Dikjarazzjoni konġunta mill-Isqfijiet Charles J. Scicluna u Mario Grech

Jassiguraw li l-ħarsien tal-minuri hu

mira prinċipali tad-djoċesijiet tagħhom

L-Isqifijet Charles J. Scicluna u Mario Grech jagħtu assigurazzjoni lill-pubbliku li l-ħarsien tal-minuri hu dejjem fost il-miri prinċipali tad-djoċesijiet immexxija minnhom u li l-ligijiet tal-Knisja u tal-Istat huma dejjem osservati u esegwiti f’din il-materja bħal f’kull materja oħra.

Fil-harifa tal-2014 l-Isqfijiet, flimkien mas-Superjuri Maġġuri Religjuzi ta’ Malta u t’Għawdex, adottaw u ppubblikaw il-policy il-ġdida dwar kif jiġu mistħarrġa alegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ minuri minn membri tal-kleru u reliġjużi u minn funzjonarji pastorali oħra.

Fil-bidu ta’ din is-sena l-istess awtoritajiet ekklesjastiċi nnominaw grupp ta’ esperti biex jiffurmaw il-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli (imsejħa wkoll Safeguarding Commission) immexxija minn Head of Safeguarding Mr. Andrew Azzopardi. Din il-Kummissjoni ilha għalhekk taħdem minn Frar 2015.

Skont din il-policy u l-liġi tal-Knisja meta ssir allegazzjoni ta’ abbuż fuq minuri minn saċerdot l-Isqof immedjatament jillimita jew jissospendi l-ministeru pastorali tas-saċerdot biex dan ma jkollux iżjed kuntatt ma’ minuri u jirriferi l-każ lis-Safeguarding Commission għall-investigazzjoniiet opportuni.  Il-liġi ċivili li tkun applikabbli tiġi wkoll osservata.

Jekk fi tmiem tal-process skont il-liġi tal-Knisja l-akkuża tiġi ppruvata, is-saċerdot jingħata l-piena applikabbli. Din tista’ tkun ta’ restrizzjoni permanenti tal-ministeru saċerdotali jew dimissjoni (jiġifieri tneħħija mill-istat klerikali).

L-Isqfijiet Scicluna u Grech jaqblu li b’effett immedjat kull deċiżjoni definittiva li biha jkun hemm restrizzjoni permanenti tal-ministeru saċerdotali jew tneħħija mill-istat klerikali tiġi mgħarrfa lill-pubbliku permezz tal-websites tad-djoċesijiet.

Din hi b’żieda mal-prassi diġà mħaddma s’issa li deċiżjonijiet bħal dawn jiġu mgħarrfa lill-Kappillani rispettivi tal-parroċċa fejn is-saċerdot ikun qed jgħix. Tali saċerdoti jinqatgħu wkoll mill-lista uffiċjali tal-kleru.

* * *

Sadattant, fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni konġunta l-Kurja t’Għawdex tinsab awtorizzata tikkomunika li, b’deċiżjoni tas-Santa Sede, Dumink Camilleri kien dimess mill-istat klerikali.

Camilleri filfatt ġie notifikat b’din id-deċiżjoni personalment f’Marzu li għadda u avżat ukoll permezz tal-Avukat tiegħu f’Mejju ta’ wara.

Barra minn dan, f’dawn l-aħħar xhur ġiet ukoll segwita l-prassi msemmija fid-dikjarazzjoni konġunta tal-Isqfijiet.


Aktar suċċessi mużikali u pastorali fost iż-żgħażagħ fl-Awstalja

Fr Rob Galea se jkun Għawdex f’Ottubru

…biex jissokta bil-missjoni tiegħu li jilħaq aktar żgħażagħ

Michael Zammit

Wara s-suċċessi kbar li kellu fl-Awstralja, fl-Amerika u fl-Ewropa fil-ħidma tiegħu maż-żgħażagħ, is-saċerdot Malti Fr Rob Galea f’Ottubru li ġej se jkun Għawdex.

F’ittri li għadu kif kitibli Fr Rob Galea jgħid li “nistgħaġeb kif bl-għajnuna ta’ Alla qdejt aktar minn 200,000 teenager fl-Awstralja, fl-Amerika ta’ Fuq, fl-Ewropa u fl-Indja.

Kienet tassew avventura li nkun xhud ta’ dawn l-erwieħ għatxana li jsibu l-ferħ fi Kristu.

“Aktar ma nkun magħqud mal-Knisja Kattolika globali aktar insir entużjażmat biex nipproklama lil Ġesù bħala l-unika triq, il-verità u l-ħajja”. “Tajjeb tgħid li fl-4 t’Ottubru se nkun in-Nadur, fi Pjazza 28 t’April 1688, biex nissokta bil-missjoni tiegħi li nilħaq aktar żgħażagħ”.

L-aħħar album release ta’ Fr Rob Galea, Something about You, sejjer tajjeb ħafna f’bosta pajjiżi.


Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara

Inizjattivi b’riżq familji fil-bzonn, id-Dar tal-Providenza u s-Seminarju

F’egħluq il-50 sena anniversarju mit-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara, ittieħdu inizjattivi b’riżq familji fil-bżonn, id-Dar tal-Providena u s-Seminarju.

Dawn l-inizjattivi tnehdew waqt Quddiesa konċelebrata fl-istess parroċċa l-Ħadd li għadda. Il-Quddiesa tmexxiet minn Dun Joe Borg, l-ewwel saċerdot mill-parroċċa San Ġużrpp Ħaddiem.

Fr Joe qal li f’din l-okkażjoni ttieħdet l-inizjattiva li jsiru ‘monumenti ħajja’ billi jinġabru 50 xirja għall-familji fil-bżonn, 50 donazzjoni għad-Dar tal-Providenza u 50 għotja lis-Seminarju biex titwaqqaf bihom borża ta’ studju f’isem il-parroċċa.

Fil-ġranet li ġejjin il-parroċċa San Ġużepp Ħaddiem se tfakkar il-50 sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja bi programm ta’ attivitajiet. 50 sena ilu din il-knisja bdiet mixja ta’ waħda mill-komunitajiet ewlenin f’Birkirkara, komunità li llum għandha madwar 2,000 familja. 

Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħaq il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru. Fid-6.30 p.m. issir Quddiesa ta’ radd il-ħajr immexxija minn Fr Joe Galea Curmi, il-Vigarju Ġenerali u iben il-Parroċċa, flimkien mal-Kappillan, il-kleru tal-parroċċa u eks-Kappillani.

Fi tmiem din il-Quddiesa jiġu offruti l-għotja miġbura għad-Dar tal-Providenza lid-Direttur Dun Martin Micallef u l-borża ta’ studju għas-Seminarju lir-Rettur Dun Jimmy Bonnici.

·         Ara wkoll paġna 24


Fil-koppja Casolani naraw il-qdusija ta’ tant koppji miżżewġa Maltin u Għawdxin - L-Arċisqof Charles J. Scicluna

Il-Vanġelu tal-lum mill-Kapitlu 7 tal-Vanġelu ta’ San Mark jgħallimna lezzjoni importanti u essenzjali.

Il-bniedem, jekk trid tkejlu, trid tħares u tifhem il-qalb tiegħu. Mhumiex l-affarijiet esterni, it-tradizzjonjiet, it-titli u l-unuri li jagħtu lill-bniedem il-vera dinjità u tjubija tiegħu. Hu dak li joħroġ mill-qalb li jagħti t-togħma sabiħa jew inqas tal-bniedem li jkun.

Ġesù jagħti l-eżempju negattiv fis-sens li tkellem dwar dak li jtebba’ l-bniedem minn ġewwa, “mill-qalb tal-bniedem,” u jgħid “joħorġu l-ħsibijiet ħżiena, iż-żina, is-serq, il-qtil, l-adulterju, ir-regħba u l-ħażen” u jagħti lista ta’ affarijiet tassew negattivi. Jgħid dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtebba’ lill-bniedem (Mk 7, 21-25).

Hemm ukoll in-naħa l-oħra tal-istess munita għax hemm it-tajjeb li lill-bniedem jagħmillu tassew ġieħ: il-ħniena lejn il-proxxmu, is-safà, il-ġustizzja, l-għatx għall-ħajja, il-fedeltà fiż-żwieġ, il-karità mal-proxxmu, il-verità, kull kelma li ngħidu, il-ferħ bil-ġid ta’ ħaddieħor, il-kapaċità li nsibu f’ħaddieħor it-tajjeb, l-umiltà, il-prudenza u l-għerf.

Jekk taqbad l-affarijiet negattivi li jsemmi Ġesù u taqlibhom fit-tajjeb, tirrealizza li dak li jgħid li jtebba’ l- bniedem meta hu tajjeb – bħall-umiltà, l-għaqal u l-ħniena lejn il-proxxmu –  dawn lill-bniedem jagħmlulu tassew ġieħ.

Dawn huma titli sbieh li bihom il-Mulej jixtieq li aħna niżżejnu bħala persuni, bħala familji, bħala komunitajiet. Għax tkun tant ħasra għalina li l-Mulej, meta jħares lejna, ikollu jgħid: “dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ imma qalbu hi ‘l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtini”. Kemm tkun ħaġa ta’ niket jekk il-Mulej, meta jħares lejna, fuqna, fuq il-komunitajiet tagħna, fuq id-djoċesi tagħna, ikollu jgħid bi qsim il-qalb: “fiergħa hi l-qima li jagħtuni”.   

Ejjew inħarsu lejn ħutna, il-qaddejja ta’ Alla, il-beati u l-qaddisin biex minnhom nitgħallmu x’inhu l-veru Nisranii mhux billi naqraw dwar il-virtujiet b’mod astratt imma billi l-virtujiet narawhom jiġu msaħħa u mħaddma fil-ħajja ta’ kuljum.

B’ferħ kbir bdejna l-proċess kanoniku, skont il-liġi tal-Knisja, ta’ dawn iż-żewġ Insara li l-Mulej tahom il-grazzja jħobbu lil xulxin u ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ. Għall-grazzja ta’ Alla fid-djoċesi għandna diversi proċessi ta’ beatifikazzjoni u ta’ kanonizzazzjoni ta’ saċerdoti, reliġjużi u lajċi imma dan hu l-ewwel proċess ta’ koppja miżżewġa.

Fid-dinja bħalissa qed jiġu ċċelebrati u mistħarrġa għoxrin proċess ta’ koppji miżżewġa. Waħda minnhom hi propju l-koppja Casolani li qed nibdew il-proċess tagħha. Ħames snin ilu, fuq talba tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P., is-Santa Sede tatna l-permess u llum imiss lili nkompli billi nibdew il-proċess.

Sena ilu, fis-Sinodu tal-Isqfijiet, l-ewwel parti ta’ dan is-Sinodu li jitkellem fuq il-familja, il-Kardinal Amato ta eżempji ta’ kawżi ta’ koppji u fosthom semma l-kawża tal-koppja Casolani. Dakinhar kien l-14 t’Ottubru 2014. Fl-Awla tas-Sinodu kien hemm il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija, l-Isqof Mario Grech, li jgħid hu stess u kitibha pubblikament li nħasad x’ħin sema l-isem ta’ Malta u l-isem tal-koppja Casolani jitħabbar mad-dinja kollha mill-Kardinal Amato li hu l-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin. 

Illum, sena wara, hu ta’ ferħ kbir għalina li nibdew dan il-proċess li hu fil-bidu tiegħu u se jikkonsisti f’żewġ kawżi separati għax huma żewġ persuni distinti, il-mara u r-raġel. Evidentement iqaddsu lil xulxin bil-paċenzja li jieħdu b’xulxin imma għandhom ukoll it-triq personali tal-qdusija. Għalhekk, il-Knisja trid tistħarreġ it-triq tal-qdusija tagħhom bħala persuni distinti.

Imma meta nitolbu bl-interċessjoni tagħhom, nitolbu lil Alla bl-interċessjoni tagħhom bħala koppja u għalhekk nibdew nitolbu, nistedinkom titolbu, biex il-Mulej jagħtina sinjal ta’ fejqan fiżiku bl-interċessjoni tal-koppja Casolani. Jiġifieri mhux qed nippretendi żewġ mirakli, jalla jkun hemm iżjed, imma miraklu bl-interċessjoni tal-koppja Casolani.   

Fit-18 ta’ Ottubru li ġej, il-Papa, fil-qalba tat-tieni parti tas-Sinodu, se jikkanonizza lill-koppja Martin, il-ġenituri ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu. Santa Tereza ta’ Lisieux. Hi rigal sabiħ għall-Knisja li l-ġenituri ta’ Santa Tereżina jiġu ddikjarati qaddisin. Huma beati u l-Papa, wara li approva l-miraklu bl-interċessjoni tagħhom, se jiddikjarahom qaddisin.

Aħna għadna qed nibdew. It-triq hi twila. Ma naqtgħux qalbna u nħallu f’idejn Alla. Jien nafda wkoll fil-qalb ġeneruża tal-poplu Malti li jitlob b’ħerqa għall-glorifikazzjoni ta’ dawn il-qaddejja tiegħu u biex jagħtina sinjal skont ir-rieda tiegħU.   

Fil-koppja Casolani naraw il-qdusija ta’ tant u tant koppji miżżewġa Maltin u Għawdxin. Huma għexu l-fedeltà fiż-żwieġ jum wara l-ieħor, affrontaw id-differenza tal-karattri u, biex ngħidu hekk, id-dispożizzjoni tagħhom għax min ikun nervuż, min ikun paċenzjuż, imma b’din il-lima tal-ħajja l-Mulej jagħraf iqaddisna. Nitolbu l-interċessjoni tagħhom għall-familji Maltin, għal dawk kollha li qed ifittxu t-triq tal-qdusija fis-sagrament taż-żwieġ. Insellmu wkoll lil dawk li, għalkemm qegħdin f’sitwazzjoni rregolari, għandhom għatx kbir għal Ġesù u għall-wens tal-Knisja tiegħU.

Nirrepeti l-espressjoni feliċi tal-Isqof Mario Grech li fl-Ittra Pastorali li ħabbar f’Santa Marija, fl-Għid tal-Assunta li għadda, tkellem dwar “il-balzmu tal-ħniena” li rridu nwasslu fil-familji tagħna. Jalla dan il-balzmu li l-koppja Casolani wżaw ma’ xulxin u mal-proxxmu, ikun balzmu wkoll li jdewwi l-feriti u l-ġerħat ta’ tant familji. Nitlob għaż-żgħażagħ li qed jippreparaw għaż-żwieġ biex iħarsu lejn l-eżempju ta’ Henry u ta’ Inez u jitolbuhom l-interċessjoni tagħhom huma u jħejju ruħhom għas-sagrament taż-żwieġ.

Il-Mulej għarrafna li t-triq tal-vera qdusija hi l-għaqal, is-sapjenza tal-qalb, għax mill-qalb veru joħroġ dak li jtebba’ imma wkoll dak li jqaddes, dak li hu ta’ veru unur. Nirringrazzjawk, Mulej, talli int, kif għallimna l-Appostlu Ġakbu “għamiltna l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħek, wellidtna bil-kelma tal-verità” (Ġak 1,18).

Nitolbok ukoll għat-tieni parti tas-Sinodu biex l-Isqfijiet madwar il-Papa, jagħtuna risposti fil-karità, fil-ħniena u fil-verità għax m’hemmx imħabba vera mingħajr il-verità. Aħna mwelldin mill-kelma tal-verità li twassalna għal dik il-ħlewwa tal-kelma li ġiet imħawla fina.

Nagħlaq bil-kliem sbieh tal-appostlu Ġakbu: “Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma imħawla fikom li tista’ ssalvalkom ruħkom. Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma u mhux tisimgħuha biss” (Ġak 1, 21-22). Mulej, agħtina l-grazzja li l-qima tagħna lejk ma tkunx xi ħaġa esterna imma li qalbna tkun qrib tiegħek, li minn qalbna toħroġ il-vera reliġjon u l-espressjoni tal-vera fidi.

Qaddejja ta’ Alla, Inez u Henry Casolani itolbu għalina.

CAPTION

Is-Sibt 29 t’Awwissu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-Knisja San Duminku, ir-Rabat, fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-proċess djoċesan tal-kawża għall-beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Inez Casolani. Il-kitba li qed nippubblikaw f’din il-paġna hi l-omelija li għamel l-Arċisqof Scicluna

Ritratt: Photocity, il-Belt Valletta


Tribunal biex jisma’ l-kawżi ghall-beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni ta’ Henry u Inez Casolani

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħabbar it-twaqqif ta’ tribunal li se jisma’ l-kawżi għall-beatifikazzjoni u l- kanonizzazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Ineż Casolani.

Dan l-Arċisqof ħabbru waqt Quddiesa li mexxa fil-Knisja San Duminku r-Rabat is-Sibt 29 t’Awwissu.

Il-Postulatur taż-żewġ kawżi hu l-Kanonku Etienne Sciberras li, fil-bidu tal-Quddiesa, għamel it-talba uffiċjali lill-Arċisqof biex iwaqqaf it-Tribunal. Il-Postulatur se jippreżenta lill-Arċisqof lista ta’ 180 persuna li jistgħu jidhru quddiem it-Tribunal biex jagħtu x-xhieda tagħhom u 60 dikjarazzjoni bil-ġurament minn persuni li laħqu mietu.

Is-saċerdoti, il-persuni ta’ ħajja kkonsagrata u l-lajċi li ħadu sehem fil-Quddiesa talbu lill-Ispirtu s-Santu biex jagħti d-dawl lil dawk kollha involuti. Dan biex jekk hi r-rieda ta’ Alla, Henry u Ineż Casolani jsiru beati u qaddisin.

Il-ftuħ taż-żewġ kawżi hu meqjus bħala l-ewwel seduta tat-Tribunal li se jagħti bidu għall-proċess djoċesan.

Iċ-ċerimonja tas-Sibt kienet waħda importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja f’Malta għax dan hu l-ewwel każ f’pajjiżna ta’ koppja miżżewġa li se jiġi studjat. Fattur ieħor importanti hu li x-xhieda li tat tul ħajjitha l-koppja Casolani se jibda jiġi studjat lejlet is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja li sejjaħ il-Papa Franġisku għal Ottubru li ġej.

Ritratti: Photocity, il-Belt Valletta


EDITORJAL

87 sena ta’ ġurnaliżmu Kattoliku

Fl-ewwel ta’ Settembru din il-gazzetta daħlet fis-87 sena tagħha. Tul dawn is-snin kollha din il-gazzetta rat u għaddiet minn baħar qawwi. Fost oħrajn insemmi ż-żmien wara t-tieni gwerra dinjija u l-kwistjoni politika-reliġjuża tas-snin ħamsin u sittin.

Kellu raġun il-poeta Dun Frans Camilleri jagħlaq l-innu ta’ tifħir li kiteb fil-ġublew tal-fidda ta’ din il-gazzetta bil-kliem “baqa’ sħiġ Leħen is-Sewwa ma’ kull mewġa li għaddiet”!

Tul dawn is-snin kollha Leħen is-Sewwa baqgħet tinqara minn eluf ta’ abbonati – suq garantiti minn sena għall-oħra – u issa wkoll minn mijiet ta’ qed jixtruha minn librara f’xi lokalitajiet. Hi fuq kollox l-aktar gazzetta li ilha tiġi ppubblikata fil-pajjiż u naħseb li hi wkoll l-aktar gazzetta mistennija b’ħerqa ġimgħa wara ġimgħa mill-abbonati. Dan jagħmel din il-gazzetta waħda mill-aktar popolari u fidila għall-verità u għall-messaġġ Kristjan.

Illum hi l-uniku mezz stampat, fuq bażi nazzjonali, li jwassal il-messaġġ tal-Knisja u tal-mexxejja tagħha.

Il-laqgħat kordjali ta’ dan l-aħħar tad-direzzjoni ta’ Leħen is-Sewwa mal-Arċisqof Charles J. Scicluna u mal-Isqof Mario Grech; id-dikjarazzjonijiet pożittivi tal-Isqfijiet dwar il-gazzetta; il-laqgħat ta’ din il-ġimgħa stess mat-tmexxija tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex u mal-kappillani Għawdxin u l-inijattivi li se jittieħdu fil-ġimgħat li ġejjin, filwaqt li jawgura tajjeb għall-futur ta’ din il-gazzetta jimlewna b’responsabbiltà u b’impenn akbar.

Din il-gazzetta għaddiet u għad trid tgħaddi minn tibdil ieħor fil-kontent u fil-preżentazzjoni. Irridu nkomplu nimxu ‘l quddiem, ikiunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi, għax hekk hi fuq kollox ir-rieda tagħna, tat-tmexxija tal-Azzjoni Kattolika u ta’ Alla. U danakollu se jkun qed iseħħ meta quddiem il-Knisja lokali jidher li se jkun hawn żmien diffiċli li matulu Leħen is-Sewwa trid tibqa’ tiddefendi r-reliġjon. Trid tibqa’ tkun imżewqa b’kull xorta ta’ tagħlim kif issemma fl-Ittra Pastorali tal-15 t’Awissu 1928 meta tħabbret il-pubblikazzjoni tal-gazzetta. Il-missjoni fdata lilna 87 sena ilu għadha hemm u trid tkompli titwettaq. Irridu nkomplu l-missjoni tagħna b’leħen akrtar qawwi biex inxandru s-sewwa s’intendi fil-kuntest tal-lum ħalli tinftiehem u tispira lill-bniedem biex jagħti sehmu fil-Knisja u fis-soċjetà. Dan iżda ma nistgħux nagħmluh weħidna. Irridu s-sehem sħiħ tagħkom: Knisja, Azzjoni Kattolika, impjegati, kontributuri, voluntiera u qarrejja. Grazzi.


Is-soċjoloġija Kattolika

J.M. Bonnici

Kull min hu midħla tal-istorja ta’ pajjiżna ma jistax jiċħad il-fatt li l-Knisja f’Malta kienet pijuniera f’ħafna oqsma tal-ħajja ta’ pajjiżna.

Diversi saċerdoti taw kontribut fil-ħajja soċjali li forsi maż-żmien intesa imma li fiż-żmien li fih ingħata kien żerriegħa li minnha nibtu opri kbar. Fil-qasam soċjali l-Knisja tat sehem prezzjuż mhux biss b’opri kbar bħad-Dar tal-Providenza, ħidma għall-emigranti u r-rifuġjati, il-Caritas u oħrajn iżda wkoll bit-tagħlim soċjali tagħha li xerrdet għalkemm forsi mhux biżżejjed.

Fost is-saċerdoti li qrib is-snin erbgħin tas-seklu l-ieħor taw sehemhom biex it-tagħlim soċjali tal-Knisja jkun magħruf hemm id-Dumnikan Patri Pawl Galea. Spiss kien jagħmel konferenzi anki f’każini politiċi. Fl-introduzzjoni għall-ktieb tiegħu Siltiet li jiġbor siltiet mill-artikli tiegħu f’diversi gazzetti, Patri Pawl jirrakkonta li wara konferenza li għamel fil-każin tal-Partit Laburista fl-Imsida, it-tabib Pawlu Boffa, mexxej tal-Partit “talabni quddiem kulħadd biex ngħin lilu u lil sħabu ħalli l-Partit jimxi dejjem fuq it-tagħlim soċjali Kattoliku”.

L-imgħoddi

Ħafna jiftakru kif fl-imgħoddi mhux fil-bogħod ħafna fil-programm elettorali tal-partiti politiċi kien ikun hemm it-tagħlim soċjali tal-Knisja.

Fl-Università kien hemm il-Catholic Social Guild li fiha kienu jimmilitaw persuni li wara kienu protagonisti fix-xena politika Maltija. F’Malta ġie Fr. Plater u permezz tal-Catholic Social Guild, Fr. Crane SJ. Ċertament kien hemm ħeġġa għat-tagħlim soċjali tal-Knisja.

Spiss kienet tissemma l-enċiklika Rerum Novarum li kienet qisha il-Magna Charta tal-ħaddiema. Fiha kien hemm egħjun ta’ tagħlim li sfortunatament mhux kollu twettaq. Fost affarijiet oħra, kien hemm is-suġġeriment tal-hire purchase system għad-djar ta’ familji ġodda. Li kieku dan is-suġġeriment ġie studjat u mwettaq forsi llum il-miżżewġin ġodda ma kienx ikollhom il-mażżra m’għonqhom li ħafna drabi tikkundizzjona ż-żwieġ tagħhom. Il-loan mal-bank li jieħdu biex ikollhom id-dar tagħhom.

Din toħolqilhom piż li jridu jġorru għal tant snin għalkemm it-tnejn ikunu jaħdmu.

Illum donnu din il-ħeġġa bierdet.

Urġenti

It-titlu ta’ dan l-artiklu hu ta’ waħda mis-siltiet li Patri Pawl Galea OP ġabar fil-ktieb tiegħu Siltiet. Hu titlu t’artiklu li deher fil-ġurnal Militia Christi fl-1936. Għaddew kważi tmenin sena. It-titlu llum jinħass anakronistiku u ma nitkellmux fuq soċjoloġija Kattolika llum.

Imma l-messaġġ jibqa’ jgħodd: it-tagħlim soċjali tal-Knisja jagħti dawl li neħtieġuh ħafna anzi iżjed fid-dinja tal-lum. Hemm bżonn urġenti li dan it-tagħlim jinxtered u jdawwal lil dawk li għandhom responsabbiltà ta’ tmexxija fis-soċjetà llum. Fil-Knisja stess hemm bżonn iżjed konvinzjoni minn din il-ħtieġa.

Il-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università jixraq li tagħti importanza lil dan il-qasam. L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali tajjeb li jara x’jista’ jagħmel għat-tixrid ta’ dan it-tagħlim. Il-moviment Centesimus Annus għandu jħoss ir-responsabbiltà li jwassal id-dawl ta’ dan it-tagħlim. Iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara li fl-antik tant kienu attivi jistgħu jħaddnu bħala skop tagħhom dan l-appostolat. Fil-Parroċċi stess fejn isiru laqgħat ta’ tagħlim tajjeb li xi kultant jagħtu spazju għal dan it-tagħlim.

jmbonnici@lehenissewwa.com


Ittra lit-tfal fil-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien iċċelebrat fl-1 ta’ Settembru

Bil-ħidma ta’ kulħadd gżiritna tista’ ssir dejjem isbaħ - L-Isqof Mario Grech

Il-vaganzi tas-sajf waslu biex jintemmu u dalwaqt terġgħu tiltaqgħu ma’ sħabkom u mal-għalliema fl-iskejjel tagħna.

Dan l-aħħar kont qed inżur familja u l-kliem waqa’ fuq l-iskola. F’din il-familja hemm żewġ ulied: tifel u tifla. Se nsemmihom Matthew u Francesca biex ma nikxifx min huma tassew. Matthew kien qed jgħid lill-mamà u l-papà tiegħu li din is-sena jrid basket tal-iskola li jkun l-isbaħ wieħed tal-klassi. Qabżet Francesca u qalet lill-mamà li hi ma riditx basket ġdid għall-iskola.

Ommha stagħġbet! Ta’ kull sena, bħal daż-żmien, Francesca kienet titlobha basket ġdid tal-iktar karattru famuż ta’ Disney fil-mument. Francesca weġbitha hekk lil ommha: “Matul das-sajf kont qiegħda l-MUSEUM. Il-katekista qaltilna li l-Papa Franġisku għadu kemm bagħat ittra lin-nies tad-dinja kollha li fiha kellimna fuq il-ħtieġa li nibżgħu għall-ambjent. Il-katekista għallmitna li skont il-Papa d-dinja hi d-dar ta’ kull min jgħix fiha. Imma aħna l-bnedmin l-iktar li nagħmlulha ħsara u hemm bżonn li ma nibqgħux sejrin hekk”.

Matthew ddeffes u qal: “Mela jien il-Gvern biex noqgħod responsabbli tal-ambjent”?

Francesca weġbitu bil-kalma kollha: “Matthew, kieku kulħadd jagħti s-sehem żgħir tiegħu, kieku l-ambjent ikun ħafna aħjar! Fost l-oħrajn il-katekista qaltilna li għandna nużaw l-affarijiet sakemm ikunu għadhom tajbin biex ma narmux oġġetti li għadna nistgħu nużaw”. Hi kompliet tirrakkonta kif hi kienet diġà tefgħet għajnejha fuq basket ġdid tal-iskola. Imma meta filgħaxija, wara l-MUSEUM, kienet qed titlob ħasset lil Ġesù jgħidilha f’qalbha li l-basket li għandha għadu tajjeb u m’għandhiex għalfejn tixtri ieħor.

X’jidhrilkom? Jien bqajt mistagħġeb bi Francesca. Mhux ta’ b’xejn hi msemmija għal qaddis li tant kien iħobb l-ambjent! Filfatt, l-ittra tal-Papa li fuqha tkellmet Francesca jisimha Laudato Sì għax tibda b’żewġ kelmiet (Tkun imfaħħar) minn għanja li dal-qaddis kien kiteb biex ifaħħar lil Alla għall-ħolqien.

Jien ċert li ħafna mit-tfal jaħsbuha bħal Francesca iżda xorta ħassejt li għandi nibagħtilkom dan il-messaġġ biex infakkarkom fuq ħwejjeġ żgħar li tistgħu tagħmlu biex l-ambjent jibqa’ sabiħ. Fl-1 ta’ Settembru l-Papa xtaqna ningħaqdu ma’ ħutna Nsara u nies oħra li jixtiequ u nitolbu biex il-bnedmin tad-dinja kollha jifhmu aħjar ir-responsabbiltà tagħhom lejn il-ħolqien.

Intom tafu li aħna xxurtjati ħafna li noqogħdu fi gżira tassew sabiħa. Għalhekk l-ewwel dmir tagħna hu lejn gżiritna stess. Waħda mill-ikbar sfidi ambjentali tal-gżira tagħna hi n-nuqqas ta’ ilma. Meta kull wieħed u waħda kull darba li taħslu snienkom ma tħallux il-vit tal-ilma miftuħ għalxejn tkunu qed tnaqqsu mill-ħela tal-ilma.

Tkun ħaġa xierqa wkoll li tidraw mil-lum tnaqqsu kemm tistgħu mill-użu tal-karozzi. Id-dħaħen tagħhom jagħmlu ħafna ħsara lill-ambjent. Kemm hu sabiħ li bil-permess tal-ġenituri tagħkom tużaw iktar ir-rota jew il-karozza tal-linja! Kemm tkun ħaġa sabiħa jekk, meta tkunu tistgħu, minflok ma toqogħdu mwaħħlin quddiem il-kompjuter jew it-tablet, tmorru passiġġata fil-kampanja!

Xi ngħidu għall-ħela tal-ikel? Kemm hi ħaġa kerha li narmu l-ikel meta nafu kemm hemm tfal fid-dinja li qed imutu bil-ġuħ! Jien inkwetat l-iktar fuq studenti li jattendu fl-iskejjel sekondarji li jarmu l-lunch biex imorru jixtru xi ħaġa mill-canteen. Minbarra li dan hu nuqqas ta’ rispett lejn il-ġenituri tagħna hu wkoll serq mill-ħluq ta’ dawk it-tfal li bilkemm għandhom biex jitrejqu.

Bħalma jgħid il-Malti, “kull laqxa tirfed l-imramma”. Mela, jekk ikollok il-batteriji wżati u teħodhom l-iskola biex jinġabru f’kontenitur apposta tkun qed tagħti sehmek biex insalvaw il-ħamrija tal-gżejjer tagħna u l-ilma tal-pjan li tant hu prezzjuż. Jekk int, taħt id-direzzjoni tal-għalliema, tieħu ħsieb ix-xtieli u s-siġar li hemm fl-iskola, tkun qed toħloq atmosfera sabiħa u żżid dik it-tikka ta’ ossiġnu fl-arja. Bil-ħidma ta’ kulħadd gżiritna tista’ ssir dejjem isbaħ.

Kif tafu, f’pajjiżna issa ilna mhux ħażin li bdejna s-separazzjoni tal-iskart. Intom tridu tkunu l-eżempju għalina l-kbar. Importanti ħafna li l-iskart li jista’ jiġi riċiklat, ma nħalltuhx mal-iskart l-ieħor u noħorġuh fil-boroż il-griżi kull nhar ta’ Tlieta. Tajjeb ukoll li meta tibda s-separazzjoni tal-iskart organiku intom tkunu minn tal-ewwel li tgħinu biex din tirnexxi. Naħseb li m’għandix għalfejn ngħidilkom li ma tkunux qed tirrispettaw lilkom infuskom u lil ħaddieħor meta tarmu ż-żibel fl-art! Iddispjaċieni ħafna meta ftit jiem ilu rajt tifel li kien għaddej f’karozza mal-ġenituri jixħet karta taċ-ċikkulata mit-tieqa ’l barra u hekk ħammeġ it-triq!

Tinsewx l-eżempju ta’ Francesca. Dak li għadu tajjeb u nadif m’għandekx tarmih għax il-moda tiegħu spiċċat imma tibqa’ tużah sakemm ma tkunx tista’ tagħmel mod ieħor. Dan jgħodd ukoll għal affarijiet bħalma hu l-mobile. Jekk l-apparat tal-mobile għadu tajjeb ma narax għaliex għandek twarrbu biex dejjem ikollok l-aħħar mudell li ħareġ.

La qed insemmi l-mobile ma nistax ma nħeġġiġkomx biex dan l-apparat ma nagħmlux użu ħażin minnu billi nibagħtu messaġġi kattivi lil ħaddieħor. Dan iwassalni għall-iktar ħaġa importanti.

Hu sabiħ li jkollna ambjent nadif u b’saħħtu. Imma dan ma jkun jiswa xejn jekk ma nkunux inħobbu lil xulxin u ngħinu lil dawk fil-bżonn. Fid-dinja hawn ġid biżżejjed għal kulħadd. Il-problema hi li dan il-ġid mhux imqassam tajjeb. Ma nistax nistenna minnkom li mil-lum tmorru fl-artijiet tal-Missjoni u tgħinu lil dawn in-nies imma tkun idea tajba kieku tidraw miċ-ċokon tiċċaħħdu minn ħaġa żgħira u ġġemmgħu l-flus biex tkunu tistgħu tgħinu lil min hu fil-bżonn.

Il-karità trid tibda mid-dar. Għalhekk tkun ħaġa sabiħa li tgħinu kif tistgħu fil-familja tagħkom. Id-dar ilkoll kemm aħna nużawha. Mela aħna wkoll irridu nagħtu daqqa t’id lill-mamà u l-papà biex jinżammu l-indafa u l-ordni fid-dar tagħna. L-istess l-iskola. Sħabna huma ħutna wkoll. Ma jagħmilx sens li int tkun tħobb l-ambjent imma fl-istess ħin tinki lil sħabek jekk mhux ukoll tagħmilha ta’ bully. Fid-dinja hemm bżonn nitgħallmu ngħixu ma’ xulxin bħala familja.  Min veru jħobb l-ambjent iħobb il-ħajja, speċjalment il-ħajja umana. Imma l-iktar jieħu ħsieb il-ħajja ta’ min hu marid, anzjan inkella għadu lanqas biss twieled.

Fl-aħħar inħeġġiġkom biex tkomplu titgħallmu fuq Ġesù u ssiru tħobbuh iżjed. Li tkun Nisrani tajjeb u fl-istess ħin tkun ċittadin responsabbli huma bħal żewġt uċuħ tal-istess munita. Jekk veru tħobb lil Ġesù, tħobb ukoll l-ambjent.

Inħeġġiġkom ukoll biex issibu ħin titolbu matul il-ġurnata. M’hemmx għalfejn tgħidu ħafna kliem. Biżżejjed tiftakru f’Ġesù. Hu kapaċi jaqra x’hemm fil-qalb tagħkom.

bishopmgrech@gmail.com

CAPTION

Billi l-Papa Franġisku sejjaħ lill-Knisja kollha biex fl-1 ta’ Settembru tiċċelebra għall-ewwel darba l-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ambjent, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech ħa l-inizjattiva li jikteb ittra lit-tfal dwar l-ambjent. Kopja tagħha ntbagħtet lill-iskejjel u l-istituzzjonijiet kollha tat-tfal f’Għawdex.


1995 – 8 TA’ SETTEMBRU – 2015

Dun Anġ Seychell

B’qalbi mimlija b’radd il-ħajr se nikteb dwar l-għoxrin anniversarju minn meta l-Fondazzjoni Nazareth fetħet l-ewwel Dar tagħha għall-persuni b’diżabbiltà. Kien f’jum it-twelid tal-Verġni Marija li l-ewwel erba’ persuni b’diżabbiltà daħlu bħala residenti fid-dar fejn għexna jien, ommi u missieri u ħuti fiż-Żejtun.

Dakinhar l-ħolma tiegħi bdiet isir realtà. L-esperjenza pastorali tiegħi fiż-Żejtun urietni biċ-ċar li hawn persuni b’diżabbiltà li mhumiex jgħixu fi ħdan il-familja naturali tagħhom u għalhekk għandhom bżonn familja alternattiva. Jien ħassejt il-ħtieġa li noffri din il-familja alternattiva.

Biex nagħmel dan fittixt mudell. Sibtu fil-kitba ta’ Jean Vanier, il-fundatur tal-kommunitajiet ARCHE li hawn fi 38 pajjiż u li joffru ambjant sħun ta’ familja lill-persuni b’diżabbiltà intellettwali. U kelli x-xorti li nieħu sehem f’irtir li ta Jean Vanier lill-voluntiera soċjali hawn Malta.

Ftit ġimgħat qabel ftaħna l-bibien, membri tal-kommunità ARCHE f’Londra qattgħu 20 jum miegħi jgħixu fost in-nies taż-Żejtun. Lili dan offrieli l-isbaħ opportunità biex nara mill-qrib u fil-prattika kif tkun kommunità ta’ persuni b’diżabbiltà u għadni sallum ngħożż in-noti li ħażżist f’dawk il-jiem.

Kif iħarsu l-kommunitajiet ARCHE lejn il-persuni b’diżabilità? It-tweġiba jagħtiha Jean Vanier f’kitba tiegħu. Kitba li l-Fondazzjoni Nazareth għażlitha bħala l-istqarrija tal-missjoni tagħha.

“Aħna nfittxu li nroddu mill-ġdid lill-persuni b’diżabbiltà l-umanità partikulari tagħhom, dik l-umanità li tabilħaqq ġiet misruqa lilhom.

“Biex dan iseħħ, hu meħtieġ li jinħoloq ambjent sħun ta’ familja li fih in-nies ikunu kapaċi jiżviluppaw daqskemm għandhom ħila.

“Biex jgħixu hienja kemm jista’ jkun u jsiru tabilħaqq dak li huma”.

 

L-aħjar snin ta’ ħajti

Sa mill-bidu l-lajċi kellhom sehem importanti fil-ħajja tal-Fondazzjoni Nazareth. Kienu diversi l-ħbieb lajċi li ssieħbu miegħi fit-tħejjija ta’ qabel il-ftuħ.

Fl-ewwel snin ġew jgħixu miegħi f’Dar Nazareth żewġ koppji miżżewġa li b’sagrifiċċju kbir ħallew djarhom u ġew jaqsmu l-ħajja ta’ kuljum mal-persuni b’diżabbilità. Bl-akbar qima nrodd ħajr lill-koppja Laura u Karol Spiteri u lill-koppja Lourdes u Charles Cassar kif ukoll lix-xebba Manwela Grech li qasmu miegħi d-diffikultajiet, it-twegħir u l-ferħ tal-ewwel snin.

Is-sehem tal-lajċi deher ukoll f’dawk li daħlu għall-piż tar-responsabbiltajiet u tad-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn jittieħdu fit-tmexxija mill-Bord tad-Diretturi. Inrodd ħajr kbir li-Tabib Andrew Baldacchino li kien il-President tal-Bord fl-ewwel snin u bħalissa lill-ħabib tiegħi Anġlu Zahra kif ukoll l-Amministratur tad-djar li jaqgħu taħt il-Fondazzjoni Nazareth għal dawn l-aħħar 15-il sena.

Tul dawn l-għoxrin sena kien hemm taħdem qatigħ il-Providenza t’Alla. Qabel bdejna kien hemm min bi kliemu nħass qed jaqtgħalna qalbna imma l-providenza kienet magħna l-ħin kollu u dejjem kellna biex nissodisfaw il-ħtiġiet tagħna. Finanzjarjament qatt ma kellna dejn u meta għal ftit snin sibna ruħna f’deficit (iżjed ħriġna milli daħħalna) dejjem kellna x’jagħmel tajjeb. Għamlu tajjeb il-pensjonijiet tar-residenti, il-għotja li jagħti l-Istat lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-bqija l-għotjiet żgħar jew kbar li ġew bil-providenza t’Alla permezz tal-benefatturi tagħna.

Illum, għoxrin sena wara, tfaqqasna u tkattarna. Minn Dar waħda fl-1995 illum għandna tlett idjar residenzjali. Minn erba’ residenti dakinhar li ftaħna llum għandna 28 resident, irġiel u nisa, li jieħdu ħsiebhom 16-il impjegat full time.

Għaddew 20 sena mindu dħalt fid-dinja tad-diżabbiltà. Hi dinja li għandha ħafna x’tgħallem lill-bqija tal-bnedmin. Lil dawn in-nies jien tajthom u huma tawni. Mhux biss ma jiddispjaċinix li qattajt 20 sena magħhom imma ngħid li kienu l-isbaħ snin ta’ ħajti!


It-testment ta’ Dom Christian de Chergé

Miftuħ nhar Għid il-Ħamsin, 26 ta’ Mejju 1996 - Minn Francesco Pio Attard

Fis-sala taċ-ċinema fl-Oratorju Don Bosco l-Belt Victoria f’Mejju li għadda kelli l-okkażjoni nara l-film Of Gods and Men li nġab Għawdex bit-tħabrik tal-Aid to the Church in Need Malta. Grazzi lilhom u lill-amministrazzjoni tal-Oratorju tal-inizjattiva. 

Ngħid is-sew, stennejt konkorrenza aħjar mill-pubbliku għall-wiri ta’ film ta’ dan il-kalibru u b’messaġġ hekk qawwi. Jista’ jkun li ħafna kienu diġà rawh meta ħareġ jew akkwistawh DVD u rawh fil-kumdità ta’ darhom. Jekk le nissuġġerixxi lil kull Nisrani (u speċjalment lill-gruppi ta’ formazzjoni fil-parroċċi eċċ) jara dal-film biex isir jaf iżjed dwar l-istorja ta’ xhieda erojka ta’ dawn is-seba’ monaċi Trappisti li nħatfu mit-terroristi u nqatlu matul il-Gwerra Ċivili fl-Alġerija fl-1996. 

Tassew profond hu t-testment spiritwali tal-Prijur tagħhom, Dom Christian de Chergé li għamilt it-traduzzjoni tiegħu għall-Malti.

 

Tislima tal-Aħħar…

Jekk jum wieħed għad jiġri – u jista’ jkun illum – li jien nisfa’ vittma tat-terroriżmu li issa donnu lest jibla’ lill-barranin kollha li hawn jgħixu l-Alġerija, nixtieq li l-komunità tiegħi, il-Knisja tiegħi u l-familja tiegħi jibqgħu jiftakru li ħajti tajtha lil Alla u lil dan il-pajjiż.

Nitlobhom jaċċettaw il-fatt li s-Sid Waħdieni ta’ kull ħajja

ma kienx barrani għal dan it-tluq brutali. Nitlobhom jitolbu għalija għax, kif nista’ qatt ninstab denn ta’ offerta bħal din?

Nitlobhom jaraw din il-mewt bħal ħafna oħra daqshekk ieħor vjolenti li jintesew minħabba fl-indifferenza jew l-anonimat.

Ħajti m’għandha l-ebda valur akbar minn ta’ kull ħajja oħra.

U lanqas valur inqas. Hu x’inhu, m’għadx għandha l-innoċenza tat-tfulija.

Għext biżżejjed biex il-lum naf li jien kompliċi fil-ħażen

li donnu b’mod l-aktar terribbli fid-dinja qed tgħaddi tiegħu

anki fl-istess ħażen li bla raġuni jaf itemmli ħajti.

Meta tasal dik is-siegħa, nixtieq li jkolli mument ta’ ċarezza spiritwali li jħallini nitlob maħfra lil Alla u lil ħuti l-bnedmin u fl-istess ħin naħfer b’qalbi kollha lil dak li se jaħsadli ħajti.

Qatt ma nista’ nixtieq mewt bħal din. Għalija importanti li ngħidha din. Filfatt, ma narax kif nista’ qatt nifraħ

jekk il-poplu li nħobb jiġi mixli bil-qtil tiegħi. Ikun prezz għoli wisq għal dik li aktarx tissejjaħ “il-grazzja tal-martirju”

biex nibqa’ nafu lil xi Alġerin, ikun min ikun, speċjalment jekk jgħid li aġixxa f’fedeltà lejn dak li hu jemmen li hu l-Islam.

Jien naf kemm disprezz qed ilaqqtu l-Alġerini bla distinzjoni.

Naf ukoll liema huma dawk il-karikaturi tal-Islam kif impinġija minn ċertu Islamiżmu. Faċli wisq li wieħed iserraħ il-kuxjenza tiegħu billi jiddentifika din it-triq reliġjuża mal-ideoloġija fundamentalista tal-estremisti tagħha. Ngħid għalija, l-Alġerija u l-Islam huma ħaġa oħra. Huma ġisem u ruħ.

Dan, naħseb, għedtu biżżejjed fid-dawl ta’ dak li rċivejt minn għandhom. Fihom spiss insib dik il-ħajta vera tal-Vanġelu

li jien tgħallimt fuq irkubbtejn ommi, l-ewwel Knisja tiegħi,

preċiżament fl-Alġerija u diġà mnebbaħ mir-rispett lejn il-Musulmani.

Bla dubju, il-mewt tiegħi se tidher li qed tagħti raġun lil dawk li malajr iġġudikawni bħala bniedem inġenwu u idealista:

“Ħa jgħidilna issa x’jaħseb dwar l-ideali tiegħu”! Imma dawn għandhom ikunu jafu li fl-aħħar l-akbar kurżità li qatt kelli se naqtagħha.

Araw x’se nkun nista’ nagħmel, jekk Alla jrid. Se nkun nista’ nwaħħal ħarsti f’dik tal-Missier biex miegħu nikkontempla lil uliedU tal-Islam hekk kif iħares lejhom Hu, jiddu lkoll bil-glorja ta’ Kristu, il-frott tal-passjoni tiegħU, mimlija bid-Don tal-Ispirtu li l-hena moħbi tiegħu se jibqa’ dejjem dak li jġib l-għaqda u jreġġa’ lura għax-xebh oriġinali hu u jilgħab bid-differenzi.

Għal din il-ħajja mitlufa, kollha kemm hi tiegħi u kollha kemm hi tagħhom, inrodd ħajr lil Alla li donnu riedha kollha

għal dak il-ferħ f’kollox u minkejja kollox.

F’din il-grazzi li qed illissen għal kull m’għandi f’ħajti mil-lum ’il quddiem, bla dubju hemm intom, ħbiebi tal-bieraħ u tal-lum u intom, ħbiebi ta’ hawn, flimkien ma’ ommi u missieri u ħuti subien u bniet bil-familji tagħhom. Intom il-mitt darba aktar li rċivejt kif imwiegħed!

U int ukoll, ħabib tal-aħħar minuta, li żgur ma kontx taf x’qed tagħmel. Iva, nixtieq li din il-grazzi u din it-tislima tal-aħħar tkun “il-barka ta’ Alla” għalik ukoll għax fil-wiċċ ta’ Alla nara wiċċek. Jalla niltaqgħu mill-ġdid bħala ħallelin henjin fil-Ġenna, jekk hi r-rieda ta’ Alla, Missierna t-tnejn.

Amen! Inchallah!

L-Alġiers, 1 ta’ Diċembru 1993 

Tibhirine, 1 ta’ Jannar 1994 

Christian +

* * *

Dan hu t-testment spiritwali ta’ Dom Christian de Chergé, il-Prijur tal-komunità Trappista tal-Monasteru ta’ Notre-Dame de l’Atlas f’Tibhirine, l-Alġerija li flimkien ma’ sitt monaċi oħra Benedittini ġie maħtuf matul il-Gwerra Ċivili fl-Alġerija mill-Groupe Islamique Armé fil-lejl ta’ bejn is-26 u s-27 ta’ Marzu 1996. 

Is-seba’ monaċi nqatlu f’Mejju ta’ wara.

Dwar din il-ġrajja erojka ta’ xhieda Nisranija, fl-2010 ħareġ fis-swali taċ-ċinema l-film Franċiż Of Gods and Men, rebbieħ tal-Grand Prix fil-Festival tal-Films f’Cannes. Il-Kawża għall-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tal-Martri tal-Alġerija nfetħet fl-2013.

fpa234@gmail.com


Il-parroċċa San Ġużepp Ħaddiem Birkirkara, 50 sena komunità

Birkirkara matul iż-żmien

Clayton J. Mifsud

Birkirkara minn dejjem kienet meqjusa bħala waħda mill-eqdem parroċċi f’Malta. Nafu fiż-żgur li fis-sena 1402 Birkirkara diġà kellha l-parroċċa tagħha, bi knisja parrokkjali fil-limiti magħrufa bħala Tal-Għargħar illum parti mir-raħal ta’ San Ġwann. 

Din il-knisja, iddedikata lil Sant’ Elena Reġina, kienet il-parroċċa għal madwar kwart ta’ Malta b’territorju li kien jestendi saħansitra sat-truf tal-irħula ta’ San Ġwann, Tas-Sliema, l-Imsida u Ħ’Attard tal-lum.

Maż-żmien, diversi rħula li qabel kienu jagħmlu parti mill-parroċċa ta’ Birkirkara, bdew jiġu abitati b’rata mgħaġġla. Dan wassal biex iktar ma beda jgħaddi ż-żmien bdew joħorġu parroċċi ġodda biex, tista’ tgħid, kull raħal li qabel kien fit-territorju parrokkjali ta’ Birkirkara nqata’ f’parroċċa għalih.  F’uħud minn dawn l-irħula ħarġu saħansitra iktar minn parroċċa waħda. 

Minkejja dan, Birkirkara għal diversi snin baqgħet kollha kemm hi tifforma parti mill-parroċċa Sant’ Elena. Dan ix-xenarju beda jinbidel, speċjalment wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fejn ir-raħal beda jespandi ġmielu. Żoni f’Birkirkara li sa dak iż-żmien kienu kompletament rurali bdew jinbnew b’rata mgħaġġla. Bdew jiżdiedu t-toroq, jittellgħu residenzi ġodda u beda joktor sew in-numru tar-residenti.

L-iżvilupp fil-‘Bwieraq’

Waħda miż-żoni li esperjenzaw dan it-tibdil sinifikanti mit-tieni nofs tas-seklu l-ieħor ‘il hawn, kienet dik il-parti ta’ Birkirkara li tmiss mar-raħal ta’ Ħal Balzan. Sa dak iż-żmien, dawn l-inħawi ta’ Birkirkara, magħrufa bħala ‘Il-Bwieraq’, kienu dominati minn diversi għelieqi u kienu pjuttost inabitati, ħlief għal xi ftit irziezet mxerrda ‘l hemm u ‘l hawn u l-mitħna magħrufa bħala ‘Tal-Maħlut’.

Meta din iż-żona bdiet tiġi żviluppata, saret popolari ferm ma’ diversi familji żgħażagħ, li ġew attirati biex jgħixu fiha. 

Minħabba li l-imsemmija żona kienet kemmxejn imbegħda miċ-ċentru tal-lokalità, ma kienx konvenjenti wisq għall-abitanti l-ġodda ta’ din iż-żona biex jinqdew spiritwalment mill-Parroċċa Sant’ Elena. Għaldaqstant, fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor, bdiet il-ħidma biex din iż-żona ta’ Birkirkara tinqata’ f’parroċċa għaliha. 

It-twelid ta’ komunità ġdida

Bit-tħabrik tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata Sant’ Elena, instab benefattur li kien lest joffri biċċa art biex fuqha tinbena knisja ġdida f’din iż-żona. Dan il-benefattur kien ċertu Ġużeppi Zerafa, magħruf bħala Tal-galletti

L-art li kellha dawra ta’ madwar 4,000 pied kwadru kienet tinsab bejn żewġ toroq ewlenin f’dawn l-inħawi: Triq Bwieraq u Trejqet Anġlu Mallia. Il-pjanta tal-knisja l-ġdida tħejjiet mill-arkitett Roger Degiorgio, mid-ditta ta’ periti Mortimer & Degiorgio u kellha tinbena fuq stil tipiku neo-romanesk. Bħala bennejja ġew inkarigati l-aħwa Abraham u Nazzareno Schembri.

Is-Sibt 11 ta’ Settembru 1965, 50 sena ilu, tpoġġiet l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja ġdida mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, assistit mill-Prepostu u l-Kapitlu tal-Kolleġġjata Sant’ Elena. Il-knisja ġiet iddedikata lil San Ġużepp Ħaddiem.

Fl-ewwel ġebla tqiegħdet ġebla żgħira mill-ħanut ta’ mastrudaxxa li kellu San Ġużepp f’Nazareth, flimkien ma’ medalji ta’ San Ġużepp, Sant’ Elena u l-Papa Pawlu VI. Il-parrini f’din l-okkażjoni kienu s-Sur Ġużeppi Zerafa li offra l-art u Dun S. Cilia. Għal din iċ-ċerimonja, fuq is-sit fejn tpoġġiet l-ewwel ġebla, inġiebet ukoll il-vara artistika ta’ San Ġużepp li tinsab meqjuma fil-Bażilka Sant’ Elena, xogħol fl-injam tal-iskultur Furjaniż Vincenzo Dimech tas-sena 1826.

Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq dan it-tempju beda għaddej b’ ċertu ritmu u wara sentejn il-knisja kienet kważi lesta biex tintuża. Dan kien anki dovut għall-fatt li l-Prepostu, Monsinjur Ignazio Sciberras-Psaila, kien ħa interess personali fit-tlestija tal-knisja tant li diversi drabi kien jidher fuq is-sit fejn kienet qed tinbena. Fil-fatt, ħafna mill-ispejjeż tal-bini tħallsu mill-istess Prepostu u mill-Arċisqof Gonzi li wkoll ikkontribwixxa finanzjarjament għal dan il-proġett.

Fl-1 ta’ Mejju 1967, propju fil-festa liturġika ta’ San Ġużepp Ħaddiem, tqaddset l-ewwel Quddiesa u l-knisja saret waħda sagramentali. Sena wara, fid-29 t’April 1968, sar it-tberik tal-knisja l-ġdida mill-Arċisqof Gonzi. Sa din id-data beda jsir il-Quddies kuljum. Ta’ min jgħid li l-knisja, li nbniet wara r-riformi li saru fil-Konċilju Vatikan II, għandha artal wieħed li hu ċ-ċentru tal-attenzjoni, peress li l-kongregazzjoni miġbura fil-korsija tkun imdawra madwar l-istess artal.

Il-mixja ta’ din il-komunità Karkariża kompliet billi fil-15 ta’ Ġunju 1969, din il-knisja twaqqfet bħala Viċi-Parroċċa u ġiet mogħtija d-drittijiet u s-setgħat kollha ta’ Parroċċa, fosthom il-limiti parrokkjali, li ttieħdu minn dawk ta’ Birkirkara stess. 

Erba’ snin wara, fl-1973, din il-knisja saret ukoll Parroċċa awtonoma bil-qofol jintlaħaq is-Sibt 26 ta’ Mejju meta l-Kanonku Dun Karm Aquilina li kien diġà qed iservi bħala Vigarju-Kurat ingħata l-pussess bħala l-ewwel Kappillan. Kif inhu xieraq, f’dik il-ġimgħa saru f’Birkirkara festi kbar. Ħadu sehem ukoll iż-żewġ baned Karkariżi ta’ dak iż-żmien, jiġifieri il-Banda Duke of Connaught’s Own u l-Banda Sant’ Elena, flimkien mal-Kapitlu Elenjan.

Għoxrin sena mit-twaqqif tal-Parroċċa, fis-26 ta’ Mejju 1993, il-Knisja ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

Il-50 anniversarju mit-tqegħid tal-ewwel ġebla

Fil-ġranet li ġejjin se jitfakkar l-anniversarju importanti tal-50 sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla ta’ din il-knisja li jimmarka l-50 sena minn meta bdiet il-mixja ta’ waħda mill-komunitajiet ewlenin f’Birkirkara. Komunità li llum tgħodd ftit inqas minn 2,000 familja. 

Dan l-anniversarju ma jfakkarx biss il-50 sena minn meta tpoġġiet l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja parrokkjali iżda minnu nnifsu jagħti ġieħ ukoll lil dawk kollha li matul dawn il-50 sena kellhom sehem biex ġie pprovdut servizz pastorali sublimi lil din il-komunità mdaqqsa Karkariża. Jalla din il-parroċċa tkompli tikber bħala komunità miġbura madwar San Ġużepp Ħaddiem biex, bħalma jindika l-motto ta’ dan l-anniversarju, “bħala ġebel ħaj, inkomplu ninbnew f’ġisem spiritwali”.

attivitajietsgh@gmail.com

CAPTION

L-Arcisqof Mikiel Gonzi nhar il-11 ta' Settembru 1965 iqiegħed l-ewwel ġebla

 


Il-Maratona Oħloq Tbissima

Iċ-ċifra finali laħqet €183,417.65: Grazzi

Fr Louis Mallia mssp, id-Direttur ta’ Ċentru Animazzjoni Missjunarja (ĊAM) u taċ-ĊAM Productions international (ĊPi) flimkien mal-organizzaturi tal-Maratona Oħloq Tbissima, Santa Venera, jiktbu:

 

 

Nixtiequ nirringrazzjaw lill-voluntiera kollha taċ-ĊAM u taċ-ĊPi tal-impenn tagħhom  biex, għal sena oħra, din il-maratona kienet esperjenza pożittiva ta’ ħidma altruista għal dawk kollha involuti.

Grazzi mill-qalb lil kull min b’xi mod ikkontribwixxa għal din il-kawża ġusta.  Grazzi wkoll lill-istazzjonijiet lokali tat-televiżjoni u tar-radju, lill-media online, gazzetti lokali u lill-isponsors, preżentaturi, personalitajiet, kantanti, żeffiena u oħrajn.

Grazzi mill-qalb ukoll lil tant nies ġenerużi li appoġġjaw din il-ħidma missjunarja u taw il-kontribut tagħhom. Iċ-ċifra finali telgħet għal €183,417.65. 

Il-flus li nġabru se jgħinu lill-missjunarji tas-Soċjetà Missjunarja San Pawl ikomplu bil-ħidma tagħhom f’Dar San Ġużepp f’Santa Venera u wkoll fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini.

Permezz ta’ din il-ġabra sabiħa, tad-dedikazzjoni u tal-ħidma tal-missjunarji tas-Soċjetà Missjunarja San Pawl, numru ta’ nies se jibbenefikaw billi jingħataw neċessitajiet filwaqt li jingħataw ukoll l-imħabba u d-dinjità li jistħoqilhom.

 


50 SENA MIT-TWAQQIF TAL-FERGĦA EWKARISTIKA - Fr Ray Toledo

Il-Fergħa Ewkaristika se tiċċelebra l-50 sena mit-twaqqif tagħha fid-9 ta’ Settembru.

Il-Fergħa Ewkaristika twaqqfet fl-1965 minn George Grima bl-iskop li Ġesù Ewkaristija jkun magħruf u maħbub aktar minn kulħadd. Il-motto tal-Għaqda hu O Ġesù Ewkaristija kun il-ferħ u l-hena ta’ ħajti kollha. 

Fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Fergħa Ewkaristika, l-Insara qed jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-Quddiesa fil-kappella taċ-ċimiterju Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid, illum il-Ħadd 6 ta’ Settembru fid-9 a.m. u wara żjara fuq il-qabar tal-fundatur George Grima.

Fiċ-Ċentru Ewkaristiku, il-Marsa għada t-Tnejn 7 ta’ Settembru fis-6.30 p.m. se jsir Seminar dwar l-Ewkaristija. Il-kelliema huma Monsinjur Ġużepp Mifsud Bonnici , Charles Farrugia u Dun Chris Farrugia.

Iċ-Ċentru Ewkaristiku l-Marsa, it-Tlieta 8 ta’ Settembru, se jkun miftuħ għall-pubbliku mit-8 a.m. sat-8 p.m. Ikun hemm adorazzjoni u Quddiesa fit-8 a.m., f’nofsinhar u fis-7 p.m.

Fiċ-Ċentru Ewkaristiku l-Marsa, l-Erbgħa 9 ta’ Settembru fis-6.30 p.m. tibda ċelebrazzjoni mmexxijja mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Qabel il-Quddiesa tingħad it-talba tar-Rużarju u jkun hemm adorazzjoni.

SFOND STORIKU

Fit-3 ta’ Marzu 1965, George Grima għamel l-ewwel laqgħa li għaliha attendew tnax-il ruħ u fissrilhom l-isko tal-Għaqda li hu sejħilha Il-Fergħa Ewkaristika. L-ewwel laqgħat saru fid-dar tiegħu fi Triq is-Salib, il-Marsa fil-kamra fejn kellu l-altar. Il-laqgħat baqgħu jsiru hemm għal madwar sbatax-il sena.

Il-fundatur tal-Fergħa Ewkaristika kien għal żmien twil membru tas-Soċjeta MUSEUM u għal xi żmien kien ukoll sagristan fil-kappella tal-MUSEUM fi Blata l-Bajda. San Ġorġ Preca kien għaraf il-kwalitajiet sbieħ ta’ George meta kien għadu żagħżugħ u saħansitra ħabbarlu li kellu jkun fundatur bħalu.

Is-Superjur George, kif baqa’ magħruf wara li ħareġ mill-MUSEUM, kien bniedem ta’ talb u sofferenza. Bniedem imfittex għall-pariri tiegħu. Wieħed kien jagħmel sigħat twal jistenna biex jitkellem miegħu. Waħda mill-frażi tiegħu kienet “Ħalli lil Alla jmexxi”.

Il-Fergħa Ewkarisitika twaqqfet uffiċjalment fid-9 ta’ Settembru 1965 b’Quddiesa ċċelebrata mill-Isqof Emmanuel Galea, flimkien maċ-Chaplain, Dun Ġużepp Mifsud Bonnici, fil-kappella tas-Soċjetà tal-MUSEUM, il-Blata l-Bajda.

Mal-medda taż-żmien, il-laqgħat tal-Fergħa Ewkaristika nfirxu għall-irġiel, nisa, għarajjes ta’ Ġesù u żgħażagħ b’diversi konferenzi, żjarat u adorazzjonijiet fil-parroċċi mmexxija mill-membri tal-Fergħa. Kienu jsiru wkoll attivitajiet f’Għawdex. Dan l-iżvilupp ġab miegħu ħtiġiet ġodda tant li fit-18 ta’ Marzu 1982 infetaħ iċ-Ċentru Ewkaristiku fil-Marsa. Dan iċ-Ċentru tbierek mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca u fih bdew isiru l-laqgħat tal-Fergħa Ewkaristika.

Iċ-Ċentru sar ukoll post ta’ adorazzjoni fejn f’diversi ħinijiet il-kappella kienet miftuħa għat-talb, għall-Quddies u għall-adorazzjoni.

Fl-1986, is-Superjur George waqqaf ukoll komunità ta’ xebbiet interni bħala adoraturi magħrufa bħala Ulied Marija Ewkaristika. Filwaqt li joffru l-ħajja tagħhom b’imħabba lejn Ġesù Ewkaristija, dawn kienu jagħtu servizz fiċ-Ċentru Ewkarisitiku l-Marsa. F’Ħaż-Żebbuġ twaqqfet Dar Marija Ewkaristija fejn kienu jgħixu dawn ix-xebbiet, magħrufa bħala Ulied Marija Ewkaristika. Din id-dar hi estenzjoni taċ-Ċentru Ewkaristiku tal-Marsa.

Is-Superjur George Grima, li twieled il-Marsa fit-28 ta’ Lulju 1941, miet ħesrem fiċ-Ċentru Ewkaristiku fis-7 ta’ Mejju 1999. Miet fix-xahar iddedikat lill-Madonna li fiċ-Ċentru għandha titular bħala Marija Ewkaristika, li l-festa tagħha tiġi ċċelebrata fit-13 ta’ Mejju. Il-funeral tiegħu sar dakinhar, b’Quddiesa kkonċelebrata minn kważi sebgħin saċerdot midħla tal-Fergħa Ewkarisitika fil-Parroċċa tat-Trinità l-Marsa.

Sittax-il sena wara l-mewt tal-fundatur, minkejja li l-Fergħa Ewkarisitika għaddiet minn diversi bidliet u diffikultajiet, iċ-Ċentru Ewkaristiku għadu jinfetaħ regolarment b’mod speċjali fl-ewwel ġimgħa tax-xahar fejn issir adorazzjoni bil-lejl li tiġi mxandra fuq Radju Marija.

 


Il-kultura Nisranija fl-Ewropa (1)

IT-TELLIEQA TAĊ-ĊRIEV  -  Joe Galea

Tonfoħ il-fwar minn imnifsejha, ċerva kbira tħabbat bid-dwiefer ta’ saqajha mal-art miksija silġ, bla sabar biex tibda t-tellieqa. Tlett irġiel imlefilfin fl-anoraks tagħhom jitħabtu biex iżommuha qabel it-tluq tal-korsa l-kbira tar-raħal ta’ Kautokeino.

Iċ-ċerva trid ittellaq ma’ ċriev sħabha l-oħra jiġbdu lill-kuċċiera fuq is-slitti. Il-premju tal-kompetizzjoni mhux tant is-somma modesta mogħtja lir-rebbieħa daqskemm il-prestiġju li jiksbu matul is-sena li tkun ġejja fi ħdan il-komunità nomada Sami tal-Lapponja.

Kautokeino hu wieħed miċ-ċentri tal-Lapponi jew aħjar tas-Sami, kif isejħu lilhom infushom, billi Lapponi hi kelma Żvediża li fiha element ta’ disprezz għal dan il-poplu, għax tfisser “l-imċerċrin”. Il-Lapponja hi reġjun ta’ art kbira, id-daqs tan-Norveġja, jiġifieri ta’ 388 elf kilometru kwadru.

Hi art għerja, mhix għammiela - li tinfirex min-Norveġja, sal-Fillandja, l-Iżvezja u parti mir-Russja. Ir-rotta tas-Sami hi min-Nord-Est tan-Norveġja għat-tliet pajjiżi l-oħra.

Huma għexu fuq it-trobbija taċ-ċriev sa mis-seklu 16. Kautokeino tfisser ‘in-nofs’ għax fil-fatt ir-raħal jinsab f’nofs it-triq migratorja tradizzjonali ta’ dan il-poplu qadim nomadu. Is-Sami huma indiġeni protetti minn konvenzjonijiet internazzjonali u meqjusin bħala l-poplu indiġenu fl-iktar naħa nordika tal-Ewropa.

It-tellieqa

Biex jaraw it-tellieqa, is-Sami tal-Iżvezja joqogħdu tul it-triq miksija bis-silġ, imgeddsin fil-kapep griżi tagħhom, bi strixxi ta’ drapp kulurit fit-truf. Ikun hemm ukoll il-ġirien tagħhom Fillandiżi li jiġu wkoll akkaniti għat-tellieqa. Kulħadd irid ikun l-aħjar fl-eleganza, b’ilbies sabiħ tradizzjonali, li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Ma jonqsux ix-xalel bil-fur abjad tal-orsijiet. Is-sinjal tat-tluq ingħata, b’ferħ kbir tal-pubbliku, b’konkorrenti jitilqu qabel is-sinjal, miġbudin miċ-ċriev li, minkejja ġranet sħaħ ta’ taħriġ,  jibqgħu dejjem diffiċli biex jiġu kontrollati.

Il-premju tat-tellieqa jieħdu min jasal l-ewwel fil-knisja għall-quddiesa ta’ Ħadd il-Għid, li għas-Sami hi festa liturġika kbira. L-Għid fil-Lapponja hu iktar festeġġjat mill-Milied u jgħaqqad flimkien il-komunità qabel ma tibda l-migrazzjoni tar-Rebbiegħa meta r-ragħajja jwasslu l-merħliet taċ-ċriev lejn il-baħar. Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, ġemgħa sabiħa ta’ Sami jinġabru mgeddsa fil-knisja magħmula mill-injam għat-talb tat-tridu tal-Għid u kif ukoll għall-magħmudijiet u ż-żwiġijiet li jiġu ċelebrati dakinhar.

It-twelid tal-Fidi Nisranija fil-Lapponja

Il-fidi Nisranija twieldet fost il-poplu Sami fis-seklu 17 minn predikaturi Luterani kbar. Imma kien fis-seklu 19 li ntrebħet kultura li kienet qed tagħmel ħafna ħsara, dik tal-alkoħoliżmu.

Dan kien b’mertu tal-pastor Luteran Lars Levi Laestadius, li kien appostlu ta’ moviment pjetuż ta’ “tiġdid tal-erwieħ” li beda fl-1840. Pjetuż għax kien moviment ta’ ħajja Nisranija rigoruża. Laestadius irnexxielu jeħles lis-Sami mill-vizzju tal-alkoħol, li hu xorb komuni f’artijiet fejn tagħmel ħafna kesħa fit-tul. Illum il-moviment ta Lars Levi Laestadius hu magħruf sew u nafuh bl-isem ta’ Laestadjaniżmu, li daħal f’naħat oħra tal-Ewropa, fl-Amerka, u fl-Afrika.

Billi Laestadius innifsu kien ta’ oriġini indiġena, ħabrek biex il-liturġija tkun ċelebrata bil-lingwa nattiva tagħhom f’epoka meta l-politika tal-istati Skandinavi kienet qed thedded il-kultura Sami.

Caption Pix 1

Grupp ta’ Samis jissaħħnu madwar in-nar minħabba l-kesħa tar-reġjun

Caption Pix 2

It-tellieqa taċ-ċriev tintrebaħ minn min jasal l-ewwel għall-Quddiesa ta’ Ħadd-il Għid

 


450 SENA WARA L-ASSEDJU TAL-1565 (1)

Ġrajja ta’ qlubija u fidi kbira

Patri Silvestru Bonavia OFM Cap

Kull meta joqrob Settembru ma nistgħux ma niftakrux fl-akbar ġrajja ta’ pajjiżna jew f’waħda mill-ikbar ġrajjiet li ħallew marka li ma tintemm qatt fil-paġni glorjużi li kitbu missirijietna. 

Kif dejjem kien xieraq f’dan il-jum kbir niftakru wkoll fl-assedji l-oħra bħal dak ta’ tmiem is-seklu 18 u l-ieħor li għexna ħafna minna f’nofs it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1942.  Dawn kollha huma ħoloq f’katina tad-deheb, flimkien ma’ tant oħrajn, li torbot ħaġa waħda ġrajjiet ġensna.

Il-monument xbiha tan-nazzjon

Kienu ġrajjiet li nkitbu b’demm missirijietna jew b’demm uħud minna li għadna ħajjin jew niesna. Jeħtieġ li jibqgħu jiġu mfakkra kif jixraq. Kienet ħaġa mill-isbaħ meta fl-1927, avolja kienu għaddew aktar minn 350 sena, twaqqaf il-monument tal-bronż maħdum mill-patrijott Malti Antonio Sciortino fil-misraħ imsejjaħ bix-xieraq Misraħ l-Assedju l-Kbir. 

Sa ftit snin ilu meta l-monumenti kienu ħaġa aktar rari mill-aħħar għexieren ta’ snin, kien kważi l-iktar monument li dejjem ġibed l-attenzjoni tal-poplu kollu u tan-nazzjon. Il-figuri tal-bronż li juru l-Fidi, iċ-Ċiviltà u l-Kuraġġ imqiegħda fis-sod fuq il-granit tal-parti t’isfel tal-monument jesprimu bil-wisq tajjeb ħsieb Sciortino u fuq kollox il-ħsieb ġenwin tan-nazzjon Maltija msawra fuqhom. 

Messaġġ qawwi għal kull żmien, għal kulħadd, l-aktar lill-ġenerazzjoni tagħna u dik ta’ wrajna li turi l-mera tal-veru progress u l-għejjun ta’ kull deċiżjoni li ħadu missirijietna u li rridu nieħdu.

Għandna nkunu tassew kburin li Din l-Art Ħelwa flimkien mal-FIM Bank plc ħames snin ilu ħadu ħsieb ir-restawr ta’ dan il-monument.

Dejjem kienet okkażjoni mill-isbaħ, mimlija b’sens patrijottiku, li f’dal-Jum Nazzjonali kulħadd kien jinġabar flimkien biex ifakkar lil dawk li ġew qabilna li taw jew ħallew ħajjithom biex ta’ qabilna setgħu jibqgħu igawdu l-fidi u  l-libertà. U permezz tagħhom aħna llum ingawdu dak kollu li għandna: ir-reliġjon, l-indipendenza, il-ħelsien u l-progress veru f’kull qasam tal-ħajja. 

Mhux ta’ b’xejn kważi dejjem kienu jintgħażlu kelliema mill-aqwa biex iwasslu l-messaġġ tagħhom lin-nazzjon f’dik l-okkażjoni. Dawk id-diskorsi, kollezzjoni mill-isbaħ għal min għandu kollha, għalkemm rari ħafna, mimlijin tifsiriet skont iż-żmien imma li jispirawk dejjem b’ħarsa ’l quddiem.

L-450 anniversarju

Dis-sena, il-pajjiż qed ifakkar kif l-450 anniversarju tar-rebħa tal-qawwiet Insara fuq l-imperu Ottoman li kien theddida kbira għall-Ewropa u l-kultura u l-fidi li dejjem ispirawha.  Aktar ma jgħaddu s-snin u l-istoriċi jiskopru għejjun ġodda tal-ġrajjiet kif fil-fatt seħħew, aktar jidher ċar il-periklu li kien jeżisti u kemm kien kbir.

Nagħrfu wkoll il-ħtieġa u s-sehem f’waqtu ta’ Malta, bl-Ordni ta’ San Ġwann u l-qawwiet Ewropej, flimkien mal-poplu ċkejken tagħna. Hekk biss setgħet tieqaf il-mixja li l-imperu Ottoman kien qed jagħmel lejn l-Ewropa. 

Is-sehem ta’ Malta kien ferm akbar mid-daqs tal-ftit kilometri kwadri ta’ dil-blata f’nofs il-Mediterran. Dak li l-Ottomani ħasbu li se jirbħu fi ftit jiem, kif jistqarru l-aħjar storiċi, sab quddiemhom qawwa ferm ikbar minnhom... tassew “Alla hu akbar” minn kull qawwa u qawwiet oħrajn!  

Din il-forza kbira, qawwija, waħdanija kienet mal-kavallieri u l-poplu kollu. Ilkoll, għalenija, b’fidi kbira, daru lejn Alla u lejn Ommu u Ommna Marija u qalgħu dak li kienu jixtiequ u tant kienu jeħtieġu.

L-interventi tas-sema kienu l-qawwa li saħħet lil missirijietna u lilna, dejjem f’kull żmien, biex nirbħu kull xorta ta’ assedju u attakki kontrina. Jien u bosta oħra li twelidna u trabbejna u kbirna Ħaż-Żabbar jew fil-madwar ma nistgħux ma nsemmux id-diversi tifkiriet konkreti ta’ din il-ġrajja waħdanija. 

Kien proprju fit-8 ta’ Settembru, meta kienet qed tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, kif kien isir f’dak iż-żmien, li wasal il-Gran Soccorso mibgħut minn Garcia de Toledo, il-Viċi Re ta’ Sqallija u li daħal San Pawl il-Baħar. Bis-saħħa ta’ dik l-għajnuna u l-qawwiet ġodda ma’ dawk li kien fadal bejn kavallieri u Maltin, il-qawwiet Ottomani, qalbhom maqtugħa, ġew imkeċċija u Malta kienet ħielsa u magħha għebet, ukoll jekk għal ftit, it-theddida fl-Ewropa.

Mhux ta’ b’xejn li meta fl-1683 il-Papa B. Innoċenz XI (1676-1689) waqqaf il-festa tal-Isem Imqaddes ta’ Marija b’tifkira tar-rebħa wara l-Assedju ta’ Vjenna, ftit wara bdiet tinħass il-ħtieġa li f’Ħaż-Żabbar f’Jum il-festa tintuża din il-Quddiesa.  

Fi żmien il-Papa Klement XII (1730-1740) il-Kongregazzjoni tar-Riti, fl-1733, wettqet dan b’digriet  għax il-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar kienet ukoll issir “b’tifkira tar-rebħa fl-Assedju l-Kbir tal-1565”, itenni d-digriet tal-Vatikan.

silvbonav@gmail.com

F’ħarġa oħra:

Fidi kbira f’Alla mgħajxa

tgħinna nirbħu kull assedju

CAPTION

Malta għarkuptejha trodd ħajr lill-Madonna tal-Grazzja, dettal ta’ pittura ta’ Ġ. Caruana, fis-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar 

Ritratt: R. Gialanzè

 


Il-qawwa tal-Madonna kontr x-xitan (1)

Devozzjoni vera lejn Ommna Marija

Patri Franco Fenech, Franġiskan Kapuċċin

Hi ħaġa li għanda timla’ lil kull min jemmen bil-ferħ meta jiftakar li aħna għandna omm li tħobbna b’imħabba tal-ġenn! U bid-dritt lil Marija nsejħulha omm għax kif qal il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, waqt omelija li għamel ġo Efesu, fil-mument li fih Marija qalet ‘iva’, hi bdiet iġġorr anki lilna fil-ġuf tagħha.  B’hekk it-twelid tar-ras tagħna li hu Ġesù hu wkoll it-twelid ta’ kull wieħed u waħda minna li aħna l-ġisem tiegħu. Marija hi l-art li fiha ġiet miżrugħa l-Knisja li hi aħna”.

Fil-mument li Marija aċċettat li tkun omm Ġesù hi aċċettat ukoll li tkun omm il-ġisem mistiku tiegħu. Minn dakinhar hi saret Omm tagħna.

Din il-verità ġiet murija lilna minn Ġesù nnifsu waqt li kien fuq is-Salib. Marija, taħt is-salib ta’ binha Ġesù, fl-uġiegħ tal-qalb tagħha, bħall-uġiegħ tal-ħlas, wellditna lkoll bħala wliedha.  Kultant nimmaġina kemm kienet deċiżjoni qawwija dik ta’ Marija meta fil-mument li kienet qed tassisti għall-mewt tal-uniku Iben tagħha, magħdud bħala kriminal, mogħti l-agħar mewt li seta’ jingħata għax, kif tgħid l-Iskrittura, “misħut il-bniedem li jkun imdendel mal-għuda”, mewt li saħansitra kienet tingħata barra l-belt ta’ Ġerusalemm bħala turija ta’ disprezz u ta’ ċaħda, tisma’ lil Ġesù jgħidilha “mara hawn hu ibnek”

Dan ifisser, fi kliem ieħor, li Ġesù kien qed jgħid lil Marija: “Ma, minn issa ‘l quddiem dawn li hawn madwarek, dawn l-istess nies li qed jitolbu l-mewt tiegħi, dawn l-istess nies li sallbuni, li ċaħduk minni, issa rridek taċċettahom bħala wliedek. Irridek tħobbhom bħalma ħabbejt lili. Irridek takkumpanjahom kif akkumpanjajt lili”.

Kien l-akbar attakk kontra l-fidi ta’ Marija min-naħa ta’ satana!  Taħt is-Salib ix-xitan tefa’ l-qawwa kollha tiegħu kontra tagħha biex iferiha fil-fidi tagħha u jġiegħla tiddubita. Nemmen li dak il-ħin ix-xitan kien qed jipprova juża l-umanità ta’ Marija u jgħidilha: “dawn huma wliedek”! Int Iben wieħed kellek u ara qed iċaħduk minnu, qatluh! Kif tista’ taċċetahom bħala uliedek”? Imma anki jekk fil-qalb ta’ Marija kien hemm uġiegħ kbir għax hi kienet taf min hu Ġesù, żgur li dak il-ħin dwiet fil-moħħ u fil-qalb tagħha, dik l-‘iva’ li darba qalet lil Gabriel il-ħabbar. 

Iva li kellha tidwi f’tant u tant ‘iva’ oħra li Marija kellha tgħid matul il-ħajja tagħha.

Dawn il-fatti juru li Marija għandha rwol important ħafna fil-ġlieda kontra satana. Kull Nisrani fil-mixja tiegħu f’din il-ħajja jagħmel esperjenza ħajja tal-prezensa u tal-imħabba enormi ta’ Marija li, bi ħlewwa ta’ omm, tintervjeni fil-ħajja ta’ wliedha billi tiġġieled flimkien magħhom u għalihom kontra satana. Meta bħala eżorċista nara r-reazzjoni tax-xitan quddiem it-telfiet li jġarrab minħabba l-intervent ta’ Marija, insib il-konferma tal-kliem li Alla qal lil satana: “inqajjem gwerra bejnek u bejn il-mara” (Ġen.3,15).

Marija hi l-‘mara’ li mill-ktieb tal-Ġenesi sa dak tal-Apokalissi hi magħquda ħaġa waħda mal-Iben ta’ Alla fil-ġlieda kontra l-għadu infernali u fit-twettieq tal-missjoni salvifika tiegħu. M’hemm l-ebda bniedem li jista’ joffri kontribut hekk qawwi għat-twettieq tal-missjoni salvifika daqs dak li offriet il-Verġni Marija, Ommu. Hu propju għalhekk li l-Knisja tħeġġeġ lilna l-Insara biex ikollna devozzjoni vera lejn Ommna Marija għax id-devozzjoni vera twassal għat-telqa totali tagħna nfusna f’idejn din l-Omm u fil-qalb immakultata tagħha.  Għax hi għadha taħdem, flimkien ma’ binha Ġesù, għas-salvazzjoni tagħna.

Patri Candido Amantini, li kien jeżerċità l-ministeru tiegħu bħala eżorċista fil-bażilika Scala Santa ġewwa Ruma fejn miet b’fama ta’ qdusija fl-1992, fl-uniku ktieb li kiteb Il-misteru ta’ Marija, jitkellem fuq il-ħidma tal-Verġni Marija kontra satana.  Jgħid hekk: “Kif permezz tal-persuna posseduta, satana hu kostrett li jagħraf il-qawwa ta’ Kristu fuqu, hekk hu wkoll kostrett li jistqarr il-qawwa tas-sieq immakulata ta’ Marija li kontinwament tgħattanlu rasu. Fuq dan għandna ħafna u ħafna xhieda ta’ qaddisin li ħaduha kontra satana permezz tal-eżorċiżmu.

“Mill-esperjenza tiegħi nista’ ngħid li mhemm l-ebda ħaġa oħra li tittormenta lil satana daqs it-talb indirizzat lil Marija. Filfatt, waqt l-eżorċiżmu, il-persuni kważi qatt ma jirnexxielhom jippronunzjaw l-isem ta’ Marija anki jekk jipprovaw b’ħafna impenn. Id-devozzjonijiet Marjani huma insopportabbli għax-xitan. Fost dawn id-devozzjonijiet insibu t-talb tas-Sliema, is-Salve Reġina u r-Rużarju”.

L-eżorċista popolari Dun Gabriel Amorth, fil-ktieb tiegħu Nuovi racconti di un esorcista jagħti fid-dettall il-ħidma ta’ Marija waqt l-eżorċiżmu u fil-mixja ta’ liberazzjoni tal-persuni. Hu jgħid: “kważi tmiss b’idejk kif Marija hi l-medjatriċi tal-grazzji għax hi dejjem takkwista mingħand binha Ġesù l-ħelsien mix-xitan. Meta nkun qed nagħmel it-talb ta’ liberazzjoni ma’ persuna posseduta, nisma’ kliem ta’ disprezz. Ix-xitan jipprova jgħaddini biż-żmien u jgħidli: ‘jien hawn qiegħed tajjeb u qatt mhu se nitlaq’. Iżda kif Marija tibda tidħol fl-azzjoni, it-tonalità u l-kliem jibdew jinbidlu: kontra taghha ma nista’ nagħmel xejn’! Għidilha biex tieqaf tinterċedi għal din il-persuna.

Għalija spiċċa kollox”!

francofenech@gmail.com

F’ħarġa oħra: L-imħabba tkeċċi l-biza’ ‘l barra


Intenzjoni Universali

Formazzjoni edukattiva u opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ

Matul dax-xahar il-Papa Franġisku jistedinna nitolbu biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u xogħol għaż-żgħażagħ.

L-esperjenza tal-Papa Franġisku f’Sardenja f’Settembru 2013 ħeġġitu jpoġġilna l-intenzjoni ħalli nitolbu għal min hu bla xogħol u allura mċaħħad mid-dinjità ta’ bniedem. Ma jġibx ikel id-dar għall-familja u qisu ma jħobbx lil ta’ daru.

Id-dinja llum għamlet il-flus alla tagħha u l-bniedem m’għadux iċ-ċentru. Warrbet l-anzjani għax m’għadhomx iservu, jaħdmu għas-soċjetà, u mhix tgħin għall-ħolqien ta’ xogħol għaż-żgħażagħ.

Qed jittieħdu deċiżjonijiet globali u jsiru sistemi ekonomiċi li ma jsaħħux fundazzjonijiet ta’ edukazjoni għall-ġenerazzjoni prezenti bi skop ta’ ġejjieni fiż-żgur, ta’ ħajja bla kompetizzjoni u ta’ għarfien tad-drittijiet ta’ kull individwu. Dawn jiffurmaw fiż-żgħażagħ sens ta’ tfittxija għal bidu ta’ stat ta’ ħajja u ta’ karriera. Kull bniedem, hi x’inhi r-responsabbiltà tiegħu, għandu jagħraf b’serjetà li d-dinja, rigal t’Alla Ħallieq lilna li qed ngħixu, trid tara bnedmin responsabbli u konxji ta’ tiġdid fl-isforz għal sejbiet aħjar ta’ formazzjoni u ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ.

Xi żgħażagħ jgħixu f’benniena komda waqt li oħrajn ikollhom jemigraw għal ħajja aħjar b’tama li jirnexxilhom ifendu għalihom infushom u għal min ħallew f’pajjiżhom.

Il-Papa jħeġġeġ liż-żgħażagħ f’daż-żmien ta’ tfittxija biex ma jħallu lil ħadd jisirqilhom it-tama ta’ xogħol f’ħajja aħjar, it-tama li, bħal ġamar taħt l-irmied, jekk jonfħuh ikebbes in-nar. Kulħadd llum jagħraf l-iżvilupp, frott ta’ progress kbir fl-istorja kollha ta’ umanità imma dan jidher fi progress uman jew qed josfor għax waqt li jkabbar l-alla tal-flus ma jħossux għall-umanità batuta għax ma għenuhiex b’talenti għal xogħol u ħajja aħjar. Il-parabola tal-għani u Lazzru (Lq.16) għadha titwettaq b’għajb għas-soċjetà ta’ żmienna.

X’tagħmel meta tisma’ li żgħażagħ jinsabu bla xogħol. Titlob għalihom?


Residenti tad-Dar tal-Providenza se jmorru Ruma biex jiltaqgħu mal-Papa Franġisku - Victor Formosa

Il-Ħadd 13 ta’ Settembru se tkun ġurnata speċjali għal numru ta’ residenti tad-Dar tal-Providenza għax proprju f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tad-Dar se jkollkom l-opportunità li jiltaqgħu personalment mal-Papa Franġisku ħdejn Casa Santa Marta fil-belt tal-Vatikan.

Il-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru, 27 resident u residenta jitilqu Ruma għal din il-laqgħa speċjali. Jakkumpanjawhom se jkun hemm l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P., Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, il-Management tad-Dar u numru ta’ carers

Is-Sibt, 12 ta’ Settembru wara nofsinhar propju f’Jum il-Fundazzjoni tad-Dar, se ssir Quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Bażilika San Paola Fuori Le Mura mmexxija mill-Arċisqof Scicluna li għaliha se jkunu mistiedna wkoll il-Maltin li jgħixu f’Ruma fosthom l-Ambaxxatur ta’ Malta f’Ruma s-Sinjura Vanessa Frazier.

Il-Ħadd filgħodu l-grupp kollu se jattendi għall-Quddiesa mmexxija mill-Arċisqof li se ssir fil-kripta tal-Bażilika ta’ San Pietru propju fuq il-qabar ta’ dan il-qaddis. Wara l-Angelus imbagħad mistennija ssir il-laqgħa tar-residenti mal-Papa.  Għal din il-laqgħa r-residenti lestew ktieb b’kitbiet u tpinġija tagħhom kif ukoll xi prodotti agrikoli li jipproduċu fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor fid-Dar tal-Providenza.

Il-grupp mistenni lura Malta l-Ħadd filgħaxija stess.

Din hi biss waħda mill-attivitajiet ewlenin li qed jiġu organizzati fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tad-Dar tal-Providenza. Attività importanti oħra se tkun il-Quddiesa ta’ ringrazzjament immexxija mill-Arċisqof Scicluna fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta l-Ġimgħa 18 ta’ Settembru fis-6.30 p.m. Din il-Quddiesa speċjali li għaliha hu mistieden il-pubbliku Malti u Għawdxi se tixxandar fuq TVM2.

Il-Ħadd, 29 ta’ Settembru filgħodu se ssir edizzjoni oħra tal-Ġirja, Qadfa u Mixja: attività ta’ ġbir ta’ fondi organizzata mill-Grupp Żgħażagħ Gudja bil-kollaborazzjoni ta’ RTK 4 Charity u d-Dar tal-Providenza.

Il-ġirja titlaq mill-pjazza taż-Żurrieq, ir-roti jitilqu mill-pjazza tal-Imdina waqt li l-mixja tibda mill-pjazza tas-Siġġiewi. Kollha jiltaqgħu fid-Dar tal-Providenza fejn issir Quddiesa fil-car park.

L-Erbgħa, 7 t’Ottubru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-Belt Valletta se jsir oratorio bl-isem ta’ Canticum Vitae (Song of Life). Dan se jiġi esegwit għall-ewwel darba mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta bis-sehem tas-solisti Francesca Aquilina, Charles Vincenti u Alfred Camilleri u l-kor Bel Canto. It-testi tal-oratorio meħuda mill-Bibbja huma xogħol Monsinjur Lawrence Gatt waqt li l-mużika hi ta’ Hermann Farrugia Frantz li wkoll se jidderieġi l-orkestra.

Rispett, Dinjità u Drittijiet hi t-tema magħżula biex jitfakkar il-50 anniversarju tad-Dar tal-Providenza. Jalla dawn il-valuri jkomplu jkunu ta’ ispirazzjoni għal aktar snin ta’ servizz għal dawk il-persuni vulnerabbli li għandhom bżonn l-appoġġ u l-inkoraġġiment.


Fergħa żgħira, qaddisa, li tagħmel il-frott

Patri Raymond Francalanza OSA, Provinċjal

Enzo Bianchi – pirjol tal-komunitá monastika ta’ Bose – ftit ilu kiteb artiklu li kellu titlu pjuttost qares. Semmieh: Ewtanasja tal-ħajja reliġjuża!

Fih semma n-niket tiegħu għal diversi fatturi. Fost dawn

(a) li waslet biex tintemm is-Sena tal-Ħajja Konsagrata li xtaqha l-Papa Franġisku u donnu ħadd jew ftit fil-Knisja ndunaw b’xi differenza nkluż ir-reliġjużi stess;

(b) donnu ħadd ma jaf x’inhu jiġri eżatt lill-ħajja reliġjuża nfisha b’kulħadd iġebbed f’kull direzzjoni;

(c) hemm diversi li saru jemmnu dak li jridu huma biss (una vita conscrata “fai da te”) u donnu qed jikber iktar minn qatt qabel dak li hu sejjah id-dolce morte f’silenzju ġenerali; u

(d) l-Isqfijiet donnhom mitlufa jaraw kif se jiksbu xi proprjetà li tibqa’ vojta fejn ikunu ‘spiċċaw’ ir-reliġjużi jew jimpurtahom biss li ssir xi tip ta’ attività oħra minflok ħidmet ir-reliġjużi minghajr m’huma jagħmlu dixxerniment sew dwar dan.

Dawn huma fost uħud mill-aspetti negattivi li semma.

Kien hemm żewġ dettalji li semma b’mod pożittiv. Waħda hi li hu jgħid li minkejja din il-“mizerja” (dan kien l-aġġettiv li uża) il-maġġoranza tar-reliġjużi llum jagħmlu ħilithom biex ikunu fidili għall-voti li jħaddnu, it-tieni hi li minkejja li n-numru dejjem qed jonqos, huma diversi r-reliġjużi li flimkien qed joħolmu u jaħdmu b’mod konkret f’inizjattivi ġodda li jwelldu t-tama.

Meta qrajt dan l-artiklu, fil-bidu bħal inħsadt bit-titlu għax għalkemm parzjalment fih ħafna verità, niddejjaq meta xi ħadd jgħaddi statements ġenerali hekk fuq kollox u kulħadd u jiġi midfun il-ħafna tajjeb li jeżisti u jkun qed jsir fis-skiet u b’fedeltà. Min-naħa l-oħra, naf li jien ukoll ġieli/ħafna drabi, ħassejt fija dawn il-‘fwawar’. Iktar dieqa fil-ġewwieni tiegħi, iktar minn ħaġa oħra, meta nara xenarju inġenerali kemm fostna bħala ħajja reliġjuża lokali, bħala Ordni u bħala Knisja. Iva sar hemm ħafna management, ħafna laqgħat u x’ma nafx jien imma dan qatt ma naf li jqabbad il-ġamar tal-ispirtu!

Qed nikteb din ir-riflessjoni mhux biex nagħmel xi analizi dettaljata għal dan kollu għax żgur li l-fatturi huma diversi. Hemm konsiderazzjonijiet umani u oħrajn fina stess u bħala tessut ġenerali li xi kultant huma ikbar minna!

Qed nikteb għax jien – għalkemm m’iniex meħlus mill-biżgħat li semma Enzo Bianchi u fatturi oħra – xorta għandi iktar tama fija.

Hi t-tama fil-Mulej li warajh aħna mexjin. Dak li kuljum nħossu jgħidli b’mod ġdid “Imxi warajja”!

Din ta’ żmienna, bħal ħafna affarijiet oħra, forsi nistgħu nsejħulha krizi paskwali? Jien inħoss li iva.

Naturalment xejn ma jaqa’ waħdu fil-ħajja.

Din tiegħi mhix xi idealiżmu fieragħ. Irridu nibqgħu ‘naħdmu’ biex dak li hu ta’ valur u essenzjali fostna nżommuh ħaj. Fost dawn il-koerenza, perseveranza fil-voti li rridu ngħixu fil-qalb l-ewwelnett u ċerta oġġettività tal-ħajja ta’ flimkien (din inħossha ħafna jien) li tkun ħielsa minn ħafna suġġetiviżmu (ie kulħadd kif jifhem l-affarijiet hu) u ħielsa wkoll minn ħafna personaliżmi.

Dawn tal-aħħar qatt m’għamlu ġid fil-ħajja. Imkien u qatt! Biex ma ngħidx li din it-tip ta’ mġieba – anke jekk minnha jkun qed jsir ‘xoghol tajjeb’ – ġieli jkollha xamma ta’ theatrical performance (għax ma nafx nfissirha eżatt bil-Malti) li hi għajb għall-Vanġelu li suppost ngħixu.

Hi din it-tip ta’ ħajja reliġjuża li nemmen fiha u li noħlom fiha tant f’qalbi: li tkun radikata fil-Knisja lokali u prezenti wkoll fit-tessut ekkleżjali u soċjali.

F’dan is-sens ma jimpurtax jekk il-ħajja reliġjuża tkun biss fergħa żgħira imma, jekk tkun fergħa qaddisa, taf tkun fergħa b’saħħitha. Fergħa li tagħmel ħafna frott.

Qalilna din il-verità l-Imgħallem tagħna, dak li qalilna wkoll, “Ħieni hu min ma jitħawwadx minħabba fija”!

Għalija dan biss hu biżżejjed biex nibqa’ seren fija b’ħarsti biss fuqU.

rayfrancalanza@outlook.com