IL-KTIEB TAL-LAMENTAZZJONIJIET

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1. Il-ħerba ta' Ġerusalemm

 

[Lam:1:1] Ah! Kif inhi weħidha,

il-belt li kienet tiżgħed bin-nies!

Saret bħal armla

l-kbira fost il-ġnus!

Is-sidt fost l-ibliet,

il-ħaraġ ikollha tħallas.

 

[Lam:1:2] Billejl tibki biki tad-demm,

dmugħha jġelben ma' ħaddejha.

Lil ħadd m'għandha jfarraġha,

minn fost l-egħżeż tagħha;

ħbiebha ttradewha,

u sarulha għedewwa. 

 

[Lam:1:3] Tela' Ġuda minħabba l-għaks,

u l-jasar iebes,

jgħammar fost il-ġnus

bla ma jsib mistrieħ.

Dawk kollha li ġrew warajh

laħquh meta kien fl-hemm.

 

[Lam:1:4] It-toroq ta' Sijon jibku,

għall-festi ħadd m'għadu jmur.

Bibienha kollha ħerba;                 

il-qassisin jitniehdu;

ix-xebbiet tagħha mnikkta,

u hi mgħargħra fl-imrar.

 

[Lam:1:5] Dawk li ħaqruha marru minn fuq,

stagħnew  l-għedewwa tagħha.

Il-Mulej għakkisha

minħabba l-kotra ta' dnubietha.

It-tfal tagħha marru fl-eżilju,

misjuqa mill-għadu tagħhom.

 

[Lam:1:6]  U għeb minn fuq bint Sijon

ġmielha kollu,

il-kbarat tagħha saru bħaċ-ċriev,

il-mergħa ma sabux;

telqu bla saħħa,

quddiem is-sewwieq tagħhom.

 

[Lam:1:7] Ġerusalemm tiftakar,

f'jiem l-hemm u l-imrar tagħha,

fil-ġid għażiż li kien tagħha,

sa mill-qedem żminijiet,

meta l-poplu tagħha waqa' f'idejn l-għadu,

u ħadd ma kien hemm biex jgħinha.

Rawha l-għedewwa tagħha

u ddieħku b'qerditha.

 

Dnub Ġerusalemm

 

[Lam:1:8] Ġerusalemm dinbet bil-kbir,

għalhekk saret ħaġa moqżieża;

stmellewha dawk li kienu jfaħħruha,

għax raw l-għera tagħha.

Hi stess titkarrab,

u ddawwar wiċċha 'l hemm.

 

[Lam:1:9] It-tinġis ma' djulha,

ma ħasbet qatt fi tmiemha.

Għalhekk waqgħetha tgħaġġbek,

ħadd m'għandha min isalvaha.

"Ħares, Mulej, lejn il-miżerja tiegħi,

għax l-għadu għelibni."

 

[Lam:1:10] L-għadu medd idejh

għall-ġid kollu l-għażiż tagħha.

Rat il-ġnus deħlin fis-santwarju tagħha,

li int kont għedt ma jidħlux fih

waqt il-ġemgħat tiegħek.

 

[Lam:1:11] Il-poplu kollu tagħha jokrob,

u jfittex il-ħobż.

Jibdlu ġidhom l-għażiż ma' l-ikel,

sabiex jinħjew.

"Ħares, Mulej, ara sewwa,

 kif sfajt imkagħbra.

 

[Lam:1:12] U intom ilkoll li għaddejjin mit-triq,

ħarsu sewwa u araw,

jekk hawnx hemm bħal hemmi,

li waqa' fuqi;

li bih il-Mulej għabbieni

fil-jum ta' saħnet għadbu.

 

[Lam:1:13] Xeħetli n-nar mill-għoli,

nifidli sa ġo għadmi.

firex xibka għal riġlejja

u ġagħalni nerġa' lura;

u għamel minni ħerba sħiħa,

għamilli qalbi sewda,

mifnija l-jum kollu.

 

[Lam:1:14] Niseġ madmad minn dnubieti,

b'idejh stess baramhom;

taqqluli għonqi.

Neħħieli saħħti;

rħieni l-Mulej f'idejhom;

ma niflaħx inqum.

 

L-abbandun ta' Ġerusalemm

 

[Lam:1:15] "Iddieħak bil-qalbiena tiegħi,

Sidi li kien ġo nofsi;

sejjaħ kontrija ġemgħa

biex ifarrak iż-żgħażagħ tiegħi;

għaffeġ is-Sid bħalkieku f'magħsar,

ix-xebba, bint Ġuda.

 

[Lam:1:16] Għalhekk jien imbikkija,

u d-dmugħ iġelben minn għajnejja;

għax tbiegħed minni

min isabbarni u jaħjini.

Uliedi ħerba

għax rebaħ l-għadu."

 

Lam:1:17] Sijon meddet idejha,

imma m'hemmx min ifarraġha.

l-Mulej ordna għal Ġakobb,

i l-ġirien tiegħu jdawwruh;

saret Ġerusalemm,

koċċ qżież ġo nofshom.

 

[Lam:1:18] "Ġust hu l-Mulej,

għax jien irvellajt kontra kelmtu.

Isimgħu, mela, popli lkoll kemm intom,

u araw in-niket tiegħi;

ix-xebbiet u ż-żgħażagħ tiegħi

fl-eżilju lkoll marru.

 

[Lam:1:19] Il-maħbubin tiegħi sejjaħtilhom,

imma huma daħku bija.

Il-qassisin u l-anzjani tiegħi fil-belt intemmu,

huma u jfittxu l-ikel,

biex jerġgħu jieħdu r-ruħ.

 

[Lam:1:20] Ara, Mulej, xi dwejjaq għandi,

mbaqbqa ġewwinija,

mħawwda qalbi ġewwa fija,

għax ma ridt nisma' b'ebda mod.

Barra teqred 'l ulied ix-xabla,

u ġewwa  l-mewt.

 

[Lam:1:21] Isimgħuni nitniehed,

u ħadd ma jsabbarni.

Semgħu l-għedewwa bil-ħsara tiegħi,

u ferħu b'kull ma int għamiltli.

Ġib il-jiem li int ħabbart,     

ħalli jiġrilhom bħali.

[Lam:1:22] Ħa jiġi quddiemek il-ħażen kollu

                                                                   tagħhom,

u għamlilhom kif għamilt lili

għal dnubieti kollha,

għax l-ilfiq tiegħi kbir,

u qalbi nfniet."

 

2. Il-ġudizzju ta' Alla

 

[Lam:2:1[ Kif saħħab f'għadbu

Sidi 'l bint Sijon!

Mis-sema waddab ma' l-art

il-ġmiel ta' Iżrael

U ma ftakarx f'mirfes riġlejh,

f'jum il-korla tiegħu.

[Lam:2:2] Il-Mulej Sidi, mingħajr ebda ħniena,

qered l-għamajjar kollha ta' Ġakobb;

fil-korla tiegħu ġarraf

il-fortizzi ta' Ġuda.

Xeħet ma' l-art u żeblaħ

is-saltna u l-kbarat tagħha.

[Lam:2:3] Farrak fis-saħna ta' għadbu,

il-qawwa kollha ta' Iżrael;

ġibed lura lemintu

minn quddiem l-għadu.

U xegħel għal Ġakobb bħan-nar iħeġġeġ

u jiekol kull ma hemm madwaru.

 

[Lam:2:4] Ġibed il-qaws tiegħu bħal għadu,

medd lemintu bħal avversarju,

u qatel kull ma jogħġob l-għajn.

Fuq l-għarix ta' Sijon,

sawwab bħan-nar is-saħna tiegħu.

[Lam:2:5] Sidi sar qisu l-għadu;

bela' lil Iżrael;

qered il-palazzi tiegħu,

bela' l-fortizzi tiegħu,

u kattar lil bint Ġuda

il-krib u t-tnehid.

[Lam:2:6] Ħarbat bħal ġnien l-għarix tiegħu,

ġarraf il-post tal-festi tiegħu.

Nessa l-Mulej f'Sijon

il-festi u s-sibtijiet.

Stmell, fil-qilla ta' għadbu,

slaten u qassisin.

 

[Lam:2:7] Stkerrah il-Mulej  l-artal tiegħu,

ċaħad is-santwarju tiegħu.

Telaq f'idejn l-għedewwa                   

s-swar u l-palazzi tagħha.

F'dar il-Mulej kien hemm għajat,

bħal f'jum ta' festa.

 

[Lam:2:8] Il-Mulej għamel ħsieb li jġarraf,

s-swar ta' bint Sijon.

Medd il-ħabel tal-kejl,

u idu ma waqfitx mit-tiġrif.

Xeħet il-vistu fuq is-sur u l-ħajt quddiemu,

u ġġarrfu t-tnejn f'salt wieħed.

[Lam:2:9] Bwiebha ntradmu fl-art,

kisser u farrak l-iżbarri tagħha.

Is-sultan u l-prinċpijiet tagħha mxerrda fost il-ġnus.

M'hemmx aktar Liġi,

u l-profeti tagħha wkoll,

m'għandhomx aktar dehriet

mingħand il-Mulej.

[Lam:2:10] Bilqiegħda fl-art u siekta,

ix-xjuħ ta' bint Sijon;

it-trab tefgħu fuq rashom,

libsu l-ixkejjer;

u niżżlu rashom fl-art

ix-xebbiet kollha ta' Ġerusalemm.

[Lam:2:11] Nfnew bid-dmugħ għajnejja,

u qalbi mħawwda;

wiedi ma' l-art imxerred,

għax bint il-poplu tiegħi ħerba waħda;

u fil-pjazez tal-belt it-tfal u t-trabi

nfnew bla saħħa.

 

[Lam:2:12] "Fejn huwa l-ħobż u l-inbid?"

Staqsew lil ommijiethom,

xħin bħal midruba kienu jinfnew

fil-pjazez tal-belt,

u ruħhom kienet ħierġa

fi ħdan ommhom.

 

[Lam:2:13] X'naqbad ngħid għalik?

Ma' min inxebbhek,

bint Ġerusalemm?

Ma' min inqabblek, u kif nista' nfarrġek,

xebba, bint Sijon?

Għax kbira l-ġerħa daqs il-baħar,

Min jista' jfejjqek?

 

Il-profeti foloz

 

[Lam:2:14] Kellhom għalik dehriet ta' qerq u frugħa

dawk il-profeti tiegħek,

li ma kixfulekx ħżunitek,

biex jeħilsuk mill-hemm li waqa' fuqek,

imma qalulek biss dehriet giddieba,

kollha qerq u tagħwiġ.

 

[Lam:2:15] Iċapċpulek idejhom

dawk kollha li jgħaddu mit-triq.

Isaffrulek u jxejjru rashom

għal bint Ġerusalemm u jgħidu:

"Din hi l-belt li kienu jgħidulha:

'Kollha ġmiel, għaxqet id-dinja'."

[Lam:2:16] Fetħulek fommhom l-għedewwa kollha

                                                                      tiegħek.

Saffrulek u għażgħżu snienhom,

u bdew jgħajjtu: "Blajnieha!

Dan hu l-jum li konna nistennew;

lħaqnieh u rajnieh!"

 

[Lam:2:17] Il-Mulej għamel li kien ħaseb,

il-kelma tiegħu żammha,

li kien lissen sa mill-qedem:

ġarraf bla ma ħenn.

Ferraħ lill-għadu tiegħek bik,

u għolla l-qawwa ta' l-għedewwa.

[Lam:2:18] Għajjat lill-Mulej Sidi!

Bint Sijon tniehed,

u xerred lejl u nhar

id-dmugħ bħal xmara.

 

Mingħajr mistrieħ ta' xejn,

tħallihomx jieqfu lil għajnejk  mill-biki.

[Lam:2:19] Qum billejl u għajjat

xħin is-sahriet ikunu se jibdew;

xerred bħall-ilma qalbek

quddiem il-Mulej Sidi;

erfa' idejk lejh u itolbu

għall-ħajja tat-tfal tiegħek,

mifnija bil-ġuħ f'salib it-toroq.

 

[Lam:2:20] "Ħares, Mulej, u ara!

Lil min għamilt dan?

Għandhom in-nisa jieklu 'l uliedhom,

it-trabi tad-dirgħajn?

Għandhom jinqatlu fit-tempju ta' Sidi,

il-qassis u l-profeta?

 

[Lam:2:21] Minxura fl-art fil-pjazez

it-tfal u x-xjuħ,

ix-xbejbiet u ż-żgħażagħ tiegħi,

waqgħu mejta taħt ix-xabla.

Qtilthom f'jum is-saħna tiegħek,

Qtilt bla ma ħennejt.

 

[Lam:2:22] Int sejjaħt bħal f'jum f'xi festa,

il-biża' tiegħi minn kullimkien.

U f'jum il-korla tal-Mulej

ma kien hemm ħadd,

li ħarab jew ħelisha.

'Il min qandilt u rabbejt,

qeridhom l-għadu tiegħi."

 

3. It-tiġrib tal-profeta u l-poplu

 

[Lam:3:1] Jiena l-bniedem li ġarrabt l-hemm

taħt ħatar qilltu.

 

[Lam:3:2] Lili sqni u mexxieni,

fid-dlam bla ebda dawl.

 

[Lam:3:3] Kontrija jdawwar u jerġa',

il-jum kollu idejh.

 

[Lam:3:4] Tertaqli laħmi u ġildi,

farrakli għadmi.

 

[Lam:3:5] Bena madwari u dawwarni

bl-imrar u l-hemm.

 

[Lam:3:6] Ġagħalni ngħammar fid-dlamijiet,

bħall-mejtin minn żmien il-qedem.

 

[Lam:3:7] Dawwarni b'ħajt li ma noħroġx;

għabbieni bi ktajjen tqal.

 

[Lam:3:8] Mqar jekk ngħajjat u nsejjaħ l-għajnuna,

it-talba tiegħi joħnoq.

 

[Lam:3:9] Mbarrali t-triq b'ġebel minġur,

għawwiġli mogħdijieti.

 

[Lam:3:10] Ors jissajjali kien għalija,

ljun mistoħbi.

 

[Lam:3:11] Ħariġni mit-triq u qattagħni bċejjeċ,

u miżerja għamel minni.

 

[Lam:3:12] Ġibed il-qaws tiegħu,

u waqqafni b'mira għall-vleġġa.

 

[Lam:3:13] Waħħalli fil-kliewi l-vleġeġ

ulied il-barżakka tiegħu.

 

[Lam:3:14] Sirt daħk il-poplu kollu,

l-għanja tagħhom il-jiem kollha.

 

[Lam:3:15] Fawwarni bl-imrar,

sakkarni bl-assenzju.

 

[Lam:3:16] Taħanli biż-żrar snieni,

u ġagħalni nitmiegħek fit-trab.

 

[Lam:3:17] Ruħi nqatgħet mis-sliem,

il-ġid insejtu.

 

[Lam:3:18] Jien għedt: "Marret saħħti;

hekk ukoll it-tama tiegħi fil-Mulej!"

 

It-tama f'Alla

 

[Lam:3:19] Il-ħsieb ta' hemmi u inkwieti,

assenzju u mrar!

 

[Lam:3:20] Tiftakar ruħi u taħseb,

u tinfena ġewwa fija.

 

[Lam:3:21] Dan jien nhewden f'qalbi,

biex b'hekk nittama.

 

[Lam:3:22] Il-ħniena tal-Mulej bla tmiem;

tjubitu ma tonqos qatt.

 

[Lam:3:23] Jiġġeddu kull filgħodu,

kbira l-fedelt tiegħek.

 

[Lam:3:24] "Sehmi hu l-Mulej," tgħid ruħi,

"għalhekk nittama fih."

 

[Lam:3:25] Tajjeb il-Mulej ma' min jistennieh,

mar-ruħ li tfittxu.

 

[Lam:3:26] Tajjeb min jistenna fis-skiet,

is-salvazzjoni  tal-Mulej;

 

[Lam:3:27[ tajjeb għall-bniedem li jerfa'

l-madmad sa minn żgħożitu,

 

[Lam:3:28] li joqgħod waħdu u sieket,

meta jgħabbihulu l-Mulej;

 

[Lam:3:29] li qiegħed ħalqu fit-trab,

għandu mnejn jifdal xi tama;

 

[Lam:3:30] li jagħti ħaddejh lil min isawwtu,

li jimtela biż-żebliħ.

 

[Lam:3:31] Għax ma jarmix għal dejjem,

lill-bniedem  il-Mulej.

 

[Lam:3:32] Għaliex jekk hu jgħakkes

iħenn skond il-kotra ta' tjubitu;

 

[Lam:3:33] għax mhux minn qalbu jgħakkes,

jew iweġġa' qalb il-bniedem.

 

 [Lam:3:34] Li xi ħadd jisħaq taħt riġlejh

l-ilsiera kollha ta' l-art;

 

[Lam:3:35] li tgħawweġ id-dritt ta' bniedem

quddiem wiċċ l-Għoli;

 

[Lam:3:36] li tqarraq bi bniedem fil-kawża tiegħu,

dan il-Mulej ma japprovahx.

 

[Lam:3:37] Min qatt tkellem u seħħet kelmtu,

kieku Sidi ma ordnahiex?

 

[Lam:3:38] M'hux minn fomm l-Għoli,

joħroġ id-deni u l-ġid?

 

[Lam:3:39] Għala l-bniedem ħaj igerger,

għall-kastig ta' dnubu?

 

Nersqu lejn Alla

 

[Lam:3:40] Ngħarblu triqatna u nifluhom,

u nerġgħu lura għand il-Mulej.

 

[Lam:3:41] Ħa ngħollu qlubna u idejna,

lejn Alla fis-smewwiet.

 

[Lam:3:42] Aħna dnibna u rvellajna,

u int ma ħfirtilniex.

 

[Lam:3:43] Int tlibbist bl-għadab,

u ġrejt warajna.

Qtiltna bla ma ħennejt.

 

[Lam:3:44] Nstart fi sħaba,

biex it-talb ma jaqbiżhiex.

 

[Lam:3:45] Int għamiltna ż-żibel,

l-iskart tal-ġnus.

 

[Lam:3:46] Ħalqhom fetħu għalina,

l-għedewwa tagħna lkoll.

 

[Lam:3:47] Biża' u ħofra kien hemm għalina,

qerda u tkissir.

 

[Lam:3:48] Gliegel ta' dmugħ ċarċru minn għajnejja

għat-tifrik ta' bint il-poplu tiegħi.

 

[Lam:3:49] Għajni ddemma' bla ma tehda,

ma tridx tistrieħ,

 

[Lam:3:50] qabel ma jixref  il-Mulej

mis-sema u jara.

 

[Lam:3:51] Għajnejja jweġġgħuli qalbi,

minħabba x-xorti ta' bniet belti.

 

[Lam:3:52] Nasbuli bħal għasfur                    

l-għedewwa tiegħi għal xejn.

 

[Lam:3:53] Xeħtuni ħaj ġol-bir,

u waddbu l-ħaġar fuqi.

 

[Lam:3:54] L-ilmijiet laħqu 'l fuq minn rasi,

u għedt: "Jien spiċċajt."

 

Għajta għall-vendetta

 

 [Lam:3:55] Jien sejjaħt ismek, Mulej,

minn qiegħ il-bir.

 

[Lam:3:56] Int smajt leħni: "La ssoddx widnejk

għall-għajta tiegħi  għall-għajnuna."

 

[Lam:3:57] Meta jien sejjaħtlek, int qrobt lejja,

u għedtli: "La tibżax."

 

[Lam:3:58] Int ħadt il-kawża tiegħi,

u fdejtli  'l ħajti.

 

Lam:3:59] Int rajt id-deni li ġarrabt,

Mulej; għamel ħaqq miegħi.

 

[Lam:3:60] Rajt int il-vendikazzjoni tagħhom,

ta' dawk li jmorru kontrija.

 

[Lam:3:61] Int smajt biż-żebliħ tagħhom,

u bit-tnassis tagħhom kontrija.

 

[Lam:3:62] Xufftejn dawk li qamu għalija u

                                                              ħsibijiethom,

il-jum kollu m'humiex ħlief kontrija.

 

[Lam:3:63] Arahom, meta joqogħdu jew iqumu,

jien l-għanja tagħhom.

 

[Lam:3:64] Agħtihom li ħaqqhom Mulej,

skond għemil idejhom.

 

[Lam:3:65] Webbsilhom qalbhom,

ixħet is-saħta tiegħek fuqhom.

 

[Lam:3:66[ Agħmel għal warajhom fl-għadab tiegħek,

eqridhom minn taħt is-sema,

O Mulej!"

 

4. Il-ġuħ ta' Ġerusalemm

 

[Lam:4:1] Kif ittappan id-deheb,

kif tbiddel id-deheb fin!

Il-ġebel jinsab imxerred

f'ras kull triq.

 

[Lam:4:2] Ulied Sijon għeżież,

mitqilhom deheb jiswew!

Kif saru issa qishom biċċa xaqquf,

xogħol id il-fuħħar!

 

[Lam:4:3] Mqar ix-xakalli jagħtu sidirhom,

u jreddgħu l-frieħ tagħhom.

Bint  il-poplu tiegħi kiefra

bħan-ngħama fid-deżert.

 

[Lam:4:4] Lsien it-tarbija tal-ħalib,

weħel mas-saqaf ta' ħalqha,

minħabba l-għatx;

it-tfal jittallbu l-ikel,

 imma ma jagħtihom ħadd.

 

[Lam:4:5] Dawk li kienu jieklu t-tajjeb,

issa bil-ġuħ fit-toroq;

dawk li kienu mrobbija fil-porpra,

issa jitmiegħku fiż-żibel.

 

[Lam:4:6] Id-dnub ta' bint il-poplu tiegħi

akbar mill-ħtija ta' Sodoma,

li nqalbet f'waqt wieħed,

bla ma ħadd meddilha idejh.

 

[Lam:4:7] Jiddu aktar mis-silġ kienu prinċpijietha,

bojod aktar mill-ħalib;

ġisimhom aħmar aktar mill-qroll,

persunithom bħas-saffir.

 

[Lam:4:8] Imma issa wiċċhom iswed aktar mid-dlam,

ma jingħarafx fit-toroq;

ġildithom weħlet ma' għadamhom,

ibbieset daqs l-għewied.

 

[Lam:4:9] Ħabtuha aħjar il-maqtulin bix-xabla

minn dawk li nqerdu bil-ġuħ,

li ntemmu bil-mod, bħalkieku midrubin,

minħabba n-nuqqas ta' wċuħ l-art.

 

[Lam:4:10] In-nisa, minkejja li ħanina,

sajjru 'l uliedhom b'idejhom stess,

saru ikilhom,

dakinhar li tkissret bint il-poplu tiegħi.

 

[Lam:4:11] Il-Mulej temm il-qilla tiegħu,

sawwab saħnet il-korla tiegħu;

u kebbes in-nar f'Sijon,

u qerdilha s-sisien tagħha.

 

[Lam:4:12] Qatt ma emmnu slaten id-dinja,

u dawk li jgħammru fl-art,

li qatt jidħol gwerrier jew għadu

minn bwieb Ġerusalemm.

 

Il-profeti foloz

 

[Lam:4:13] Minħabba ħtijiet il-profeti tagħha,

u dnubiet il-qassisin tagħha,

li xerrdu fiha d-demm tal-ġusti.

 

[Lam:4:14] Kienu jixxenglu bħal għomja fit-toroq,

u mċappsa kollha demm,

u lbieshom ħadd ma sata' jmiss.

 

[Lam:4:15] "Warrbu! Ja mniġġsin!" kienu jgħidulhom;

"Warrbu! Warrbu! La tmissuhomx!"

Għad jaħarbu u jiġġerrew fost il-ġnus,

imma n-nies jgħidu:

"Mkien ma jibqgħu."

 

[Lam:4:16] Il-Mulej stess xerridhom,

aktar lejhom ma jħarisx;

ma kienx hemm ġieħ għall-qassisin,

lanqas ħniena għax-xjuħ.

 

L-aħħar jiem tan-nazzjon

 

[Lam:4:17] Għajnejna nfnew, kemm se ndumu

nħarsu għalxejn għall-għajnuna.

Mill-għases tagħna għarrixna

għall-poplu li ma jistax jgħinna.

 

[Lam:4:18] Iqisulna l-passi tagħna,

li ma nistgħux nimxu fi triqatna.

Qorob tmiemna, magħduda jiemna,

għax wasal tmiemna.

 

[Lam:4:19] Ġrew warajna eħfef

mill-ajkli tas-smewwiet.

Ġrew warajna qalb il-muntanji,

issajjawlna fid-deżert.

 

[Lam:4:20] In-nifs ta' mnifsejna, il-midluk tal-Mulej,

nqabad fil-ħofor tagħhom.

Taħt id-dell tiegħu ngħidu:

"Nistgħu ngħixu fost il-ġnus."

 

[Lam:4:21] Ifraħ u thenna, bint Edom,

int li tgħammar f'art Għus.

Imma għalik ukoll għad jgħaddi l-kalċi,

għad tisker u titgħarwen.

 

[Lam:4:22] Ntemm dnubek, Bint Sijon,

ma jżommokx iżjed fl-eżilju.

Imma dnubek, bint Edom, jikkastigah;

dnubietek għad jikxifhomlok.

 

Talba għall-ħniena

 

[Lam:5:1] Ftakar, Mulej, xi ġralna!

Ħares u ara l-għajb tagħna!

[Lam:5:2] Wirtna għadda għand l-istranġieri;

djarna għand il-barranin.

[Lam:5:3] Sfajna ltiema bla missier,

ommijietna sfaw bħar-romol.

[Lam:5:4] Ilmitna bil-flus nixorbu.

[Lam:5:5] Bil-madmad f'għonqna jsuquna,

il-ħatab tagħna bil-flus jiġina,

nfejna u mistrieħ m'għandniex.

[Lam:5:6] Lejn l-Eġittu middejna idejna,

u lejn l-Assirja biex bil-ħobż nixbgħu.

[Lam:5:7] Dinbu missirijietna u ntemmu lkoll,

u tgħabbejna aħna bi ħżunithom.

[Lam:5:8] Lsiera jaħkmu fuqna,

min jeħlisna m'għandna  'l ħadd.

[Lam:5:9] Nissugraw ħajjitna biex niksbu ħobżna,

minħabba x-xabla fid-deżert.

[Lam:5:10] Ġildna jikwi bħal forn,

minħabba l-ħruq tal-ġuħ.

[Lam:5:11[ Kasbrulna n-nisa f'Sijon,

ix-xebbiet tagħna fi bliet Ġuda.

[Lam:5:12] Il-prinċpijiet għallquhom b'idejhom,

u wiċċ ix-xjuħ ma tawhx il-ġieħ.

[Lam:5:13] Iż-żgħażagħ tgħabbew bil-mitħna;

it-tfal jogħtru taħt il-ħatab.

[Lam:5:14] Ix-xjuħ ħallew bieb il-belt;

iż-żgħażagħ daqq il-korda.

[Lam:5:15] Il-ferħ ta' qalbna ntemm;

iż-żfin tagħna f'vistu nbidel.

[Lam:5:16] Il-kuruna fuq rasna waqgħet;

jaħasra għalina għax dnibna!

[Lam:5:17] Għalhekk imradna b'qalbna,

u għajnejna ddallmu.

[Lam:5:18] Għax l-għolja ta' Sijon ħerba,

ix-xakalli jiġġerrew fiha.

[Lam:5:19] Imma int, Mulej, tibqa' għal dejjem,

it-tron tiegħek minn żmien għal żmien.

[Lam:5:20] Għaliex sa tinsiena għal dejjem,

tabbandunana għal dan it-tul ta' żmien?

[Lam:5:21] Reġġagħna, Mulej, lejk, u nerġgħu lura,

ġeddilna jiemna bħal dari.

[Lam:5:22] Jaqaw irmejtna għalkollox?

M'hux biżżejjed għadabt għalina?