Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

MADRE MARGERITA: VULKAN TA’ ENERĠIJA

Riflessjoni tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Velja ta’ talb bi tħejjija biex Madre Margerita ssir Venerabbli

Knisja tas-Sorijiet Franġiskani, il-Belt Victoria

 

Tlieta, 21 ta' Jannar 2014: Fid-dawl tal-laqgħa li qed tinżamm dal-għodu mill-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin f’Ruma bl-għan li jingħata ġudizzju dwar l-erjoċità tal-virtujiet tal-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, il-fundatriċi Għawdxija tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, biex hekk il-Papa jkun jista’ jiddikjaraha Venerabbli, il-bieraħ fil-għaxija nżammet Velja ta’ Talb fil-Knisja tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija fil-Belt Victoria, li fiha l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech għamel ir-riflessjoni mehmuża.

---------

 

It-Tnejn, 20 ta’ Jannar 2014: Għada t-Tlieta huwa jum storiku għall-Knisja f’Għawdex għaliex għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja l-Kardinali u l-Isqfijiet membri fi ħdan il-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin ser jiltaqgħu f’sessjoni ordinarja biex jagħtu ġudizzju dwar jekk il-Papa għandux jiddikjara lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, bint din id-Djoċesi, bħala Venerabbli.  Din is-sessjoni ser titmexxa mill-Kardinal J. Harvey u l-Postulatur huwa Patri Gianni Califano ofm.  Jekk il-vot ikun wieħed pożittiv, inkunu pass biss ’il bogħod mill-Beatifikazzjoni ta’ Madre Margerita.  Ikun jonqos miraklu bl-interċessjoni ta’ Madre Margerita.

 

Nemmen li din il-ġrajja hija providenzjali għall-Knisja f’pajjiżna.  Qegħdin ngħixu żmien ta’ sfidi kbar għal min irid jgħix il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu.  Is-sejħa li timxi wara Kristu qatt ma kienet ħafifa.  Imma llum mhux biss it-telgħa qed issir aktar wieqfa, imma qed insibu wkoll riħ qawwi jonfoħ għal ġo wiċċna.  Xi drabi l-buffuri jkunu tant qawwija li jaħbtu jaqilbu lil min hu sod, aħseb u ara lil min qisu sifja.  

 

Frott ta’ din il-kultura, il-ħajja spiritwali qiegħda tnin u l-Insara bħal donnhom tilfu l-grinta.  Ma rridx inkun profeta tad-dlam, imma f’din il-klima nara ċerti “kastelli” neżlin.  Fl-1969, il-Kardinal Ratzinger kien qal li f’din il-kriżi, il-Knisja fl-Ewropa mhix ser tibqa’ tuża dawk l-ispazji sbieħ li bniet u żejnet hija stess!  Agħar minn hekk, inħoss li fil-Knisja tagħna hawn sinjali ta’ għeja, telqa, nuqqas ta’ ħeġġa, apatija.  Hawn min bħal qiegħed iċedi l-armi u jintelaq mal-kurrent.  Uħud xjieħu qabel il-waqt u qed jagħżlu li joqogħdu b’idejhom marbuta.

 

F’dan il-kuntest, jien nixtieq li niskopru ftit lil din ir-reliġjuża, Madre Margerita De Brincat, li kienet mara li kienet “vulkan” jarmi enerġija umana u evanġelika.  Barra li kienet tarmi n-nar, kellha determinazzjoni qawwija tant li joqgħod għaliha l-motto ta’ raħal twelidha, Ta’ Kerċem: “Flectar non frangar” – fis-sens li meta jaħkimha r-riħ vjolenti, forsi kienet tmil imma mhux titkisser!  Biżżejjed insemmi li fl-1887, meta Dun Ġużepp Diacono, il-fundatur ta’ din il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet, iltaqa’ ma’ għadd ġmielu ta’ diffikultajiet tant li kien iddeċieda li jibgħat lis-sorijiet lejn djarhom u hekk jagħlaq din l-opra, Madre Margerita, meta kellha biss 25 sena, offriet li terfa’ hi stess il-piż tat-tmexxija.  Kieku ma kienx għall-ħeġġa u l-viżjoni li kellha Madre Margerita, kieku dan il-“kastell” (il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù) kien jiġġarraf u jintemm.  Din ma kinitx l-unika ċirkustanza fejn il-Madre kellha titqabad u tagħmel wiċċ sfiq biex tħabbatha mal-ostilità li ġiet għal wiċċha.

 

Il-ħidma ta’ Madre Margerita napprezzawha aktar meta nżommu quddiem għajnejna l-limitazzjonijiet li hija kellha.  Meta wieħed iqis li kienet ġejja minn raħal ċkejken, kienet ta’ statura qasira u kellha biss formazzjoni skolastika elementari, faċli wieħed ixebbahha maż-żerriegħa tal-mustarda li jsemmi Ġesù fil-Vanġelu: żerriegħa żgħira imma li kapaċi tagħmel siġra kbira li toffri kenn lil ħafna.

 

Għalhekk, jien irrid nittama li meta l-Knisja tipproponilna lil Madre Margerita bħala Venerabbli, inkunu nistgħu nitolbu lil Alla jagħtina ftit mill-ispirtu tagħha biex intajru minn fuqna ċerta telqa, nirbħu ċertu sens ta’ inferjorità, nimtlew bl-entużjażmu u nxammru jdejna biex b’ħafna mħabba imma b’qawwa nxandru l-Vanġelu lis-soċjetà tal-lum.  Meta nħares lejn Madre Margerita, nixxennaq li nara l-Knisja tagħna konvinta li għandha l-aqwa messaġġ x’tgħaddi lill-bniedem – dan huwa Ġesù Kristu.  Nixtieq li joktor l-għadd ta’ dawk li għandhom passjoni għal Ġesù u meta jitkellmu dwaru jinsew l-għeja.  Għandi xewqa li fuq l-eżempju ta’ Madre Margerita, l-Ispirtu ta’ Alla jqajjem ftit persuni li jitkellmu ma’ Alla dwar il-bniedem u fl-istess waqt ikollhom il-kuraġġ li jiddjalogaw mal-bniedem dwar Alla.  Nistenna wkoll li bħalma Madre Margerita, għalkemm mietet ta’ 89 sena, baqgħet dejjem “żagħżugħa” fil-Mulej, hekk il-Knisja tagħna tibqa’ tgħix ir-rebbiegħa tal-ħajja.

 

Imma biex kebbset f’qalbha dawn il-kwalitajiet, Madre Margerita kellha sigriet wieħed: skopriet lil Ġesù bħala l-Għarus Divin u “l-ogħla grad tal-Imħabba”.  Kienet tisker meta tieqaf tirrifletti dwar il-fatt li Alla sar bniedem – fil-fatt l-ispiritwalità tagħha ddur mat-twelid ta’ Ġesù, il-Kurċifiss, il-Qalb ta’ Ġesù u l-Ewkaristija li hija s-sagrament tal-preżenza tad-divinità u l-umanità ta’ Ġesù.

 

Jekk f’ċertu sens il-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita hija “figura” li l-Knisja qed taqlagħha mill-imgħoddi, Ġesù huwa l-istess tal-bieraħ, tal-lum u għal dejjem.  Kif kien Ġesù li kellem, stimula u saħħar lil Madre Margerita, dan Ġesù huwa ħaj fostna u, jekk nagħtuh spazju, jista’ jagħmel l-istess magħna llum.  Għalhekk nemmen li l-missjoni primarja tal-Knisja llum hija li tgħin lill-bniedem isib lil Ġesù u tiffaċilita l-laqgħa tiegħu miegħu.  Mingħajr Ġesù, nibqgħu moxxi u narmu riħa ta’ mewt.

 

Għalhekk inħeġġeġ lill-Knisja lokali biex ngħixu din il-ġrajja bil-ferħ, u bl-interċessjoni ta’ Madre Margerita nitolbu lil Alla jixħet fuqna ftit minn dak l-ispirtu li qaddes lilha biex bħalha aħna ngħinu s-soċjetà tkattar il-ġid veru.

 

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta