Stampa t-test kollu ...


IT-TNEJN

TAT-VIII ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tat-Tnejn tat-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Dan ħin tajjeb biex nisimgħu

leħen l-anġlu qed iħabbar

li l-Għarus, ħallieq tas-saltna

tas-smewwiet, dalwaqt iħabbat.

 

Ix-xebbiet għaqlin, bl-imsiebaħ

mixgħulin f’idejhom, jiġu

biex jilqgħuh; u wiċċhom jixhed

il-ferħ kbir li jimla qalbhom.

 

Iżda l-boloh, meta jaslu

bil-musbieħ bla żejt u mitfi,

jibqgħu barra għax isibu

bieb is-saltna magħluq f’wiċċhom.

 

Mela nishru u nħejju ruħna

b’dawl il-fidi w nar l-imħabba,

ħalli meta l-Mulej jiġi

jistħoqqilna nidħlu miegħu.

 

Sultan twajjeb, int mexxina

fejn is-saltna mbierka tiegħek,

fejn ninġabru lkoll madwarek

b’għana ta’ tifħir għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej hu twajjeb ma’ min għandu qalbu sewwa.

 

Salm 72 (73)

 

I

 

Tassew twajjeb hu Alla ma' min hu sewwa, *

ma' dawk li għandhom qalbhom safja.

Iżda jien għal ftit ma għotrux riġlejja, *

għal ftit ma żlaqtx fil-mixi tiegħi.

Għax ġietni l-għira għall-kburin, *

xħin rajt il-ħżiena jimxu 'l quddiem.

 

Għax dawn ma għandhom ebda tbatija, *

qawwijin u sħaħ f'ġisimhom.

M'għandhomx taħbit bħall-bnedmin tad-dinja; *

m'humiex imsawwtin ma' wlied Adam.

 

Bħal ħannieqa ġawhar iżżejjinhom kburithom; *

tgħattihom bħal libsa d-dnewwa tagħhom.

Mis-simna tagħhom toħroġ ħżunithom, *

qalbhom tfawwar bi ħsibijiet fiergħa.

Jiddieħku u bil-qerq jitkellmu; *

kollhom imkabbra jheddu bil-moħqrija.

 

Sa kontra s-sema jqassu; *

lsienhom ma' l-art kollha jlaħħaq.

Għalhekk magħhom iżomm il-poplu tiegħi, *

u jixrob kliemhom bħall-ilma.

U jgħidu: "X'jista' jaf Alla? *

Huwa l-Għoli jaf b'xi ħaġa?"

Dawn, ara, huma l-ħżiena: *

moħħhom dejjem mistrieħ, u jistagħnu dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej hu twajjeb ma’ min għandu qalbu sewwa.

Ant. 2: Id-daħk tagħhom jinbidel f’biki, u l-hena tagħhom f’niket.

 

II

 

Mela għal xejn żammejt qalbi safja, *

u ħsilt idejja b'sinjal ta' ndafa.

Xorta waħda kuljum ġejt imsawwat, *

u kull filgħodu ħadt il-kastig.

 

Kieku għedt li hekk għandi nitkellem, *

kont niċħad ir-razza ta' wliedek.

Fittixt kif għandi nifhimha, *

u sibtha wisq bi tqila.

Mbagħad dħalt fit-tempju ta' Alla, *

u għaraft sewwa x'inhu t-tmiem tal-ħżiena.

Tassew li int fuq art tiżloq tqegħedhom, *

u fit-tiġrif twaqqagħhom.

 

Ara, kif tħarbtu f'daqqa waħda; *

kif għebu u ntemmu bil-biża'!

Bħal ħolma ta' min jistenbaħ, Mulej Sidi, *

hekk int, malli tqum, ma tqishom xejn.

 Glorja.

 

Ant. 2: Id-daħk tagħhom jinbidel f’biki, u l-hena tagħhom f’niket.

Ant. 3: Kull min jitbiegħed minnek jintilef; iżda jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla.

 

III

 

Meta kienet tinkedd qalbi †

u kont ninfena ġewwa fija, *

kemm kont iblah, xejn ma fhimt,

 bħal bhima jien kont quddiemek.

 

Imma jiena dejjem miegħek; *

inti żżommni minn idi l-leminija;

skond il-ħsieb tiegħek tmexxini, *

mbagħad fis-sebħ tilqagħni.

 

Lil min għandi fis-sema ħliefek? *

Bik miegħi fuq l-art xejn ma jonqosni.

Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi; *

Alla l-qawwa ta' qalbi u sehmi għal dejjem.

 

Għax kull min jitbiegħed minnek jintilef; *

int teqred 'il kull min jinfired minnek.

Iżda jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla;

f'Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi; *

u nxandar l-għemejjel tiegħek kollha.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kull min jitbiegħed minnek jintilef; iżda jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla.

 

V/. Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek.

R/. Oħla mill-għasel għal fommi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob Ġob 2:1-13

 

Ġob, mimli nfafet qalila, iżuruh tlitt iħbiebu

 

F’jum minnhom ulied Alla resqu quddiem il-Mulej; fosthom kien hemm ix-Xitan ukoll. Il-Mulej staqsa lix-Xitan: "Mnejn ġej?" U x-Xitan wieġbu: "Minn dawra mad-dinja, kont nitlajja 'l hemm u 'l hawn."

Il-Mulej reġa' staqsa lix-Xitan: "Il-qaddej tiegħi Ġob ħsibt fih? Ma hawnx ieħor bħalu fid-dinja, raġel perfett u tajjeb, jibża' minn Alla u jitbiegħed mill-ħażen. U għadu jżomm sħiħ fil-perfezzjoni tiegħu, għad li int xewwixtni biex neqirdu għal xejn b'xejn." U x-Xitan wieġeb lill-Mulej u qallu: "Ġild b'ġild, u l-bniedem jagħti kull ma jkollu għal ħajtu! Issa midd idejk u olqtu f'għadmu u laħmu, u ara jisħtekx f'wiċċek." U l-Mulej wieġeb lix-Xitan: "Ara, nħallih f'idejk. Biss, ibża' għal ħajtu."

U x-Xitan telaq minn quddiem il-Mulej, u mela lil Ġob bi nfafet qalila minn qiegħ riġlejh sal-qorriegħa ta' rasu. U dan ħa xaqqufa biex jinħakk biha u mar intasab fuq l-irmied.

U qaltlu martu:

"Għadek iżżomm sħiħ fis-sewwa tiegħek?

Isħet 'l Alla u mut!"

U hu weġibha:

"Qed titkellem ta' waħda belha.

Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla,

u l-ħażin ma nilqgħuhx?"

F'dan kollu Ġob ma dinibx b'xufftejh. 

Mela tlitt iħbieb ta' Ġob semgħu b'dan l-hemm kollu li waqa' fuqu u ġew kull wieħed minn pajjiżu, Elifaż minn Teman, Bildad minn Suħa, u Sofar minn Nagħama. U ftiehmu li jmorru flimkien għandu biex juruh is-sogħba tagħhom u jgħidulu kliem ta’ faraġ. Iżda kif lemħuh minn ftit 'il bogħod ma għarfuhx u nfexxu f'għajat ta' biki, ċarrtu kull wieħed il-mantar tiegħu u ferrxu t-trab fuq rashom. U qagħdu fl-art maġenbu għal sebat ijiem u sebat iljieli, iżda ħadd minnhom ma qallu kelma għax raw li kien kbir wisq in-niket tiegħu.

 

 RESPONSORJU Salm 37(38):2a. 3a. 4a. 12a

 

R/. Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek, għax il-vleġeġ tiegħek daħlu fija. * Xejn ma hu sħiħ f’ġismi minħabba l-għadab tiegħek.

V/. Ħbiebi u sħabi mill-mard tiegħi jitgerrxu. * Xejn ma hu sħiħ f’ġismi minħabba l-għadab tiegħek.

  

LEZZJONI II

 

Qari mill-Kotba tal-Morali fuq Ġob, tal-Papa San Girgor il-Kbir

 

Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx?

 

San Pawl, meta qies l-għana ta’ l-għerf tas-sema li bih kien imfawwar u mbagħad qies li kellu ġisem li kien għad irid jara t-taħsir, qal: Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar. F’Ġob, meta din il-ġarra tal-fuħħar kienet kollha ġrieħi u nfafet, it-teżor ta’ l-għerf mis-sema baqa’ sħiħ fih. Minn barra kien kollu muġugħ minħabba ġrieħi u nfafet ma’ġismu kollu, imma minn ġewwa t-teżor ta’ l-għerf tas-sema qatt ma naqas, u minn fommu kien joħroġ kliem mimli tagħlim qaddis. Hu kien jgħid: Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx? It-tajjeb għalih kien dak kollu li jagħti Alla, sew il-ġid ta’ l-art u sew il-ħwejjeġ tas-sema; il-ħażin kien it-tiġrib kollu li ġie fuqu. Fuq dan il-Mulej, permezz tal-profeta tiegħu, jgħid: Jiena hu l-Mulej, ma hemm ħadd ħliefi: jiena nsawwar id-dawl u noħloq id-dlam, nagħmel is-sliem u noħloq id-deni.

Jiena nsawwar id-dawl u noħloq id-dlam, jgħid il-Mulej, għaliex waqt li jinħalaq id-dlam tan-niket bit-tiġrib li jiġi minn barra minna, il-moħħ jixgħel bid-dawl tat-tagħlim. Nagħmel is-sliem u noħloq id-deni, għaliex aħna nerġgħu nkunu paċi ma’ Alla, wara li dak li nħalaq bħala ġid, b’kastig isir ta’ deni għalina, għax ma fittixniehx kif kien imissna. Id-dnub iġellidna ma’ Alla, għalhekk jixraq li nagħmlu paċi ma’ Alla, wara li nagħrfu li kien kastig li ħaġa maħluqa tajba sfat ta’ deni għalina: b’hekk tkun ta’ twiddib għalina biex, fiċ-ċokon tagħna, nagħrfu li żbaljajna u nerġgħu għall-paċi ma’ min ħalaqna.

Ta’ min iqis sewwa b’liema kliem Ġob għaraf iwieġeb għaċ-ċanfira ta’ martu: hu qalilha: Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx? Meta fit-tiġrib naraw kollox kuntrarju, it-tifkira tal-ġid li tana dak li ħalaqna għandha tkun ta’ faraġ kbir għalina, u n-niket ma jagħfasniex jekk minnufih niftakru fil-ġid li ferraħna meta rċevejnieh. Hemm miktub: Fi żmien il-ferħ tinsiex iż-żmien ta’ l-hemm, u fi żmien l-hemm, tinsiex iż-żmien tal-ferħ.

Min jirċievi d-doni ta’ Alla u ma jtaffix xi ftit il-ferħ li jġarrab bil-biża ta’ xi hemm li jista’ jiġi fuqu, jista’ jsib ruħu f’tiġrib kbir minħabba l-istess ferħ tiegħu. Kull min hu mġarrab minn-niket u ma jsibx faraġ fit-tifkira tal-ġid li jkun irċieva fl-imgħoddi, jasal biex jiddispra u jitlef l-hena tal-qalb.

Jeħtieġ li wieħed igħaqqad flimkien il-ferħ u n-niket, biex ikunu ta’ għajnuna għal xulxin, billi t-tifkira tal-ġid li tkun irċevejt itaffilek in-niket tat-tiġrib ta’ issa, waqt li l-ferħ li jagħtik il-ġid li tirċievi jnaqqaslek il-biża’ u t-tħassib tad-deni li jista’ jiġrilek. Ġob, kollu muġugħ, biex itaffi l-hemm li kien jaħkmu, waqt it-tiġrib ftakar fl-hena li gawda bil-ġid li kellu, u qal: Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx?

 

RESPONSORJU Ġob 2:10b; 1:21-22

 

R/. Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx? * Il-Mulej tani u l-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej.

V/. F’dan kollu Ġob ma dinibx u ma naqas f’xejn lil Alla. * Il-Mulej tani u l-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej.

 

TALBA

 

Agħtina, Mulej, li d-dinja timxi skond l-ordni tiegħek għall-paċi tagħna, u li l-Knisja tiegħek tqimek ferħana fis-sliem. B’Ibnek Ġesù Kristu, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu Alla, xemx ta’ ruħna,

bid-dawl tiegħek, kbir u qawwi,

tkeċċi minna l-lejl tal-ħtija,

u tferraħna b’jum il-grazzja.

 

Int tassew id-dawl tad-dinja,

mhux il-kewkba ta’ filghodu,

li, bid-dija fietla tagħha,

tħabbar sbiħ il-jum lill-bniedem.

 

Iżd’int aqwa mix-xmux kollha,

dawl u jum oħrajn m’hemmx ħliefek,

int li d-dija tiegħek tinfed

sa ġol-qiegħ ta’ ruħ il-ħlejjaq.

 

Dawl tal-glorja ta’ Missierek,

ejja fina, bik imliena,

għax, mingħajr il-grazzja tiegħek,

dlam u biża’ jaħkmu fuqna.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Imlejtna sa minn kmieni, Mulej, bit-tjieba tiegħek.

 

Salm 89 (90)

 

Mulej, int kont għalina *

Kenn minn nisel għal nisel.

Qabel ma twieldu l-muntanji, †

qabel ma tnisslu l-art u d-dinja, *

minn dejjem ta' dejjem int, o Alla!

Int traġġa' l-bnedmin lejn it-trab, *

u tgħidilhom: "Erġgħu lura, intom bnedmin!"

Elf sena huma għalik bħal jum ta' lbieraħ li għadda, *

jew bħal sahra tal-lejl.

 

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma. *

Huma bħall-ħaxix li jinbet fil-għodu;

fil-għodu jwarrad u jħaddar, *

fil-għaxija jidbiel u jinxef.

 

Ninsabu mifnija bil-qilla tiegħek, *

mibluha minħabba l-għadab tiegħek.

Int ġibt quddiem għajnejk ħtijietna, *

dnubietna l-moħbija fid-dawl ta' wiċċek.

 

Il-jiem kollha tagħna jgħibu minħabba qilltek, *

jintemmu bħal tnehida s-snin ta' ħajjitna.

Żmien ħajjitna hu b'kollox sebgħin sena; *

l-iżjed tmenin, jekk inkunu f'saħħitna;

u l-biċċa l-kbira taħbit u niket; *

malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.

 

Min jista' jifhem il-qawwa tal-qilla tiegħek? *

Min jista' jqis il-biża' ta' l-għadab tiegħek?

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, *

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

 

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum? *

Ħenn għall-qaddejja tiegħek.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek, *

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ferraħna daqskemm għakkistna, *

għas-snin li fihom rajna l-ħsara.

 

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek, *

u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta' Alla Sidna! *

Wettqilna inti x-xogħol ta' idejna.

 Glorja.

 

Ant. 1: Imlejtna sa minn kmieni, Mulej, bit-tjieba tiegħek.

Ant. 2: Jitla’ minn truf l-art it-tifħir tal-Mulej!

 

Kantiku Iż 42:10-16

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida; *

ħa jitla' minn truf l-art it-tifħir tiegħu!

Ħa jsebbħu l-baħar u kull ma fih, *

il-gżejjer u min jgħammar fihom.

Jerfa' leħnu d-deżert u l-bliet tiegħu, *

l-irħula fejn jgħammru wlied Kedar;

jgħannulu ferħana dawk li jgħammru f'Sela, *

jgħajjtu bil-ferħ fuq il-qċaċet tal-muntanji;

ħa jagħtu glorja lill-Mulej *

u jxandru t-tifħir tiegħu fil-gżejjer.

Joħroġ il-Mulej bħal wieħed qawwi, *

u jqanqal bħal gwerrier il-ħeġġa tiegħu;

jgħajjat l-għajat b’leħen għoli,

ħa juri kontra l-għedewwa l-qawwa tiegħu.

 

Ili ħafna żmien inżomm is-skiet, *

 għadt bi kwieti u rażżant lili nnifsi.

Bħal mara fl-uġigħ tal-ħlas se ngħajjat, *

 nonfoħ u nilheġ f'nifs wieħed;

il-muntanji u l-għoljiet nagħmilhom ħerba,

 innixxfilhom il-ħdura kollha tagħhom ;

inbiddel ix-xmajjar fi gżejjer, *

 innixxef fejn hemm l-ilma qiegħed.

Immexxi lill-għomja fi triq li ma jafux biha, *

 mogħdijiet li ma jafuhomx inqabbadhom.

Id-dlam inbiddlu f'dawl quddiemhom, *

 it-triqat mgħawwġa nagħmilhomlhom dritti.

 Glorja.

 

Ant. 2: Jitla’ minn truf l-art it-tifħir tal-Mulej!

Ant. 3: Faħħru isem il-Mulej, intom li qegħdin f’dar il-Mulej.

 

Salm 134 (135):1-12

 

Faħħru isem il-Mulej, *

faħħruh, qaddejja tal-Mulej,

intom li qegħdin f'dar il-Mulej, *

fil-wesgħat ta' madwar it-tempju ta' Alla tagħna.

 

Faħħru l-Mulej, għax hu tajjeb, *

għannu lil ismu, għax hu sabiħ.

Għax għażel il-Mulej 'il Ġakobb, *

lil Iżrael, biex ikun il-poplu tiegħu.

 

Naf tassew li kbir il-Mulej; *

fuq l-allat kollha Alla Sidna.

Kull ma jogħġbu l-Mulej jagħmlu †

fis-smewwiet u fuq l-art, *

fil-baħar u f'qiegħ l-ibħra kollha.

Hu jtella' s-sħab minn truf l-art,

jibgħat il-beraq u x-xita, *

joħroġ l-irjieħ mill-imħażen tiegħu.

 

Hu darab l-ulied il-kbar ta' l-Eġittu, *

kemm bnedmin u kemm bhejjem.

Sinjali u għeġubijiet għamel f'nofsok, Eġittu, *

u laqtu l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kollha.

Hu darab ġnus bla għadd, *

 u qered slaten qawwija.

Qered ‘il Sihon, sultan ta’ l-Amurrin, †

lil Għog, sultan ta’ Basan, *

u s-saltniet kollha ta’ Kangħan.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

b'wirt lil Iżrael, il-poplu tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Faħħru isem l-Mulej, intom li qegħdin f’dar il-Mulej.

 

LEZZJONI QASIRA Ġudit 8:25-27

 

Niżżu ħajr lill-Mulej, Alla tagħna, li qiegħed iġarrabna, bħalma għamel ma’ missirijietna. Ftakru x’għamel ma’ Abraham, u kemm ġarrab lil Iżakk, xi ġralu Ġakobb. Bħalma għadda lilhom minn-nar biex jara fejn kienet qalbhom, hekk issa qiegħed jagħmlilna l-Mulej, mhux biex jikkastigana, għax hu jsawwat lil min hu qrib lejh biex iwiddbu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej: * Jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa. Għannu.

V/. Għannulu għanja ġdida. * Jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa. Glorja. Għannu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Imbierek il-Mulej, għax ġie jżurna u ħelisna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Imbierek il-Mulej, għax ġie jżurna u ħelisna.

 

PREĊI

 

Kristu jisma’ lil dawk li jittamaw fih u jsalvahom. Nerfgħu leħinna lejh u nistqarrulu:

Infaħħruk, Mulej, tama tagħna.

Int, għani fil-ħniena, ilqa’ r-radd ta’ ħajr tagħna:

- infaħħruk għall-imħabba kbira li biha ħabbejtna.

Inti l-ħin kollu taħdem fid-dinja ma’ Missierek:

- ġedded kollox bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Iftħilna għajnejna, lilna u lil ħutna:

- biex illum naraw l-għeġubijiet tiegħek.

Agħtina l-għajnuna biex illum nagħtuk is-servizz li għalih sejjaħtilna:

- agħmel li lil ħutna namministrawlhom il-grazzja tiegħek li hi ta’ kull xorta.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla, int ħallejt l-art f’idejn il-bnedmin biex iħarsuha u jaħdmuha, u ħlaqt ix-xemx biex taqdihom; agħtina l-grazzja li llum inħabirku minn qalbna għall-glorja tiegħek u għall-ġid tal-proxxmu tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Mulej żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond il-wegħda tiegħek.

 

Salm 118 (119):129-136

 

XVII (Pe)

 

Ta' l-għaġeb huma l-preċetti tiegħek, *

għalhekk tħarishom qalbi.

It-tifsir ta' kelmtek jagħti d-dawl, *

ifiehem lil min ma jafx.

 

Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ, *

għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek.

Dur lejja u ħenn għalija, *

kif dejjem tagħmel ma' min iħobb 'l ismek.

 

Żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond il-wegħda tiegħek, *

u ebda deni ma jaħkem fuqi.

Eħlisni mill-moħqrija tal-bniedem, *

u nħares il-preċetti tiegħek.

Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek, *

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

Id-dmugħ bħal wied iġelben minn għajnejja, *

għax ma jħarsux il-bnedmin il-liġi tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Mulej żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond il-wegħda tiegħek.

Ant.2 Wieħed hu l-leġiżlatur u l-imħallef; int min int biex tagħmel ħaqq mill-proxxmu?

 

Salm 81 (82)

 

Alla joqgħod fil-laqgħa ta' l-allat, *

f'nofs l-allat jaqta' s-sentenza:

 

"Kemm se ddumu taqtgħu l-ħaqq bil-ħażen, *

u tħarsu lejn wiċċ il-ħżiena?

Agħmlu l-ħaqq mal-miskin u l-iltim; *

mal-magħkus u l-fqir agħmlu s-sewwa.

Eħilsu d-dgħajjef u l-fqajjar, *

minn id il-ħżiena salvawhom."

 

La jafu u lanqas jifhmu, †

fid-dlam qegħdin jimxu; *

u s-sisien kollha ta' l-art qed jitheżhżu. 

Jien għedt li allat intom, *

ulied l-Għoli lkoll kemm intom.

Imma bħal kull bniedem intom tmutu; *

bħal kull wieħed mill-kbarat taqgħu.

 

Qum, o Alla, agħmel ħaqq mill-art; *

għax tiegħek huma l-ġnus kollha!

Glorja.

 

Ant.2 Wieħed hu l-leġiżlatur u l-imħallef; int min int biex tagħmel ħaqq mill-proxxmu?

Ant.3 Sejjaħt lill-Mulej, u hu weġibni.

 

Salm 119 (120)

 

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *

u hu weġibni.

Mulej, eħlisni mix-xufftejn giddieba *

u mill-ilsna qarrieqa.

X'se tieħu b'dan, u x'se jiswielek, *

ilsien qarrieq?

Vleġeġ misnuna ta' wieħed b'saħħtu, *

u ġamar tal-ġummar.

 

Imsejken jien, li ngħix barrani f'Mesek; *

li ngħammar fl-għerejjex ta' Kedar!

 Ili ngħix biżżejjed *

ma' dawk li jobogħdu s-sliem.

Jien sliem irrid; imma malli nitkellem, *

nsibhom lesti għall-ġlied.

 Glorja.

 

Ant.3 Sejjaħt lill-Mulej, u hu weġibni.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Lev 20:26

 

Intom tikkonsagraw ruħkom lili, għax jien, il-Mulej, qaddis; jien għażiltkom minn fost il-popli biex tkunu tiegħi.

 

 V/. Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu.

 R/. Il-poplu li hu għażel b’wirtu.

 

Talba

 

O Alla, Missier it-tjieba, int ridt li l-bnedmin jaħdmu biex bix-xogħol tagħhom jgħinu dejjem lil xulxin ħalli jiksbu ħwejjeġ aqwa; agħmel li aħna nħabirku bla heda hekk li ngħixu għalik fl-ispirtu ta’ wliedek u nħobbu lil kulħadd bħal aħwa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 15:1. 3

 

Int, Alla tagħna, twajjeb u fidil, iddum biex tagħdab, u tmexxi kollox bil-ħniena. Li wieħed jagħraf lilek, din hi l-ġustizzja sħiħa; li wieħed ikun jaf il-qawwa tiegħek, dan hu l-għerq tal-ħajja bla tmiem.

 

V/. Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb.

 R/. Iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

 

Talba

 

 O Alla, sid u għassies tal-ħsad u d-dielja, inti ssejjaħ il-ħaddiema għax-xogħol u tagħtihom il-ħlas tajjeb li jistħoqqilhom; agħmel li aħna nilqgħu bil-qalb il-piż tal-jum, hekk li qatt ma ngemgmu kontra dak li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Bar 4:21b-22

 

Uliedi, għajjtu lil Alla, u hu jeħliskom mill-idejn qawwija ta’ l-għedewwa tagħkom. Jien nittama li Alla ta’ dejjem għad isalvakom, u l-Qaddis imlieni bil-ferħ, għax dalwaqt ikollkom fuqkom it-tjieba ta’ Alla ta’ dejjem, is-salvatur tagħkom.

 

 V/. Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek.

 R/. Għax huma minn dejjem, Mulej.

 

Talba

 

 O Alla, int qiegħed issejjħilna f’dak l-istess ħin li fih l-Appostli kienu jitilgħu fit-tempju; isma t-talb li qegħdin nagħmlulek b’fehma sinċiera f’isem Ġesù, biex nih naqilgħu mingħandek is-salvazzjoni għal dawk kollha li jsejjħu dan l-isem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mulej, Missier id-dawl, fit-tjieba tiegħek,

keċċi minn moħħna d-dlam tad-dnub u l-ħażen,

agħtina li niżżejjnu biss bid-dija

tal-grazzja tiegħek.

 

Issa li għadda l-jum bit-taħbit tiegħu,

inġbarna biex inroddu ħajr lil ismek,

għax int żammejtna qawwijin f’saħħitna

matul ħidmietna.

 

Id-dawl tal-jum ġa naqas, u fid-dalma

tal-lejl dalwaqt jinsatru l-ħwejjeġ kollha;

int, Xemx ħanina, ibqa iddi fuqna

fil-mistrieħ tagħna.

 

Aħsel lil ruħna b’raġġ tas-safa tiegħek,

roddilha l-bjuda tat-twelid ġdid tagħha,

biex, waqt l-irqad tal-ġisem, tibqa’ tishar,

tistenna lilek

 

Alla Missier, nagħtuk kull ġieħ u glorja,

lilek, lil Ibnek u ‘l Ispirtu s-Santu,

li sa minn dejjem kbira s-saltna tagħkom,

u tibqa’ għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Salm 135 (136)

 

I

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Roddu ħajr lil Alla fuq l-allat, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Roddu ħajr lis-Sid tas-sidien, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu waħdu jagħmel għeġubijiet kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Hu li għamel is-smewwiet bil-ħsieb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

Li firex l-art fuq l-ilmijiet, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Li għamel id-dawl il-kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Għamel ix-xemx biex taħkem fuq il-jum, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Il-qamar u l-kwiekeb biex jaħkmu fuq il-lejl *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ant. 2: Kbar u ta’ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tista’ kollox.

 

II

 

Hu darab l-Eġizzjani f'uliedhom il-kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U ħareġ lil Iżrael minn ġo nofshom, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħariġhom b'id qawwija u bi driegħ merfugħ, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu feraq fi tnejn il-Baħar tal-Qasab, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U għadda lil Iżrael minn ġo nofsu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ġarraf il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu

 fil-Baħar tal-Qasab, *

 għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu mexxa fid-deżert il-poplu tiegħu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U xejjen slaten qawwija, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Qered slaten kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Qered lil Siħon, sultan ta' l-Amurrin, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U 'l Għog, sultan ta' Basan, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

B'wirt lil Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Meta konna magħkusin ftakar fina, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U ħelisna mill-għedewwa tagħna, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Lil kulħadd hu jagħti l-ikel, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 2: Kbar u ta’ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tista’ kollox.

Ant. 3: Alla ried li, meta tasal il-milja taż-żminijiet, kollox jinġabar taħt Kristu.

 

Kantiku Ef 1:3-10

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

 

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa

 quddiemu fl-imħabba;

 

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu, *

skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

 

 għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

 li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

 

 skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

 li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

 

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

 

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda,

li hu Kristu, *

 kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Alla ried li, meta tasal il-milja taż-żminijiet, kollox jinġabar taħt Kristu.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 3:12-13

 

Jalla l-Mulej ikattar u jfawwar fikom l-imħabba tagħkom għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma nħobbu aħna lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla u Missierna għal meta jiġi Sidna Ġesù Kristu mdawwar bil-qaddisin tiegħu.

 

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Isma’ leħni, Mulej, * Jiena u nsejjaħlek. Isma’.

V/. Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek. * Jiena u nsejjaħlek. Glorja. Isma’.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Tfaħħar dejjem ruħi l-kobor tiegħek, Alla tiegħi.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

 għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

 b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Tfaħħar dejjem ruħi l-kobor tiegħek, Alla tiegħi.

 

PREĊI

 

Ġesù ma jitlaqhomx lil dawk li jittamaw fih. Nagħmlulu talba umli u ngħidulu:

Alla tagħna, isma’ t-talb tagħna.

Kristu Ġesù, Xemx divina tagħna, dawwal lill-Knisja mqaddsa bid-dawl tiegħek:

- agħtiha li xxandar lill-ġnus il-misteru kbir ta’ Alla li deher fostna bħala bniedem.

Ħares is-saċerdoti u l-ministri tal-Knisja tiegħek:

- żommhom fidili fix-xandir tal-kelma tiegħek u fis-servizz li jagħtuk.

Int xerridt demmek biex tagħti s-sliem lid-dinja:

- biegħed l-inkwiet minn art twelidna u minn kullimkien.

Xerred il-kotra tal-grazzja u l-barka tiegħek fuq il-miżżewġin kollha:

- għinhom biex b’mod iżjed perfett juru fihom infushom il-misteru tal-Knisja tiegħek.

Ħenn għal ħutna l-mejtin kollha u aħfrilhom dnubiethom:

- seħibhom mal-qaddisin tiegħek fl-hena ta’ dejjem.

 

Missierna

Talba

 

 Ibqa’ magħna, Mulej Ġesù, issa li riesaq il-lejl, u kun il-wens tagħna fit-triq, biex il-ħniena tiegħek tqawwilna qalbna u twettaqna fit-tama, ħalli nagħrfuk fl-Iskrittura u fil-qsim tal-ħobż ma’ ħutna. Int li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TNEJN

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Talba ta’ fqir fil-hemm

 

Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

 

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10

 

 Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirĦu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

 u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.