Introduzzjoni - Fit-Toroq tal-Kelma

Lectio Divina  - Bil-Malti tfisser “Qari Divin”, u dan għaliex fil-Lectio Divina ma naqrawx xi silta minn ktieb ta’ spiritwalità, jew dwar mill-ħajja ta’ qaddisin, imma naqraw il-Kelma ta’ Alla kif imwassla lilna fit-Kotba Mqaddsa – fil-Bibbja.

Għalkemm fil-Lectio Divina naqraw mill-Bibbja, imma l-Lectio Divina mhix studju tal-Bibbja, mhix Bible Study.

Għalkemm fi-Lectio Divin nitolbu, imma l-Lectio Divina mhix laqgħa ta’ talb, mhix Prayer Meeting.

Il-Lectio Divina hija esperjenza personali li tixbaħ ħafna lill-esperjenza li l-ewwel dixxipli kellhom ma’ Ġesù.  Hija l-laqgha tagħna miegħu, li sseħħ illum, bl-istess mod kif tagħhom seħħet elfejn sena ilu.  Anzi, aktar milli hija l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, ngħid li hija l-laqgħa tiegħi mal-Imgħallem tiegħi, illum, fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja li qed ngħix bħalissa. 

Elfejn sena ilu, id-dixxipli għexu din l-esperjenza ħajja fit-toroq tal-Palestina.  Illum aħna rridu ngħixuha fil-paġni tal-Evanġelju. Dawn il-paġni jridu jinfetħu għalina bħal toroq li fihom niltaqgħu mal-Imgħallem tagħna.  Fihom irridu narawh, nisemgħuh ikellimna, inkellmuh lura u nimxu miegħu.

F’dawn it-Toroq tal-Kelma, huwa se jisteddinna biex immorru għandu, kif darba stieden liż-żewġ dixxipli ta’ Ġwanni l-Għammiedi. Se jistaqsina, “Xi tridnuni  nagħmlilkom?”  Se jitkixxef minn għandna, “In-nies tallum, tat-tielet millenju, min jgħidu li jien?  U intom, min tgħidu li jien?”

Kif issir il-Lectio Divina - Tikkonsisti f’erba taqsimiet. Dawn huma:-

Lectio - Qari tas-silta magħżula.

Meditatio - Meditazzjoni dwar is-silta. Hawn ma nieqfux fuq dak li seħħ elfejn sena ilu, imma nirriflettu dwar dak li qed iseħħ fina (anzi fija) illum. Hawn min imexxi irid joqgħod attent li din it-taqsima ma tinbidilx f’laqgha ta’ studju tal-Bibbja (Bible Study). 

Oratio - Talb marbut mal-qari u li joħroġ mis-silta nfisha. Importanti li din it-taqsima ma tinbidilx f’laqgħa ta’ talb (Prayer Meeting) jew ta’ interċessjoni. Mhux ghax dawn huma ħżiena, imma għaliex il-Lectio Divina għandha skop differenti.

Contemplatio – Kontemplazzjoni. Forsi din hija l-aktar parti diffiċli għalina li kontinwament irridu nagħmlu xi ħaġa aħna.  F’dan il-mument irridu nieqfu minn kollox.  Nieqfu mill-kliem u miċ-ċaqlieq.  Mill-aħjar li nistgħu, ninqatghu mill-ħsejjes, kemm dawk li jiġu minn barra, u b’mod speċjali dawk li jiġu minn ġewwa fina. Ninsew lil ta’ madwarna. Nħallu barra kemm ħsibijiet kif ukoll xewqat, anke jekk dawn huma mill-aktar nobbli u qaddisa. Importanti li f’dan il-ħin, nintelqgħu għal kollox f’idejn il-Mulej u nħalluh jaħdem fina Hu.

F'dan kollu aħna nistgħu biss nagħmlu l-parti żgħira tagħna. Nagħmluha mill-aħjar li nistgħu. Imma s-sehem il-kbir irid jiġi mill-Mulej.  Għalhekk qabel xejn irridu nitolbu lill-Ispirtu Qaddis biex jgħinna nintelqgħu f’idejh u nħalluh imexxina Hu.  Dan jgħodd għal tul il-proċess kollu tal-Lectio Divina, imma b’mod speċjali għall-aħħar tappa, dik tal-kontemplazzjoni. Il-kontemplazzjoni hija biss rigal ta’ Alla lilna.  Aħna rridu biss inkunu lesti naċċettawh b’qalb miftuħa.

Irridu nżommu f’moħħna li ma nistgħux b’xi mod nippruvaw inkejlu xi s-suċċess jew progress tagħna fil-Lectio Divina minn xi emozjonijiet jew tħeġġiġ li nistgħu nħossu.  Kultant dawn jistgħu jiġu.  Imma anke jekk le, rridu nroddu ħajr lil Alla li jkun qed ikellimna bil-Kelma tiegħu.  Huwa jridna nfittxu lilu u mhux il-konsolazzjonijiet li kultant jagħtina.  Infittxuh dejjem, anke meta dawn il-konsolazzjonijiet jibqgħu ma jiġux. 

U fl-aħħar, meta l-Kelma ta’ Alla nersqu lejha b’qalb miftuħa, hija tibda tibdilna. Spiss jiġri li din il-bidla, aħna ma nintebħux biha, jew nintebħu biha wara żmien. Aktarx ikun l-oħrajn li jibdew jinnutawha fina.  Imma anke jekk ma nintebħux xi jkun qed jiġri f’ħajjitna, f’qalbna jkun qed jitħeġġeġ nar, li jsaħħan mhux biss lilna, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu madwarna.

U meta nibdew nintebħu x'ikun ġara, ikollna aħna wkoll nistqarru bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, “Ma kienetx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna u jfissrilna l-Iskrittura.”