Stampa t-test kollu ...


28 ta’ Ġunju

 

SAN IRINEW, ISQOF U MARTRI

 

Salmodija tal-Ħamis tar-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Insellmulek, martri w vittma,

f’dan il-jum tal-festa tiegħek,

li fih ħadt, bi ħlas ra’ demmek,

il-kuruna tar-rebbieħa.

 

Inti llum għelibt il-qawwa

ta’ min ħaqrek u temm ħajtek;

u mid-dlam ta’ dinja msejkna

dħalt fid-dawl u l-ferħ ta’ Sidek.

 

Isseħibt ma’ l-anġli mbierka,

kollok dija w ġmiel bil-libsa

li ħsilt b’demmek, x’ħin bla biża’

tajt quddiem kulħadd ix-xhieda.

 

Ieqaf issa magħna, w itlob

lil Ġesù, ħanin u twajjeb,

biex il-grazzja fuqna jsawwab

u ħtijietna kollha jħassar.

 

Ressaq lejna bit-talb tiegħek

il-għajnuna ta’ Bin Alla, biex

iħeff minn fuqna t-toqol

tul it-triq, bil-maħfra tiegħu.

 

Lill-Missier kull ġieħ jingħata,

ġieħ lill-Iben, lill-Ispirtu,

Alla wieħed, li fis-sema

żejjnek b’sebħ u ferħ għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ma kienx bi driegħhom li kisbu r-rebħa; kienet il-leminija tiegħek u d-dija ta’ wiċċek.

 

Salm 43 (44)

 

I

 

O Alla, b'widnejna aħna smajna, *

qaluhulna missirijietna,

dak li int għamilt fi żmienhom, *

li għamilt b'idek fiż-żmien l-imgħoddi.

Il-ġnus keċċejt, u lilhom ħawwilt f'arthom; *

il-popli għakkist, u lilhom frixt bħal friegħi.

 

Ma kienx b'sejfhom li huma ħadu l-art, *

jew bi driegħhom li kisbu r-rebħa;

kienet il-leminija tiegħek u d-driegħ tiegħek, *

u d-dija ta' wiċċek, għax int ħabbejthom.

Inti s-sultan tiegħi u Alla tiegħi, *

li tajt ir-rebħa lil Ġakobb. 

Bik nitfgħu lura l-għedewwa tagħna, *

f'ismek nirfsu fuq dawk li jqumu għalina.

 

Għax mhux fl-ark tiegħi jien nafda, *

anqas is-sejf tiegħi ma jrebbaħni.

Imma int teħlisna mill-għedewwa tagħna, *

u tfixkel 'il dawk li jobogħduna.

F'Alla niftaħru l-ħin kollu; *

ismek infaħħru għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 1: Ma kienx bi driegħhom li kisbu r-rebħa; kienet il-leminija tiegħek u d-dija ta’ wiċċek.

Ant. 2: Ma jwarrabx wiċċu minnkom il-Mulej jekk idduru lejh.

 

II

 

Imma issa warrabtna u ċekkintna, *

ma għadekx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna.

Ġegħeltna nduru lura minn quddiem l-għadu; * 

dawk li jobogħduna ħatfulna ħwejjiġna.

Tlaqtna bħal nagħaġ għall-qatla, *

u fost il-ġnus xerridtna.

 

Begħt il-poplu tiegħek għal ħaġa żgħira; *

ma qlajtx wisq mill-bejgħ tiegħu.

Waqqajtna għaż-żebliħ tal-ġirien tagħna, *

għaċ-ċajt u t-tkasbir ta' dawk ta' madwarna.

Ġibtna fi lsien il-ġnus, *

u l-popli jħarsu lejna u jħarrku rashom.

 

L-għajb tiegħi quddiemi l-jum kollu, *

il-mistħija tgħattili wiċċi,

għall-kliem ta’ żebliħ u tkasbir, *

quddiem l-għadu li jitħallas minni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ma jwarrabx wiċċu minnkom il-Mulej jekk idduru lejh.

Ant. 3: Stenbaħ, Mulej! La twarrabniex għal dejjem.

 

III

 

Dan kollu ġralna, għalkemm ma nsejniekx, *

għalkemm ma ksirniex il-patt tiegħek.

Ma dorniex mill-fehma tagħna, *

anqas ħarġu minn triqtek riġlejna.

Imma int sħaqtna f'art il-klieb selvaġġi, *

u b'dell il-mewt għattejtna.

Li kieku nsejna isem Alla tagħna, *

jew ftaħna idejna quddiem xi alla barrani,

ma kienx Alla b'dan jintebaħ, *

hu li jagħraf x'hemm moħbi fil-qalb?

Minħabba fik joqtluna l-jum kollu, *

jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.

 

Qum! Għax int rieqed, Sid tiegħi? *

Stenbaħ! La twarrabniex għal dejjem.

Għaliex taħbi wiċċek minna? *

Għaliex tinsa d-dwejjaq u t-tagħkis tagħna?

 

Għax fit-trab ninsabu mitluqa, *

mixħuta ma' l-art minn tulna.

Qum! Ejja biex tgħinna! *

Eħlisna, f'ġieħ it-tjieba tiegħek!

 Glorja.

 

Ant. 3: Stenbaħ, Mulej! La twarrabniex għal dejjem.

 

V/. Ħa jiddi wiċċek, Mulej, fuq il-qaddej tiegħek.

R/. Għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel 1 Sam 21:2-10, 22:1-5

 

Il-ħarba ta’ David

 

F’dawk il-jiem: David mar għand il-qassis Aħimelek f'Nob. U Aħimelek ħareġ jiġri jilqa' lil David u qallu: "Għala inti waħdek, u ma għandek lil ħadd miegħek?" U David wieġeb lil Aħimelek il-qassis: "Is-sultan ordnali u qalli: 'Ħadd ma għandu jkun jaf xejn minn dak li għalih bgħattek u anqas x'ordnajtlek.' Għalhekk ftehemt mal-qaddejja li niltaqgħu x'imkien. U issa x'għandek f'idejk? Ħames ħobżiet? Agħtini minnhom jew minn dak li ssib." U l-qassis wieġeb lil David u qallu: "Ma għandix f'idejja ħobż li jista' jieklu kulħadd; m'hawnx ħlief ħobż imqaddes. Żammew ruħhom 'il bogħod għallinqas minn-nisa l-qaddejja tiegħek?" David wieġeb lill-qassis u qallu: "Iva! Kull meta noħorġu għall-ġlied dejjem niċċaħħdu minn-nisa, u l-irġiel dejjem ikollhom ġisimhom safi mit-tinġis, għalkemm il-vjaġġ ma jkunx xi ħaġa qaddisa. Kemm aktar huma safja llum f'ġisimhom?" U l-qassis tah mill-ħobż li kellu, għax ma kellux ħlief ħobż tal-preżenza. Kien għadu kif neħħieħ minn quddiem il-Mulej, biex floku jqiegħed ħobż frisk, dakinhar stess li jitneħħa l-qadim. Dakinhar kien hemm wieħed mill-qaddejja ta' Sawl miżmum quddiem il-Mulej li kien jismu Duweg, Idumi, l-aqwa fost ir-rgħajja ta' Sawl.

David qal lil Aħimelek: "Għandek xi xabla jew xi lanza f'idejk? Għax anqas xabla jew lanza ma ħadt miegħi, għax l-ordni tas-sultan kien mgħaġġel." U l-qassis wieġeb: "Ix-xabla ta' Gulija, li int qtilt fil-wied ta' Ela; hemm hi mkebba f'mantar wara l-efod. Jekk tridha ħudha, ma hawnx oħra ħliefha." U David qallu: "Ma hawnx bħalha: agħtihieli."

David qam u telaq minn hemm, u ħarab lejn l-għar ta' Għadallam; u semgħu ħutu u d-dar kollha ta' missieru, u niżlu ħdejh hemmhekk. U ngħaqad miegħu kull min kien magħkus, kull min kellu d-dejn, u kull min kien imdejjaq, u hu sar il-kap tagħhom; kellu miegħu daqs erba' mitt raġel.

Minn hemm David mar Misfa f'Mowab u qal lis-sultan ta' Mowab: "Ħalli joqogħdu missieri u ommi hawnhekk magħkom, sakemm inkun naf x'se jagħmel Alla għalija." U ħallihom għand is-sultan ta' Mowab, u baqgħu miegħu ż-żmien kollu li David dam f'dak il-post fortizza. Imma l-profeta Gad qallu: "Toqgħodx f'din il-fortizza, itlaq u mur lejn art Ġuda." U David telaq u mar fil-masġar ta' Ħaret.

 

RESPONSORJU Rum 7:6; Mk 2:25. 26

 

R/. Aħna nħallejna mill-liġi għax mitna għal dak li kien iżommna lsiera. * Issa nservu skond il-ħajja l-ġdida ta’ l-Ispirtu u mhux aktar skond l-ittra l-qadima.

V/. Qatt ma qrajtu x’għamel David meta kien fil-ħtieġa u ħadu l-ġuħ, kif daħal fid-dar ta’ Alla u kiel il-ħobż tal-preżenza. * Issa nservu skond il-ħajja l-ġdida ta’ l-Ispirtu u mhux aktar skond l-ittra l-qadima.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat ta’ l-isqof San Irinew, “Kontra l-Ereżiji”

 

Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj,

hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem

 

 Id-dija ta’ Alla tagħti l-ħajja; mela dawk li jaraw ‘l Alla jkollhom il-ħajja. Għalhekk Alla, li ma nistgħux nagħrfuh, nifhmuh u narawh, ġie fostna biex narawh, nifhmuh u nagħrfuh. U għalkemm il-kobor tiegħu qatt ma nistgħu naslu biex nagħrfuh, u t-tjieba tiegħu qatt ma nifhmuha, hu proprju minħabba l-kobor u t-tjieba tiegħu li hu juri lilu nnifsu lilna u jagħti l-ħajja lil dawk li jarawh. Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ‘l Alla u tithenna bi tjubitu.

 Il-bnedmin, mela, biex jgħixu, jridu jaraw ‘l Alla u jekk jaraw ‘l Alla jgħixu għal dejjem u jaslu sa għand Alla. Dan, kif għedtilkom, ħabbruh taħt xbihat il-profeti meta qalu li għad jaraw ‘l Alla dawk li għandhom l-Ispirtu tiegħu, u bla heda jistennew il-miġja tiegħu. Dan jgħid Mosè fid-Dewteronomju: F’dan il-jum naraw li Alla jista’ jkellem lill-bniedem, u dan jibqa’ ħaj.

 Lil Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd, ħadd mill-ħlejjaq kollha ma’ jista’ jarah jew jifhmu, fil-qawwa u l-kobor tiegħu, għalkemm ma nistgħux ngħidu li ma jistgħux jagħrfuh: permezz tal-Verb tiegħu l-ħlejjaq kollha jitgħallmu li wieħed hu Alla l-Missier, li għamel kollox u kollox iżomm sħiħ fl-eżistenza tiegħu, kif insibu miktub fl-Evanġelju: Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

 Mill-bidunett l-Iben għarrafna l-Missier, għax mill-bidu kien mal-Missier: hu, meta ried, fi żmien f’waqtu wassal lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, il-viżjonijiet tal-profeti, kull xorta ta’ kariżmi u grazzji, il-ministeru tiegħu, u s-sebħ ta’ Alla, ħaġa wara l-oħra, b’armonija li ma bħalha: għaliex meta ħaġa tiġi wara l-oħra, f’ordni li ma bħalu, jkun hemm l-armonija, u fejn hemm l-armonija hemm iż-żmien f’waqtu, u fejn iż-żmien hu f’waqtu hemm il-ġid ta’ kulħadd.

 Għalhekk il-Verb qassam lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, id-doni tal-Missier: għalihom għamel dan kollu u wriehom lil Alla. Wera ‘l Alla lill-bnedmin, imma ried li Alla jibqa’ ma jidhirx għall-bnedmin, biex huma ma jaslux biex jistmerru lil Alla, imma jkollhom dejjem lilu għand min imorru; ried li Alla ma jkunx jidher għall-bnedmin, imma wrihulhom permezz tal-ħlejjaq tiegħu, biex il-bniedem ma jkunx għalkollox imċaħħad minn Alla, li ma jasalx biex jgħid li ma hemmx Alla. Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj, u hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem. Jekk ir-rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-ħolqien kienet biżżejjed biex tagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha ta’ l-art, kemm aktar ir-rivelazzjoni tal-Missier permezz tal-Verb ma tagħtix il-ħajja lil dawk li jaraw ‘l Alla?

 

RESPONSORJU Mal 2:6; Salm 88(89):22

 

R/. Kellu f’fommu tagħlim is-sewwa, u ebda ħażen ma nstablu fuq xufftejh: * Bis-sliem u reqqa mexa miegħi, jgħid il-Mulej.

V/. Tkun idi dejjem miegħu, u nsaħħu wkoll bi driegħi. * Bis-sliem u reqqa mexa miegħi, jgħid il-Mulej.

 

TALBA

 

 O Alla, int tajt il-grazzja lill-isqof San Irinew biex iwettaq il-verità tat-tagħlim tal-Knisja u jħabrek sewwa għall-paċi tagħha; agħmel li, bit-talb tiegħu, niġġeddu fil-fidi u fl-imħabba, biex dejjem infittxu li nkunu magħquda qalb waħda bejnietna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Martri t’Alla, rfajt salibek

u mxejt tajjeb wara Kristu;

b’rebħa kbira fuq l-għedewwa,

ksibt il-hena w sebħ għal dejjem.

 

Ieqaf magħna bit-talb tiegħek,

biex neħilsu minn ħtijietna;

biegħed minna d-deni kollu,

kun fil-hemm il-faraġ tagħna.

 

Int qaċċatt l-irbit tal-ġisem

li kien jorbtok ma’ dil-ħajja;

mill-ġibdiet ta’ l-art ħoll lilna,

għall-imħabba ta’ Bin Alla.

 

Lill-Missier kull ġieħ jingħata,

ġieħ lill-Iben, lill-Ispirtu,

Alla wieħed, li fis-sema

żejjnek b’sebħ u ferħ għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, Mulej.

 

Salm 142 (143):1-11

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena; *

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi, *

 L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, Mulej.

Ant. 2: Il-Mulej jifrex fuq Ġerusalemm is-sliem bħal xmara.

 

Kantiku Iż 66:10-14a

 

Ifirħu lil Ġerusalemm, u thennew biha, *

intom ilkoll ħbieb tagħha!

Aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll *

li qsamtu swied il-qalb magħha!

Hekk intom terdgħu u tixbgħu *

minn sider il-faraġ tagħha;

 

Għax dan jgħid il-Mulej: †

“Arani! Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara, *

 u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus. 

It-trabi tagħha fuq id-dirgħajn jintrefgħu, *

u jżiegħlu bihom fuq l-irkubbtejn.

Bħalma omm tfarraġ lil binha, †

hekk jiena nfarraġ lilkom, *

u f’Ġerusalemm titfarrġu”.

 

 Taraw u tifraħ qalbkom, *

 U għadamkom bħal ħaxix iħaddar.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej jifrex fuq Ġerusalemm is-sliem bħal xmara.

Ant. 3: Hu ħelu u xieraq it-tifħir ta’ Alla tagħna.

 

Salm 146 (147A)

 

Faħħru l-Mulej, †

għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna; *

għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.

 

Jibni 'l Ġerusalemm il-Mulej, *

jiġma' l-imxerrdin ta' Iżrael.

Hu jfejjaq il-qlub maqsuma, *

hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.

Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb; *

kollha jsejjħilhom b'isimhom.

Kbir Sidna l-Mulej, u ta' qawwa kbira; *

bla tarf id-dehen tiegħu.

Jerfa' l-imsejknin il-Mulej, *

u jniżżel sa l-art il-ħżiena.

 

Għannu lill-Mulej innu ta' radd il-ħajr; *

doqqu fuq l-arpa lil Alla tagħna.

Hu li jiksi bis-sħab is-smewwiet, †

iħejji għall-art ix-xita, *

u jnibbet il-ħaxix fuq l-għoljiet.

Hu jipprovdi lill-bhejjem l-għalf tagħhom, *

u lill-frieħ taċ-ċawl meta jgħajjtu.

Ma jitgħaxxaqx bis-saħħa taż-żiemel, *

anqas b'riġlejn l-irġiel b'saħħithom.

Jitgħaxxaq il-Mulej b'min għandu l-biża' tiegħu, *

u b'min jittama fit-tjieba tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Hu ħelu u xieraq it-tifħir ta’ Alla tagħna.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 1:3-5

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta' kull faraġ. Hu jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f'kull xorta ta' dwejjaq. Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta' Kristu, hekk ukoll permezz ta' Kristu, joktor fina l-faraġ.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi * U l-għana tat-tifħir tiegħi. Il-Mulej.

V/. Hu kien is-salvazzjoni tiegħi. * U l-għana tat-tifħir tiegħi. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Irinew għamel tabilħaqq dak li jfisser ismu: hu żamm fi ħsiebu l-paċi bħala regola ta’ ħajtu, u ħabrek kemm felaħ għas-sliem tal-Knejjes.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Irinew għamel tabilħaqq dak li jfisser ismu: hu żamm fi ħsiebu l-paċi bħala regola ta’ ħajtu, u ħabrek kemm felaħ għas-sliem tal-Knejjes.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, permezz tal-martri li taw ħajjithom għall-kelma ta’ Alla, infaħħru s-Salvatur tagħna, li hu x-xhud ta’ min joqgħod fuqu, u ngħidulu:

Int fdejtna għal Alla b’demmek.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li b’rieda sħiħa għażlu l-mewt biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom,

- agħmel, Mulej, li aħna nkunu tassew ħielsa.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li stqarrew il-fidi tagħhom sat-tixrid ta’ demmhom,

- agħtina, Mulej, fidi safja u qawwija sa l-aħħar.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li refgħu salibhom u mxew warajk,

- agħmel, Mulej, li b’qalb sħiħa nistabru bl-hemm ta’ din il-ħajja.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li ħaslu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf,

- agħtina, Mulej, ir-rebħa fuq il-qerq tal-ġisem u tad-dinja.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla, int tajt il-grazzja lill-isqof San Irinew biex iwettaq il-verità tat-tagħlim tal-Knisja u jħabrek sewwa għall-paċi tagħha; agħmel li, bit-talb tiegħu, niġġeddu fil-fidi u fl-imħabba, biex dejjem infittxu li nkunu magħquda qalb waħda bejnietna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Il-Mulej jgħid: Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi.

 

Salm 118 (119):153-160

 

XX (Res)

 

Ħares lejn in-niket tiegħi, u eħlisni, *

għax jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

Iddefendi l-kawża tiegħi, u ifdini; *

agħtini l-ħajja skond il-wegħda tiegħek.

 

'Il bogħod mill-ħżiena s-salvazzjoni, *

għax ma jfittxux il-kmandamenti tiegħek.

Kbira l-ħniena tiegħek, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond id-digrieti tiegħek.

 

Ħafna li jagħmlu għalija u jħabbtuni; *

imma jien ma nitbigħedx mill-preċetti tiegħek.

Nara 'l dawk li ħallewk u nistkerrahhom, *

għax ma jħarsux il-kelma tiegħek.

 

Ara, kif inħobb il-preċetti tiegħek, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond it-tjieba tiegħek.

Is-sewwa tiegħek il-qofol ta' kelmtek; *

għal dejjem id-digrieti tal-ġustizzja tiegħek.

Glorja.

 

Ant.1 Il-Mulej jgħid: Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi.

Ant.2 Ibierkek il-Mulej, u jalla tara s-sliem tul ħajtek kollha.

 

Salm 127 (128)

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej, *

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol; *

hieni int, u riżqek tajjeb!

Martek tkun bħal dielja għammiela *

fl-irkejjen ta' darek;

wliedek bħal xitel taż-żebbuġ *

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek! *

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

 

Ant.2 Ibierkek il-Mulej, u jalla tara s-sliem tul ħajtek kollha.

Ant.3 Il-Mulej Alla nnifsu jitqabad għalik ma’ l-għedewwa tiegħek.

 

Salm 128 (129)

 

Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti *

- ħa jgħid hekk Iżrael –

ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, *

imma ma rnexxilhomx jegħlbuni.

Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, *

raddiet twal bis-swat għamluli.

Imma ġust hu l-Mulej, *

u qatta' minn fuqi l-irbit tal-ħżiena.

 

Ħa jinfixlu u jmorru lura *

dawk kollha li jobogħdu 'l Sijon.

Ikunu bħall-ħaxix tal-bjut, *

li jinxef qabel ma jikber,

li bih il-ħassâd ma jimliex idu, *

anqas ħadd jorbtu f’qatet quddiemu.

U ma jgħidux dawk li jkunu għaddejja: †

"Il-Barka ta' Alla fuqkom! *

Inberkukom f'isem il-Mulej!"

 Glorja.

 

Ant.3 Il-Mulej Alla nnifsu jitqabad għalik ma’ l-għedewwa tiegħek.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1Ġw 3:23-24

 

Dan hu l-kmandament ta’ Alla: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u li nħobbu ‘l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar fi Kristu u Kristu fih. B’hekka nafu li hu jghammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.

 

 V/. Mulej, int tmexxi lill-bniedem ġust.

 R/. Int li tgħarbel il-moħħ u l-qalb.

 

Talba

 

O Alla, f’din is-siegħa tal-ġurnata inti bgħatt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli huma u jitolbu; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex, fit-tjieba tiegħek, tagħti lilna wkoll sehem minn din il-grazzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 1:1-2

 

Ħobbu l-ġustizzja, intom il-ħakkiema ta’ l-art; aħsbu fil-Mulej kif inhu sewwa u fittxuh b’qalb safja. Għax hu jinsab minn min ma jġarrbux, u juri lilu nnifsu lil min ma jitlifx it-tama fih.

 

 V/. Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb.

 R/. Għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, li għalik ma hemm xejn mudlam jew fid-dell, ixħet fuqna d-dija tad-dawl tiegħek, biex nitgħallmu sewwa l-liġi u l-kmandamenti tiegħek, u nibqgħu dejjem miexja fi triqtek b’qalb kbira u fidila. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 12:1b-2

 

Inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u, b’qalbna qawwija, nibqgħu niġru t-triq li għandna quddiemna, waqt li nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna, hu, li għall-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.

 

 V/. Jien lill-Mulej nistenna.

 R/. Ruħi f’kelmtu tittama.

 

Talba

 

Agħmel, Mulej, li aħna nimtlew b’dak is-sabar li Ibnek il-waħdieni wriena f’ħajtu, biex meta jżurna t-tiġrib u l-għawġ nibqgħu sħaħ sa l-aħħar. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.