Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


29 ta’ Ġunju

 

SAN PIETRU U SAN PAWL, APPOSTLI

 

Solennitá

 

L-1 Għasar

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Bil-ġmiel u l-ferħ tad-dawl qaddis li xxerred

imlejt id-dinja kollha, jum imbierek,

u sa s-smewwiet żejjint bil-ġieħ u l-glorja

tal-martri kbar li llum qegħdin infakkru.

 

Għax Pietru, li ħa s-setgħa ta’ l-imfietaħ,

u Pawlu, li ta ‘l-ġnus tagħlim il-ħajja,

b’rebħa ta’ l-għaġeb bis-salib u x-xabla,

idawwlu ż-żmien u l-art bħal xmux qawwija.

 

Int hienja, Ruma, li sebbaħt ħitanek

bid-demm għażiż ta’ prinċpijiet hekk għolja:

għax kienu l-merti tagħhom, mhux ġrajjietek,

li minnek għamlu l-ġawhra tal-bliet kollha!

 

Appostli kbar, kolonni sħaħ tal-Knisja,

għallmuna ngħixu b’fidi, tama u mħabba,

agħtuna l-qawwa fit-taqbida t-tajba,

ħa ntemmu l-ġirja, w niksbu l-ħajja magħkom.

 

Lit-Trinità qaddisa, Alla wieħed,

tifħir u sebħ jingħata, ġieħ u qawwa,

u lilu waħdu s-setgħa fuq il-ħlejjaq,

kif kien mill-bidu, issa w jibqa’ għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj. U hieni int, Xmun bin Ġona.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha *

Sebbħuħ, popli kollha.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 1: Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj. U hieni int, Xmun bin Ġona.

Ant. 2: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi.

 

Salm 147 (147B)

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!

 

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, *

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, *

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

 

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. 

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *

ixerred bħar-rmied il-ġlata.

Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż; *

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.

Isemma' kelmtu, u jinħall is-silġ; *

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. 

Ma għamel hekk ma' ebda poplu; *

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 2: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi.

Ant. 3: Int għodda magħżula ta’ Kristu, Appostlu Missierna San Pawl; int xandart il-verità fid-dinja kollha.

 

Kantiku (Ef 1:3-10)

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa

 quddiemu fl-imħabba;

iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu, *

skond ma għoġob lir-rieda tajba tiegħu,

 

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

 

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

 

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

 

 jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Int għodda magħżula ta’ Kristu, Appostlu Missierna San Pawl; int xandart il-verità fid-dinja kollha.

  

LEZZJONI QASIRA Rum 1:1-3a.7

 

Pawlu, qaddej ta’ Ġesù Kristu, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla, li hu, permezz tal-profeti tiegħu, kien wiegħdu sa minn qabel fil-Kotba mqaddsa dwar Ibnu: lill-għeżież kollha ta’ Alla li jinsabu f’Ruma, imsejjħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. L-Appostli kienu jxandru l-kelma ta’ Alla * Bil-kuraġġ kollu. L-Appostli.

V/. U kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù. * Bil-kuraġġ kollu. Glorja. L-Appostli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 L-Appostli glorjużi ta’ Kristu ħabbew lil xulxin fil-ħajja, hekk li anqas il-mewt ma firdithom.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

L-Appostli glorjużi ta’ Kristu ħabbew lil xulxin fil-ħajja, hekk li anqas il-mewt ma firdithom.

 

PREĊI

 

Kristu bena l-Knisja tiegħu fuq is-sisien ta’ l-Appostli u l-profeti. Inqawwu qalbna u nitolbuh:

Mulej, ieqaf mal-poplu tiegħek.

Int sejjaħt lil Xmun is-sajjied biex isir sajjied tal-bnedmin:

- la tiqafx tagħżel il-ħaddiema tiegħek biex bihom issalva l-kotra tal-bnedmin.

Int sikkitt il-baħar imqalleb, biex id-dgħajsa tad-dixxipli ma tegħreqx:

- ħares lill-Knisja tiegħek minn kull taħbit u agħti l-qawwa lill-qaddej tiegħek il-Papa N.

Int qomt mill-imwiet u ġbart madwar Pietru l-merħla tiegħek li kienet xterdet:

- iġma l-poplu kollu tiegħek f’merħla waħda taħtek, ir-Ragħaj it-tajjeb tagħna.

Int bgħatt lill-Appostlu Pawlu għand il-ġnus biex ixandrilhom l-Evanġelju tiegħek:

- agħmel li l-messaġġ tas-salvazzjoni jixxandar lill-bnedmin kollha.

Int tajt l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet lill-Knisja tiegħek:

- iftaħ bwieb is-sema lil dawk kollha li f’ħajjithom fdaw fil-ħniena tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

Qawwina, Mulej Alla tagħna, bit-talb ta’ l-Appostli San Pietru u San Pawl, u agħti lill-Knisja tiegħek għajnuna għas-salvazzjoni ta’ dejjem permezz ta’ dawk li bihom għallimtha taqdi d-dmirijiet qaddisa tagħha lejk. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Illum il-Knisja, b’wiċċ il-hena, tixhed

il-ferħ ta’ l-għid il-kbir ta’ Pietru w Pawlu,

li Kristu laqa’ r-riħa tfuħ ta’ demmhom

w għamilhom kapijiet tal-Knejjes tiegħu.

 

Dawn huma ż-żewġ siġriet sbieħ taż-żebbuġa,

il-kandelabri qiegħda quddiem Sidhom

bħal żewġt idwal qawwija dejjem jiddu,

iħollu rbit id-dnub u jiftħu s-sema.

 

B’għanjiet ta’ glorja lill-Missier infaħħru,

kull ġieħ u setgħa lill-Waħdieni tiegħu,

il-ħajr u l-qawwa lill-Ispirtu s-Santu,

it-Trinità ta’ dejjem, Alla wieħed. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Jekk tħobbni, Xmun Pietru, irgħa n-nagħaġ tiegħi.

 

Salm 18 (19)A

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, *

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, *

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Ma' l-art kollha jasal leħenhom, *

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

 

Lix-xemx għamlilha għarix fihom;

u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, *

ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,

minn truf is-smewwiet hi toħroġ, †

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *

 xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 1: Jekk tħobbni, Xmun Pietru, irgħa n-nagħaġ tiegħi.

Ant. 2: Għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi qligħ: jiena għandi niftaħar bis-salib ta’ Sidi Ġesù Kristu.

 

Salm 63 (64)

 

Isma', o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; *

mill-biża' ta' l-għadu ħarisli ħajti.

Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, *

mit-tixwix ta' dawk li jagħmlu l-ħażen,

dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, *

jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,

biex mill-moħba jolqtu 'l min hu bla ħtija, *

jolqtuh għal għarrieda, bla biża' ta' xejn.

Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, †

jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, *

u jgħidu: "Min se jarana?"

Ifittxu l-ħażen, †

ifasslu pjan maħsub sewwa. *

Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem?

 

Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; *

f'daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.

Minħabba lsienhom isiru ħerba; *

kull min jarahom iħarrek rasu.

U lkoll jintlew bil-biża’ ta’ Alla,

u għemilu jxandru, *

 u jifhmu sewwa kull ma għamel.

 

Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; *

jiftaħru dawk kollha ta' qalbhom safja.

 Glorja.

 

Ant. 2: Għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi qligħ: jiena għandi niftaħar bis-salib ta’ Sidi Ġesù Kristu.

Ant. 3: Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.

 

Salm 96 (97)

 

Il-Mulej isaltan! †

Ħa taqbeż l-art bil-ferħ, *

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

Sħab u dlam hemm madwaru; *

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.

In-nar jimxi quddiemu, *

u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.

Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja; *

tara dan l-art u titriegħed.

Bħax-xama' jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej, *

quddiem is-Sid ta' l-art kollha. 

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu; *

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.

 

Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli, †

li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom; *

u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha.

Tisma' dan u tifraħ Sijon, †

jaqbżu bil-ferħ l-ibliet ta' Ġuda, *

minħabba l-ġustizzja tiegħek, Mulej.

Għax int, Mulej, inti l-Għoli, †

'il fuq mill-art kollha, *

ogħla ħafna mill-allat.

 

Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen, †

iħares il-ħajja ta' ħbiebu, *

jeħlishom minn idejn il-ħżiena.

Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust, *

u l-hena għal qalb in-nies sewwa.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej, *

u faħħru l-isem qaddis tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 3: Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.

 

V/. Il-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

R/. Din hi l-kelma tal-Bxara t-tajba mxandra lilkom.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin Gal 1:15-2:10

 

Il-laqgħa ta’ Pietru u Pawlu

 

Ħuti: Meta dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus, minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam,bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu Appostli qabli, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku. Mbagħad, tliet snin wara, tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa, u bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata; mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd ħlief lil Ġakbu, ħu l-Mulej. F'dan li qiegħed niktbilkom, nixhed quddiem Alla, m'iniex nigdeb. 

Mbagħad mort fl-inħawi tas-Sirja u taċ-Ċiliċja. Il-knejjes ta' Kristu fil-Lhudija kienu għadhom qatt ma raw wiċċi; kienu semgħu biss in-nies jgħidu li: ‘dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed ixandar il-fidi li darba hu ried jeqred’; u huma faħħru lil Alla minħabba fija. 

Wara erbatax-il sena rġajt tlajt Ġerusalemm flimkien ma' Barnaba u ħadt miegħi lil Titu wkoll. Tlajt hemmhekk wara li kelli rivelazzjoni; u lill-mexxejja flimkien weħidhom, urejthom l-evanġelju li qiegħed inxandar fost il-ġnus, biex ma nsibx ruħi li qiegħed niġri jew inkun ġrejt għal xejn. B’danakollu anqas Titu li kien miegħi, hu li hu Grieg, ma ġie mġiegħel li jkun ċirkonċiż. 

Iżda minħabba xi wħud li riedu jiżżattu, aħwa foloz li ndaħlu bla jedd biex jitkixxfu fuq il-libertà tagħna li għandna fi Kristu Ġesù ħalli jitfgħuna fil-jasar, lilhom anqas għal waqt wieħed biss ma rħejnielhom iwaqqgħuna għalihom, ħalli b'hekk il-verità ta' l-Evanġelju sseħħ għalikom. Min-naħa tagħhom, il-mexxejja - kienu x'kienu, lili xejn ma jimpurtani; Alla lejn wiċċ ħadd ma jħares - dawk li kellhom isem, ma żiduli xejn lili; anzi, għall-kuntrarju, meta raw li lili kien fdat ix-xandir ta' l-Evanġelju fost il-ġnus, bħalma kien lil Pietru fost il-Lhud -għax Dak li ħadem f'Pietru biex jagħmlu appostlu fost il-Lhud ħadem ukoll bija għal fost il-Ġentili - meta għarfu l-grazzja li kienet mogħtija lili, Ġakbu, Kefa u Ġwanni, li kienu meqjusin bħala l-kolonni, taw lili u lil Barnaba l-id il-leminija tagħhom b'sinjal ta' l-għaqda ta' xirka bejnietna, biex aħna naħdmu fost il-ġnus u huma fost il-Lhud; biss, li minn-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar, ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi.

 

RESPONSORJU Mt 16:18-19

 

R/. Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħelbuhiex. * Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet.

V/. Kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet. * Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof Santu Wistin.

 

Dawn il-martri raw dak li xandru

 

 Illum għalina hu jum imqaddes bil-martirju ta’ l-Appostli qaddisin Pietru u Pawlu. M’aħniex insemmu martri li ma jafhom ħadd. Ma’ l-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jixtered kliemhom. Dawn il-martri raw dak li xandru, imxew wara s-sewwa, stqarrew il-verità, u mietu għall-verità.

 Pietru, l-ewwel fost l-Appostli, kollu ħeġġa ta’ mħabba għall-Kristu, stħaqqlu jisma’ l-kelmiet: U jiena ngħidlek: Inti Pietru. Għax hu qal: Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj. U t-tweġiba ta’ Kristu kienet: U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi. Fuq din il-blata nibni l-fidi li għadek kemm stqarrejt. Fuq din il-kelma li għedt: Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj, jiena nibni l-Knisja tiegħi. Għax inti Pietru, jiġifieri blata. Jismek Pietru għax inti blata, u mhux blata għax jismek Pietru. Bħalma hu Pietru mill-blata, hekk il-kristjan minn Kristu.

 Intom tafu li Sidna Ġesù, qabel il-passjoni tiegħu, għażel xi wħud mid-dixxipli tiegħu u sejjħilhom Appostli. Fost dawn, tista tgħid kullimkien Pietru waħdu stħaqqlu juri fih innifsu l-persuna tal-Knisja kollha. U kien minħabba din l-istess personifikazzjoni tal-Knisja kollha. U kien minħabba din l-istess personifikazzjoni tal-Knisja kolla fih li stħaqqlu jisma’: Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet. Dawn l-imfietaħ ma ngħatawx lil wieħed waħdu, iżda lill-għaqda waħda tal-Knisja. Minn hawn ġej il-kobor ta’ Pietru, għax meta Kristu qallu Jiena nagħtik dak li ta lil Kulħadd, Pietru kien ix-xbieha ta’ l-istess Knisja kollha u waħda. U biex tkunu tafu li l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet ħadithom il-Knisja, isimgħu x’qal il-Mulej band’oħra lill-Appostli kollha tiegħu: Ħudu l-Ispirtu s-Santu. U minnufih żied jgħidilhom: Id-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu maħfura, u d-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu maħfura, u d-dnubiet ta’ dawk li żżommu jkunu miżmuma.

 U bir-raġun kollu wara l-qawmien mill-imwiet il-Mulej ħalla f’idejn l-istess Pietru biex jirgħa n-nagħaġ tiegħu. Ma kienx hu waħdu fost id-dixxipli li stħaqqlu jirgħa n-nagħaġ tal-Mulej; iżda meta Kristu kellem lil Pietru waħdu, kellu f’moħħu l-għaqda waħda; u l-ewwelnett lil Pietru, għax fost l-Appostli Pietru l-ewwel. Xejn tiddejjaq, Appostlu: agħti t-tweġiba tiegħek, darba, tnejn, tlieta. Stqarr għal tliet darbiet bl-imħabba u irbaħ, kif ċħadt għal tliet darbiet bil-biża’ u tlift. Ħoll għal tliet darbiet dak li rbaħt għal tliet darbiet. Ħoll bl-imħabba dak li rbatt bil-biża’. Madankollu l-Mulej f’idejn Pietru ħalla n-nagħaġ tiegħu darba, darbtejn tliet darbiet.

 F’jum wieħed qegħdin niċċelebraw il-martirju ta’ żewġ Appostli. Imma dawn it-tnejn kienu ħaġa waħda bejniethom; għalkemm mhux it-tnejn mietu f’jum wieħed, imma t-tnejn kienu ħaġa waħda. L-ewwel miet Pietru. U mbagħad warajh Pawlu. Niċċelebraw il-festa ta’ dawn iż-żewġ Appostli f’jum ikkonsagrat għalina b’demmhom. Inħobbu l-fidi, il-ħajja, it-taħbit, it-tbatijiet, l-istqarrijiet u x-xandir kollu tagħhom.

 

RESPONSORJU

 

R/. Appostlu San Pawl, xandâr tas-sewwa u mgħallem tal-ġnus, * Tassew jistħoqqlok li tkun igglorifikat.

V/. Bik il-ġnus kollha għarfu l-grazzja ta’ Alla. * Tassew jistħoqqlok li tkun igglorifikat.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

 TALBA

 

O Alla, int timliena b’ferħ qaddis f’dan il-jum ta’ festa solenni f’ġieħ l-Appostli San Pietru u San Pawl; agħmel li l-Knisja tiegħek timxi dejjem fuq it-twissijiet tagħhom kif bihom in qegħedt fiha s-sisien tar-reliġjon. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Sellem, ġemgħa kkonsagrata,

lil dal-jum glorjuż u mfaħħar,

jum imqaddes bil-martirju

ta’ l-Appostli Pietru w Pawlu.

 

B’mewt rebbieħa li għaqqdithom,

żewġ għejun fi xmara waħda,

ġrew qalbiena t-triq ta’ Kristu,

b’fidi sħiħa fih sa l-aħħar.

 

L-ewwel Pietru fl-istqarrija;

Pawlu wrajh, għodda maħtura:

iżda t-tnejn ta’ kobor wieħed,

sew fil-grazzja, sew fil-fidi.

 

Hekk flimkien bnew Ruma ġdida

fuq sisien imwettqa b’demmhom,

u għollewha ‘l fuq mill-qċaċet,

biex tkun tidher mill-art kollha.

 

Hija ras tal-bliet, u fiha

joqgħod Pietru bħala mgħallem,

u għall-kelma tiegħu jiġru

minn kull rokna l-ġnus u l-popli.

 

Fi tjubitek, Kristu Sidna,

isma’ t-talb ta’ dawn l-appostli,

biex tiġborna w naqsmu magħhom

fl-hena tas-smewwiet għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Salmi u kantiku tal-Ħadd ta’ l-I ġimgha.

 

Ant. 1: Jien naf f’min emmint, u naf sewwa li l-imħallef ġust jista’ jħares it-teżor li ġie fdat f’idejja, sa ma jasal dak il-jum.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1: Jien naf f’min emmint, u naf sewwa li l-imħallef ġust jista’ jħares it-teżor li ġie fdat f’idejja, sa ma jasal dak il-jum.

Ant. 2: Il-grazzja ta’ Alla fija ma sefgħetx fix-xejn, iżda l-grazzja tiegħu hi dejjem miegħi.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Il-grazzja ta’ Alla fija ma sefgħetx fix-xejn, iżda l-grazzja tiegħu hi dejjem miegħi.

Ant. 3: Tqabadt it-taqbida t-tajba temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: Tqabadt it-taqbida t-tajba temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 4:13-14

 

Għeżież, ifirħu, għax intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu. Jekk imaqdrukom minħabba l-isem ta’ Kristu, henjin intom! Fuqkom għandkom l-Ispirtu tal-glorja, henjin intom! Fuqkom għandkom l-Ispirtu tal-glorja, li hu l-Ispirtu ta’ Alla.

  

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Huma taw ħajjithom * Għall-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu.

V/. Ħarġu ferħana għax ġew meqjusa denji li jkunu mmaqdra. * Għall-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu. Glorja. Huma.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

 Xmun Pietru wieġeb: Mulej għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem; u aħna emminna u għarafna li inti Kristu, Bin Alla, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

 Xmun Pietru wieġeb: Mulej għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem; u aħna emminna u għarafna li inti Kristu, Bin Alla, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu bena l-Knisja tiegħu fuq is-sisien ta’ l-Appostli u l-profeti. Inqawwu qalbna u nitolbuh:

Mulej, agħmel il-ġid lill-Knisja tiegħek.

Int tlabt għal Pietru, biex il-fidi tiegħu ma tiġix nieqsa:

- wettaq il-Knisja tiegħek fil-fidi.

Int, wara li rxuxtajt, dhert lil Xmun Pietru u wrejt min int lil Sawlu:

- dawwal lil moħħna, biex nistqarru li inti ħaj.

Int għażilt lil Pawlu Appostlu tiegħek biex ixandar ismek lill-ġnus:

- agħmel li nxandru b’tifħir u tassew l-Evanġelju tiegħek.

Int, fil-ħniena tiegħek, ħfirt lil Pietru ċ-ċaħdiet tiegħu:

- aħfrilna dnubietna kollha.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int timliena b’ferħ qaddis f’dan il-jum ta’ festa solenni f’ġieħ l-Appostli San Pietru u San Pawl; agħmel li l-Knisja tiegħek timxi dejjem fuq it-twissijiet tagħhom kif bihom in qegħedt fiha s-sisien tar-reliġjon. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

Ant. Waqt li Pietru kien għadu jitkellem, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh, u bdew jitkellmu ilsna u jfaħħru l-kobor ta’ Alla.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Pietru għall-ħabta ta’ nofsinhar tela’ jitlob fuq il-bejt.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Pietru u Ġwanni kienu telgħin fit-tempju għat-talb tat-tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Fid-disgħa ta’ filgħodu

 

Salm 119 (120)

 

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *

u hu weġibni.

 

Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *

u mill-ilsna qarrieqa.

X'se tieħu b'dan, u x'se jiswielek, *

ilsien qarrieq?

Vleġeġ misnuna ta' wieħed b'saħħtu, *

u ġamar tal-ġummar.

Imsejken jien, li ngħix barrani f'Mesek; *

li ngħammar fl-għerejjex ta' Kedar!

Ili ngħix biżżejjed *

ma' dawk li jobogħdu s-sliem.

Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *

insibhom lesti għall-ġlied.

 Glorja.

 

Salm 120 (121)

 

Nerfa' għajnejja lejn l-għoljiet; *

mnejn se tiġini l-għajnuna?

Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod *

dak li jħares lil Iżrael.

 

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *

anqas il-qamar billejl.

 

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *

minn issa u għal dejjem.

 Glorja.

 

Salm 121 (122)

 

Fraħt meta qaluli: *

"Sejrin f'dar il-Mulej!"

Diġà qegħdin riġlejna *

fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu, *

it-tribù tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta' Iżrael, *

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *

it-tronijiet tad-dar ta' David.

 

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *

"Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *

u l-ġid fil-palazzi tiegħek!" 

Minħabba ħuti u ħbiebi, *

ħallini ngħidlek: "Is-sliem għalik?"

Minħabba f'dar il-Mulej, Alla tagħna, *

nixtieq illi jkollok il-ġid.

 Glorja.

 

F’nofsinhar

 

Salm 122 (123)

 

Lejk nerfa' għajnejja, *

int li tgħammar fis-smewwiet.

 

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *

bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *

sa ma jkollu ħniena minna.

 

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *

għax mitmugħa sax-xaba' bit-tagħjir.

Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *

biż-żebliħ ta' l-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

 Glorja.

 

Salm 123 (124)

 

Li ma kienx il-Mulej magħna *

 - ħa jgħid hekk Iżrael –

li ma kienx il-Mulej magħna, *

meta qamu għalina n-nies,

ħajjin kienu jibilgħuna, *

meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

 

L-ilma kien jgħarraqna, *

il-wied kien jgħaddi minn fuqna;

minn fuqna kien jgħaddi *

mewġ ta' l-ilma qawwi.

 

Imbierek il-Mulej, *

li ma telaqniex priża għal snienhom.

Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *

Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

 

L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 Glorja.

 

Salm 124 (125)

 

Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta' Sijon, *

li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.

Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *

hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,

 minn issa u għal dejjem.

Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena

fuq l-art, wirt il-ġusti, *

 biex ma jiġrix li l-ġusti

jmiddu jdejhom għall-ħażen.

 

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *

u lil dawk ta' qalbhom safja.

Imma 'l dawk li jgħawwġu triqthom †

jitlaqhom il-Mulej ma' dawk li jagħmlu l-ħażen.

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Salm 125 (126)

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon, *

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna, *

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna! *

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina, *

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku, *

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ, *

iġorru l-qatet f'idejhom.

 Glorja.

 

Salm 126 (127)

 

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *

għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *

għalxejn jishar l-għassies.

 

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †

 jew li ddumu ma tistrieħu

u li tieklu ħobż it-tbatija; *

 għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

 

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *

ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.

Bħal vleġeġ f'id il-ġellied, *

hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *

 Ma jinfixilx meta jiltaqa'

ma' l-għedewwa f'bieb il-belt.

 Glorja.

 

Salm 127 (128)

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej, *

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol; *

hieni int, u riżqek tajjeb!

Martek tkun bħal dielja għammiela *

 fl-irkejjen ta' darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek! *

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant. Waqt li Pietru kien għadu jitkellem, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh, u bdew jitkellmu ilsna u jfaħħru l-kobor ta’ Alla.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 15:7b-9

 

Alla għażilni minn fostkom biex, minn fommi, il-pagani jisimgħu l-kelma tal-Bxara t-Tajba u jemmnu. U Alla, li jagħraf il-qlub, xehed għalihom billi tahom l-Ispirtu s-Santu kif tah lilna wkoll. U ma għamel ebda għażla bejnna u bejnhom, imma saffielhom qalbhom bil-fidi.

 

V/. Ma’ l-art kollha jasal leħenhom.

R/. Mad-dinja kollha jinxtered kliemhom.

 

F’Nofsinhar

 

Ant. Pietru għall-ħabta ta’ nofsinhar tela’ jitlob fuq il-bejt.

 

LEZZJONI QASIRA Gal 1:15-16a. 17b-18a

 

Meta dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku; mbagħad, tliet snin wara, tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa.

 

V/. Huma ħarsu l-preċetti ta’ Alla.

R/. U l-kmandamenti tiegħu.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Pietru u Ġwanni kienu telgħin fit-tempju għat-talb tat-tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 4:13-14

 

Billi aħna għandna l-istess spirtu ta’ fidi li fuqu hemm miktub: Emmint, u għalhekk tkellimt; aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna, għax nafu li dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù, u jressaqna quddiemu flimkien magħkom.

 

V/. Ifirħu u ithennew.

R/. Għax ismijietkom miktuba fis-smewwiet.

 

Talba

 

O Alla, int timliena b’ferħ qaddis f’dan il-jum ta’ festa solenni f’ġieħ l-Appostli San Pietru u San Pawl; agħmel li l-Knisja tiegħek timxi dejjem fuq it-twissijiet tagħhom kif bihom in qegħedt fiha s-sisien tar-reliġjon. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Int hienja, Ruma, li sebbaħt ħitanek

meta xerridt id-demm ta’ Pietru w Pawlu:

għax kienu l-merti tagħhom, mhux ġrajjietek,

li minnek għamlu l-ġawhra tal-bliet kollha!

 

Irġiel qalbiena tas-Sultan tal-qtajja’

martri glorjużi w prinċpijiet tal-Knisja,

għinuna tul il-ħajja bit-talb tagħkom,

biex nimxu bla tfixkil fit-triq tas-sema.

 

B’għanjiet ta’ glorja lill-Missier infaħħru,

kull ġieħ u setgħa lill-Waħdieni tiegħu,

il-ħajr u l-qawwa lill-Ispirtu s-Santu,

it-Trinità ta’ dejjem, Alla wieħed. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Pietru, jien tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa; inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek.

 

Salm 115 (116B)

 

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: *

"Jiena mdejjaq ħafna!"

Jien għedt fin-niket tiegħi: *

"Qarrieq hu kull bniedem."

 

Xi nrodd lill-Mulej *

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi *

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f'għajnejn il-Mulej *

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

 

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek, *

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. †

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej, *

ġo nofsok, Ġerusalemm!

 Glorja.

 

Ant. 1: Pietru, jien tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa; inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek.

Ant. 2: Bil-qalb kollha niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija, biex tistrieħ fuqi l-qawwa ta’ Kristu.

 

Salm 125 (126)

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon, *

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna, *

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

 

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna! *

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina, *

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku, *

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ, *

iġorru l-qatet f'idejhom.

 Glorja.

 

Ant. 2: Bil-qalb kollha niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija, biex tistrieħ fuqi l-qawwa ta’ Kristu.

Ant. 3: Inti r-ragħaj tan-nagħaġ, il-prinċep ta’ l-Appostli; Kristu tak l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet.

 

Kantiku Ef 1:3-10

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba;

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu, *

skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

 

 għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

 

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

 

 jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Inti r-ragħaj tan-nagħaġ, il-prinċep ta’ l-Appostli; Kristu tak l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet.

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 15:3-5. 8

 

 Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-Iskrittura: difnuh, u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax. Fl-aħħar deher lili wkoll, wara kulħadd.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. L-Appostli kienu jxandru l-kelma ta’ Alla * Bil-kuraġġ kollu. L-Appostli.

V/. U kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù. * Bil-kuraġġ kollu. Glorja. L-Appostli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Pietru l-Appostlu u Pawlu l-imgħallem tal-ġnus għallmuna l-liġi tiegħek, Mulej.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Pietru l-Appostlu u Pawlu l-imgħallem tal-ġnus għallmuna l-liġi tiegħek, Mulej.

 

PREĊI

 

Kristu bena l-Knisja tiegħu fuq is-sisien ta’ l-Appostli u l-profeti. Inqawwu qalbna u nitolbuh:

Mulej, ieqaf mal-poplu tiegħek.

Int sejjaħt lil Xmun is-sajjied biex isir sajjied tal-bnedmin:

- la tiqafx tagħżel il-ħaddiema tiegħek biex bihom issalva l-kotra tal-bnedmin.

Int sikkitt il-baħar imqalleb, biex id-dgħajsa tad-dixxipli ma tegħreqx:

- ħares lill-Knisja tiegħek minn kull taħbit u agħti l-qawwa lill-qaddej tiegħek il-Papa N.

Int qomt mill-imwiet u ġbart madwar Pietru l-merħla tiegħek li kienet xterdet:

- iġma’ l-poplu kollu tiegħek f’merħla waħda taħtek, ir-Ragħaj it-tajjeb tagħna.

Inti bgħatt lill-appostlu Pawlu għand il-ġnus biex ixandrilhom l-evanġelju tiegħek: - agħmel li l-messaġġ tas-salvazzjoni jixxandar lill-bnedmin kollha.

Inti tajt l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet lill-Knisja tiegħek:

- iftaħ bwieb is-sema lil dawk kollha li f’ħajjithom afdaw fil-ħniena tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int timliena b’ferħ qaddis f’dan il-jum ta’ festa solenni f’ġieħ l-Appostli San Pietru u San Pawl; agħmel li l-Knisja tiegħek timxi dejjem fuq it-twissijiet tagħhom kif bihom in qegħedt fiha s-sisien tar-reliġjon. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgĦu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.