħniena.  Jiġu organizzati fid-Djoċesijiet “missjonijiet popolari”, hekk li dawn il-Missjunarji jistgħu jkunu ħabbara tal-ferħ tal-maħfra.  Jiġu mitluba jiċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni għall-poplu, biex iż-żmien ta’ grazzja mogħti mis-Sena Ġubilari jippermetti lil tant ulied imbiegħda li jerġgħu jsibu triqthom lejn id-dar tal-missier.  Ir-Ragħajja, speċjalment matul iż-żmien qawwi tar-Randan, ħa jaraw li jsejħu mill-ġdid lill-fidili biex jersqu “lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu” (Lhud 4:16). 

19. Ħa tilħaq lil kulħadd il-kelma tal-maħfra, u jalla s-sejħa biex induqu l-ħniena ma tħalli lil ħadd indifferenti.  L-istedina tiegħi għall-konverżjoni hi miftuħa wkoll b’insistenza ikbar għal dawk il-persuni li jinsabu mbiegħda mill-grazzja ta’ Alla minħabba fit-tip ta’ ħajja li qed jgħixu.  Jiġuni f’moħħi b’mod partikulari dawk l-irġiel u nisa li jagħmlu parti minn xi grupp kriminali, hu liema hu.  Għall-ġid tagħkom, nitlobkom tibdlu ħajjitkom.  Dan nitlobhulkom f’isem l-Iben ta’ Alla li, anki jekk iġġieled lid-dnub, qatt ma rrifjuta lil ebda midneb.  Taqgħux fin-nassa terribbli li taħsbu li l-ħajja tiddipendi mill-flus u li quddiemhom il-bqija kollu jitlef il-valur u d-dinjità tiegħu.  Din hi biss illużjoni.  Il-flus m’aħniex se neħduhom magħna fil-ħajja l-oħra.  Il-flus ma jagħtuniex il-veru ferħ.  Il-vjolenza użata biex naħżnu l-flus li jqattru d-demm la tagħmilna b’saħħitna u lanqas immortali.  Għal kulħadd, il-lum jew għada, jasal il-ħaqq ta’ Alla li ħadd ma jista’ jaħrab minnu. 

L-istess stedina tasal ukoll għand il-persuni li jappoġġjaw jew huma kompliċi ta’ korruzzjoni.  Din il-pjaga li tnawwar is-soċjetà hi dnub gravi li jgħajjat lis-Sema, għax jheżżeż l-istess pedamenti tal-ħajja personali u soċjali.  Il-korruzzjoni xxekkilna milli nħarsu lejn il-futur b’tama, għax bil-prepotenza u r-regħba tagħha teqred il-proġetti tad-dgħajfin u tgħaffeġ lill-iżjed foqra.  Hu ħażen li jixxettel fil-ġesti tal-ħajja ta’ kuljum biex imbagħad jitwessa’ għall-iskandli pubbliċi.  Il-korruzzjoni tfisser li twebbes qalbek fid-dnub, u fil-post ta’ Alla trid tpoġġi l-illużjoni tal-flus bħala għamla ta’ setgħa.  Hi opra tad-dlamijiet, imwieżna mis-suspett u l-intriċċi Corruptio optimi pessima [l-agħar ħaġa hija l-korruzzjoni tat-tajbin], kien jgħid bir-raġun San Girgor il-Kbir, biex juri li ħadd ma jista’ jħossu meħlus minn din it-tentazzjoni.  Biex inwarrbuha mill-ħajja personali u soċjali huma meħtieġa prudenza, għassa fuqna nfusna, lealtà, trasparenza, flimkien mal-kuraġġ tal-kundanna.  Jekk ma niġġildulhiex fil-beraħ, il-lum jew għada nsiru kompliċi tagħha u teqridilna ħajjitna. 

Dan hu ż-żmien it-tajjeb biex nibdlu ħajjitna!  Dan hu ż-żmien biex inħallu lil min imissilna qalbna.  Quddiem il-ħażen li jsir, anki krimini gravi, issa hu l-waqt li nisimgħu l-karba tal-persuni innoċenti mneżżgħa mill-ġid tagħhom, mid-dinjità, mill-imħabba, mill-istess ħajja.  Li nibqgħu nippersistu fit-triq tal-ħażen hi biss għajn ta’ illużjoni u ta’ diqa.  Il-vera ħajja hi ħaġa oħra.  Alla ma jegħja qatt inewlilna idu.  Dejjem lest biex jisma’, u anki jien lest nagħmel dan, kif inhuma ħuti l-isqfijiet u s-saċerdoti.  Biżżejjed li sempliċement tilqgħu l-istedina għall-konverżjoni u tagħtu ruħkom f’idejn il-ġustizzja, waqt li l-Knisja toffri l-ħniena tagħha. 

20. F’dan il-kuntest mhux inutli nfakkru fir-rabta li teżisti bejn ġustizzja u ħniena.  Mhumiex żewġ aspetti kontra xulxin, imma żewġ dimensjonijiet ta’ realtà waħda li tiżviluppa bil-mod il-mod sakemm tilħaq il-qofol tagħha fil-milja tal-imħabba.  Il-ġustizzja hi kunċett fundamentali għas-soċjetà ċivili meta, normalment, isir riferiment għal ordni ġuridiku li bih tiġi applikata l-liġi.  B’ġustizzja nifhmu anki li kulħadd jieħu dak li ħaqqu.  Fil-Bibbja, ħafna drabi jissemma l-ħaqq divin u Alla bħala mħallef.  Hemm normalment wieħed jifhem l-osservanza sħiħa tal-Liġi u l-imġiba ta’ Israelita tajjeb li joqgħod għall-kmandamenti mogħtija minn Alla.  Imma din il-viżjoni mhux darba jew tnejn wasslet lill-bniedem biex jaqa’ fil-legaliżmu, għax tilef is-sens oriġinarju u dallam il-valur profond li għandha l-ġustizzja.  Biex nissuperaw din il-perspettiva legalista, jeħtieġ niftakru li fl-Iskrittura Mqaddsa l-ġustizzja hi essenzjalment mifhuma bħala abbandun fiduċjuż f’idejn ir-rieda ta’ Alla.  

Min-naħa tiegħu, Ġesù kemm-il darba jitkellem fuq l-importanza tal-fidi, iktar milli fuq l-osservanza tal-liġi.  Hu f’dan is-sens li rridu nifhmu l-kliem tiegħu meta, fuq il-mejda ma’ Mattew u pubblikani u midinba oħra, jgħid lill-Fariżej li kkontestawh: “Mela morru tgħallmu x’jiġifieri ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju’; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin” (Mt 9:13).  Quddiem il-viżjoni ta’ ġustizzja sempliċement bħala osservanza tal-liġi, li tiġġudika billi tifred il-persuni bejn tajbin u ħżiena, Ġesù jinsisti fuq id-don kbir tal-ħniena li tfittex lill-midinbin biex toffrilhom il-maħfra u l-fidwa.  Nistgħu nifhmu għaliex, minħabba din il-viżjoni tiegħu hekk ħelliesa u għajn ta’ tiġdid, Ġesù mhux aċċettat mill-Fariżej u l-għorrief tal-liġi.  Biex jibqgħu fidili għal-liġi dawn qiegħdu piżijiet fuq spallejn in-nies, imma hekk faqqru l-ħniena ta’ Alla.  Is-sejħa għall-osservanza tal-liġi ma tistax tnaqqar mill-attenzjoni lejn il-ħtiġijiet li jmissu d-dinjità tal-persuna. 

Ir-riferenza ta’ Ġesù għat-test meħud mill-profeta Hosegħa – “tjieba rrid, mhux sagrifiċċju” (6:6) – tfisser ħafna f’dan ir-rigward.  Ġesù jafferma li minn issa ’l quddiem ir-regola tal-ħajja tad-dixxipli tiegħu għandha tkun dik li tfittex il-primat tal-ħniena, kif Hu nnifsu jixhed meta jiekol mal-midinbin.  Il-ħniena, għal darb’oħra, tintwera bħala dimensjoni fundamentali tal-missjoni ta’ Ġesù.  Hi tabilħaqq sfida quddiem is-semmiegħa tiegħu, li kienu jieqfu mar-rispett formali tal-liġi.  Imma Ġesù jmur lil hemm mil-liġi; il-kondiviżjoni tiegħu ma’ dawk li l-liġi kienet tqishom midinba turina sa fejn għandha l-ħila tasal il-ħniena tiegħu. 

Anki l-Appostlu Pawlu għamel vjaġġ simili.  Qabel ma ltaqa’ ma’ Kristu fit-triq lejn Damasku, ħajtu kienet iddedikata għat-tiftix skrupluż tal-ġustizzja tal-liġi (ara Fil 3:6).  Il-konverżjoni tiegħu lejn Kristu wasslitu biex jaqleb ta’ taħt fuq il-viżjoni tiegħu, sa wasal biex fl-Ittra lill-Galatin jistqarr: “Aħna wkoll emminna f’Ġesù Kristu, sabiex inkunu ġġustifikati bil-fidi fi Kristu u mhux bl-opri tal-Liġi” (2:16).  Il-mod kif jifhem il-ġustizzja nbidel radikalment.  Pawlu issa jqiegħed fl-ewwel post il-fidi u mhux iżjed il-liġi.  Mhix l-osservanza tal-liġi li ssalva, imma l-fidi f’Ġesù Kristu, li bil-mewt u l-qawmien tiegħu jwassal is-salvazzjoni bil-ħniena li tiġġustifika.  Il-ġustizzja ta’ Alla issa ssir ħelsien għal dawk kollha li huma taħt il-jasar tad-dnub u tal-konsegwenzi kollha tiegħu.  Il-ġustizzja ta’ Alla hi l-maħfra tiegħu (ara Salm 51:11-16). 

21. Il-ħniena ma tmurx kontra l-ġustizzja imma tesprimi l-imġiba ta’ Alla mal-midneb, meta joffrilu possibbiltà oħra biex jerġa’ lura minn triqtu l-ħażina, jindem u jemmen.  L-esperjenza tal-profeta Hosegħa tgħinna għax turina kif il-ħniena tgħaddi ’l-ġustizzja.  Żmien dan il-profeta hu wieħed mill-iżjed drammatiċi fl-istorja tal-poplu Lhudi.  Is-Saltna dalwaqt tinqered; il-poplu ma baqax fidil lejn il-Patt, tbiegħed minn Alla u tilef il-fidi ta’ missirijietu.  Skont il-loġika umana, jagħmel sew Alla jaħseb li jiċħad lil dan il-poplu infidil: ma osservax il-patt miftiehem u għalhekk jixraqlu l-kastig dovut, jiġifieri l-eżilju.  Kliem il-profeta jixhed għal dan: “Ikollhom jerġgħu lura lejn l-Eġittu, l-Assirja ssaltan fuqhom, għax ma ridux jerġgħu lura lejja” (Hos 11:5).  Imma, wara din ir-reazzjoni li titlob li ssir ġustizzja, il-profeta jibdel radikalment il-lingwaġġ tiegħu u juri l-veru wiċċ ta’ Alla: “Daret għalija qalbi, tqanqlet bil-bosta ħnienti.  Le, ma nħaddimx il-korla mħeġġa tiegħi; le, ma nerġax inġib fix-xejn ’l Efrajm, għax Alla jien, u mhux bniedem, jien f’nofsok il-Qaddis; jien ma niġix biex neqred” (11:8-9).  Santu Wistin, kważi f’kumment għal kliem il-profeta, jgħid: “Iktar faċli għal Alla li jżomm lura l-korla milli l-ħniena”.[13]  Hekk hu tassew.  Il-korla ta’ Alla ddum biss ftit tal-ħin, waqt li l-ħniena tiegħu tibqa’ għal dejjem. 

Kieku Alla kellu jieqaf sal-ġustizzja, ma kienx jibqa’ Alla, kien ikun bħall-bqija tal-bnedmin kollha li jfittxu r-rispett tal-liġi.  Il-ġustizzja waħidha mhix biżżejjed, u l-esperjenza tgħallimna li jekk infittxu biss lilha nkunu nirriskjaw li neqirduha.  Għalhekk Alla jmur lil hemm mill-ġustizzja bil-ħniena u l-maħfra.  Dan ma jfissirx li niżvalutaw il-ġustizzja jew inbattluha mis-sens tagħha, anzi bil-kontra.  Min żbalja, irid jiskonta l-piena.  Biss dan mhux it-tmiem, imma l-bidu tal-konverżjoni, biex jista’ jduq il-ħlewwa tal-maħfra.  Alla ma jirrifjutax il-ġustizzja.  Hu jixrobha u jissuperaha fi ġrajja ogħla fejn wieħed jista’ jġarrab l-imħabba li hi l-pedament ta’ ġustizzja vera.  Jeħtieġ niftħu għajnejna sew għal dak li jikteb Pawlu biex ma jaqax fl-istess żball li l-Appostlu widdeb dwaru lil-Lhud ta’ żmienu: “Għax m’għarfux il-ġustizzja ta’ Alla, imma fittxew il-ġustizzja tagħhom, u għalhekk ma qagħdux għall-ġustizzja ta’ Alla.  L-iskop tal-Liġi hu Kristu għall-ġustizzja għal min jemmen fih” (Rum 10:3-4).  Din il-ġustizzja ta’ Alla hi l-ħniena li hu jagħti lil kulħadd bħala grazzja bil-qawwa tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu.  Is-Salib ta’ Kristu, mela, hu l-ħaqq ta’ Alla fuqna lkoll u fuq id-dinja, għax joffrilna ċ-ċertezza tal-imħabba u tal-ħajja ġdida. 

22. Il-Ġublew iġib miegħu wkoll l-għoti tal-indulġenza.  Fis-Sena Mqaddsa tal-Ħniena din tikseb tifsira partikulari.  Il-maħfra ta’ dnubietna minn Alla ma tafx b’limiti.  Fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu, Alla juri din l-imħabba tiegħu li tasal biex teqred id-dnub tal-bnedmin.  Li nħallu lil Alla jħabbibna lura miegħu hu possibbli permezz tal-Misteru tal-Għid u l-medjazzjoni tal-Knisja.  Għalhekk Alla hu dejjem disponibbli għall-maħfra u qatt ma jegħja joffriha b’mod dejjem ġdid u li ma nkunux nistennewh.  Madankollu, aħna lkoll nagħmlu esperjenza tad-dnub.  Nafu li aħna msejħin għall-perfezzjoni (ara Mt 5:48), imma nħossu jagħfas fuqna l-piż tad-dnub.  Waqt li minn naħa nħossu l-qawwa tal-grazzja li tibdilna, inġarrbu wkoll il-qawwa tad-dnub li jikkundizzjonana.  Minkejja l-maħfra, fil-ħajja tagħna nġorru magħna l-kontradizzjonijiet li huma l-konsegwenza tad-dnubiet tagħna.  Fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni Alla jaħfer id-dnubiet, li huma tassew imħassra; madankollu, tibqa’ l-marka negattiva li d-dnubiet ħallew fil-mod kif inġibu ruħna u naħsbu.  Imma l-ħniena ta’ Alla hi aqwa minn dan ukoll.  Hi ssir indulġenza tal-Missier li permezz tal-Għarusa ta’ Kristu jilħaq il-midneb maħfur u jeħilsu minn kull fdal tal-konsegwenza tad-dnub, u jagħmlu kapaċi jaġixxi bi mħabba, biex jikber fl-imħabba iktar milli jerġa’ jaqa’ fid-dnub.  

Il-Knisja tgħix f’komunjoni mal-Qaddisin.  Fl-Ewkaristija din il-komunjoni, li hi don ta’ Alla, titwettaq bħala għaqda spiritwali li torbot lilna li nemmnu mal-Qaddisin u l-Beati li l-għadd tagħhom hu bla qies (ara Apok 7:4).  Il-qdusija tagħhom tgħinna fid-dgħufija tagħna, u hekk Ommna l-Knisja tista’ bit-talb u l-ħajja tagħha twieżen id-dgħufija ta’ xi wħud bil-qdusija ta’ oħrajn.  Għalhekk, li ngħixu l-indulġenza f’din is-Sena Mqaddsa jfisser nersqu f’riġlejn il-ħniena tal-Missier biċ-ċertezza li l-maħfra tiegħu titwessa’ għall-ħajja kollha ta’ min jemmen.  Li niksbu l-indulġenza jfisser li nħossu l-qdusija tal-Knisja li tagħti lil kulħadd sehem mill-frott tal-fidwa ta’ Kristu, biex il-maħfra tixtered sa l-aktar truf imbiegħda, li lilhom ukoll tilħaq l-imħabba ta’ Alla.  Ngħixu intensament il-Ġublew billi nitolbu lill-Missier il-maħfra ta’ dnubietna u li hu jxerred fuqna l-indulġenza kollha ħniena tiegħu. 

23. Il-ħniena għandha valur li jmur lil hemm mill-ħitan tal-Knisja.  Hi torbotna mal-Ġudaiżmu u mal-Islam, li jqisuha wieħed mill-attributi li l-aktar jikkwalifikaw lil Alla.  Israel kien l-ewwel wieħed li rċieva din ir-rivelazzjoni, li tgħaddi mill-istorja bħala bidu ta’ għana bla qies biex jiġi offrut lill-bnedmin kollha.  Kif rajna, il-paġni tat-Testment il-Qadim huma, biex ngħidu hekk, mgħarrqa fil-ħniena, għax jirrakkuntaw l-għeġubijiet li l-Mulej wettaq għall-poplu tiegħu fil-mumenti l-aktar iebsin tal-istorja tiegħu.  L-Islam, min-naħa tiegħu, fost l-ismijiet li jagħti lill-Ħallieq jgħodd dak ta’ Ħanin u Qalbu Tajba.  Din l-invokazzjoni spiss insibuha fuq fomm il-fidili Musulmani, li jħossuhom imsieħba u mwieżna mill-ħniena fid-dgħufija tal-ħajja ta’ kuljum.  Anki huma jemmnu li ħadd ma jista’ jillimita l-ħniena divina għax il-bibien tagħha huma dejjem miftuħa. 

Din is-Sena tal-Ġublew, jekk ngħixuha bil-ħniena, tista’ tiffavorixxi l-laqgħa tagħna ma’ dawn ir-reliġjonijiet u mat-tradizzjonijiet reliġjużi għanja l-oħra; tiftaħna iktar għad-djalogu biex nagħrfu u nifhmu iżjed lil xulxin; teqred kull għamla ta’ għeluq u ta’ disprezz u tneħħi kull xorta ta’ vjolenza u ta’ diskriminazzjoni. 

24. Il-ħsieb tagħna jdur issa fuq Omm il-Ħniena.  Il-ħlewwa ta’ ħarsitha sseħibna tul din is-Sena  Mqaddsa, biex ilkoll kemm aħna nistgħu niskopru mill-ġdid il-ferħ tal-ħlewwa ta’ Alla.  Ħadd daqs Marija ma għaraf il-qawwa tal-misteru ta’ Alla magħmul bniedem.  Kollox fil-ħajja tagħha kien magħġun mill-preżenza tal-ħniena li saret laħam.  Omm il-Mislub Rxoxt daħlet fis-santwarju tal-ħniena divina għax ħadet sehem intimu fil-misteru ta’ mħabbtu. 

Magħżula biex tkun Omm l-Iben ta’ Alla, Marija kienet sa minn dejjem imħejjija mill-imħabba tal-Missier biex tkun Arka tal-Patt bejn Alla u l-bnedmin.  Ħarset fil-qalb tagħha l-ħniena divina f’sintonija perfetta ma’ Binha Ġesù.  L-għanja tagħha ta’ tifħir, fuq l-għatba ta’ dar Eliżabetta, kienet iddedikata lill-ħniena li tinfirex “f’kull żmien” (Lq 1:50).  Anki aħna konna preżenti f’dawk il-kelmiet profetiċi tal-Verġni Marija.  Dan ħa jkun ta’ faraġ għalina u jweżinna meta niġu biex ngħaddu mill-Bieb Imqaddes biex induqu l-frott tal-ħniena divina. 

Taħt is-salib, Marija flimkien ma’ Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub, hi xhud tal-kelmiet ta’ maħfra li joħorġu minn fomm Ġesù.  L-ogħla maħfra offruta lil min sallbu turina sa fejn kapaċi tasal il-ħniena ta’ Alla.  Marija tixhed li l-ħniena tal-Iben ta’ Alla ma tafx b’limiti u tilħaq lil kulħadd bla ma tħalli lil ħadd barra.  Induru lejha bit-talba antika u dejjem ġdida tas-Salve Regina, biex ma tehda qatt iddawwar lejna dawk l-għajnejn tagħha tal-ħniena u tagħmilna denji li nikkontemplaw il-wiċċ tal-ħniena, Binha Ġesù.  

It-talba tagħna tasal ukoll f’riġlejn tant Qaddisin u Beati li għamlu mill-ħniena l-missjoni ta’ ħajjithom.  B’mod partikulari, ħsiebna jdur lejn l-appostlu l-kbir tal-ħniena, Santa Fawstina Kowalska.  Hi, li kienet imsejħa biex tiħdol fil-profondità tal-ħniena divina, tidħol għalina u tiksbilna l-grazzja li ngħixu u nimxu dejjem fil-maħfra ta’ Alla u fil-fiduċja li ma tiġġarrafx fi mħabbtu. 

25. Għalhekk din is-Sena Mqaddsa straordinarja, biex ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum il-ħniena li sa minn dejjem il-Missier xerred fuqna.  F’dan il-Ġublew ejjew inħallu lil Alla jissorprendina.  Hu ma jegħja qatt jiftaħ beraħ il-bieb ta’ qalbu biex itennilna li jħobbna u jrid jaqsam ħajtu magħna.  Il-Knisja tħoss b’mod qawwi l-urġenza li xxandar il-ħniena ta’ Alla.  Il-ħajja tagħha tkun awtentika u kredibbli meta tagħmel mill-ħniena t-tħabbira konvinta tagħha.  Hi taf li l-ewwel dmir tagħha, fuq kollox fi żmien bħalma hu dan tagħna, mimli b’tamiet kbar imma wkoll b’kuntrasti qawwija, hu dak li ddaħħal lil kulħadd fil-misteru kbir tal-ħniena ta’ Alla, hi u tikkontempla l-wiċċ ta’ Kristu.  Il-Knisja hi l-ewwel waħda li hi msejħa tkun xhud veritier tal-ħniena, billi tistqarrha u tgħixha bħala l-qalba tar-Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu.  Mill-qalb tat-Trinità, mill-ġewwieni l-aktar profond tal-misteru ta’ Alla, tnixxi bla waqfien ix-xmara kbira tal-ħniena.  Din l-għajn ma tista’ qatt tinxef, ikunu kemm ikunu dawk li jersqu jixorbu minnha.  Kull darba li xi ħadd jiġi bżonnha, jista’ jersaq lejha, għax il-ħniena ta’ Alla hi bla tarf.  Daqskemm ma nistgħu qatt nifhmu l-fond tal-misteru li fih tinsab, daqshekk ieħor hu bla tarf l-għana li joħroġ minnha. 

F’din is-Sena tal-Ġublew, il-Knisja ssir eku tal-Kelma ta’ Alla li tidwi qawwija u konvinċenti bħala kelma u ġest ta’ maħfra, ta’ tweżin, ta’ għajnuna, ta’ mħabba.  Ma tegħja qatt toffri l-ħniena u tistabar dejjem fil-faraġ u l-maħfra li xxerred.  Il-Knisja ssir leħen għal kull raġel u mara u ttenni b’fiduċja u bla waqfien: “Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, għax huma minn dejjem, Mulej” (Salm 25:6). 

Mogħtija minn Ruma, f’San Pietru, nhar il-11 ta’ April, Vġili tat-II Ħadd tal-Għid jew tal-Ħniena Divina, tas-Sena tal-Mulej 2015, it-tielet tal-pontifikat.  

Franciscus


[1] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Dei verbum, 4.

[2] Diskors tal-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Gaudet Mater Ecclesia, 11 ta’ Ottubru 1962, 2-3.

[3] Allokuzzjoni fl-aħħar sessjoni pubblika, 7 ta’ Diċembru 1965.

[4] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 16; Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 15.

[5] Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ, II-II, q. 30, a. 4.

[6] XXVI Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena.  Din il-kolletta diġà nsibuha, fis-seklu tmienja, fost it-testi ewkoloġiċi tas-Sagramentarju Ġelasjan (1198).

[7] Ara Om. 21: CCL 122, 149-151.

[8] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 24.

[9] Nru 2.

[10] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Dives in misericordia, 15.

[11] Ibid., 13.

[12] Kliem ta’ dawl u ta’ mħabba, 57.

[13] Enarr. in Ps. 76, 11.

 miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard