Stampa t-test kollu ...


31 ta’ Mejju

IŻ-ŻJARA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 

Festa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Ngħajjtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Ngħajjtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Ngħajjtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Ngħajjtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Ngħajjtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Ngħajjtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Ngħajjtu bil-ferħ lill-Mulej, fiċ-ċelebrazzjoni taż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ejja, Sidt glorjuża tagħna,

o Marija, ejja żurna,

int li mlejt id-dar għażiża

ta’ qaribtek b’ferħ is-sema.

 

Ejja, ħajja w tama tagħna,

biex tnaddafna minn ħtijietna;

żur lill-poplu u biegħed minnu

kull tiġrib ta’ biża’ w ħsara.

 

Ejja, kewkba tal-baħħara,

ixħet fuqna raġġ ta’ paċi,

biex turina t-triq u żżommna

miexja fiha sħaħ bla tebgħa.

 

Ejja żurna, Omm l-imħabba,

qawwi l-ħila dgħajfa tagħna;

tħalliniex mingħajr għajnuna

f’dan il-mewġ qalil tal-ħajja.

 

Ejja, Verġni, bint is-slaten,

reġġa’ lura n-nagħaġ mitlufa,

għinhom jerġgħu jsibu l-għaqda

f’merħla waħda taħt ragħaj wieħed.

 

Ejja fostna, o Marija,

Omm il-Knisja, ħalli miegħek

nagħtu dejjem ġieħ lill-Iben,

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Marija kellha barka mingħand il-Mulej; u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.

 

Salm 23 (24)

 

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.

 

Min jista' jitla' fuq l-għolja tal-Mulej, *

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja, †

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *

u anqas ma jaħlef bil-qerq.

 

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, *

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta' dawk li jfittxuh; *

li jfittxu 'l wiċċek, Alla ta' Ġakobb.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej setgħan u qawwi,

 il-Mulej qawwi fit-taqbida.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej ta' l-eżerċti:

 dan hu s-Sultan tal-glorja!

 Glorja.

 

Ant. 1: Marija kellha barka mingħand il-Mulej; u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.

Ant. 2: Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.

 

Salm 45 (46)

 

Kenn u qawwa hu Alla għalina, *

għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.

Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed, *

jew jiġġarrfu l-muntanji f'nofs ta' baħar;

anqas jekk jgħajjtu u jogħlew ilmijietu, *

jew jitheżhżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu.

 

Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, *

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

 

Hemm xmara li s-swieqi tagħha

iferrħu l-belt ta' Alla, *

 l-għamara qaddisa ta' l-Għoli.

Hemm Alla f'nofsha, ma titħarrikx; *

jgħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ.

Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet, *

iddewwbet l-art, malli samma' leħnu.

 

Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, *

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

 

Ejjew, araw x'għamel il-Mulej, *

għemejjel ta' l-għaġeb fuq l-art.

Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; †

l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, *

jaħraq it-tarki bin-nar, u jgħid:

"Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla; *

għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art!"

 

Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, *

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

 Glorja.

 

Ant. 2: Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.

Ant. 3: Kulħadd jgħid ħwejjeġ sbieħ fuqek, Verġni Marija.

 

Salm 86 (87)

 

Il-Mulej bena 'l Sijon *

fuq l-għoljiet imqaddsa;

hu jħobb il-bibien tagħha *

aktar mill-għamajjar kollha ta' Ġakobb.

 

O belt ta' Alla, *

ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:

"Ngħodd 'il Raħab u 'l Babel *

ma' dawk li jagħrfuni.

Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *

dawn twieldu hemm!"

 

U għal Sijon jingħad: *

"Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!

U Alla l-Għoli nnifsu *

iwettaqha f'postha."

 

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *

"Dan twieled hemm!"

U jgħannu, huma u jiżfnu, *

dawk kollha li jgħammru fik.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kulħadd jgħid ħwejjeġ sbieħ fuqek, Verġni Marija.

 

V/. Hieni min jisma’ l-kelma ta’ Alla.

R/. Hieni min iħarisha.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Għanja ta’ l-Għanjiet Għan 2:8-14; 8:6-7

 

Il-miġja tal-maħbub

 

Leħen il-Maħbub tiegħi

arah, hu ġej,

jaqbeż fuq il-muntanji,

jitqabeż fuq l-għoljiet.

Il-Maħbub tiegħi qisu xi għażżiela,

jew ferħ iċ-ċriev.

Hemm huwa,

wieqaf wara l-ħajt tagħna,

iħares minn ġot-tieqa,

u jgħarrex wara l-gradi tal-ħadid.

 Qabad jitkellem hu, il-Maħbub tiegħi,

u qiegħed jgħidli:

”Maħbuba tiegħi, qum,

ejja, sabiħa tiegħi!

Għax, ara, għaddiet ix-xitwa,

spiċċat ix-xita, marret.

Fuq l-art ġa deher il-ward,

iż-żmien ta’ l-għana wasal,

fuq artna nstema’ leħen il-gamiem.

Diġà beda mit-tin ħiereġ il-frott,

u n-nwar tad-dwieli

jxerred riħa ħelwa.

Maħbuba tiegħi, qum, ejja,

ġmiel tiegħi!

Ħamiema tiegħi ġewwa x-xquq tal-blat,

moħbija ġo xi rdum,

urini wiċċek,

semmagħli leħnek,

għax leħnek ħlejju,

u sbejjaħ wiċċek! ”

 Qegħidni bħal siġill fuq il-qalb tiegħek,

siġill fuq id-driegħ tiegħek.

Għaliex bħall-mewt l-imħabba hi qawwija,

daqs art l-imwiet l-għira hija kiefra. 

Ix-xrariet tagħha huma xrar tan-nar,

nar tal-Mulej.

Ilmijiet kbar m’huma se jaslu qatt

biex jitfu lill-imħabba,

anqas ix-xmajjar ma jġorruha magħhom.

Il-bniedem li jrid jagħti l-ġid kollu ta’ daru

biex jixtri l-imħabba,

tmaqdir isib.

 

RESPONSORJU

 

R/. Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu, u nfexxet f’għajta kbira u qalet: Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! * U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?

V/. Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fil-ġuf. * U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?

  

LEZZJONI II

 

Qari mill-Omiliji ta’ San Beda l-Venerabbli, saċerdot

 

Marija tfaħħar lill-Mulej għal li għamel magħha

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi. B’dawn il-kelmiet, Marija stqarret l-ewwelnett id-doni speċjali mogħtija lilha, u mbagħad semmiet il-grazzji ġenerali li Alla sa mill-bidu qatt ma jonqos li jagħti lill-bnedmin.

Tfaħħar il-kobor tal-Mulej ir-ruħ ta’ dak li jingħat kollu kemm hu biex ifaħħar u jaqdi lil Alla lil Alla bis-sentimenti kollha tiegħu, u jħares il-kmandamenti tiegħu ħalli juri li qiegħed dejjem iżomm fi ħsiebu s-setgħa u l-kobor tiegħu.

Jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħu l-ispirtu ta’ dak li l-għaxqa waħdanija tiegħu hi t-tifkira ta’ min ħalqu, li minnu jittama s-salvazzjoni ta’ dejjem.

Mela dawn il-kelmiet joqogħdu tajjeb fuq ix-xufftejn tal-perfetti kollha; imma kien jixraq l-iżjed li tgħidhom l-Omm qaddisa ta’ Alla, li, bi privileġġ speċjali, l-ispirtu tagħha kien imħeġġeġ bl-imħabba lejn dak li ferraħha bit-tnissil tiegħu minnha bħala bniedem.

Kellha raġun Marija tifraħ wisq iżjed mill-qaddisin l-oħra b’Ġesù, is-Salvatur tagħha, għax hi mhux biss għarfitu bħala l-għajn eterna tas-salvazzjoni imma wkoll kienet taf li hu stess se jitwieled minnha bħala bniedem, b’mod li l-istess persuna tkun tassew Binha u Sidha.

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Stqarret li l-kobor kollu tagħha ma kien xejn mertu tagħha, imma don ta’ dak li hu setgħani u kbir fih innifsu, u jkabbar u jqawwi lill-fidili ċkejknin u dgħajfin tiegħu.

Għamlet tajjeb li żiedet tgħid: Qaddis hu l-isem tiegħu. B’hekk wissiet lil dawk kollha li jisimgħu dawn il-kelmiet, anzi wriethom kif għandhom minnufih jemmnu f’isem il-Mulej u jsejjħulu, biex huma wkoll jistgħu jkollhom sehem mill-qdusija ta’ dejjem u mis-salvazzjoni vera, skond il-kliem tal-profeta: U jiġri li kull min isejjaħ isem il-Mulej ikun salv. Għax dan hu l-isem li Marija fehmet meta aktar ‘il fuq qalet: U l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.

Minn hawn ġejja d-drawwa tassew sabiħa u ta’ fejda fil-Knisja mqaddsa, li l-fidili kollha, fl-Uffiċċju ta’ l-għasar, itennu kuljum il-kantiku ta’ Marija, ħalli b’hekk it-tifkira ta’ l-inkarnazzjoni tal-Mulej iħeġġeġ sikwit lill-insara bl-imħabba, u l-eżempji ta’ Omm Alla jsaħħuhom u jwettquhom dejjem iżjed fil-virtù. U hi ħaġa f’waqtha li dan isir fl-għasar, biex wara t-taħbit tal-ġurnata u t-tixrid fuq il-ħafna ħsibijiet, ir-ruħ tagħna, meta jasal ħin il-mistrieħ, tinġabar fiha nfisha f’Għaqda waħda ma’ dak li jkollha fi ħsiebha.

 

RESPONSORJU ara Lq 1:45-46; Salm 65(66):16

 

R/. Hienja int, Marija, għax emmint li għad iseħħ dak kollu li l-Mulej bagħat jgħidlek. U qalet Marija: * Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.

V/. Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom x’għamel Alla miegħi. * Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta l-Verġni Mqaddsa Marija saret Omm Ibnek, qabel ma tatu lid-dinja int nebbaħtha biex tmur iżżur lil Eliżabetta; agħmel li aħna wkoll inġibu ruħna skond ma jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu biex inkunu nistgħu, flimkien ma’ Marija, infaħħru dejjem il-kobor tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Omm qaddisa, ejja , w miegħek

ġib id-don li tak l-Ispirtu,

biex tferraħna b’din iż-żjara,

kif ferraħt f’ġuf ommu ‘l Ġwanni.

 

Ejja, Verġni, bit-tarbija,

biex id-dinja tara w temmen,

u jseħħilha dejjem tfaħħrek

kif jistħoqqlok, bħal Omm Alla.

 

Sellem issa wkoll lill-Knisja,

biex, kif tisma’ l-ħoss ta’ leħnek,

tqum malajr bil-ferħ tal-miġja

tal-Mulej, li hi tistenna.

 

Itfa’ ħarstek, o Marija,

fuq il-popli wlied il-fidi;

lejk iduru b’ħerqa kbira,

jistennew l-għajnuna tiegħek.

 

Serħ u tama ħelwa tagħna,

port mixtieq ta’ salvazzjoni,

tul il-vjaġġ kun int il-kewkba

li twassalna fl-art imwiegħda.

 

Miegħek, Verġni, ruħna tfaħħar

kobor Alla tifraħ f’Sidna,

għaliex hu l-Mulej li kabbrek

hu l-Qaddis, għal dejjem ismu! Ammen

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija.

Ant. 2: Malli Eliżabetta semgħet lil Marija sselmilha, it-tarbija tagħha qabżet fil-ġuf u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Malli Eliżabetta semgħet lil Marija sselmilha, it-tarbija tagħha qabżet fil-ġuf u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu.

Ant. 3: Hienja int, Marija, għax int emmint li jseħħ kull ma bagħat jgħidlek il-Mulej.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Ant. 3: Hienja int, Marija, għax int emmint li jseħħ kull ma bagħat jgħidlek il-Mulej.

 

LEZZJONI QASIRA Ġoel 2:27-3:1a

 

Tagħrfu li jien ninsab f’nofs Iżrael, u li jiena l-Mulej, Alla tagħkom, u ma hemmx ħliefi. Il-poplu tiegħi qatt iżjed ma jkollu għax jistħi. Wara dan, jiġri li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha; uliedkom iħabbru, subjien u bniet.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Għażilha l-Mulej, * U ħatarha fost kulħadd. Għażilha.

V/. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * U ħatarha fost kulħadd. Glorja. Għażilha.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, infexxet f’għajta kbira u qalet: Minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, infexxet f’għajta kbira u qalet: Minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna għoġbu jitwieled minn Marija Verġni. Infaħħruh u nitolbuh:

Tidħol għalina quddiemek, Ommok, Mulej.

Xemx tal-ġustizzja, qablek feġġet ix-Xebba bla tebgħa bħad-dawl taż-żerniq:

- agħmel li ngħixu dejjem fid-dawl taż-żjara tiegħek.

Verb etern, int għażilt lil Marija biex tgħammar fiha bħal f’arka li ma titħassarx:

- eħlisna mit-taħsir tad-dnub.

Salvatur tagħna, int kellek lil Ommok wieqfa ħdejk taħt is-salib:

- bit-talb tagħha agħtina li nissieħbu ferħana fi tbatijietek.

Ġesù l-aktar twajjeb, minn fuq is-salib int tajt lil Marija b’omm Ġwanni:

- agħmel li bil-ħajja tagħna ningħarfu b’uliedha.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta l-Verġni Mqaddsa Marija saret Omm Ibnek, qabel ma tatu lid-dinja int nebbaħtha biex tmur iżżur lil Eliżabetta; agħmel li aħna wkoll inġibu ruħna skond ma jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu biex inkunu nistgħu, flimkien ma’ Marija, infaħħru dejjem il-kobor tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Salmodija tal-Ħamis tar-IV gimgha

 

Ant.1 Il-Mulej jgħid: Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi.

 

Salm 118 (119):153-160

 

XX (Res)

 

Ħares lejn in-niket tiegħi, u eħlisni, *

għax jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

Iddefendi l-kawża tiegħi, u ifdini; *

agħtini l-ħajja skond il-wegħda tiegħek.

 

'Il bogħod mill-ħżiena s-salvazzjoni, *

għax ma jfittxux il-kmandamenti tiegħek.

Kbira l-ħniena tiegħek, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond id-digrieti tiegħek.

 

Ħafna li jagħmlu għalija u jħabbtuni; *

imma jien ma nitbigħedx mill-preċetti tiegħek.

Nara 'l dawk li ħallewk u nistkerrahhom, *

għax ma jħarsux il-kelma tiegħek.

 

Ara, kif inħobb il-preċetti tiegħek, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond it-tjieba tiegħek.

Is-sewwa tiegħek il-qofol ta' kelmtek; *

għal dejjem id-digrieti tal-ġustizzja tiegħek.

Glorja.

 

Ant.1 Il-Mulej jgħid: Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi.

Ant.2 Ibierkek il-Mulej, u jalla tara s-sliem tul ħajtek kollha.

 

Salm 127 (128)

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej, *

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol; *

hieni int, u riżqek tajjeb!

Martek tkun bħal dielja għammiela *

fl-irkejjen ta' darek;

wliedek bħal xitel taż-żebbuġ *

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek! *

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

 

Ant.2 Ibierkek il-Mulej, u jalla tara s-sliem tul ħajtek kollha.

Ant.3 Il-Mulej Alla nnifsu jitqabad għalik ma’ l-għedewwa tiegħek.

 

Salm 128 (129)

 

Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti *

- ħa jgħid hekk Iżrael –

ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, *

imma ma rnexxilhomx jegħlbuni.

Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, *

raddiet twal bis-swat għamluli.

Imma ġust hu l-Mulej, *

u qatta' minn fuqi l-irbit tal-ħżiena.

 

Ħa jinfixlu u jmorru lura *

dawk kollha li jobogħdu 'l Sijon.

Ikunu bħall-ħaxix tal-bjut, *

li jinxef qabel ma jikber,

li bih il-ħassâd ma jimliex idu, *

anqas ħadd jorbtu f’qatet quddiemu.

U ma jgħidux dawk li jkunu għaddejja: †

"Il-Barka ta' Alla fuqkom! *

Inberkukom f'isem il-Mulej!"

 Glorja.

 

Ant.3 Il-Mulej Alla nnifsu jitqabad għalik ma’ l-għedewwa tiegħek.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Ġudit 13:18-19

 

Imbierka int, binti, minn Alla l-Għoli, imbierka fost in-nisa kollha tad-dinja; u mbierek il-Mulej Alla, li għamel is-smewwiet u l-art, li wasslek biex qtajt ras il-kap ta’ l-għedewwa tagħna. It-tama li kellek ma tgħib qatt minn qalb il-bnedmin, huma u jiftakru fil-qawwa ta’ Alla.

 

V/. Hieni min jisma’ l-kelma ta’ Alla.

R/. Hieni min iħarisha.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Tob 12:6b

 

Bierku lil Alla tas-sema, u roddulu ħajr quddiem il-ħlejjaq kollha, għax wera magħkom il-ħniena tiegħu.

 

V/. Hieni l-ġuf tal-Verġni Marija.

R/. Li ġiebet fid-dinja ‘l Bin il-Missier etern.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 7:27-28

 

Għalkemm waħdu, l-għerf jista’ kollox; għalkemm jibqa’ fih innifsu, hu jġedded kollox. Minn nisel għal ieħor jinxtered fl-erwieħ qaddisa, u minnhom jagħmel ħbieb ta’ Alla u profeti. Alla ‘l ħadd ma jħobb ħlief lil dawk li jgħixu ħajja ta’ għerf.

 

V/. Imbierka inti fost in-nisa.

R/. U mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.

  

Talba

 

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta l-Verġni Mqaddsa Marija saret Omm Ibnek, qabel ma tatu lid-dinja int nebbaħtha biex tmur iżżur lil Eliżabetta; agħmel li aħna wkoll inġibu ruħna skond ma jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu biex inkunu nistgħu, flimkien ma’ Marija, infaħħru dejjem il-kobor tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mort b’pass ħafif lejn l-għoljiet ta’ Ġuda,

Xebba li Alla nnifsu għamlek ommu,

biex kollok ħerqa tagħti lil qaribtek

 sinjal ta’ mħabbtek.

 

Int sellimtilha; malli semgħet leħnek,

qabeż bil-ferħ il-Prekursur ġo fiha,

u b’għajta kbira sellmet fik ‘l Omm Sidha,

 imbierka w hienja.

 

Ħabbart, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu,

li l-ġnus f’kull żmien għad isejjħulek hienja;

‘l Alla faħħart, għall-ħwejjeġ kbar ta’ l-għaġeb

 li għamel miegħek.

 

U tabilħaqq, Omm ħelwa, l-popli kollha

ma naqsu qatt juruk imħabba w għożża,

għax jemmnu sħiħ li bik jaqilgħu dejjem

 il-grazzji t’Alla.

 

Omm twajba, li ġġibilna ‘l Kristu miegħek,

ġibilna wkoll għajnuna w doni mqaddsa,

biex miegħek tfaħħar ruħna l-kobor t’Alla.

 Salvatur tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Marija daħlet għand Żakkarija, u sellmet lil Eliżabetta.

 

Salm 121 (122)

 

Fraħt meta qaluli: *

"Sejrin f'dar il-Mulej!"

Diġà qegħdin riġlejna *

fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu, *

it-tribù tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta' Iżrael, *

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *

it-tronijiet tad-dar ta' David.

 

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *

"Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *

u l-ġid fil-palazzi tiegħek!" 

Minħabba ħuti u ħbiebi, *

ħallini ngħidlek: "Is-sliem għalik?"

Minħabba f'dar il-Mulej, Alla tagħna, *

nixtieq illi jkollok il-ġid.

 Glorja.

 

Ant. 1: Marija daħlet għand Żakkarija, u sellmet lil Eliżabetta.

Ant. 2: Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.

 

Salm 126 (127)

 

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *

għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *

għalxejn jishar l-għassies.

 

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †

 jew li ddumu ma tistrieħu

u li tieklu ħobż it-tbatija; *

 għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

 

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *

ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.

Bħal vleġeġ f'id il-ġellied, *

hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *

 Ma jinfixilx meta jiltaqa'

ma' l-għedewwa f'bieb il-belt.

 Glorja.

 

Ant. 2: Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.

Ant. 3: Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.

 

Kantiku (Ef 1:3-10)

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

 

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

 quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu; *

skond ma għoġob lir-rieda tiegħu, *

 

 għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

 li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

 

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

 jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja lill-Missier.......

 

Ant. 3: Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:5b-7

 

 Tħażżmu, ilkoll kemm intom, bl-umiltà lejn xulxin, għax Alla jiqfilhom lill-kburin, imma jagħti l-grazzja tiegħu lill-umli. Kunu mela umli taħt l-id setgħana ta’ Alla, biex hu jerfagħkom meta jasal il-waqt. Ixħtu fuqu l-ħsibijiet tagħkom kollha, għax hu jaħseb fikom.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; * Il-Mulej miegħek. Sliem.

V/. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Il-Mulej miegħek. Glorja. Sliem.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 Kull nisel isejjaħli hienja, għax Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tiegħi, qaddejja tiegħu.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

 

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 Kull nisel isejjaħli hienja, għax Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tiegħi, qaddejja tiegħu.

 

PREĊI

 

Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu. Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.

O Alla, li tagħmel l-għeġubijiet, int tellajt fis-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa Marija, u seħibtha ma’ Kristu fil-glorja:

- ibqa’ mexxi l-qlub ta’ wliedek sa ma jaslu fl-istess sebħ.

Int, li tajtna lil Marija bħala ommna, bit-talb tagħha fejjaq il-morda, farraġ l-imnikktin, aħfer lill-midinbin:

- agħti lil kulħadd is-salvazzjoni u s-sliem.

Int sawwabt fuq Marija l-milja tal-grazzja:

- ferraħ lilna wkoll bil-kotra tal-grazzji tiegħek.

Żomm il-Knisja tiegħek magħquda qalb waħda u ruħ waħda fl-imħabba:

- agħmel li l-fidili tiegħek jibqgħu ħaġa waħda bejniethom fit-talb flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù.

Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ sultana tas-sema:

- agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fl-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta l-Verġni Mqaddsa Marija saret Omm Ibnek, qabel ma tatu lid-dinja int nebbaħtha biex tmur iżżur lil Eliżabetta; agħmel li aħna wkoll inġibu ruħna skond ma jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu biex inkunu nistgħu, flimkien ma’ Marija, infaħħru dejjem il-kobor tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĦAMIS

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 15 (16)

 

Il-Mulej is-sehem ta’ wirti

 

Alla qajjem lil Ġesù billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2:24)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi, *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq: *

messni sehem tassew għal qalbi.

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:23

 

Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa, fl-ispirtu, fir ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej Alla tagħna, agħtina l-heda u l-mistrieħ wara t-taħbit u l-għeja ta’ llum, biex bl-għajnuna tiegħek niksbu saħħa ġdida, ħalli ningħataw b’ruħna u ġisimna għall-qadi tiegħek. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.