Talba

“Tkellem, Mulej, il-qaddej tiegħek qiegħed jisma.” 

Ejja Spirtu Qaddis, imla l-qlub tal-fidili tiegħek
U kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, u
huma
jinħalqu.
U Inti ġġedded il-wiċċ tal-art.

 

Bidu tad-diskors tal-muntanja.

QARI ... 

[Mt:5:1] Kif ra l-folol, Ġesù tala' fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. [Mt:5:2] Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom.

 

MEDITAZZJONI ...

Silta qasira, imma lit ant tista’ tgħinna f’din l-esperjenza tagħna.  Għandna l-ewwel passi ta’ xena li tisvolġi f’kapitli ħamsa, sitta u sebgħa.  Mhux neċessarju li dak kollu li jagħtina Mattew f’dawn it-tliet kapitli, jseħħ kollu f’okkażżjoni waħda. Anżi aktarx li l-Evanġelista hawn jiġbor fi priedka waħda, it-tagħlim prinċipali ta’ Ġesù.  Lanqas neċessarjament seħh lid an kollu Ġesù qalu fuq din il-muntanja, imma hawnhekk l-awtur qed jipprova jwassal messaġġ importanti, mhux biss lin-nies ta’ żmienu, imma wkoll lilna li ġejna kważi elfejn sena wara.

Nersaq jien wkoll lejn il-Muntanja …

Fit-Testment il-Qadim, il-muntwanja kienet spiss il-post fejn il-bniedem jtaqa’ ma’ Alla. Fuq il-muntanja Ħoreb, Alla nnifsu jsejjaħ lil Mosè minn ħuġġieġa nar qalb l-għollieq.  Fuq is-Sinaj, jerġa jkellmu u jagħtih il-liġi sabiex jwassalha lill-poplu.  Huwa huwa permezz ta’ din il-liġi li f’riġlejn is-Sinaj, twieled il-poplu Lhudi, għaliex hija l-liġi (il-kostituzzjoni) li lill-poplu tagħmlu ħieles u sovran.

Nilmaħ lil Ġesù …

Fuq din il-muntanja li jsemmi Mattew, l-Evanġelista jurina lill-Ġesù, li mhux biss qiegħed jgħallem imma, l-istess bħal Mosè qiegħed jagħti liġi ġdida lill-poplu ġdid ta’ Alla.  Fit-testi li jmiss għad irridu nisemgħu lil Ġesù jgħid diversi drabi, “Smajtu x’intqal lin-nies ta’ dari …. Imma jiena ngħidilkom…”

Fit-test li jmiss, Ġesù huwa ppreżentat bħala Mosè l-ġdid li ħeles lil ġensu mill-jasar, tah liġi ġdida u għamlu poplu l-Poplu Ġdid ta’ Alla.

Mill-banda l-oħra Mosè tela’ waħdu fuq il-muntanja tal-Mulej u l-poplu baqa’ jistenna isfel. Ġesù mhux biss tela’ hu, iżda miegħu tella l-folla kollha. U f’dik il-folla hemm ukoll jiena u int. Kemm drabi hares f’għajmejja u stedinni, “Inti ġej?”

Wieħed mill-Folla …

U jiena, u inti, u dak, u dik u l-ieħor, u l-oħra … ilkoll flimkien għamilna folla.  Kollha bl-istorja tagħna.  Kollha biċ-ċirkustanzi tagħna. Kollha bin-niket u l-ferħ tagħna.  Kollha bit-tamiet tagħna.  Min b’ħeġga.  Min b’ħafna dubji.

U Ġesù għaddej minn nofsna, jsejjaħ lil kulħadd… wieħed, wieħed u waħda, waħda.  Għandu kelma għal kulħadd.  Imma ma jinponiha fuq ħadd.

Kemm drabi għadda minn ħdejja u dawwart wiċċa. Għamilt ta’ bir-ruħi li ma rajtux. Li għandi x’nagħmel.  Kultant forsi lanqas biss inbaħt bih.  Ġie biex jwassalli messaġġ minn għand Missieru u Missieri, imma jiena kelli wisq x’nagħmel.

Fuq kollox Ġesù, mhux biss huwa l-messaġġier li ġie biex jwasslilna l-messaġġ, imma huwa l-Messaġġ innifsu.  Ma ġiex biss biex jagħtina l-kelma, imma huwa nnifsu huwa l-istess Kelma. Kull darba li nirċievi l-Kelma ta’ Alla b’indifferenza, nkunu qed nimxi miegħu bl-istess mod. Tasal kif tasal, u tasal minn għand min tasal, din hija dejjem il-Kelma ta’ Alla.

Nindiehes mad-Dixxipli …

Il-folla spiss marret wara Ġesù għall-kurżità jew biex takkwista jew tara xi miraklu.  Darba Ġesù qalilhom, “Intom qegħdin tfittxuni għax kiltu u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, imma għal dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.”

Fost din il-folla kbira kien hemm grupp żgħir, id-dixxipli – dawk li emmnu fih. Kelmtu laqtithom. Fih raw xi ħadd speċjali. Mhux dejjem fehmuh.  Spiss kien joħodhom waħedhom u joqgħod jispjegahom fid-dettal dak li lil folla kien jgħidulhom bil-parraboli.  Hemm fih.  Iżda huwa wkoll emmen fihom.  Anzi emmen fihom aktar milli emmnu fih huma.

U jiena f’din il-folla fejn qiegħed?  Ngħid li jiena nisrani. Imma jiena nqis lili nnifsi mad-dixxipli tal-Kelma?  U jekk iva, dan id-dixxiplulat tiegħi kif insarrfu fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum?  Mhux biss meta nkun il-Knisja, imma wkoll barra; fid-dar, fil-ħanut, fuq ix-xogħol, fit-triq, waqt id-divertiment?

TALB …

Tkellem, Mulej għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.

Grazzi Mulej tal-Kelma tiegħek li inti twasslilna permezz tal-Kotba Mqaddsa, permezz tal-Knisja.

Aħfirli, Mulej ta’ kemm drabi ma lqajtx il-Kelma tiegħek b’qalb miftuħa.

Għinni nifetah għal-Kelma tieghek Mulej li fija tħalli l-frott.

Agħtini l-Ispirtu tiegħek Mulej biex meta niftah fommi, nwassal biss il-Kelma tiegħek u mhux dik tiegħi.

KONTEMPLAZZJONI …

Dan huwa l-aħħar pass. Wara li qrajt il-Kelma, wara li immeditajt fuqha u tlabt permezz tagħha, issa irid nieqaf minn kollox, u fis-skiet u l-ġabra nintelaq fil-Missier li tani l-Ibnu biex ikun il-Kelma tiegħu għalija.

Nintelaq fl-Iben li huwa l-istess Kelma Inkarnata fil-persuna ta’ Ġesù Kristu; dak li mill-paġni tal-Evanġelju qiegħed jitkellem miegħi kif elfejn sena ilu tkellem mad-dixxipli fit-toroq tal-Palestina.

Nintelaq fl-Ispirtu Qaddis li nebbaħ il-Kelma lil dawk li kitbuha u issa qiegħed ifissirha lili u jħeġġiġni biha.

Inwarrab minni kull ħsieb, kull xewqa anke dawk l-aktar qaddisa. Nitbattal minn kollox u nħalli lilu jima hu il-vojt ta’ ġo fija.

Għal ftit minuti li ġejjin m’hemmx għalfejn inkompli nitolbu l-ħtiġijiet tiegħi jew dawk ta’ l-oħrajn.  Hu jaf x’għandi bżonn qabel nitlobhomlu.

Għalhekk fil-ħemda nieqaf nitfaxxa bil-preżenza tiegħu. U anke jekk ma nħossux, madankollu jiena ċert li Huwa qiegħed hawn.  Anke jekk ma nisemgħux ikellimni, huwa qiegħed ħdejja, jwennisni. …….