Stampa t-test kollu ...


L-ERBGĦA

 

TAT-XII IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Erbgħa tar-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Ħallieq ta’ kollox u feddej tad-dinja,

Kristu Sultan, imħallef ġust tal-bniedem,

ilqa’ t-talb tagħna bit-tifħir ta’ qalbna,

u ħenn għalina.

 

Nersqu quddiemek f’dan il-lejl bil-qima,

biex infaħħruk u niżżuk ħajr kif jixraq;

int, għajn tad-dawl, orbotna lkoll qalb waħda

fl-imħabba tiegħek.

 

Agħmel li ngħaddu jiemna bil-ġustizzja,

biegħed mill-ħajja tagħna l-mewt ta’ dejjem,

agħtina li l-għemejjel tagħna jkunu

għall-glorja tiegħek.

 

Ħeġġeġ lil qalbna, ħażżem lil ġenbejna

bin-nar divin għinna biex nibqgħu nishru,

bl-imsiebaħ dejjem mixgħulin f’idejna,

nistennew lilek.

 

Fuq art twelidna w fuqna lkoll, uliedha,

sawwab, Mulej, mis-sema l-barka tiegħek,

żommna marbuta fik, fis-sliem bejnietna,

għas-sebħ ta’ Ismek. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Kristu, dawl veru, tjieba w ħajja tagħna,

ħniena bla qjies, u ferħ tassew tad-dinja,

int b’demmek il-għażiż ridt issalvana

mill-mewt ta’ dejjem.

 

Kebbisna, nitolbuk, bin-nar ta’ mħabbtek,

u żommna sħaħ fid-dawl qaddis tal-fidi;

minn jum għall-ieħor wettaq dejjem fina

it-tama hienja.

 

Xejjen b’setegħtek lil missier il-gideb,

u biegħed minna t-tnassis kollu tiegħu;

ibgħat, Mulej, l-Ispirtu s-Santu tiegħek

ħa jgħammar fina.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier, int l-Iben, u l-Ispirtu;

u lilkom trodd bla heda d-dinja kollha

tifħir u glorja. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

 

Salm 102 (103)

 

I

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej; *

b'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, *

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha; *

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar; *

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;

ixabba’ bil-ġid snin ħajtek, *

u bħal ta' l-ajkla tiġġedded żgħożitek.

 

Il-Mulej jagħmel is-sewwa, *

u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.

Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu, *

l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.

 Glorja.

 

Ant. 1: Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

Ant. 2: Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.

 

II

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej, *

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma joqgħodx jitlewwem magħna, *

u anqas jinkorla għal dejjem.

Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna; *

ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.

 

Daqskemm huma s-smewwiet 'il fuq mill-art, *

hekk hi kbira tjubitu ma' min jibża' minnu;

daqskemm hu mbiegħed il-lvant mill-punent, *

hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.

Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, *

hekk iħenn il-Mulej

 għal min għandu l-biża' tiegħu.

 

Għax hu jaf kif aħna magħġuna, *

jiftakar li aħna trab.

Bħall-ħaxix il-ħajja tal-bniedem; *

bħall-fjur tar-raba', hekk jikber.

Tgħaddi ż-żiffa minn fuqu, u jispiċċa, *

u ħadd aktar ma jagħraf fejn kien.

 Glorja.

 

Ant. 2: Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.

Ant. 3: Bierku l-Mulej, għemejjel tiegħu kollha.

 

III

 

Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem †

ma' dawk li għandhom il-biża' tiegħu, *

u s-sewwa tiegħu ma' wlied uliedhom;

ma' dawk li jħarsu l-patt tiegħu, *

u jiftakru fil-preċetti tiegħu u jħarsuhom.

Waqqaf il-Mulej it-tron tiegħu fis-sema, *

u saltnatu fuq kollox taħkem.

 

Bierku l-Mulej, anġli tiegħu kollha, *

setgħana u qawwija,

 li tagħmlu l-ordni tiegħu *

malli tisimgħu leħen il-kelma tiegħu.

Bierku l-Mulej, eżerċti tiegħu kollha, *

qaddejja tiegħu, li tagħmlu r-rieda tiegħu.

Bierku l-Mulej, għemejjel tiegħu kollha, †

kullimkien fis-saltna tiegħu. *

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

 Glorja.

 

Ant. 3: Bierku l-Mulej, għemejjel tiegħu kollha.

 

V/. Mulej, fehemni t-triq tal-preċetti tiegħek.

R/. Biex naħseb fuq l-għeġubijiet tiegħek.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel 1 Sam 19:8-10; 20:1-17

 

Il-ħbiberija ta’ David u Ġonatan

 

F’dawk il-jiem: Reġgħet qamet il-gwerra u David ħareġ jitqabad mal-Filistin u għamel ħerba sħiħa minnhom u ħarbu minn quddiemu. U l-Mulej bagħat spirtu ħażin fuq Sawl, hu u kien bilqiegħda b'lanza f'idu u David kien qiegħed idoqq l-arpa b'idu. U Sawl ipprova jolqot lil David bil-lanza u jsammru mal-ħajt; imma David żgiċċa minn Sawl, u l-lanza baqgħet imwaħħla mal-ħajt; u ħarab David.

David ħarab minn Najot ħdejn Rama u sab lil Ġonatan u staqsieh: “X'għamilt? X'deni għamiltlu, fiex offendejtu 'l missierek biex qiegħed ifittixli ħajti?” U wieġbu: “Ma jkun qatt! Ma tmut qatt! Ara, missieri ma jagħmel xejn, la kbir u la żgħir, mingħajr ma jgħidli; għaliex għandu missieri jaħbili din il-ħaġa? Ma hemm xejn.” U David ħalef u qal: “Missierek jaf żgur li int tħobbni u qal: 'Ma ngħidlux b'dan lil Ġonatan, inkella jsewwed qalbu.' Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, u daqs kemm int ħaj int, pass wieħed hemm bejni u bejn il-mewt.”

U Ġonatan wieġeb lil David: “Għidli x'tixtieq u nagħmillek.” U David wieġeb lil Ġonatan: “Ara, għada qamar ġdid, u jien għandi noqgħod niekol mas-sultan, ħallini mmur u ninħeba fir-raba' sat-tielet jum fil-għaxija. Jekk missierek jintebaħ u jistaqsi għalija, għidlu: 'David talabni jaqbeż qabża sa daru f'Betlehem, il-belt tiegħu, għaliex hemm kellhom joffru s-sagrifiċċju ta' kull sena għal niesu kollha. U jekk iwieġeb: 'Tajjeb,' il-qaddej tiegħek salv; imma jekk jinkorla, kun af li qatagħha li jagħmilli d-deni. Agħmel ħniena mal-qaddej tiegħek, għax int daħħalt il-qaddej tiegħek f'patt miegħek quddiem il-Mulej. Jekk hemm xi ħtija fija, oqtolni int; għaliex teħodni għand missierek?”

U Ġonatan wieġeb: “Ma jkun qatt dan minnek! Jekk inkun naf żgur li missieri jkun qatagħha li jagħmillek id-deni, int taħseb li ma ngħidlekx?” U David qal lil Ġonatan: “Min se jgħidli, jekk missierek iwieġbek bl-aħrax?” U Ġonatan wieġbu: “Ejja noħorġu fir-raba’.” U ħarġu t-tnejn fir-raba'. U Ġonatan qal lil David: “Xhud il-Mulej Alla ta' Iżrael! Għada bħalissa nistħarreġ lil missieri għat-tielet darba, u jekk ikun tajjeb miegħek jew le, nibgħat ngħidlek. Dan jagħmel il-Mulej lil Ġonatan u aktar; ukoll jekk stess missieri jkun irid jagħmillek id-deni għall-ġid tiegħi, jien ngħarrfek u nħallik tmur bis-sliem, u l-Mulej ikun miegħek, bħalma kien ma' missieri. U jekk jien inkun għadni ħaj, jien żgur li int turi t-tjieba tal-Mulej miegħi. U jekk immut, qatt twarrab it-tjieba tiegħek minn ma' niesi. Meta l-Mulej ikun qered minn wiċċ l-art l-għedewwa kollha ta' David wieħed wieħed, jagħmel ħaqq minnu l-Mulej jekk hu u daru ma jibqgħux aktar ħbieb.” 

U Ġonatan ħalef lil David minħabba l-imħabba li kellu għalih, għax kien iħobbu daqs kemm kien iħobb lilu nnifsu.

 

RESPONSORJU ara Prov 17:17; 1 Ġw 4:7b

 

R/. F’kull ħin iħobb min hu ħabib: * Hu bħal ħuk waqt l-hemm.

V/. Kull min iħobb hu mwieled minn Alla, u jagħraf lil Alla. * Hu bħal ħuk waqt l-hemm.

  

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq il-ħbiberija spiritwali tal-beatu Elred, abbati

 

Il-ħbiberija sħiħa li tibqa’ għal dejjem

 

Ġonatan, żagħżugħ mill-aħjar, għamel patt ma’ David, iżda għamlu mhux biex jiżgura għalih il-kuruna ta’ sultan jew bil-ħsieb li jikseb is-saltna, imma, bi spirtu ta’ ħbiberija, qies daqsu ‘il dak li kien il-qaddej, imkeċċi minn missieru, maħrub u jistaħba fid-deżert, ikkundannat u mfittex għall-mewt: għamlu aqwa minnu għax ċekken lilu nnifsu u għolla lil ħabibu: Int, qallu, tkun is-sultan u jien ta’ warajk.

O mera mill-aqwa ta’ ħbiberija tassew! Ħaġa ta’ l-għaġeb! Is-sultan kollu mgħaddab għall-qaddej tiegħu qisu kien wieħed li ried jeħodlu s-saltna u jxewwex is-saltna kollha kontrieh; jakkuża bi tradiment lill-qassisin, jagħmel straġi minnhom fuq suspett biss; ifittex fl-imsaġar, jistħarreġ fil-widien, jimla l-għoljiet u l-irdumijiet bis-suldati, u kulħadd iwiegħed li jagħmel vendetta minn David f’isem għadab is-sultan! Ġonatan biss, dak li waħdu kellu għaliex jgħir għal David, deherlu li għandu jżomm iebes lil missieru, u jgħin bil-pariri tiegħu lil ħabibu, imġarrab kif kien, għaliex kien iħoss li l-ħbiberija hi aqwa minn kull saltna: Int, qallu, tkun is-sultan, u jien ta’ warajk. Araw ukoll b’liema mod il-missier ipprova jqanqal l-għira taż-żagħżugħ kontra ħabibu b’ħafna tagħjir u tehdid: ried kieku jbeżżgħu li ħabibu se jaħtaflu s-saltna u jtelliflu ġieħu.

U meta s-sultan ikkundanna lil David għall-mewt, Ġonatan reġa’ ma naqasx lil ħabibu: Għala għandu jmut? X’għamel? Hu lagħab ħajtu f’idejh u qatel il-Filistin, u inti fraħt. Għaliex toqtol lil David għal xejn b’xejn? U s-sultan meta sema’ dan il-kliem iġġennen u qabad lanza u ipprova jidorbu biha u jsammru mal-ħajt, waqt li beda jgħajjru mill-agħar: Ja biċċa ta’ bin mara qarrieqa, ma nafx jien li int ħabib ta’ bin Ġesse b’għajb tiegħek u b’għajb ta’ ommok. Fl-aħħar ferragħ il-velenu kollu li kellu jbaqbaq fih, u beda jgħidlu kliem mill-agħar biex forsi jqanqallu l-għira, l-ambizzjoni, l-mibegħda u l-qilla: Sakemm idum ħaj fuq l-art bin Ġesse, la int u lanqas saltnatek ma tkun fis-sod.

Min ma jqanqlux kliem bħal dan? Min ma jibdiex jgħir wara kliem bħal dan? Kliem bħal dan għandu jhedded, inaqqas u jħassar kull imħabba, kull stima, kull ħbiberija. Iżda Ġonatan, dan iż-żagħżugħ kollu mħabba, żamm sħiħa l-wegħda tiegħu ta’ ħbiberija, żamm iebes għat-tehdid, stabar bit-tagħjir; minħabba l-ħbiberija tiegħu ma’ David stmell is-saltna u ma tax kas ta’ ġieħu; ftakar biss fl-imħabba li kellu għal ħabibu u qal: Int tkun is-sultan u jien ta’ warajk.

Din hi l-ħbiberija vera, qawwija u sħiħa, din hi l-ħbiberija li tibqa’ għal dejjem: ebda għira ma tħassarha, ebda suspett ma jnaqqasha, ebda ambizzjoni ma teqridha: ħbiberija bħal din ma tintemmx iżda tibqa’ sħiħa għalkemm isir minn kollox biex tiġġarraf; kbir kemm ikun kbir it-tagħjir, ma tbiddilx il-fehma u ma tinfeniex bit-tiġrib għax xejn ma jista’ jqanqalha. Mur, mela, u agħmel hekk int ukoll.

 

RESPONSORJU Sir 6:14, 17

 

R/. Ħabib fidil huwa kenn qawwi: * Min isib lilu jsib teżor.

V/. Min jibża’ mill-Mulej jagħmel il-ħbieb sinċieri, għax skond ma jkun hu hekk ukoll ikunu ħbiebu. * Min isib lilu jsib teżor.

 

TALBA

 

 Agħmel, Mulej, li aħna jkollna l-biża’ ta’ l-isem qaddis tiegħek, imma wkoll li dejjem inħobbuh, għax int qatt ma ċċaħħad mit-tmexxija tiegħek lil dawk li twettaqhom bis-sħiħ f’imħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Meta frixt, Mulej, il-medda

tas-smewwiet, bid-dawl żejjinthom;

ridt li x-xemx binhar twennisna,

u dawwalt il-lejl bil-qamar.

 

Issa l-lejl diġà ħalliena,

tielgħa x-xemx għall-ġirja tagħha,

tqanqal fina saħħa ġdida

sabiex nerġgħu naqbdu l-ħidma.

 

Xieraq, mela, li fil-bidu

tal-ġurnata nfaħħru lilek,

o Missier ħanin, li tfawwar

qalb uliedek bis-sliem tiegħek.

 

Mit-tfixkil illum warrabna,

żomm fid-dritt l-ispirtu tagħna,

għinna nibqgħu dejjem nodfa

f’kull ma naħsbu, ngħidu w nagħmlu.

 

Bħalna x-xemx iżżid is-sirġa

hekk titqawwa fina l-fidi

aktar soda ssir it-tama,

w iżjed jikbes nar l-imħabba.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Qalbi mħejjija biex tfaħħrek, Alla tiegħi.

 

Salm 107 (108)

 

Sħiħa qalbi, o Alla! *

Ħa ngħanni u ninseġ għanja:

Qum, ruħ tiegħi, qum arpa u ċetra! *

Ħa nqajjem sbiħ il-jum!

Infaħħrek, Mulej, fost il-popli, *

ngħannilek fost il-ġnus;

għax m'ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, *

sas-sħab il-fedeltà tiegħek.

Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! *

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha,

biex ikunu meħlusa l-għeżież tiegħek; *

għinna bil-leminija tiegħek u weġibna!

 

Tkellem Alla fis-santwarju tiegħu: †

"Ferħan nieħu b'sehmi lil Sikem, *

nagħmel oqsma mill-wied ta' Sukkot.

Tiegħi hu Gilgħad, tiegħi Manasse, †

Efrajm hu l-elmu ta' rasi, *

u Ġuda x-xettru tiegħi.

Moab lenbija fejn ninħasel, †

fuq Edom inqiegħed il-qorq tiegħi, *

fuq Filistja nifraħ rebbieħ!"

 

Min se jwassalni sal-belt bis-swar? *

Min se jeħodni sa Edom?

M'hux int, o Alla, li warrabtna, *

u li m'għadekx toħroġ ma' l-eżerċtu tagħna?

Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu; *

għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem,

Bl-għajnuna ta' Alla nuru ħilitna; *

hu li jisħaq l-għedewwa tagħna.

 Glorja.

 

Ant. 1: Qalbi mħejjija biex tfaħħrek, Alla tiegħi.

Ant. 2: Il-Mulej libbisni bi lbies, is-salvazzjoni u l-ġustizzja.

 

Kantiku Iż 61:10-62:5

 

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, *

taqbeż bil-ferħ ruħi b'Alla tiegħi.

Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, *

bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,

bħal għarus imżejjen b'kuruna, *

bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

 

Bħalma l-art tnibbet l-inbiet, *

bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,

hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja *

u t-tifħir quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

 

Minħabba f'Sijon ma nehdiex, *

minħabba f'Ġerusalemm ma niskotx,

Bħal dija għad tfeġġ il-ġustizzja tagħha, *

bħal torċa għad taqbad is-salvazzjoni tagħha.

Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus, *

u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.

B'isem ġdid għad isejjħulek, *

isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.

 

Għad tkun kuruna ta' ġmiel f'id il-Mulej, *

u dijadema ta' sultan f'id Alla tiegħek.

Ma jgħidulekx aktar: 'il-mitluqa', *

anqas lil artek ma jsejjħulha aktar ‘Imħarbta'.

Lilek għad isejjħulek: 'Għaxqti fiha', *

u lil artek għad jgħidulha: 'Għarusa';

għax l-għaxqa tal-Mulej fik ; *

u artek għad titgħarras.

 

Bħalma għarus jitgħarras xebba, *

hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;

u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b'għarustu, *

hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej libbisni bi lbies, is-salvazzjoni u l-ġustizzja.

Ant. 3: Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha.

 

Salm 145 (146)

 

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha; *

għanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.

 

La tittamawx fil-kbarat, *

għax il-bniedem ma jsalvakomx.

Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġa' jmur; *

jintemmu dakinhar ħsibijietu.

 

Hieni min f'Alla ta' Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu, *

min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,

li għamel is-sema, l-art u l-baħar, *

u kull ma jinsab fihom;

hu li jżomm kelmtu għal dejjem, †

li jagħmel ħaqq lill-maħqurin, *

u jagħti l-ħobż lill-imġewwħin.

 

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin; *

il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej li jerfa' lill-milwijin; *

il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

il-Mulej li jħares lill-barranin; †

hu li jżomm lill-iltim u lill-armla, *

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

 

Il-Mulej isaltan għal dejjem; *

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.

 Glorja.

 

Ant. 3: Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 4:39-40a

 

Kun af illum u żommha f’moħħok li l-Mulej hu tassew Alla kemm fl-għoli tas-sema u kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx ieħor għajru. Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li se nagħtik.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kull ħin inbierek il-Mulej; * Tifħiru dejjem fuq fommi. Kull ħin.

V/. Bil-Mulej tiftaħar ruħi. * Tifħiru dejjem fuq fommi. Glorja. Kull ħin.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Naqdu lill-Mulej bil-qdusija tul ħajjitna kollha.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Naqdu lill-Mulej bil-qdusija tul ħajjitna kollha.

 

PREĊI

 

Kristu, li hu d-dija tal-glorja tal-Missier, jimliena bid-dawl tal-kelma tiegħu. B’sentimenti ta’ mħabba nitolbuh u ngħidulu:

Sultan ta’ glorja bla tmiem, isma’ t-talb tagħna.

Imbierek int, Ġesù li minnek tibda u fik tintemm il-fidi tagħna:

- inroddulek ħajr għax sejjaħtilna mid-dlam għad-dawl tiegħek ta’ l-għaġeb.

Int ftaħt għajnejn l-għomja u tajt is-smigħ lit-torox:

- għinna fin-nuqqas ta’ fidi tagħna.

Mulej, żommna dejjem magħquda bejnietna fl-għożża tiegħek:

- tħalli ebda firda tinbet fostna.

Agħtina l-qawwa fit-tiġrib u s-sabar fil-hemm:

- għallimna nroddulek ħajr għall-ġid kollu li tipprovdilna.

 

Missierna

 

Talba

 

Ftakar, Mulej, fil-patt qaddis tiegħek, imwettaq b’rabta ġdida bid-demm tal-Ħaruf bla tebgħa; aħfer lill-poplu tiegħek minn dnubiethom, u mexxihom bla heda ‘l quddiem lejn il-fidwa sħiħa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Lilek insejjaħ, Mulej; fi kliemek jien nittama.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

 

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant.1 Lilek insejjaħ, Mulej; fi kliemek jien nittama.

Ant.2 Il-Mulej jaf li frugħa huma l-ħsibijiet tal-bniedem.

 

Salm 93 (94)

 

I

 

Mulej, Alla li taf titħallas, *

Alla li taf titħallas, tfaċċa!

Qum, mħallef tad-dinja, *

roddilhom li ħaqqhom lill-kburin.

Kemm se jdumu l-ħżiena, Mulej, *

kemm se jdumu l-ħżiena jifirħu?

Kliem kburi joħroġ minn fommhom; *

kull min jagħmel il-ħażen jiftaħar.

 

Huma jkasbru, Mulej, lill-poplu tiegħek, *

u jgħakksu lill-poplu ta' wirtek.

Joqtlu l-armla u l-barrani, *

u l-mewt jagħtu lill-iltiema;

u jgħidu: "Ma jarax il-Mulej; *

ma jintebaħx Alla ta' Ġakobb."

 

Ifhmuha, intom nies boloh fost il-poplu! *

Nies bla moħħ, meta se tintebħu?

Forsi min għamel il-widnejn ma jismax? *

Jew min sawwar l-għajnejn ma jarax?

Taħsbu li min iwiddeb lill-ġnus ma jrażżanx? *

Jew m'għandux għerf min jgħallem lill-bniedem?

Jagħraf il-Mulej il-ħsibijiet tal-bniedem, *

u jaf li m'humiex ħlief frugħa.

Glorja.

 

Ant.2 Il-Mulej jaf li frugħa huma l-ħsibijiet tal-bniedem.

Ant.3 Il-Mulej hu fortizza għalija, u l-blata tal-kenn tiegħi.

 

II

 

Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej, *

li tgħallmu l-liġi tiegħek,

biex isserrħu f'jiem l-għawġ, *

sa ma jitħaffer il-qabar għall-ħati.

Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu, *

ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.

Għax il-ħaqq jerġa' jsir bil-ġustizzja, *

u fuqu jimxu dawk kollha ta' qalb safja.

 

Min se jaqbeż għalija kontra l-ħżiena? *

Min se jżomm miegħi kontra min jagħmel il-ħażin?

Li kieku l-Mulej ma tanix l-għajnuna, *

għal ftit ma dħaltx fis-skiet tal-mewt.

Biżżejjed ngħid: "Qiegħed jiżloq riġli," *

biex tjubitek, Mulej, tweżinni.

Meta joktor l-hemm ġo qalbi, *

il-faraġ tiegħek jhennili ruħi.

 

Jistgħu mħallfin ħżiena jissieħbu miegħek, *

li jagħmlu l-qerq taħt il-libsa tal-liġi?

Jiftiehmu bejniethom kontra l-ħajja tal-ġust, *

u jikkundannaw in-nies bla ħtija. 

Iżda l-Mulej hu fortizza għalija, *

u Alla tiegħi l-blata tal-kenn tiegħi.

Hu jdawwar għal fuqhom ħżunithom, †

għall-ħażen tagħhom jeqridhom; *

jeqridhom il-Mulej Alla tagħna!

 Glorja.

 

Ant.3 Il-Mulej hu fortizza għalija, u l-blata tal-kenn tiegħi.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 10:24. 31

 

Ħadd ma għandu jqis qisu, iżda l-interessi ta’ ħaddieħor. Kull ma tagħmlu, sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla.

 

 V/. Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.

 R/. Li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli.

 

Talba

 

Mulej, Missier qaddis u Alla li żżomm kelmtek, int bgħattilna l-Ispirtu s-Santu, kif wegħedtna, biex tiġbor flimkien lill-bnedmin li kienu xterdu minħabba d-dnub; agħtina grazzja li nagħmlu servizz ta’ ġid għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:17

 

Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

 

 V/. Lilek, Mulej, noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr.

 R/. U isem il-Mulej insejjaħ.

 

Talba

 

O Alla ħanin li tista’ kollox, li qiegħed tagħtina ftit ħin ta’ heda f’nofs il-ġurnata, ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq il-ħidmiet tagħna ta’ llum, biex twarrab minnhom dak li ma għamilniehx sewwa, u bil-grazzja tiegħek jilħqu l-iskop li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:23-24

 

Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom, bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin, għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja għalikom il-Mulej bħala wirt. Aqdu lil Kristu Sidna.

 

 V/. Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi.

 R/. Inti żżomm f’idejk xortija.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, inti ftaħt idejk fuq is-salib biex issalva l-bnedmin; agħmel li l-ħidma kollha tagħna tkun togħġbok, biex biha jseħħilna nuru fid-dinja l-għemil tiegħek tal-fidwa. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Nieżla x-xemx b’tislima ħelwa

lill-għoljiet, għelieqi w baħar,

u bil- wegħda li fil-għodu

terġa’ żżurna biex tferraħna.

 

Ftit ħin ieħor tgħib, u d-dalma

tgħatti l-art bi star sewdieni;

jieqfu l-ħsejjes, taqa’ l-ħedla,

u l-għajnejn fl-irqad jingħalqu.

 

Iżda waqt li s-skiet isaltan

u l-mistrieħ kulħadd ifittex,

qalbna tishar u tixtieqek,

o Mulej li tgħasses fuqna.

 

Inti tibqa’ tħaddem fina

ġid it-tama w dawl il-fidi;

il-Verb tiegħek jibqa’ magħna

biex idawwal dlamijietna.

 

Huwa x-xemx li dejjem tiddi,

qatt ma titla’, qatt ma tinżel;

lilu d-dinja tixtieq tilbes

bħalma jlibbes bih lis-sema.

 

Dan id-dawl, Missier, agħtina,

ħa nitgħaxxqu bih għal dejjem,

għat-tifħir tal-glorja tiegħek,

t’Ibnek Sidna w ta’ l-Ispirtu. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: L-għerf tiegħek hu ta’ l-għaġeb, Mulej ma nwassalx għalih.

 

Salm 138 (139): 1-18. 23-24

 

I

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni; †

int taf meta noqgħod u meta nqum, *

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi; *

triqati kollha inti tafhom sewwa.

Inkun għadni anqas lissint il-kelma, *

meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.

 

Dawramejt inti tħaddanni, *

u tqegħedli idek fuqi.

L-għerf tiegħek ta' l-għaġeb, †

ma nwassalx għalih; *

għoli wisq, u ma nlaħħaqx miegħu.

 

Fejn immur 'il bogħod mill-ispirtu tiegħek? *

Jew fejn nista' naħrab minn quddiem wiċċek?

Jekk nitla' fis-smewwiet, hemm int; *

jekk nimtedd f'qiegħ l-art, int hemm ukoll.

Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ, *

u mmur ngħammar fi truf il-baħar,

hemm ukoll tilħaqni idek, *

u taqbadni l-leminija tiegħek.

Jekk ngħid: "Ħa jaħbini d-dlam, *

ħa jkunli d-dawl lejl madwari,"

anqas id-dlam ma hu mudlam; †

għalik il-lejl jiddi bħan-nhar; *

id-dlam bħad-dawl għalik.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: L-għerf tiegħek hu ta’ l-għaġeb, Mulej ma nwassalx għalih.

Ant. 2: Jiena hu l-Mulej, li nifli l-moħħ u ngħarbel il-qlub, biex nagħti ‘l kull wieħed skond l-imġiba tiegħu.

 

II

 

Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi, *

u f'ġuf ommi inti nsiġtni.

Inroddlok ħajr, għax b'mod ta' l-għaġeb għamiltni: †

ta' l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek.

U 'l ruħi inti tafha tajjeb.

 

Ma kienx moħbi għadmi minnek, †

meta kont qiegħed insir fis-satra *

u nintiseġ fil-qigħan ta' l-art.

Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi: *

kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek;

u jiemi kienu ġa magħduda *

meta ebda wieħed ma kien għad hemm.

 

Kemm huma tqal ħsibijietek għalija, o Alla! *

Kemm hu bla tarf l-għadd tagħhom!

Li kelli ngħoddhom, huma aktar mir-ramel; *

xħin nasal fl-aħħar, inkun għadni fil-bidu miegħek.

 

Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi; *

iflini, u kun af ħsibijieti.

Ara iniex miexi fi triq ħażina, *

u mexxini fit-triq ta' dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 2: Jiena hu l-Mulej, li nifli l-moħħ u ngħarbel il-qlub, biex nagħti ‘l kull wieħed skond l-imġiba tiegħu.

Ant. 3: Kollox bih kien maħluq, kollox bih qiegħed iżomm.

 

Kantiku ara Kol 1:12-20

 

Roddu ħajr lill-Missier, †

li għamilkom denji *

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,

 li bih għandna l-fidwa, *

il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax bih kien maħluq kollox, *

fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher †

u dak kollu li ma jidhirx, *

troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

 

Kollox bih u għalih kien maħluq, †

hu qabel kollox, *

u kollox bih qiegħed iżomm.

 

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †

hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *

fih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu,

u bid-demm tiegħu imxerred fuq is-salib, *

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 

 Glorja.

 

Ant. 3: Kollox bih kien maħluq, kollox bih qiegħed iżomm.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 2:3-6

 

B’dan nafu li nagħrfu lil Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. Min jgħid, ‘Jien nafu’, u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u s-sewwa m’huwiex fih. Iżda kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha. B’dan nagħarfu li aħna fih. Dak li jgħid li qiegħed jgħammar fih, jeħtieġ li jgħix kif għex hu stess.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Bħal ħabba ta’ l-għajn, * Ħarisna, Mulej. Bħal ħabba.

V/. Għad-dell ta’ ġwenħajk kenninna. * Ħarisna, Mulej. Glorja. Bħal ħabba.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Uri, Mulej, il-qawwa ta’ driegħek; xerred l-imkabbra u għolli ċ-ċkejknin.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Uri, Mulej, il-qawwa ta’ driegħek; xerred l-imkabbra u għolli ċ-ċkejknin.

 

PREĊI

 

Kbira sas-smewwiet hi t-tjieba li l-Missier etern ixerred dejjem fuq il-poplu tiegħu. Ngħajjtu quddiemu bil-ferħ ta’ qalbna u ngħidulu:

Mulej, jifirħu dawk kollha li jittamaw fik.

Missier, int bgħatt lil Ibnek mhux biex jagħmel ħaqq mid-dinja iżda biex id-dinja ssalva permezz tiegħu:

- agħtina l-ġid bla qjies li hu kisbilna bis-saħħa tal-mewt tiegħu.

Int għażilt is-saċerdoti tiegħek u għamilthom ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri tiegħek:

- agħtihom qalb sinċiera u żejjinhom bl-għerf u bl-imħabba.

Ftakar f’dawk li laqgħu s-sejħa tiegħek u għażlu l-ħajja safja minħabba s-saltna tas-smewwiet:

- żommhom fidili u bla għajb fil-mixi tagħhom wara Ibnek.

Int fil-bidu ħlaqt il-bniedem, u għamilthom raġel u mara:

- saħħaħ il-familji kollha fl-imħabba mill-qalb.

Inti lqajt is-sagrifiċċju ta’ Kristu u bih neħħejt id-dnubiet tagħna:

- agħti l-maħfra ta’ dnubiethom lil ħutna l-mejtin.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej, inti jogħġbok timla b’kull ġid tas-sema lil min hu bil-ġuħ; ftakar fil-ħniena kbira li dejjem turi magħna, u kattar id-doni tal-provvidenza tiegħek fuqna li ninsabu fil-bżonn. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn, *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.