Stampa t-test kollu ...


IS-SIBT

TAT-XII-IL ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tas-Sibt tar-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

O dawl ta’ dejjem, dija ta’ Missierek,

int Xemx li qatt ma tgħib għal min iħobbok;

inroddu lil tjubitek ħajr għax ħlistha

mid-dlam tal-mewt u l-ħtija.

 

Fi sbiħek, Xemx ħanina, r-ruħ tistaħja,

għas-sejħa tiegħek tqum ħawtiela w tħabrek,

twarrab l-imgħoddi msejken tagħha w tħaffef

fit-triq imdawwla b’dawlek.

 

Bik ksibna r-rebħa fuq il-mewt u s-saltna

tad-dlamijiet li għal żmien twil ħakmuna;

u bil-għajnuna tiegħek nibqgħu miexja

f’ħelsien id-dawl ta’ dejjem.

 

Gieħ lill-Missier, u lilek, Kristu Ibnu,

u lill-Ispirtu s-Santu Faraġ tagħna;

it-tlieta Alla wieħed għajn ħanina

ta’ paċi w dawl u ħajja. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Alla, setgħa, mingħajr bidu,

Alla, għerf, minn Alla mnissel,

Alla, mħabba, li ġej minnhom,

fittex għinna w ieqaf magħna.

 

Int, ix-xewqa kollha tagħna,

kun il-hena u l-ferħ ta’ qalbna:

ħa tkun fuqna l-ħniena tiegħek,

kif fik hija t-tama tagħna.

 

O Missier u Sid il-ħlejjaq,

flimkien m’Ibnek, frott il-Verġni,

tina b’don l-Ispirtu s-Santu,

ħa jmexxina f’kull ma nagħmlu.

 

Trinità Qaddisa, ftakar

fl-opra kbira ta’ tjubitek:

int mix-xejn sawwart il-bniedem

u bid-demm għażiż salvajtu.

 

Alla wieħed tah il-ħajja,

Kristu ħabbu w tah il-fidwa;

ħa s-salib għalih għax ħabbu,

w issa jħobbu għaliex għażlu.

 

Lilek, Alla, tliet Persuni,

hena w qawwa, sliem u ħakma,

ġieħ u setgħa fl-art u s-sema,

ferħ, tifħir, imħabba w qima. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej sejjaħ is-smewwiet u l-art biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu.

 

Salm 49 (50)

 

I

 

Tkellem il-Mulej, Alla fuq l-allat, *

u sejjaħ l-art.

Minn fejn titla' x-xemx sa fejn tinżel, *

minn Sijon, il-ġmiel tagħha, Alla wera d-dija tiegħu.

Ġej Alla tagħna, ma jibqax sieket; *

quddiemu nar li jeqred, madwaru tempesta qalila.

 

Hu jsejjaħ is-smewwiet mill-għoli, *

u l-art, biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu:

"Iġimgħu 'l ħbiebi quddiemi, *

li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju."

U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu, *

għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej sejjaħ is-smewwiet u l-art biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu.

Ant. 2: Sejjaħli f’jum id-dwejjaq, u jien neħilsek.

 

II

 

"Isma', poplu tiegħi, għax se nitkellem, †

Iżrael, għax se nixhed kontrik. *

Jien Alla, Alla tiegħek.

Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek; *

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.

Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek, *

jew gidjien mill-imrieħel tiegħek.

 

Għax tiegħi huma l-bhejjem tax-xagħri, *

eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.

Jien nagħraf it-tjur kollha ta' l-ajru, *

taħt għajnejja kull ma jimxi fir-raba'. 

Li kont bil-ġuħ, m'hux se ngħid lilek, *

għax tiegħi l-art u kull ma fiha.

Huwa jien se niekol laħam il-gniedes, *

jew nixrob id-demm tal-gidjien?

Agħti 'l Alla sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.

Imbagħad sejjaħli f'jum id-dwejjaq; *

jien neħilsek, u int tweġġaħni."

 Glorja.

 

Ant. 2: Sejjaħli f’jum id-dwejjaq, u jien neħilsek.

Ant. 3: Is-sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr isebbaħni.

 

III

 

Lill-ħażin, imma, Alla jgħidlu: †

"Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi, *

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib, *

u tixħet kliemi wara dahrek?

 

Jekk tiltaqa' ma' ħalliel, tissieħeb miegħu; *

u sehmek taqsam maż-żienja.

Fommok ftaħt għall-ħażen, *

u lsienek il-qerq jinseġ.

 

Kontra ħuk toqgħod tpaċpaċ, *

kontra bin ommok tqassas.

Dan int għamilt, u jien bqajt sieket; *

forsi ħsibt li jiena bħalek.

Issa se nċanfrek, *

u dan kollu nqiegħed quddiemek.

 

Ifhmuha sewwa, intom li tinsew 'l Alla, *

li ma naħtafkomx, u ħadd ma jeħliskom.

Min iroddli sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

dan isebbaħni;

lil min jimxi bis-sewwa *

nurih is-salvazzjoni ta' Alla."

Glorja.

 

Ant. 3: Is-sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr isebbaħni.

V/. Ma nehdewx nitolbu għalikom.

R/. Biex tagħrfu sewwa r-rieda ta’ Alla.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel 1 Sam 26: 5-25

 

David juri l-kobor ta’ qalbu ma’ Sawl

 

F’dawk il-jiem: Qam David u ġie fejn kien waqqaf il-kamp Sawl, u ra wkoll David fejn kienu jorqdu Sawl u Abner bin Ner, il-kap ta' l-eżerċtu tiegħu. Sawl kien jorqod fin-nofs u n-nies tiegħu madwaru. U David qabad u qal lil Aħimelek, il-Ħitti u 'l Abisaj bin Sarwija, ħu Ġowab, u qallu: “Min se jinżel miegħi ħdejn Sawl fil-kamp?” U Abisaj wieġeb u qal: “Ninżel miegħek jien.” U ġie David u Abisaj ħdejn l-eżerċtu billejl, u Sawl kien mimdud u rieqed fin-nofs u l-lanza tiegħu kienet imwaħħla fl-art ħdejn rasu, u Abner u n-nies tiegħu mimduda madwaru.

 U Abisaj qal lil David: “Illum il-Mulej reħa l-għadu tiegħek f'idejk: ħa nsammru ma' l-art b'daqqa waħda bil-lanza tiegħu stess, bla ma nagħtih oħra.” Imma David wieġeb lil Abisaj: “La toqtlux, għax min qatt medd idu fuq il-midluk tal-Mulej, u ħelisha?” U ssokta jgħid: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, il-Mulej biss jilħqu, jew jasal il-jum tiegħu u jmut, jew jinżel għall-gwerra u jinqered. Iħarisni l-Mulej milli mmidd idi fuq il-midluk tal-Mulej! U issa aqbad il-lanza u l-ġarra ta' l-ilma minn ħdejn rasu, u ejja mmorru.” U David ħa l-lanza u l-ġarra ta' l-ilma minn ħdejn ras Sawl u telqu, bla ma ħadd rahom jew intebaħ, u bla ma ħadd stenbaħ, għax kollha kienu reqdin, u ngħas tqil waqa' fuqhom mingħand il-Mulej.

 David imbagħad qasam għan-naħa l-oħra u qagħad fuq il-quċċata ta' l-għolja fil-bogħod, b'wisa' kbir bejniethom. U David beda jgħajjat lill-poplu, u lil Abner bin Ner, u jgħidilhom: “Ma tweġibx Abner?” U Abner wieġeb u qal: “Min int biex tgħajjat lis-sultan?” U David qal lil Abner: “Intix raġel int? Min hu bħalek f'Iżrael? Għaliex mela ma ħaristx ‘il sidek, is-sultan? Ma tafx li ġie wieħed min-nies biex joqtol is-sultan sidek? M'hux sewwa dan li għamilt. Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ħaqqek il-mewt, int li ma għassistx sewwa lil sidek, il-midluk tal-Mulej. U issa, ara fejn huma l-lanza tas-sultan u l-ġarra ta' l-ilma, li kienu ħdejn ras is-sultan?” U Sawl għaraf leħen David u qal: “Dan m'hux leħen ibni David?” U David wieġeb: “Leħni, ja sidi s-sultan.” U ssokta jgħid: “X'inhu dan li sidi qiegħed jiġri wara l-qaddej tiegħu? Għax x'għamilt jien u x'deni nista' nagħmel? Ħa jisma' s-sultan sidi, kliem il-qaddej tiegħu. Jekk il-Mulej qiegħed ixewwxek kontra tiegħi, ħa jogħġbu s-sagrifiċċju, imma jekk huma l-bnedmin, misħuta huma quddiem il-Mulej, għax huma llum keċċewni u qatgħuni minn wiċċ il-Mulej u qaluli: 'Mur aqdi allat barranin.' U issa tħallix li demmi jixtered fl-art, 'il bogħod minn wiċċ il-Mulej, għax is-sultan ħareġ ifittex bergħud bħalma jduru għal ħaġla qalb il-muntanji.”

U Sawl qal: “Ħtija tiegħi! Ejja lura, ibni David, m'iniex se nagħmillek iżjed deni, għax int illum għożżejt lil ħajti. Ara, tbellaħt u żbaljajt bil-bosta.” U David wieġeb: “Hawn hi l-lanza tas-sultan, ħa jiġi 'l hawn wieħed mill-qaddejja u jeħodha. Il-Mulej irodd lil kull wieħed skond il-ġustizzja tiegħu u l-lealtà tiegħu. Il-Mulej telqek f'idejja llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej. Ara! bħalma llum jien għożżejt lil ħajtek, hekk il-Mulej jgħożż lil ħajti u jeħlisni minn kull għawġ.” U Sawl wieġeb lil David: “Mbierek int, ibni David, int għad tirnexxi f'kull ma tagħmel, u jkollok setgħa kbira.” U David telaq għal triqtu u Sawl reġa’ lura lejn postu.jaraw

 

RESPONSORJU Salm 53(54):5ab. 3. 8a. 4a

 

R/. Nies barranin qamu kontrija, nies kefrin jonsbuli ħajti. B’Ismek, o Alla, salvani. * Agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.

V/. Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju: agħti widen għal kliem fommi. * Agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ San Girgor, isqof ta’ Nissa.

 

Alla jinsab f’qalb il-bniedem

 

Is-saħħa tal-ġisem, f’din id-dinja, hi ġid li ma bħalu; iżda wieħed ikun ħieni mhux meta jkun jaf x’inhi s-saħħa imma meta jkun qed igawdiha. Jekk wieħed ma jagħmilx ħlief ifaħħar is-saħħa, u mbagħad jiekol ikel li jgħabbilu l-istonku u jmarrdu , kemm idum marid x’ikun jiswielu t-tifħir kollu li bih faħħar is-saħħa? L-istess tifsir jiswielu t-tifħir kollu li bih faħħar is-saħħa? L-istess tifsir għandna nagħtu lill-kliem tal-Mulej li jsejjaħ henjin lil dawk li huma safja f’qalbhom għax jaraw lil Alla.

Il-Mulej ma jsejjaħx henjin li dawk li jafu xi ħaġa fuq Alla, imma lil dawk li għandhom lil Alla fihom: Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, jgħid, għax huma jaraw lil Alla.

Ma jidhirlix li b’dan il-kliem il-Mulej qiwegħed jagħti x’jifhem li min għandu għajnu safja sa jara lil Alla wiċċ imb’wiċċ, imma forsi b’dan il-kliem hekk sabiħ u hekk għoli qiegħed jgħidilna dak li darba qal b’mod aktar ċar lil xi wħud: Is-Saltna ta’ Alla fotkom qiegħda; biex jgħidilna li min naddaf qalbu minn kull rabta tal-ħlejjaq u minn kull imħabba mhux sewwa, fil-ġmiel tiegħu nnifsu jara x-xbieha tan-natura ta’ Alla.

Jidhirli li b’dawn l-erba’ kelmiet tiegħu l-verb ta’ Alla jrid jagħtina xi parir bħal dan: Intom, bnedmin, li għandkom ix-xewqa li tikkontemplaw dak li hu tassew tajjeb, u tisimgħu li Alla fil-kobor tiegħu hu ‘l fuq fl-għoli tas-smewwiet, u li ħadd ma jista’ jfisser is-sebħ tiegħu u ħadd ma jista’ jifhem il-ġmiel tiegħu, u ħadd ma jista’ jara u jagħraf in-natura tiegħu, intom, bnedmin, tiddisprawx, taqtgħux qalbkom, jekk ma tistgħux taraw dak li tixtiequ.

Jekk intom b’ħajja rżina u bl-għaqal kollu tnaddfu qalbkom mit-tinġis kollu li nġabar fiha u weħel magħha, fikom jiddi l-ġmiel kollu ta’ Alla. Kif jiġri fil-ħadid: wara l-ħaffiefa tneħħilu s-sadid, il-ħadid li qabel kien iswed u mdallam jibda jiddi u jleqq fix-xemx: hekk il-ġewwieni tal-bniedem, jiġifieri l-qalb, għax hekk isejjħilha l-Mulej fl-Iskrittura. Meta l-bniedem inaddaf qalbu mill-ħmieġ li saddad fiha minħabba l-qagħda ħażina tiegħu, jerġa’ jikseb ix-xbieha ta’ Dak li ħalqu, u jerġa’ jsir tajjeb, għaliex min jixbah lil min hu tajjeb, hu wkoll tajjeb.

Min iħares fih innifsu jara fih innifsu dak li jixtieq ikun: għalhekk min hu safi f’qalbu għandu jkun hieni, għaliex meta jara s-safa ta’ qalbu, jara fiha x-xbieha ta’ Alla, li jagħti s-safa għax hu l-istess safa. Kif jiġri lil dawk li jaraw d-dija tax-xemx f’xi mera, għalkemm ma jiffissawx għajnejhom fis-sema: fid-dija tal-mera jaraw ix-xemx mhux inqas milli jarawha dawk lijħarsu lejn ix-xemx infisha. Hekk intom ukoll, jgħid il-Mulej, għalkemm ma għandhomx il-qawwa biex taraw id-dawl li ħadd ma jista’ jilħaq u jikkontemplah, meta terġgħu lura lejn dak li fil-bidu ħalla fikom il-ġmiel u l-ġieħ tax-xbieha tiegħu, intom issibu fikom dak li qegħdin tfittxu.

Jekk fik hemm is-safa, jekk inti nieqes minn kull rabta fiergħa, jekk inti ‘l bogħod minn kull ħażen, Alla żgur jinsab fik. Meta fehemtek hi safja minn kull ġibda ħażina, meta hi ħielsa minn kull rabta jew imħabba mhux sewwa, merta hi ‘l bogħod minn kull tinġis, inti hieni għax ħarstek hi safja u ċara. Dak li ma jarawx dawk li ħarsithom m’hix safja, int tarah għax ħarstek safja, għax warrabt id-dlamijiet tal-ħwejjeġ tad-dinja minn għajnejn ruħek, u bil-ħarsa hienja u safja ta’ qalbek tara ċar id-dehra ta’ l-hena. U dan l-hena x’inhu? Din id-dehra x’inhi? Hu s-safa, is-sempliċità, hu kull xorta ta’ dija tad-dawl ta’ Alla, li fihom aħna naraw lil Alla.

 

RESPONSORJU Dewt 2:7; 8:5b

 

R/. Il-Mulej jgħid: Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. * Min ra lili ra lill-Missier.

V/. Min jemmen fija għandu l-ħajja ta’ dejjem. * Min ra lili ra lill-Missier.

 

TALBA

 

 Agħmel, Mulej, li aħna jkollna l-biża’ ta’ l-isem qaddis tiegħek, imma wkoll li dejjem inħobbuh, għax int qatt ma ċċaħħad mit-tmexxija tiegħek lil dawk li twettaqhom bis-sħiħ fi mħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Reġa’ fuqna d-dawl, jum ieħor:

niżżu ħajr bil-ferħ lil Alla,

u nfaħħruh, għax għoġbu jtina

din il-grazzja b’Ibnu Sidna.

 

Permezz tiegħu l-kobor t’Alla

tana l-lejl u l-jum fid-dinja:

ħin ta’dlam biex fih nistrieħu,

ħin ta’ dawl biex naħdmu bieżla.

 

Iżd’għalih m’hemmx ħin u ieħor,

jaħdem dejjem, qatt m’hu wieqaf;

ebda dlam jew dell madwaru,

għaliex huwa d-dawl ta’ dejjem.

 

Jalla ngħaddu dil-ġurnata

f’ħidma wtieqa, nfittxu l-glorja

tal-Missier, ħa nogħġbu ‘l Kristu,

mimlijin bl-Ispirtu s-Santu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Tajjeb li ngħannu lil ismek, Mulej, u nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek.

 

Salm 91 (92)

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *

u billejl il-fedeltà tiegħek,

fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *

u bid-daqq taċ-ċetra.

 

Għax inti, Mulej, ferraħtni b'għemilek; *

għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

 

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *

kemm huma għolja ħsibijietek!

Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *

u l-iblah ma jifhimhomx.

Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *

u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

lkoll għad jinqerdu għal dejjem. *

Imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli.

 

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej,

l-għedewwa tiegħek jintilfu; *

jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.

Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *

żejt ifuħ sawwabtli fuqi.

Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *

widnejja jisimgħu bit-telfa

 tal-ħżiena li qamu għalija.

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawwlin f'dar il-Mulej, *

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, il-blata tiegħi, *

u ebda qerq ma jinsab fih.

 Glorja.

 

Ant. 1: Tajjeb li ngħannu lil ismek, Mulej, u nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek.

Ant. 2: Nagħtikom qalb ġdida u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida.

 

Kantiku Eżek 36:24-28

 

Jien neħodkom minn fost il-ġnus, †

u niġmagħkom mill-artijiet kollha, *

u nerġa' ndaħħalkom f'artkom.

 U nroxx fuqkom ilma safi, †

u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; *

mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. 

 

U nagħtikom qalb ġdida, *

u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida,

U nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel *

u nagħtikom qalb tal-laħam.

U nqiegħed ruħi ġo fikom, †

u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi, *

u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.

 

U tgħammru fl-art li tajt 'il missirijietkom, †

u intom tkunu l-poplu tiegħi, *

u jiena nkun Alla tagħkom.

 Glorja.

 

Ant. 2: Nagħtikom qalb ġdida u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida.

Ant. 3: Mulej, is-sebħ tiegħek jgħannih fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib.

 

Salm 8

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Int qegħedt is-sebħ tiegħek *

'il fuq mis-smewwiet.

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, *

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

 

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

 

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu: *

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar, *

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Glorja.

 

Ant. 3: Mulej, is-sebħ tiegħek jgħannih fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Piet 3:13-14

 

Aħna, li ħadna l-wegħda tal-Mulej, nistennew li jiġu smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja. Għalhekk, għeżież, waqt li tistennew dan kollu, fittxu li tkunu bla tebgħa u bla għajb quddiemu, biex tinstabu fis-sliem. Is-sabar ta’ Sidna qisuh bħala għajnuna għas-salvazzjoni.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Jifirħu xufftejja, * Jien u ngħannilek. Jifirħu.

V/. U lsieni jxandar il-ġustizzja tiegħek. * Jien u ngħannilek. Glorja. Jifirħu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

 

PREĊI

 

Alla, permezz ta’ Ibnu, mela d-dinja bit-tama u taha l-ħajja. Nadurawh, u bl-umiltà kollha nitolbuh:

Mulej, ismagħna.

Mulej, Missier il-ħlejjaq kollha, inroddulek ħajr ta’ din il-ġurnata ġdida li tajtna:

- agħmel li ngħadduha f’għaqda ma’ Kristu għat-tifħir u l-glorja tiegħek.

Int xerridt f’qalbna l-fidi, it-tama u l-imħabba:

- ibqa’ ħarishom dejjem fina.

Mulej, ħa jkunu għajnejna dejjem merfugħa lejk:

- biex b’ħeġġa kbira nwieġbu għas-sejħa tiegħek.

Begħedna mit-tnassis u l-ġibdiet tal-ħażen:

- ħarisna mit-tfixkil fil-mixi tagħna.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti d-dawl sabiħ u veru, inti l-jum li qatt ma jgħib; lejk induru f’din l-għodwa ġdida, u nitolbuk biex tkeċċi minna d-dlamijiet ta’ kull ħażen, u ddawwalna minn issa bid-dija tal-miġja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

Ant.1 Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.

 

Salm 118 (119): 169-176

 

XXII (Taw)

 

Ħa tasal quddiemek, Mulej, l-għajta tiegħi; *

agħtini d-dehen skond il-kelma tiegħek.

Ħa jasal quddiemek it-tħannin tiegħi; *

eħlisni skond il-wegħda tiegħek.

 

Jinfexxu xufftejja fit-tifħir tiegħek, *

għax int tgħallimni l-kmandamenti tiegħek.

Ixandar ilsieni l-wegħda tiegħek, *

għax kollha ġusti l-kmandamenti tiegħek.

 

Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, *

għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.

Jien nixtieq is-salvazzjoni tiegħek, Mulej; *

il-liġi tiegħek hija l-għaxqa tiegħi.

Ħa nibqa' ħaj, biex infaħħrek! *

Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi!

Jien ħriġt mit-triq bħal nagħġa mitlufa; *

fittex il-qaddej tiegħek,

 għax jien ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.

Ant.2 It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

 

Salm 44 (45)

 

I

 

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †

ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *

ilsieni pinna ta' kittieb ħafif. 

Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †

imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk; *

għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

 

Tħażżem, qalbieni, b'sejfek fuq ġenbek; *

ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!

Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *

turik lemintek ħwejjeġ ta' l-għaġeb!

Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †

taħtek jaqgħu l-popli; *

jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.

 

It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta' dejjem; *

xettru tas-sewwa hu x-xettru ta' saltnatek!

Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; *

għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,

 b'żejt il-hena aktar minn sħabek.

 

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja, kollha fwieħa lbiesek. *

Mill-palazzi ta' l-avorju

 jferrħek id-daqq tal-kordi.

Bniet is-sultan joħorġu jilqgħuk; *

f'lemintek is-sultana mżejjna b'deheb ta' Ofir.

 Glorja.

 

Ant.2 It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

Ant.3 Rajt lil Ġerusalemm il-ġdida, bħal għarusa mżejjna għall-għarus tagħha.

 

II

 

Isma', binti, ħares u agħti widen, *

insa 'l ġensek u 'l dar missierek.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; *

u int, għax hu sidek, agħtih qima.

In-nies ta' Tir bir-rigali jiġu, *

il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

 

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, *

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, *

it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.

Jittieħdu b'għajat ta' ferħ u hena; *

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

 

Flok missirijietek jilħqu wliedek; *

inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha.

Infakkar ismek minn nisel għal nisel; *

ifaħħruk il-popli għal dejjem ta' dejjem!

 Glorja.

 

Ant.3 Rajt lil Ġerusalemm il-ġdida, bħal għarusa mżejjna għall-għarus tagħha.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Dan 6:27b. 28

 

Alla tagħna hu l-ħaj u ta’ dejjem, li s-saltna tiegħu ma tinqeridx, u l-ħakma tiegħu ddum sa l-aħħar; minnu l-ħelsien u s-salvazzjoni, hu jagħmel il-mirakli u l-għeġubijiet fis-sema u fl-art.

 

 V/. Kunu afu li jien Alla.

 R/. Għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art.

 

Talba

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Rum 15:5-7

 

Alla li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skond Kristu Ġesù, biex b’fomm wieħed u qalb waħda tfaħħru ‘l Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk ilqgħu ‘l xulxin, bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għas-sebħ ta’ Alla.

 

 V/. Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu.

 R/. U jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Talba

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nhar ta’ l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Fil 4:8.9b

 

Ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, kull ma hu xieraq, kull ma hu qaddis, kull ma hu safi, kull ma jiġbed l-imħabba, kull ma jistħoqqlu l-qima, kull ma hu virtù, kull ma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu. U Alla tas-sliem ikun magħkom.

 

 V/. Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan.

 R/. U nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.

 

Talba

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.