Stampa t-test kollu ...


IT-TLIETA

TAT-VIII ĠIMGHA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tat-Tlieta tar-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

 Mulej, iftaħli xufftejja.

 U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

 Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

 Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

 Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

 Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

 Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Qabel ma jfeġġ mill-lvant id-dawl u jsebbaħ

b’gawhriet fiddiena x-xtut tal-gżejjer tagħna,

inħollu lsienna w b’qalb ferħana ngħannu

tifħir lil Sidna.

 

Ngħaqqdu leħinna ma’ ta’ l-anġli w ngħannu

lis-Sultan twajjeb tagħna, sa nissieħbu

mal-qaddisin u jistħoqqilna nidħlu

fil-ħajja hienja.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu;

u lilha d-dinja kollha trodd bla heda

tifħir u glorja. Ammen.

 

I.

Mulej fil-ħniena tiegħek, agħti widen

għall-leħen umli tal-qaddejja tiegħek;

fiċ-ċokon tagħna nersqu lejk, bit-tama

 li tisma’ talbna.

 

Mit-tron tas-saltna tiegħek, ixħet fuqna

ħarsa ta’ tjieba w sliem, u żomm mixgħula

l-imsiebaħ tagħna, li għalik ħejjejna

 biż-żejt tal-fidi.

 

Sultan tas-sema w l-art, Għarus tal-verġni,

kebbes lil qalbna b’nar l-imħabba safja,

biex, meta tiġi w tħabbat, dlonk niftħulek,

 u nidħlu miegħek.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier, int l-Iben, u l-Ispirtu;

u lilkom trodd bla heda d-dinja kollha

 tifħir u glorja. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħa tasal għandek l-għajta tiegħi, Mulej; taħbix wiċċek minni.

 

Salm 101 (102)

 

I

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, *

ħa tasal għandek l-għajta tiegħi.

Taħbix wiċċek minni *

f'jum id-dwejjaq tiegħi;

ressaq widintek lejja, *

meta nsejjaħlek fittex weġibni!

Għax jiemi bħal duħħan jgħibu; *

u għadmi bħal ħuġġieġa jaqbad.

Nixfet qalbi bħal ħaxix maqtugħ; †

ninsa niekol sa l-ħobż tiegħi.

Bl-ilfiq qawwi tiegħi sirt għadma u ġilda.

 

Qisni xi tajra fix-xagħri; *

sirt bħal kokka qalb xi ħerba.

Nibqa' mqajjem u nitniehed, *

bħal għasfur waħdu fuq bejt.

Il-jum kollu jgħajjruni l-għedewwa tiegħi, *

jixegħlu għalija u jidgħu bija.

 

Niekol l-irmied bħal ħobż, *

u x-xorb tiegħi bid-dmugħ inħallat,

minħabba l-għadab u s-saħna tiegħek, *

għax inti rfajtni, u mbagħad tlaqtni.

Jiemi qed jonqsu bħad-dell ta' filgħaxija; *

u jien bħal ħaxix qiegħed ninxef.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ħa tasal għandek l-għajta tiegħi, Mulej; taħbix wiċċek minni.

Ant. 2: Mulej,isma’ t-talb ta’ l-umli.

 

II

 

Imma int, Mulej, għal dejjem tibqa'; *

minn nisel għal nisel it-tifkira tiegħek.

Inti tqum u tħenn għal Sijon, *

għax hu ż-żmien u l-waqt li tħenn.

Għax għażiż għall-qaddejja tiegħek il-ġebel tagħha; *

tiġihom ħasra mit-trab tagħha.

 

Ħa jkollhom il-ġnus il-biża' ta' ismek, Mulej, *

u s-slaten kollha ta' l-art

 il-biża' tas-sebħ tiegħek,

meta l-Mulej jerġa' jibni lil Sijon, *

u jidher fis-sebħ tiegħu.

U jisma' t-talb tal-mitluqin, *

ma jistmellx it-talb tagħhom.

 

Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi, *

u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.

Il-Mulej iħares 'l isfel

mill-għoli tas-santwarju tiegħu, *

 hu jittawwal mis-sema lejn l-art,

biex jisma' l-krib ta' l-ilsiera, *

biex jeħles 'il dawk li huma għall-mewt.

U hekk jixxandar f'Sijon isem il-Mulej, *

u f'Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,

meta l-popli flimkien jinġemgħu, *

u slaten biex jaqdu l-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej,isma’ t-talb ta’ l-umli.

Ant. 3: L-art int waqqaftha, Mulej; għemil idejk huma s-smewwiet.

 

 Neħħieli saħħti f'nofs it-triq, *

qassarli ż-żmien ta' ħajti.

Jien ngħidlu: †

"Alla tiegħi, la teħodnix f'nofs ħajti, *

la darba żmienek idum għal dejjem.

L-art int waqqaftha sa mill-bidu; *

għemil idejk huma s-smewwiet.

 

Huma jgħaddu, imma int tibqa'; †

bħal libsa huma lkoll jiqdiemu, *

tbiddilhom bħal libsa u jintemmu.

Imma int li int tibqa'; †

bla tmiem huma s-snin tiegħek.

Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom; *

nisilhom jibqa' għal dejjem quddiemek."

 Glorja.

 

Ant. 3: L-art int waqqaftha, Mulej; għemil idejk huma s-smewwiet.

 

V/. Poplu tiegħi, agħtu widen għall-liġi tiegħi.

R/. Iftħu widnejkom għal kliem fommi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob

 

Il-biki ta’ Ġob

 

Ġob fetaħ fommu, seħet jum twelidu, u qabad jgħid:

"Ħa jinqered jum twelidi, u l-lejl li qal 'Tnissel raġel.'

Ħa jinbidel fi dlam dak il-jum,

ma jiħux ħsiebu Alla mill-għoli

u qatt ma jiddi d-dawl fuqu.

Ħa jkasbruh id-dlam u s-swedija,

ħa joqgħod fuqu s-sħab,

u jagħmlu waħx iċ-ċpar oħxon.

u twaħħxu l-eklissi.

Dak il-lejl fid-dlam jinsatar,

ma jitqiesx mal-jiem tas-sena,

anqas ma jidħol fl-għadd tax-xhur.

Iva, ħa jkun dak il-lejl tad-dwejjaq,

u ma jidħolx fih l-għajat ta’ ferħ.

Ħa jisħtuh dawk li jisħtu l-jum

u mħarrġin biex iqajjmu l-Liwjatan.

Jinfnew il-kwiekeb taż-żerniq tiegħu,

jistenna d-dawl u ma jasal qatt,

anqas ma jara s-sebħ ibexbex.

Għax ma żammlix magħluqa bwieb il-ġuf

u ma ħbiex it-taħbit minn għajnejja?

Għaliex ma mittx fi ħdan ommi?

Għaliex ma ħrigtx mill-ġuf u mitt?

Għaliex laqgħuni l-irkubbtejn?

Għaliex sidrejn biex nerda'?

Kieku issa jien mimdud u sieket,

kont inkun rieqed u mistrieħ

mas-slaten u l-kunsillieri ta' l-art,

jew mal-kbarat li bnew mill-ġdid il-ħerba,

jew mal-kbarat li mlew djarhom bil-fidda.

Għaliex ma kontx bħal rimi moħbi,

bħat-trabi li qatt ma raw id-dawl?

Hemm il-ħżiena jehdew mill-inkwiet,

u l-għajjenin isibu l-mistrieħ.

Hemm il-priġunieri lkoll fil-kwiet,

bla ma jisimgħu leħen l-argużin.

Iż-żgħir u l-kbir hemmhekk qegħdin

u l-ilsir ħieles minn sidu.

Għaliex jingħata d-dawl lill-imsejken,

u l-ħajja lil min qalbu kollha mrar?

Lil dawk li jixxennqu l-mewt bla ma tiġihom,

u jħaffru għaliha aktar milli għal teżor?

Jifirħu u jaqbżu bil-ferħ,

jogħxew meta jsibu l-qabar.

Għaliex il-ħajja lill-bniedem li triqtu magħluqa,

li Alla għalaq minn kull naħa?

Għalhekk il-krib tiegħi bħal ikel jiġini,

u l-għajat tiegħi bħall-ilma jfur.

Għax dak li nibża' minnu jiġi fuqi

u dak li jwerwirni jilħaqni.

M'hemmx kwiet għalija u lanqas skiet,

m’għandix mistrieħ u jaqbduni n-nervi”.

 

RESPONSORJU Ġob 3:24-26, 6:13

 

R/. Il-krib tiegħi, bħal ikel jiġini, u l-għajat tiegħi bħall-ilma jfur, għax dak li nibża’ minnu jiġu fuqi u dak li jwerwirni jilħaqni. * M’għandix mistrieħ, Mulej, u jaqbduni n-nervi.

V/. Baqa’ xi saħħa fija? M’Għandi ‘l ħadd min jagħtini l-għajnuna. * M’għandix mistrieħ, Mulej u jaqbduni n-nervi.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Istqarrijiet ta’ l-isqof Santu Wistin

 

Quddiemek, Mulej, jien nidher dak li nkun

 

Ħa nagħrfek, o Alla li tagħrafni, ħa nagħrfek bħalma jien magħruf. Qawwa ta’ ruħi, idħol f’ruħi u sawwarha għalik biex tkun kollha kemm hi tiegħek bla tebgħa u bla tikmix. Dan nittama u għalhekk nitkellem, u nifraħ b’din it-tama tiegħi meta l-ferħ tiegħi hu safi. Dak li jibqa’ minn dil-ħajja jmissna nibkuh inqas milli nibkuh, u nibku aktar dak li nibkuh inqas. Inti tħobb il-qalb sinċiera, għalhekk kull min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl. Dan nixtieq nistqarru f’qalbi quddiemek, u quddiem ħafna xhieda bil-miktub.

U kieku wkoll ma rrid nistqarrlek xejn, x’jista’ jkun hemm moħbi għalik, Mulej, li ħarstek tinfed sal-qiegħnett tal-kuxjenza tal-bniedem? Inkun naħbik għalija, u mhux ninħeba minnek! Iżda issa li t-tnehid tiegħi jixhidli li jiena ma nogħġobx lili nnifsi, dawlek jiddi fuqi u jiena nifraħ bik u nħobbok u nixtieqek; nistħi minni nnifsi u nistmerr lili nnifsi u nagħżel lilek, u ma nogħġobx la lilek u la lili nnifsi ħlief fik biss.

Quddiemek, Mulej, jien nidher tassew dak li nkun; quddiemek jien stqarrejt x’siwi għandha din l-istqarrija tiegħi, li jien ma għamiltx bi kliem u leħen fommi, iżda bi kliem ruħi u bl-għajat ta’ ħsiebi, u inti smajtni. Meta jien ħażin, l-istqarrija tiegħi tfisser biss li jien ma nogħġobx lili nnifsi, u meta jien tajjeb din l-istqarrija tiegħi tfisser biss li jiena ma nippretendix li t-tjieba hi xi ħaġa tiegħi. Għax int tbierek il-ġust, Mulej, iżda qabel tiġġustifika lil min hu ħażin. L-istqarrija tiegħi quddiemek, Mulej, issir fis-skiet, iżda ssir ukoll mhux fis-skiet. Issir fis-skiet għax bla għajat minn fommi, għax l-għajta tiegħi hi għajta ta’ mħabba ħierġa mill-qalb.

Int, Mulej, tiġġudikani, u, għalkemm ebda bniedem ma jaf dak li hemm moħbi fil-bniedem, jekk mhux l-ispirtu tal-bniedem li hemm fih, hemm xi ħaġa fil-bniedem li anqas jafha l-ispirtu tal-bniedem li hemm fih, iżda int, Mulej, taf kull ħaġa tal-bniedem, għax inti ħlaqtu. U jiena, għalkemm nistmerr lili nnifsi quddiemek, u nqis lili nnifsi quddiemek, u nqis lili nnifsi trab u rmied, naf fuqek xi ħaġa li ma nafhiex fuqi.

U tassew, issa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb’wiċċ; għalhekk sakemm għadni ngħix ‘il bogħod minnek, jiena aktar medhi bija milli bik, iżda naf li xejn ma jista’ jġarrbek: jien iżda ma nafx f’liema tiġrib nista’ nżomm sħiħ u f’liema m’hux se nżomm sħiħ. It-tama tiegħi hi li int fidil u ma tħalliniex inkunu mġarrba aktar milli nifilħu, u mat-tiġrib tagħtina l-qawwa u l-għajnuna biex inkunu nifilħu għalih.

Nistqarr mela dak li naf fuqi nnifsi u dak li ma nafx fuqi nnifsi, għaliex dak li naf fuqi nafu għax int iddawwalni, u dak li ma nafx nibqa’ ma nafux sa meta dlamijieti jsiru quddiemek qishom id-dawl ta’ nofsinhar.

 

RESPONSORJU Salm 138(139): 1b. 2b. 7

 

R/. Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni, * Int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

V/. Fejn immur ‘il bogħod mill-ispirtu tiegħek? Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek? * Int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

 

TALBA

 

 Agħtini, Mulej, li d-dinja timxi l-ordni tiegħek għall-paċi tagħna, u li l-Knisja tiegħek tqimek ferħana fis-sliem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Jum ta’ dejjem mingħajr għabex,

id-dawl tiegħek qatt ma jonqos;

dlam u lejl imbiegħda minnek,

int li ħlaqt id-dawl fil-bidu.

 

Diġà bjad fil-lvant ix-xefaq,

beda juri l-jum li riesaq,

u, bil-kewkba ta’ filgħodu,

sfaru w għebu l-kwiekeb l-oħra.

 

O Mulej, ħallejna friexna

bla tnikkir, ħa nsebbħu lilek,

u nroddulek ħajr għax tajtna

dal-jum ġdid, għall-glorja t’ismek.

 

Tħalliniex inkunu mqarrqa

minn sbuħit ix-xemx li tidher,

imma għinna biex nixtiequ

lilek waħdek, Xemx tas-sewwa.

 

Itfi fina n-nar tal-korla,

rażżan l-ikel u x-xorb żejjed,

żommna lkoll matul ħidmietna

f’għaqda miegħek u bejnietna.

 

Hekk, qawwija w sħaħ fil-fehma,

b’qalb nadifa f’ġisem safi,

nistgħu ngħaddu dil-ġurnata

b’fedeltà ma’ Kristu Sidna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Lilek, Mulej, irrid ngħanni; irrid nimxi bil-għaqal fit-triq il-perfetta.

 

Salm 100 (101)

 

Ngħanni u nxandar it-tjieba u l-ġustizzja; *

lilek, Mulej, irrid ngħanni.

Irrid nimxi bl-għaqal fit-triq il-perfetta; *

meta se tiġi għandi?

Inġib ruħi b'qalb safja ġewwa dari; *

ebda ħaġa ħażina ma nżomm quddiem għajnejja.

Nobgħod 'il min jagħmel il-ħażen, *

u ma norbotx qalbi miegħu.

 

Qalb imħassra nżommha 'l bogħod minni; *

il-ħażin ma rridx naf bih.

Min iqassas bil-moħbi fuq għajru, *

lil dan jien neqirdu.

Min għajnejh merfugħa u qalbu mkabbra, *

ma nistax inġerrgħu.

 

Nżomm għajnejja fuq it-twajbin ta' l-art, *

biex dawn joqogħdu miegħi.

Min jimxi fit-triq il-perfetta, *

dan hu li jaqdini.

Ma jgħammarx f'dari min jimxi bil-qerq; *

ma jżommx quddiemi min jitkellem bil-gideb.

Għodwa wara l-oħra

neqred il-ħżiena kollha ta' l-art, *

 biex inwarrab mill-belt tal-Mulej

'il kull min jagħmel il-ħażen.

 Glorja.

 

Ant. 1: Lilek, Mulej, irrid ngħanni; irrid nimxi bil-għaqal fit-triq il-perfetta.

Ant. 2: Mulej, la twarrabx il-ħniena tiegħek minn fuqna.

 

Kantiku Dan 3:26 .27. 29. 34-41

 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna, *

ta’ min ifaħħrek ħafna, u ismek hu msebbaħ għal dejjem.

Għax int ġust f’dak kollu li għamiltilna,

kull ma għamilt hu sewwa.

Għax dnibna u għamilna ħażin *

meta tlaqna lilek.

 

Minħabba f’ismek, la titlaqniex għalkollox, *

la tħassarx il-patt tiegħek,

la twarrabx il-ħniena tiegħek minn fuqna, *

minħabba f’Abraham, il-ħabib tiegħek,

minħabba f’Iżakk, il-qaddej tiegħek *

u minħabba f’Iżrael, il-qaddis tiegħek.

li lilu kont wegħidt nisel bla għadd, *

daqs il-kwiekeb tas-sema

 u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar.

 

Għax aħna, Mulej,

sirna iżgħar minn kull ġens ieħor, *

u minħabba fi dnubietna

llum iċċekkinna fid-dinja kollha.

 

U bħalissa la hemm iżjed prinċep, *

la profeta u lanqas mexxej;

la hemm offerta tal-ħruq u lanqas sagrifiċċju, *

la għotja u lanqas inċens,

u lanqas baqa’ mkien

fejn noffrulek l-ewwel frott tagħna, *

 jew fejn nitolbuk ħniena.

 

Madankollu, b’qalbna mgħaffġa u ruħna mċekkna, *

jalla nkunu ningħoġbu quddiemek,

qisna b’sagrifiċċji tal-ħruq ta’ nagħaġ u barrin, *

qisna b’eluf ta’ ħmir imsemmna;

ħa jkun hekk illum is-sagrifiċċju tagħna quddiemek, *

u jalla nimxu għalkollox warajk,

għax xejn ma jitħawwdu *

dawk li jittamaw fik.

 

U issa b’qalbna kollha nimxu warajk, *

nibżgħu minnek u nfittxu lilek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, la twarrabx il-ħniena tiegħek minn fuqna.

Ant. 3: O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek.

 

Salm 143 (144):1-10

 

Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi, †

li jħarriġli jdejja għat-taqbida *

u subgħajja għat-taqtigħa.

Tjieba tiegħi u qawwa tiegħi, *

kenn tiegħi u ħellies tiegħi,

tarka tiegħi, fih jien nistkenn; *

hu li jrażżan il-popli taħti.

 

Mulej, x'inhu l-bniedem biex taħseb fih, *

jew bin il-bniedem biex tiftakar fih?

Bħal daqsxejn ta' nifs hu l-bniedem; *

bħal dell li jgħaddi huma jiemu.

 

Ofroq, Mulej, is-smewwiet tiegħek, u inżel; *

miss l-għoljiet, u huma jdaħħnu.

Agħmel il-beraq u xerridhom; *

faqqa' s-sajjetti u ħarrabhom.

 

Midd idek mill-għoli,

aħtafni mill-ilma kotran;

eħlisni minn id il-barrani,

li b'fommu jgħid il-gideb, *

u b'lemintu jixhed il-qerq.

 

O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek, *

fuq arpa ta' għaxar kordi ngħannihielek.

Int li tagħti r-rebħa lis-slaten,

li teħles lil David, il-qaddej tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 3: O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 55:1

 

Intom li bikom il-għatx, ejjew għall-ilma; intom ukoll li ma għandkomx flus. Ejjew ixtru u kulu b’xejn, inbid u ħalib bla ħlas.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Isma’ leħni, Mulej; * Fi kliemek jien nittama. Isma’.

V/. Sa minn qabel is-sebħ jien nitlob l-għajnuna * Fi kliemek jien nittama. Glorja. Isma’

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, salvana minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, salvana minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

 

 PREĊI

 

Alla, tana l-grazzja li f’din il-għodwa noffrulu t-tifħir tagħna, biex jimliena bil-ferħ u jqawwina fit-tama. Inqawwu qalbna, mela, u nitolbuh bil-fiduċja:

Għall-glorja ta’ ismek, Mulej, ismagħna.

Infaħħruk, o Alla, Missier Sidna Ġesù, is-salvatur tagħna:

- niżżuk ħajr għax bih għarraftna u tajtna l-ħajja ta’ dejjem.

Mulej, agħtina umiltà sinċiera:

- agħmel li noqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu.

Sawwab l-Ispirtu tiegħek fina, qaddejja tiegħek:

- għallimna ngħożżu lil xulxin bħal aħwa, b’fehma safja u bla uċuħ.

Int ordnajt lill-bniedem biex jaħdem u jaħkem id-dinja:

- agħmel li x-xogħol tagħna jiswa għat-tifħir tiegħek u l-qdusija ta’ ħutna.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej, kattar fina l-fidi, biex it-tifħir tiegħek ikun perfett fuq fommna u jniżżel fuqna bla heda l-grazzji tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom.

 

Salm 118 (119):137-144

 

XVIII (Sade)

 

Ġust int, Mulej; *

u sewwa d-digrieti tiegħek.

Bil-ġustizzja għamilt il-preċetti tiegħek, *

u b'fedeltà mill-akbar.

 

Tifnini l-ħeġġa tiegħi, *

għax insew kelmtek l-għedewwa tiegħi.

Il-wegħda tiegħek jien ippruvajtha; *

għalhekk iħobbha l-qaddej tiegħek.

 

Għalkemm jien żgħir u mżeblaħ, *

ma ninsiex il-preċetti tiegħek.

Ġustizzja ta' dejjem hi l-ġustizzja tiegħek, *

u sewwa l-liġi tiegħek.

 

Għalkemm id-diqa u n-niket waqgħu fuqi, *

il-kmandamenti tiegħek baqgħu l-għaxqa tiegħi.

Ġustizzja ta' dejjem il-preċetti tiegħek; *

agħtini d-dehen biex ikolli l-ħajja.

Glorja.

 

Ant.1 Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom.

Ant.2 Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, Mulej.

 

Salm 87 (88)

 

I

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bil-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.2 Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, Mulej.

Ant.3 Jien lejk ngħajjat, Mulej; la taħbix wiċċek minni.

 

II

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bil-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsijin il-ġustizzja tiegħek?

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni? 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

 

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int bigħedt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet.

 Glorja.

 

Ant.3 Jien lejk ngħajjat, Mulej; la taħbix wiċċek minni.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 3:17-18

 

Jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ‘l ħuh fil-bżonn u jagħlaq għajnejh għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih? Uliedi, ma nħobbx bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u tassew.

 

 V/. Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef.

 R/. It-tifkira tal-bniedem ġust għal dejjem tibqa’

  

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, f’din is-siegħa tal-ġurnata int sawwabt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli; ibgħat fuqna wkoll l-istess Spirtu ta’ l-imħabba, biex b’fedeltà sħiħa nixhdu għalik quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 30:11-14

 

Dan l-ordni li qiegħed nagħtik illum m’huwiex xi ħaġa iebsa għalik jew li ma tistax tilħaqha. Għax il-kelma hi qrib tiegħek ħafna, tinsab fuq fommok u f’qalbek biex tobdiha.

 

 V/. Mulej, musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek.

 R/. U dawl fil-mogħdija tiegħi.

 

Talba

 

O Alla, int għarraft lil Pietru l-pjan li għamilt biex issalva l-ġnus; fit-tjieba tiegħek, agħtina li nkunu nogħġbuk f’dak kollu li nagħmlu, u għinna bil-grazzja tiegħek biex ilkoll naqduk skond il-ħsieb ta’ l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Iż 55:10-11

 

Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet u tagħti ż-żerriegħa lil min jiżra’ u l-ħobż lil min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.

 V/. Il-Mulej jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.

 R/. Bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

 

Talba

 

O Alla, int bgħatt l-anġlu tiegħek lil Kornelju ċ-ċenturjun biex jurih it-triq tas-salvazjoni; agħtina l-grazzja li nħabirku minn qalbna għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, biex flimkien magħhom nimxu fil-Knisja tiegħek sa ma naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

Mexxej kbir taż-żmien u l-ġrajja,

bejn il-lejl u n-nhar ridt għażla:

tul in-nhar il-bniedem jaħdem,

u billejl jistrieħ u jorqod.

 

Ibqa’ magħna, ishar fuqna,

u, fid-dlam tal-lejl li riesaq,

ma jiġix il-għadu jwaddab

kontra tagħna l-vleġeġ tiegħu.

 

Biegħed minna kull ħsieb ikrah,

ħa jehdew is-sensi tagħna,

u, fis-sliem u l-kwiet, tiġġedded

u tissaħħaħ qawwet ruħna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Tibbiesli idi l-leminija jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm.

 

Salm 136 (137):1-6

 

F'xatt ix-xmajjar ta' Babel, †

hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna, *

aħna u niftakru f'Sijon.

Mas-siġar tal-luq li hemm fiha *

dendilna ċ-ċetri tagħna.

 Għax hemm, dawk li jassruna, *

talbuna ngħannulhom xi għanja;

dawk li hemm għakksuna †

stennew minna għana ta' ferħ: *

"Għannulna mill-għana ta' Sijon."

 

Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej *

f'art barranija?

Tibbiesli idi l-leminija, *

jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi, *

jekk ma niftakarx fik,

jekk ma nżommx 'il Ġerusalemm *

fuq kull ferħ tiegħi!

 Glorja.

 

Ant. 1: Tibbiesli idi l-leminija jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm.

Ant. 2: Quddiem l-anġli rrid ngħannilek, Alla tiegħi.

 

Salm 137 (138)

 

Inroddlok ħajr, Mulej, b'qalbi kollha, *

għaliex int smajt kliem fommi.

Quddiem l-allat irrid ngħannilek. *

B'wiċċi fl-art ninxteħet

 quddiem is-santwarju tiegħek,

u nroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek, *

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

 

Meta sejjaħtlek, int weġibtni, *

kattarli l-qawwa f'ruħi.

Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha ta' l-art, *

għaliex semgħu l-kliem ta' fommok.

U jgħannu l-imġiba tal-Mulej, *

għax kbir hu sebħ il-Mulej.

Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar; *

u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.

 

Jekk insib ruħi fl-għali, *

inti tħarisli ħajti;

terfa' idek kontra l-għedewwa tiegħi, *

u l-leminija tiegħek issalvani mill-qilla tagħhom.

Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi. †

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa' għal dejjem; *

la titlaqx għemil idejk!

 Glorja.

 

Ant. 2: Quddiem l-anġli rrid ngħannilek, Alla tiegħi.

Ant. 3: Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi l-glorja u t-tifħir.

 

Kantiku Apok 4:11; 5:9-10. 12

 

 Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

 l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa,

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, *

 bir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

 u tikser is-siġilli tiegħu,

 għax int qatluk, u b'demmek ksibt għal Alla *

 bnedmin minn kull tribù u lsien,

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

 li għad isaltnu fuq l-art."

 

 Il-Ħaruf maqtul jistħoqqlu jirċievi †

 l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

 l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi l-glorja u t-tifħir.

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:16

 

Ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bil-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Quddiemek, Mulej Alla, * Hemm il-milja tal-ferħ. Quddiemek.

V/. F’lemintek hemm l-għaxqa għal dejjem. * Hemm il-milja tal-ferħ. Glorja. Quddiemek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Mulej, agħmel magħna ħwejjeġ kbar, għax inti s-Setgħani, u qaddis ismek.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Mulej, agħmel magħna ħwejjeġ kbar, għax inti s-Setgħani, u qaddis ismek.

 

PREĊI

 

Nagħtu tifħir kbir lil Kristu, għaliex hu jqawwi u jsaħħaħ lill-poplu tiegħu. Nitolbuh b’qalb sinċiera u ngħidulu:

Mulej, isma’ t-talb tagħna, biex infaħħruk għal dejjem.

Kristu, qawwa tagħna, ħenn għalina:

- int, li għarraftna l-verità tiegħek, żommna sħaħ sa l-aħħar fil-fidi.

Ħares lil dawk li għandhom is-setgħa u mexxihom skond qalbek:

- agħmel li jkollhom rieda u fehma tajba, ħa jmexxu fis-sliem u l-paċi.

Int kattart il-ħobż biex titma’ l-folol tan-nies:

- għallimna ngħinu minn ġidna lil min hu bil-ġuħ.

Agħmel li ebda gvern fid-dinja ma jiġbed lejn in-nazzjon tiegħu biss:

- imma jirrispetta wkoll u jżomm fi ħsiebu n-nazzjonijiet l-oħra kollha.

Meta tiġi biex tkun igglorifikat f’dawk kollha li emmnu, ftakar f’ħutna l-mejtin kollha:

- qajjimhom għall-ħajja u agħtihom l-hena ta’ dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

Inressqu t-talb tagħna quddiemek, Mulej, biex fil-ħniena tiegħek tagħtina l-grazzja li nżommu dejjem f’moħħna u f’qalbna dak li nistqarrulek bil-fomm. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

  

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.