[stampa t-test]

 

Mons. Grech: “Hemm bżonn inxandru l-Vanġelu tal-Familja”

 

Il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija jitkellem fuq xi aspetti li ħarġu waqt is-Sinodu u jisħaq fuq l-importanza tal-ħidma pastorali mal-familji.

 

Fi tmiem is-Sinodu li ħa sehem fih, Mons. Mario Grech reġa’ lura Għawdex, fejn huwa l-Isqof tad-Djoċesi u għandu wkoll il-kariga ta’ President tal-Konferenza Episkopali Maltija.  F’dawn l-aħħar snin bħala Isqof ta’ din il-gżira, hu diġà ħadem fuq ċerti aspetti li semma s-Sinodu, speċjalment biex tiġi żviluppata pastorali tal-familja “mitluba minn soċjetà li kontinwament tinbidel”.  Huwa “żvilupp kontinwu” li jitlob mill-Knisja – kif jistqarr Mons. Grech innifsu – “approfondiment kbir”, l-aktar matul din is-sena li tmexxina lejn is-Sinodu li jmiss.  

 

Fl-intervista ma’ ZENIT tal-25 ta’ Ottubru 2014, l-Isqof jagħti l-ewwel ħjiel ta’ dan l-approfondiment meħtieġ.

 

***

 

Eċċellenza, tliet punti mir-Relatio Synodi ma ġabux il-maġġoranza assoluta.  Dan ifisser li baqgħu delużi dawk li kienu qed jistennew “ftuħ” min-naħa tal-Knisja fuq ċerti temi li l-mezzi tax-xandir spiss saħqu fuqhom matul dawn l-aħħar xhur?

 

Tajjeb niftakru li s-Sinodu kellu bħala suġġett “L-isfidi pastorali tal-familja fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni”, li jinkludi ħafna aktar aspetti minbarra dawk dwar is-sitwazzjoni tad-divorzjati li jinsabu fit-tieni relazzjoni u tal-persuni omosesswali, anki jekk dawn huma wkoll importanti.  Ngħidu aħna, jiddispjaċini li ma kienx possibbli napprofondixxu biżżejjed suġġetti importanti ħafna marbuta mal-familja, bħalma hija r-rabta bejn il-familja, is-sistema ekonomika u d-dinja tax-xogħol, jew inkella r-rabta li hemm bejn il-familja u l-edukazzjoni.  Fuq it-tliet punti li ssemmi int, tajjeb ngħidu li għalkemm dawn ma ġabux maġġoranza kwalitattiva, xorta kisbu maġġoranza relattiva.  Għadu kmieni wisq biex nitkellmu dwar delużjonijiet, anki minħabba l-fatt li r-Relatio Synodi, li fiha jinsabu dawn it-tliet punti, hija l-Lineamenta għas-Sinodu li jmiss fl-2015.  Ninsabu fi żmien ta’ approfondiment.

 

Benedittu XVI kien saħaq li fil-każ tal-Konċilju Vatikan II, kien hemm Konċilju “tal-medja” u ieħor tal-Isqfijiet.  Il-Papa emeritu attwali kien qal li “il-Konċilju li wasal b’mod immedjat u effettiv lin-nies, kien dak tal-medja u mhux dak tal-Isqfijiet”.  Taħseb li fis-Sinodu li għadu kemm intemm ġara hekk ukoll?

Dak li ġara ħamsin sena ilu ma setax ma jiġrix illum meta ninsabu fl-epoka diġitali tas-social network.  Ma rridux nissorprendu ruħna jekk xi mezzi tax-xandir taw lettura parzjali tas-Sinodu.  Minflok, hemm bżonn li l-Knisja titgħallem dejjem aktar kif tuża aħjar il-mezzi ta’ komunikazzjoni biex twassal il-messaġġ tagħha.  Mill-banda l-oħra, irridu nirrikonoxxu li kien hemm ġurnalisti li għamlu xogħol tajjeb u għenu sabiex kulħadd seta’ jissieħeb f’din “il-mixja flimkien” li kienu qegħdin jagħmlu l-Isqfijiet ġejjin mid-dinja kollha.  Minn dan l-aspett is-social media taw kontribut pożittiv għad-dibattitu sinodali.  Ma rridux nibżgħu mid-dibattitu, anzi dan jgħinna niċċaraw il-pożizzjonijiet tagħna.  Illum ir-riflessjoni teoloġika għandha bżonn tiddjaloga max-xjenzi l-oħrajn, kif ukoll trid tqis il-ħajja konkreta.  Fl-aħħar nett, inżid kontribut ieħor li l-medja taw f’dan is-Sinodu: huwa taw il-possibbiltà lil-lajċi biex jinteressaw ruħhom u jakkumpanjaw lill-Padri Sinodali matul dawn il-ġimagħtejn anki pemezz tal-kontributi tagħhom.  Nemmen li din it-tip ta’ parteċipazzjoni hija valur miżjud.

 

Is-Sinodu tkellem ukoll fuq l-ideoloġija tal-gender.  Jekk din l-ideoloġija tinfirex, b’liema mod tista’ thedded ’il-familja u x’miżuri għandhom jittieħdu biex jiqfulha?

Matul is-Sinodu fl-ebda mument aħna l-Isqfijiet ma poġġejna fid-dubju t-tagħlim tal-Knisja dwar l-indissolubbiltà taż-żwieġ bejn raġel u mara, dwar  il-kwalità unittiva u d-dimensjoni prokreattiva tal-imħabba konjugali, fi kliem ieħor dwar il-bonum coniugum.  Quddiem l-ideoloġija tal-gender, u quddiem kull ideoloġija oħra, il-Knisja twieġeb bil-fedeltà tagħha lejn il-verità tal-bniedem skont l-ordni tal-ħolqien u skont l-ordni tal-fidwa.  Minflok ma tħalli lilha nfisha tiġi influwenzata mill-ideoloġiji, il-Knisja tissokta fil-missjoni tagħna li tipproponi l-verità tal-persuna umana u s-sbuħija tal-kumplimentarjetà tas-sessi.  Il-Knisja, li hija “dar tal-Missier”, tibqa’ dejjem miftuħa biex takkumpanja lejn il-Verità li teħles lill-persuni kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni.

 

Liema huma l-istrumenti li rridu nħaddmu sabiex il-familja tibqa’ “attraenti” fl-għajnejn taż-żgħażagħ tad-dinja tal-lum?

Fil-ministeru tiegħi niltaqa’ ma’ ħafna persuni, speċjalment żgħażagħ, li jbatu mis-solitudni u, minkejja li huma mdawra b’ħafna ħbiberiji, għandhom għatx kbir għall-imħabba awtentika.  Kultura li xxandar il-“kollox-issa”, li tipproduċi “bżonnijiet” skont l-esiġenzi tas-suq, li tħares b’suspett lejn dak li jibqa’ “għal dejjem” u tippreferi l-proviżorju, li twiegħed il-pjaċir b’detriment għall-ferħ veru, li tibbanalizza s-sesswalità, flimkien ma’ sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika u ta’ prekarjetà, qed twassal ħafna żgħażagħ biex jaraw l-imħabba vera bħala ideal sabiħ imma li ma jistax jintlaħaq.  F’din is-sitwazzjoni, hemm bżonn li l-familja Nisranija ssir kulma jmur – bħalma ntqal fis-Sinodu – mhux biss oġġett imma “suġġett” tal-evanġelizzazzjoni billi liż-żgħażagħ tagħtihom xhieda tas-sbuħija tal-imħabba li tingħata, li tkun lesta għas-sagrifiċċju għall-ġid tal-ieħor, li tikber kuljum u timmatura fost it-tiġrib u l-provi tal-ħajja.  Imħabba bħal din tiġbed, għaliex turi l-Imħabba Sabiħa li huwa Kristu, ix-xenqa ta’ qalb kull bniedem.

 

Rigward il-ministeru tiegħek f’Għawedex, tgħidilna b’liema mod taħdem il-pastorali tal-familja fid-Djoċesi tiegħek?

F’ottika ta’ konverżjoni pastorali mitluba minn soċjetà li kontinwament qed tinbidel, f’dawn l-aħħar snin fid-Djoċesi tiegħi l-pastorali tal-familji ġiet ristrutturata biex tkun aktar effettiva ħalli takkumpanja lill-għarajjes u lill-familji ta’ żmienna.  Fis-Sinodu spiss tkellimna fuq l-importanza li nippropronu mixja pastorali li tgħin lill-koppji qabel u wara ż-żwieġ.  F’Għawdex nipproponu mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ li ttul sentejn.  Matulhom saċerdot flimkien ma’ koppji miżżewġa jakkumpanjaw lill-għarajjes biex l-imħabba ta’ bejniethom timmatura umanament u spiritwalment u jħejju ruħhom għas-sagrament taż-Żwieġ.  Hemm ukoll proposta ta’ akkumpanjament kateketiku lill-miżżewġin żgħażagħ, speċjalment matul l-ewwel ħames snin ta’ ħajja miżżewġa, li jgħinhom jibnu l-ħajja miżżewġa tagħhom fuq il-Vanġelu.  Il-Kummissjoni Djoċesana Familja toffri wkoll mixjiet ta’ fidi għal dawk li jikkoabitaw, għas-separati u għad-divorzjati fit-tieni żwieġ.  Minbarra dan, ftaħna Konsultorju li joffri għajnuna speċjalizzata lil dawk il-koppji li jkun għaddejjin minn mumenti diffiċli.  B’dan il-mod il-Knisja f’Għawdex tipprova twassal lill-familji kollha tagħna Bxara Tajba: il-ferħ tal-Vanġelu tal-Familja.