Stampa t-test kollu ...


L-ERBGĦA

TAT-VIII ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Erbgħa tar-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Ħallieq ta’ kollox u feddej tad-dinja,

Kristu Sultan, imħallef ġust tal-bniedem,

ilqa’ t-talb tagħna bit-tifħir ta’ qalbna,

u ħenn għalina.

 

Nersqu quddiemek f’dan il-lejl bil-qima,

biex infaħħruk u niżżuk ħajr kif jixraq;

int, għajn tad-dawl, orbotna lkoll qalb waħda

fl-imħabba tiegħek.

 

Agħmel li ngħaddu jiemna bil-ġustizzja,

biegħed mill-ħajja tagħna l-mewt ta’ dejjem,

agħtina li l-għemejjel tagħna jkunu

għall-glorja tiegħek.

 

Ħeġġeġ lil qalbna, ħażżem lil ġenbejna

bin-nar divin għinna biex nibqgħu nishru,

bl-imsiebaħ dejjem mixgħulin f’idejna,

nistennew lilek.

 

Fuq art twelidna w fuqna lkoll, uliedha,

sawwab, Mulej, mis-sema l-barka tiegħek,

żommna marbuta fik, fis-sliem bejnietna,

għas-sebħ ta’ Ismek. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Kristu, dawl veru, tjieba w ħajja tagħna,

ħniena bla qjies, u ferħ tassew tad-dinja,

int b’demmek il-għażiż ridt issalvana

mill-mewt ta’ dejjem.

 

Kebbisna, nitolbuk, bin-nar ta’ mħabbtek,

u żommna sħaħ fid-dawl qaddis tal-fidi;

minn jum għall-ieħor wettaq dejjem fina

it-tama hienja.

 

Xejjen b’setegħtek lil missier il-gideb,

u biegħed minna t-tnassis kollu tiegħu;

ibgħat, Mulej, l-Ispirtu s-Santu tiegħek

ħa jgħammar fina.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier, int l-Iben, u l-Ispirtu;

u lilkom trodd bla heda d-dinja kollha

tifħir u glorja. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

 

Salm 102 (103)

 

I

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej; *

b'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, *

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha; *

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar; *

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;

ixabba’ bil-ġid snin ħajtek, *

u bħal ta' l-ajkla tiġġedded żgħożitek.

 

Il-Mulej jagħmel is-sewwa, *

u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.

Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu, *

l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.

 Glorja.

 

Ant. 1: Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

Ant. 2: Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.

 

II

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej, *

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma joqgħodx jitlewwem magħna, *

u anqas jinkorla għal dejjem.

Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna; *

ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.

 

Daqskemm huma s-smewwiet 'il fuq mill-art, *

hekk hi kbira tjubitu ma' min jibża' minnu;

daqskemm hu mbiegħed il-lvant mill-punent, *

hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.

Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, *

hekk iħenn il-Mulej

 għal min għandu l-biża' tiegħu.

 

Għax hu jaf kif aħna magħġuna, *

jiftakar li aħna trab.

Bħall-ħaxix il-ħajja tal-bniedem; *

bħall-fjur tar-raba', hekk jikber.

Tgħaddi ż-żiffa minn fuqu, u jispiċċa, *

u ħadd aktar ma jagħraf fejn kien.

 Glorja.

 

Ant. 2: Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.

Ant. 3: Bierku l-Mulej, għemejjel tiegħu kollha.

 

III

 

Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem †

ma' dawk li għandhom il-biża' tiegħu, *

u s-sewwa tiegħu ma' wlied uliedhom;

ma' dawk li jħarsu l-patt tiegħu, *

u jiftakru fil-preċetti tiegħu u jħarsuhom.

Waqqaf il-Mulej it-tron tiegħu fis-sema, *

u saltnatu fuq kollox taħkem.

 

Bierku l-Mulej, anġli tiegħu kollha, *

setgħana u qawwija,

 li tagħmlu l-ordni tiegħu *

malli tisimgħu leħen il-kelma tiegħu.

Bierku l-Mulej, eżerċti tiegħu kollha, *

qaddejja tiegħu, li tagħmlu r-rieda tiegħu.

Bierku l-Mulej, għemejjel tiegħu kollha, †

kullimkien fis-saltna tiegħu. *

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

 Glorja.

 

Ant. 3: Bierku l-Mulej, għemejjel tiegħu kollha.

 

V/. Mulej, fehemni t-triq tal-preċetti tiegħek.

R/. Biex naħseb fuq l-għeġubijiet tiegħek.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob Ġob 7:1-21

 

Ġob jipprotesta quddiem Alla minħabba d-diqa ta’ ħajtu

 

 Ġob wieġeb u qal:

"Ħajjet il-bniedem m'hix forsi xogħol bilfors fuq l-art?

U għomru m'hux bħal jiem il-ħaddiem mikri?

Bħalma lsir jixxennaq għad-dlam,

u bħalma l-mikri jistenna l-ħlas,

hekk xhur fiergħa kienu sehmi,

u ljieli dwejjaq messew lili.

Jekk nimtedd, ngħid: "Meta se nqum?"

u meta nqum, ngħid: "Meta se nimtedd?”

U hekk nixba' nhewden sa ma jidlam.

Laħmi ddewwed u mtela qxur iebes,

ġildi nqasam u jnixxi l-marċa.

Eħfef minn mekkuk għaddew jiemi

u bla tama ntemmu.

Ftakar li ħajti m’hix ħlief daqsxejn ta’ nifs,

u għajnejja ma jerġgħux jaraw ir-riżq.

L-għajn li kienet tarani ma tilmaħnix aktar;

għajnejk, iva, jarawni, imma jien ma nkunx iżjed.

Bħalma ddub sħaba u ma tidhirx aktar,

hekk min jinżel fil-qabar ma jerġax jitla';

qatt iżjed ma jerġa' lejn daru,

lanqas daru ma tara aktar lilu.

Għalhekk m'iniex se nżomm fommi sieket:

irrid inferragħ kliemi fl-imrar ta' ħajti.

Jaqaw jien il-baħar

 jew il-mostru biex int ittella’ ħajt madwari?

Jekk ngħid: 'Issa jserraħni friexi,

is-sodda ttaffili t-tbatija’,

hemm inti bil-ħolm tiġi taħsadni

u twerwirni bil-fantażmi.

Għalhekk ngħid: ‘Aħjar it-tgħalliq għalija,

u l-mewt aħjar minn din it-tbatija’.

Qtajt qalbi: m'iniex se ngħix għal dejjem.

Ħallini, mela, għax jiemi m’humiex ħlief nifs!

X'inhu mela l-bniedem

biex inti tagħti daqshekk kas tiegħu,

twaqqaf ħsiebek fuqu,

iżżuru kull filgħodu,

u toqgħod tiflih kull waqt?

Se twarrab ħarstek minn fuqi

għallinqas sakemm nibla' r-riq tiegħi?

Jekk jiena dnibt, x'għamiltlek lilek,

int li tgħarrex b'għajn miftuħa fuq il-bniedem?

L-għala ħadtni b'mira tad-daqqiet tiegħek,

il-għala jien ta' toqol għalik?

Ma tistax tagħder in-nuqqas tiegħi

u tħalli għaddejja l-ħtija tiegħi?

Għax jien ma ndumx ma nkun mimdud fl-art;

int tfittixni u jiena ma nkunx iżjed."

 

RESPONSORJU Ġob 7:5. 7a. 6

 

R/. Laħmi ddewwed u mtela qxur iebes, ġildi nqasam u jnixxi l-marċa. * Ftakar, Mulej, li ħajti, m’hix ħlief daqsxejn ta’ nifs.

V/. Eħfef minn mekkuk għaddew jiemi u bla tama ntemmu. * Ftakar, Mulej, li ħajti m’hix ħlief daqsxejn ta’ nifs.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Istqarrijiet ta’ l-isqof Santu Wistin

 

It-tama tiegħi kollha fil-ħniena kbira tiegħek

 

Fejn stajt sibtek biex tgħallimtek? Ma kontx f’moħħi qabel ma tgħallimtek: mela fejn stajt sibtek biex tgħallimtek jekk mhux fik innifsek, ‘il fuq minni nnifsi? M’għandniex imkien, u mmorru u niġu, u m’għandniex imkien. U int, li int l-istess Verità, tinsab f’kull imkien biex twieġeb lil dawk li jistaqsuk, u bi tweġiba waħda twieġeb il-mistoqsijiet kollha ta’ kull xorta li kull wieħed jagħmillek.

It-tweġiba tiegħek tkun ċara, iżda mhux kulħadd jifhimha sewwa. Kulħadd jistaqsi dak li jrid, iżda mhux dejjem ikollhom it-tweġiba li jixtiequ. L-aqwa qaddej tiegħek m’huwiex dak li jrid jisma’ mingħandek dak li jixtieq, imma dak li hu dejjem lest biex jagħmel dak li jisma’ mingħandek.

Tard ħabbejtek, o Ġmiel hekk qadim u hekk ġdid, tard ħabbejtek. Int kont ġewwa fija, waqt li jien kont barra minni nnifsi, u hemm fittixtek: fil-kruha ta’ ruħi fittixt b’ruħi u ġismi l-ġmiel tad-dinja, li inti ħlaqt. Int kont miegħi, imma jien ma kontx miegħek. Kien iżommni ‘l bogħod minnek il-ġmiel tal-ħwejjeġ li inti ħlaqt, li, li kieku ma humiex fik, ma huma xejn. Sejjaħtli, għajjattli, ftaħtli beraħ widnejja. Tfajt fuqi d-dawl tiegħek, feġġet għalija d-dija tiegħek, neħħejtli l-għama tiegħi. Xħett fuqi l-fwieħa tiegħek, ħadt nifs kbir ‘il ġewwa, u issa nixtieqek fuq li nixtieqek. Doqtok, u issa għandi ġuħ u għatx tiegħek. Messejtni, u issa jien imħeġġeġ għas-sliem tiegħek.

Meta ningħaqad miegħek, kollni kemm jien, ma jkunx hemm aktar niket u taħbit għalija, u ħajti tkun tassew ħajja, mimlija bik. Int terfa’ ‘il min hu mimli bik, iżda jien inħossni tqil għalija nnifsi, għaliex għadni m’iniex mimli bik. Il-ferħ ta’ħajti, li fuqu jmissni nibki, u n-niket li bih imissni nifraħ, jitqabdu bejniethom ġewwa fija u jien ma nafx min minnhom se jirbaħ.

Miskin jien, Mulej! Ħenn għalija! Jien imġarrab ħafna, għaliex id-dwejjaq ħżiena tiegħi qed jitqabdu mal-ferħ it-tajjeb tiegħi, u ma nafx min minnhom se jirbaħ. Miskin jien, Mulej, ħenn għalija! Miskin jien! Ma rridx naħbi l-ġrieħi ta’ ruħi! Int tabib, jien marid: ħenn għalija, imsejken jien!

M’hux minnu li kollha hemm il-ħajja tal-bniedem fuq l-art? Min jieħu pjaċir bid-dwejjaq u t-tiġrib? Inti stess tgħidilna, mhux biex inħobbuhom imma biex nistabru bihom. Ħadd ma jħobb dak li bih jistabar, għalkemm jistabar b’imħabba, u, jekk jifraħ li qed jistabar, jixtieq kieku ma jkunx dak li bih irid jistabar. Fir-riżq il-ħażin nixtieq it-tajjeb, fir-riżq it-tajjeb nibża’ mill-ħażin. Hemm xi triq oħra fin-nofs, li fiha l-ħajja tal-bniedem m’hix ħajja ta’ tiġrib? Ħażin għal kull hena tad-dinja, għal darba darbtejn, minħabba t-tiġrib li jiġi mill-biża’ ta’ xi riżq ħażin, u minħabba t-tiġrib li jiġi minn ferħ ħażin. Ħażin għal kull hemm tad-dinja, mhux darba u tnejn, imma għat-tielet darba wkoll, għax mhux biss kull hemm iġib miegħu ix-xewqat ta’ ġid, imma wkoll għax hu iebes fuq li hu iebes fih innifsu, u jasal biex ma jistabar qatt u xejn. Ħajjet il-bniedem mhux forsi xogħol bilfors fuq l-art bla ebda mistrieħ?

Kull tama tiegħi għalhekk hi fil-ħniena kbira tiegħek, Mulej.

 

RESPONSORJU

 

R/. Tard ħabbejtek, o Ġmiel hekk qadim u hekk ġdid, tard ħabbejtek! * Sejjaħħli, għajjattli, ftaħli beraħ widnejja.

V/. Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf. * Sejjaħħtli, għajjattli, ftaħli beraħ widnejja.

 

TALBA

 

 Agħtina, Mulej, li d-dinja timxi skond l-ordni tiegħek għall-paċi tagħna, u li l-Knisja tiegħek tqimek ferħana fis-sliem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Meta frixt, Mulej, il-medda

tas-smewwiet, bid-dawl żejjinthom;

ridt li x-xemx binhar twennisna,

u dawwalt il-lejl bil-qamar.

 

Issa l-lejl diġà ħalliena,

tielgħa x-xemx għall-ġirja tagħha,

tqanqal fina saħħa ġdida

sabiex nerġgħu naqbdu l-ħidma.

 

Xieraq, mela, li fil-bidu

tal-ġurnata nfaħħru lilek,

o Missier ħanin, li tfawwar

qalb uliedek bis-sliem tiegħek.

 

Mit-tfixkil illum warrabna,

żomm fid-dritt l-ispirtu tagħna,

għinna nibqgħu dejjem nodfa

f’kull ma naħsbu, ngħidu w nagħmlu.

 

Bħalna x-xemx iżżid is-sirġa

hekk titqawwa fina l-fidi

aktar soda ssir it-tama,

w iżjed jikbes nar l-imħabba.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Qalbi mħejjija biex tfaħħrek, Alla tiegħi.

 

Salm 107 (108)

 

Sħiħa qalbi, o Alla! *

Ħa ngħanni u ninseġ għanja:

Qum, ruħ tiegħi, qum arpa u ċetra! *

Ħa nqajjem sbiħ il-jum!

Infaħħrek, Mulej, fost il-popli, *

ngħannilek fost il-ġnus;

għax m'ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, *

sas-sħab il-fedeltà tiegħek.

Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! *

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha,

biex ikunu meħlusa l-għeżież tiegħek; *

għinna bil-leminija tiegħek u weġibna!

 

Tkellem Alla fis-santwarju tiegħu: †

"Ferħan nieħu b'sehmi lil Sikem, *

nagħmel oqsma mill-wied ta' Sukkot.

Tiegħi hu Gilgħad, tiegħi Manasse, †

Efrajm hu l-elmu ta' rasi, *

u Ġuda x-xettru tiegħi.

Moab lenbija fejn ninħasel, †

fuq Edom inqiegħed il-qorq tiegħi, *

fuq Filistja nifraħ rebbieħ!"

 

Min se jwassalni sal-belt bis-swar? *

Min se jeħodni sa Edom?

M'hux int, o Alla, li warrabtna, *

u li m'għadekx toħroġ ma' l-eżerċtu tagħna?

Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu; *

għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem,

Bl-għajnuna ta' Alla nuru ħilitna; *

hu li jisħaq l-għedewwa tagħna.

 Glorja.

 

Ant. 1: Qalbi mħejjija biex tfaħħrek, Alla tiegħi.

Ant. 2: Il-Mulej libbisni bi lbies, is-salvazzjoni u l-ġustizzja.

 

Kantiku Iż 61:10-62:5

 

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, *

taqbeż bil-ferħ ruħi b'Alla tiegħi.

Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, *

bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,

bħal għarus imżejjen b'kuruna, *

bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

 

Bħalma l-art tnibbet l-inbiet, *

bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,

hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja *

u t-tifħir quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

 

Minħabba f'Sijon ma nehdiex, *

minħabba f'Ġerusalemm ma niskotx,

Bħal dija għad tfeġġ il-ġustizzja tagħha, *

bħal torċa għad taqbad is-salvazzjoni tagħha.

Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus, *

u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.

B'isem ġdid għad isejjħulek, *

isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.

 

Għad tkun kuruna ta' ġmiel f'id il-Mulej, *

u dijadema ta' sultan f'id Alla tiegħek.

Ma jgħidulekx aktar: 'il-mitluqa', *

anqas lil artek ma jsejjħulha aktar ‘Imħarbta'.

Lilek għad isejjħulek: 'Għaxqti fiha', *

u lil artek għad jgħidulha: 'Għarusa';

għax l-għaxqa tal-Mulej fik ; *

u artek għad titgħarras.

 

Bħalma għarus jitgħarras xebba, *

hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;

u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b'għarustu, *

hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej libbisni bi lbies, is-salvazzjoni u l-ġustizzja.

Ant. 3: Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha.

 

Salm 145 (146)

 

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha; *

għanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.

 

La tittamawx fil-kbarat, *

għax il-bniedem ma jsalvakomx.

Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġa' jmur; *

jintemmu dakinhar ħsibijietu.

 

Hieni min f'Alla ta' Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu, *

min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,

li għamel is-sema, l-art u l-baħar, *

u kull ma jinsab fihom;

hu li jżomm kelmtu għal dejjem, †

li jagħmel ħaqq lill-maħqurin, *

u jagħti l-ħobż lill-imġewwħin.

 

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin; *

il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej li jerfa' lill-milwijin; *

il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

il-Mulej li jħares lill-barranin; †

hu li jżomm lill-iltim u lill-armla, *

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

 

Il-Mulej isaltan għal dejjem; *

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.

 Glorja.

 

Ant. 3: Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha.

  

LEZZJONI QASIRA Dewt 4:39-40a

 

Kun af illum u żommha f’moħħok li l-Mulej hu tassew Alla kemm fl-għoli tas-sema u kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx ieħor għajru. Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li se nagħtik.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kull ħin inbierek il-Mulej; * Tifħiru dejjem fuq fommi. Kull ħin.

V/. Bil-Mulej tiftaħar ruħi. * Tifħiru dejjem fuq fommi. Glorja. Kull ħin.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Naqdu lill-Mulej bil-qdusija tul ħajjitna kollha.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Naqdu lill-Mulej bil-qdusija tul ħajjitna kollha.

 

PREĊI

 

Kristu, li hu d-dija tal-glorja tal-Missier, jimliena bid-dawl tal-kelma tiegħu. B’sentimenti ta’ mħabba nitolbuh u ngħidulu:

Sultan ta’ glorja bla tmiem, isma’ t-talb tagħna.

Imbierek int, Ġesù li minnek tibda u fik tintemm il-fidi tagħna:

- inroddulek ħajr għax sejjaħtilna mid-dlam għad-dawl tiegħek ta’ l-għaġeb.

Int ftaħt għajnejn l-għomja u tajt is-smigħ lit-torox:

- għinna fin-nuqqas ta’ fidi tagħna.

Mulej, żommna dejjem magħquda bejnietna fl-għożża tiegħek:

- tħalli ebda firda tinbet fostna.

Agħtina l-qawwa fit-tiġrib u s-sabar fil-hemm:

- għallimna nroddulek ħajr għall-ġid kollu li tipprovdilna.

 

Missierna

 

Talba

 

Ftakar, Mulej, fil-patt qaddis tiegħek, imwettaq b’rabta ġdida bid-demm tal-Ħaruf bla tebgħa; aħfer lill-poplu tiegħek minn dnubiethom, u mexxihom bla heda ‘l quddiem lejn il-fidwa sħiħa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Lilek insejjaħ, Mulej; fi kliemek jien nittama.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

 

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant.1 Lilek insejjaħ, Mulej; fi kliemek jien nittama.

Ant.2 Il-Mulej jaf li frugħa huma l-ħsibijiet tal-bniedem.

 

Salm 93 (94)

 

I

 

Mulej, Alla li taf titħallas, *

Alla li taf titħallas, tfaċċa!

Qum, mħallef tad-dinja, *

roddilhom li ħaqqhom lill-kburin.

Kemm se jdumu l-ħżiena, Mulej, *

kemm se jdumu l-ħżiena jifirħu?

Kliem kburi joħroġ minn fommhom; *

kull min jagħmel il-ħażen jiftaħar.

 

Huma jkasbru, Mulej, lill-poplu tiegħek, *

u jgħakksu lill-poplu ta' wirtek.

Joqtlu l-armla u l-barrani, *

u l-mewt jagħtu lill-iltiema;

u jgħidu: "Ma jarax il-Mulej; *

ma jintebaħx Alla ta' Ġakobb."

 

Ifhmuha, intom nies boloh fost il-poplu! *

Nies bla moħħ, meta se tintebħu?

Forsi min għamel il-widnejn ma jismax? *

Jew min sawwar l-għajnejn ma jarax?

Taħsbu li min iwiddeb lill-ġnus ma jrażżanx? *

Jew m'għandux għerf min jgħallem lill-bniedem?

Jagħraf il-Mulej il-ħsibijiet tal-bniedem, *

u jaf li m'humiex ħlief frugħa.

Glorja.

 

Ant.2 Il-Mulej jaf li frugħa huma l-ħsibijiet tal-bniedem.

Ant.3 Il-Mulej hu fortizza għalija, u l-blata tal-kenn tiegħi.

 

II

 

Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej, *

li tgħallmu l-liġi tiegħek,

biex isserrħu f'jiem l-għawġ, *

sa ma jitħaffer il-qabar għall-ħati.

Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu, *

ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.

Għax il-ħaqq jerġa' jsir bil-ġustizzja, *

u fuqu jimxu dawk kollha ta' qalb safja.

 

Min se jaqbeż għalija kontra l-ħżiena? *

Min se jżomm miegħi kontra min jagħmel il-ħażin?

Li kieku l-Mulej ma tanix l-għajnuna, *

għal ftit ma dħaltx fis-skiet tal-mewt.

Biżżejjed ngħid: "Qiegħed jiżloq riġli," *

biex tjubitek, Mulej, tweżinni.

Meta joktor l-hemm ġo qalbi, *

il-faraġ tiegħek jhennili ruħi.

 

Jistgħu mħallfin ħżiena jissieħbu miegħek, *

li jagħmlu l-qerq taħt il-libsa tal-liġi?

Jiftiehmu bejniethom kontra l-ħajja tal-ġust, *

u jikkundannaw in-nies bla ħtija. 

Iżda l-Mulej hu fortizza għalija, *

u Alla tiegħi l-blata tal-kenn tiegħi.

Hu jdawwar għal fuqhom ħżunithom, †

għall-ħażen tagħhom jeqridhom; *

jeqridhom il-Mulej Alla tagħna!

 Glorja.

 

Ant.3 Il-Mulej hu fortizza għalija, u l-blata tal-kenn tiegħi.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 10:24. 31

 

Ħadd ma għandu jqis qisu, iżda l-interessi ta’ ħaddieħor. Kull ma tagħmlu, sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla.

 

 V/. Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.

 R/. Li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli.

 

Talba

 

Mulej, Missier qaddis u Alla li żżomm kelmtek, int bgħattilna l-Ispirtu s-Santu, kif wegħedtna, biex tiġbor flimkien lill-bnedmin li kienu xterdu minħabba d-dnub; agħtina grazzja li nagħmlu servizz ta’ ġid għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:17

 

Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

 

 V/. Lilek, Mulej, noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr.

 R/. U isem il-Mulej insejjaħ.

 

Talba

 

O Alla ħanin li tista’ kollox, li qiegħed tagħtina ftit ħin ta’ heda f’nofs il-ġurnata, ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq il-ħidmiet tagħna ta’ llum, biex twarrab minnhom dak li ma għamilniehx sewwa, u bil-grazzja tiegħek jilħqu l-iskop li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:23-24

 

Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom, bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin, għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja għalikom il-Mulej bħala wirt. Aqdu lil Kristu Sidna.

 

 V/. Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi.

 R/. Inti żżomm f’idejk xortija.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, inti ftaħt idejk fuq is-salib biex issalva l-bnedmin; agħmel li l-ħidma kollha tagħna tkun togħġbok, biex biha jseħħilna nuru fid-dinja l-għemil tiegħek tal-fidwa. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Nieżla x-xemx b’tislima ħelwa

lill-għoljiet, għelieqi w baħar,

u bil- wegħda li fil-għodu

terġa’ żżurna biex tferraħna.

 

Ftit ħin ieħor tgħib, u d-dalma

tgħatti l-art bi star sewdieni;

jieqfu l-ħsejjes, taqa’ l-ħedla,

u l-għajnejn fl-irqad jingħalqu.

 

Iżda waqt li s-skiet isaltan

u l-mistrieħ kulħadd ifittex,

qalbna tishar u tixtieqek,

o Mulej li tgħasses fuqna.

 

Inti tibqa’ tħaddem fina

ġid it-tama w dawl il-fidi;

il-Verb tiegħek jibqa’ magħna

biex idawwal dlamijietna.

 

Huwa x-xemx li dejjem tiddi,

qatt ma titla’, qatt ma tinżel;

lilu d-dinja tixtieq tilbes

bħalma jlibbes bih lis-sema.

 

Dan id-dawl, Missier, agħtina,

ħa nitgħaxxqu bih għal dejjem,

għat-tifħir tal-glorja tiegħek,

t’Ibnek Sidna w ta’ l-Ispirtu. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: L-għerf tiegħek hu ta’ l-għaġeb, Mulej ma nwassalx għalih.

 

Salm 138 (139): 1-18. 23-24

 

I

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni; †

int taf meta noqgħod u meta nqum, *

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi; *

triqati kollha inti tafhom sewwa.

Inkun għadni anqas lissint il-kelma, *

meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.

 

Dawramejt inti tħaddanni, *

u tqegħedli idek fuqi.

L-għerf tiegħek ta' l-għaġeb, †

ma nwassalx għalih; *

għoli wisq, u ma nlaħħaqx miegħu.

 

Fejn immur 'il bogħod mill-ispirtu tiegħek? *

Jew fejn nista' naħrab minn quddiem wiċċek?

Jekk nitla' fis-smewwiet, hemm int; *

jekk nimtedd f'qiegħ l-art, int hemm ukoll.

Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ, *

u mmur ngħammar fi truf il-baħar,

hemm ukoll tilħaqni idek, *

u taqbadni l-leminija tiegħek.

Jekk ngħid: "Ħa jaħbini d-dlam, *

ħa jkunli d-dawl lejl madwari,"

anqas id-dlam ma hu mudlam; †

għalik il-lejl jiddi bħan-nhar; *

id-dlam bħad-dawl għalik.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. 1: L-għerf tiegħek hu ta’ l-għaġeb, Mulej ma nwassalx għalih.

Ant. 2: Jiena hu l-Mulej, li nifli l-moħħ u ngħarbel il-qlub, biex nagħti ‘l kull wieħed skond l-imġiba tiegħu.

 

II

 

Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi, *

u f'ġuf ommi inti nsiġtni.

Inroddlok ħajr, għax b'mod ta' l-għaġeb għamiltni: †

ta' l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek.

U 'l ruħi inti tafha tajjeb.

 

Ma kienx moħbi għadmi minnek, †

meta kont qiegħed insir fis-satra *

u nintiseġ fil-qigħan ta' l-art.

Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi: *

kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek;

u jiemi kienu ġa magħduda *

meta ebda wieħed ma kien għad hemm.

 

Kemm huma tqal ħsibijietek għalija, o Alla! *

Kemm hu bla tarf l-għadd tagħhom!

Li kelli ngħoddhom, huma aktar mir-ramel; *

xħin nasal fl-aħħar, inkun għadni fil-bidu miegħek.

 

Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi; *

iflini, u kun af ħsibijieti.

Ara iniex miexi fi triq ħażina, *

u mexxini fit-triq ta' dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 2: Jiena hu l-Mulej, li nifli l-moħħ u ngħarbel il-qlub, biex nagħti ‘l kull wieħed skond l-imġiba tiegħu.

Ant. 3: Kollox bih kien maħluq, kollox bih qiegħed iżomm.

 

Kantiku ara Kol 1:12-20

 

Roddu ħajr lill-Missier, †

li għamilkom denji *

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,

 li bih għandna l-fidwa, *

il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax bih kien maħluq kollox, *

fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher †

u dak kollu li ma jidhirx, *

troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

 

Kollox bih u għalih kien maħluq, †

hu qabel kollox, *

u kollox bih qiegħed iżomm.

 

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †

hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *

fih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu,

u bid-demm tiegħu imxerred fuq is-salib, *

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 

 Glorja.

 

Ant. 3: Kollox bih kien maħluq, kollox bih qiegħed iżomm.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 2:3-6

 

B’dan nafu li nagħrfu lil Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. Min jgħid, ‘Jien nafu’, u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u s-sewwa m’huwiex fih. Iżda kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha. B’dan nagħarfu li aħna fih. Dak li jgħid li qiegħed jgħammar fih, jeħtieġ li jgħix kif għex hu stess.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Bħal ħabba ta’ l-għajn, * Ħarisna, Mulej. Bħal ħabba.

V/. Għad-dell ta’ ġwenħajk kenninna. * Ħarisna, Mulej. Glorja. Bħal ħabba.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Uri, Mulej, il-qawwa ta’ driegħek; xerred l-imkabbra u għolli ċ-ċkejknin.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Uri, Mulej, il-qawwa ta’ driegħek; xerred l-imkabbra u għolli ċ-ċkejknin.

 

PREĊI

 

Kbira sas-smewwiet hi t-tjieba li l-Missier etern ixerred dejjem fuq il-poplu tiegħu. Ngħajjtu quddiemu bil-ferħ ta’ qalbna u ngħidulu:

Mulej, jifirħu dawk kollha li jittamaw fik.

Missier, int bgħatt lil Ibnek mhux biex jagħmel ħaqq mid-dinja iżda biex id-dinja ssalva permezz tiegħu:

- agħtina l-ġid bla qjies li hu kisbilna bis-saħħa tal-mewt tiegħu.

Int għażilt is-saċerdoti tiegħek u għamilthom ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri tiegħek:

- agħtihom qalb sinċiera u żejjinhom bl-għerf u bl-imħabba.

Ftakar f’dawk li laqgħu s-sejħa tiegħek u għażlu l-ħajja safja minħabba s-saltna tas-smewwiet:

- żommhom fidili u bla għajb fil-mixi tagħhom wara Ibnek.

Int fil-bidu ħlaqt il-bniedem, u għamilthom raġel u mara:

- saħħaħ il-familji kollha fl-imħabba mill-qalb.

Inti lqajt is-sagrifiċċju ta’ Kristu u bih neħħejt id-dnubiet tagħna:

- agħti l-maħfra ta’ dnubiethom lil ħutna l-mejtin.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej, inti jogħġbok timla b’kull ġid tas-sema lil min hu bil-ġuħ; ftakar fil-ħniena kbira li dejjem turi magħna, u kattar id-doni tal-provvidenza tiegħek fuqna li ninsabu fil-bżonn. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn, *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

  

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.