Stampa t-test kollu ...


IT-TLIETA

 

TAT-XII IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tat-Tlieta tar-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Qabel ma jfeġġ mill-lvant id-dawl u jsebbaħ

b’gawhriet fiddiena x-xtut tal-gżejjer tagħna,

inħollu lsienna w b’qalb ferħana ngħannu

tifħir lil Sidna.

 

Ngħaqqdu leħinna ma’ ta’ l-anġli w ngħannu

lis-Sultan twajjeb tagħna, sa nissieħbu

mal-qaddisin u jistħoqqilna nidħlu

fil-ħajja hienja.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu;

u lilha d-dinja kollha trodd bla heda

tifħir u glorja. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Mulej fil-ħniena tiegħek, agħti widen

għall-leħen umli tal-qaddejja tiegħek;

fiċ-ċokon tagħna nersqu lejk, bit-tama

 li tisma’ talbna.

 

Mit-tron tas-saltna tiegħek, ixħet fuqna

ħarsa ta’ tjieba w sliem, u żomm mixgħula

l-imsiebaħ tagħna, li għalik ħejjejna

 biż-żejt tal-fidi.

 

Sultan tas-sema w l-art, Għarus tal-verġni,

kebbes lil qalbna b’nar l-imħabba safja,

biex, meta tiġi w tħabbat, dlonk niftħulek,

 u nidħlu miegħek.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier, int l-Iben, u l-Ispirtu;

u lilkom trodd bla heda d-dinja kollha

 tifħir u glorja. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħa tasal għandek l-għajta tiegħi, Mulej; taħbix wiċċek minni.

 

Salm 101 (102)

 

I

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, *

ħa tasal għandek l-għajta tiegħi.

Taħbix wiċċek minni *

f'jum id-dwejjaq tiegħi;

ressaq widintek lejja, *

meta nsejjaħlek fittex weġibni!

Għax jiemi bħal duħħan jgħibu; *

u għadmi bħal ħuġġieġa jaqbad.

Nixfet qalbi bħal ħaxix maqtugħ; †

ninsa niekol sa l-ħobż tiegħi.

Bl-ilfiq qawwi tiegħi sirt għadma u ġilda.

 

Qisni xi tajra fix-xagħri; *

sirt bħal kokka qalb xi ħerba.

Nibqa' mqajjem u nitniehed, *

bħal għasfur waħdu fuq bejt.

Il-jum kollu jgħajjruni l-għedewwa tiegħi, *

jixegħlu għalija u jidgħu bija.

 

Niekol l-irmied bħal ħobż, *

u x-xorb tiegħi bid-dmugħ inħallat,

minħabba l-għadab u s-saħna tiegħek, *

għax inti rfajtni, u mbagħad tlaqtni.

Jiemi qed jonqsu bħad-dell ta' filgħaxija; *

u jien bħal ħaxix qiegħed ninxef.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ħa tasal għandek l-għajta tiegħi, Mulej; taħbix wiċċek minni.

Ant. 2: Mulej, isma’ t-talb ta’ l-umli.

 

II

 

Imma int, Mulej, għal dejjem tibqa'; *

minn nisel għal nisel it-tifkira tiegħek.

Inti tqum u tħenn għal Sijon, *

għax hu ż-żmien u l-waqt li tħenn.

Għax għażiż għall-qaddejja tiegħek il-ġebel tagħha; *

tiġihom ħasra mit-trab tagħha.

 

Ħa jkollhom il-ġnus il-biża' ta' ismek, Mulej, *

u s-slaten kollha ta' l-art

 il-biża' tas-sebħ tiegħek,

meta l-Mulej jerġa' jibni lil Sijon, *

u jidher fis-sebħ tiegħu.

U jisma' t-talb tal-mitluqin, *

ma jistmellx it-talb tagħhom.

 

Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi, *

u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.

Il-Mulej iħares 'l isfel

mill-għoli tas-santwarju tiegħu, *

 hu jittawwal mis-sema lejn l-art,

biex jisma' l-krib ta' l-ilsiera, *

biex jeħles 'il dawk li huma għall-mewt.

U hekk jixxandar f'Sijon isem il-Mulej, *

u f'Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,

meta l-popli flimkien jinġemgħu, *

u slaten biex jaqdu l-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, isma’ t-talb ta’ l-umli.

Ant. 3: L-art int waqqaftha, Mulej; għemil idejk huma s-smewwiet.

 

III

 

Neħħieli saħħti f'nofs it-triq, *

qassarli ż-żmien ta' ħajti.

Jien ngħidlu: †

"Alla tiegħi, la teħodnix f'nofs ħajti, *

la darba żmienek idum għal dejjem.

L-art int waqqaftha sa mill-bidu; *

għemil idejk huma s-smewwiet.

 

Huma jgħaddu, imma int tibqa'; †

bħal libsa huma lkoll jiqdiemu, *

tbiddilhom bħal libsa u jintemmu.

Imma int li int tibqa'; †

bla tmiem huma s-snin tiegħek.

Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom; *

nisilhom jibqa' għal dejjem quddiemek."

 Glorja.

Ant. 3: L-art int waqqaftha, Mulej; għemil idejk huma s-smewwiet.

 

V/. Poplu tiegħi, agħtu widen għall-liġi tiegħi.

R/. Iftħu widnejkom għal kliem fommi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel Sam 17:57 – 18:9. 20-30

 

L-għira ta’ Sawl għal David

 

F’dawk il-jiem : Malli David raġa’ lura wara li kien qatel il-Filisti, mar jilqgħu Abner u ħadu quddiem Sawl, b'ras il-Filisti f'idu. U Sawl qallu: “Bin min int, żagħżugħ?” U David wieġbu: “Bin il-qaddej tiegħek Isaj, il-Betlehemita.” Malli David spiċċa jitkellem ma' Sawl, qalb Ġonatan intrabtet ma' qalb David, u Ġonatan ħabbu bħalu nnifsu. Dakinhar Sawl ħadu miegħu, u ma ħallihx imur f'dar missieru. U Ġonatan u David għamlu patt bejniethom, għax kien iħobbu bħalu nnifsu. U Ġonatan neħħa l-mantar li kellu fuqu, u tah lil David, u tah ukoll l-armatura tiegħu, u saħansitra x-xabla u l-qaws u l-ħżiem li kellu. David kien joħroġ għall-ġlied, u kull fejn kien jibagħtu Sawl kien jirbaħ. U Sawl qiegħdu fuq in-nies tal-gwerra. U kien miġjub min-nies kollha.

Ġara li, meta David reġa’ lura wara li kien qatel il-Filisti, ħarġu n-nisa mill-ibliet kollha ta' Iżrael bit-tnabar u bl-arpi, jgħajjtu bil-ferħ, jgħannu u jiżfnu madwar is-sultan Sawl, jaqbżu u jwieġbu lil xulxin: “Darab Sawl l-elf tiegħu, u David l-għaxartelef". Dan deher ikrah f'għajnejn Sawl, u saħan bis-sħiħ: “Lil David tawh għaxriet l-eluf,” qal, “u lili tawni elf; ma jonqoshomx jagħtuh ħlief is-saltna!” U minn dakinhar 'il quddiem beda jarah ikrah lil David. Mikol, bint Sawl, kienet tħobb lil David. Sawl qalulu b'dan u din il-ħaġa għoġbitu. U Sawl qal: “Nagħtihielu, iżda se tkunlu xibka, għax taqa' fuqu id il-Filistin.” Sawl qal lil David: “Illum int issir ħatni.” Sawl imbagħad ordna lill-qaddejja tiegħu jkellmu lil David bil-moħbi u jgħidulu: “Ara, is-sultan mgħaxxaq bik u l-qaddejja kollha tiegħu jħobbuk; għalhekk issa hu l-waqt li ssir ħaten is-sultan.” U l-qaddejja ta' Sawl wasslu dan il-kliem f'widnejn David, u David wieġeb: “Taħsbu intom li hi ħaġa żgħira li tkun ħaten is-sultan? Jien bniedem fqir u ma jien xejn.” U l-qaddejja ta' Sawl għarrfuh b'dan u qalulu: “Dan il-kliem qal David”.  

U Sawl weġibhom: “Dan għidu lil David: 'Is-sultan ma jrid ebda rigal, ħlief mitt ħliefa tal-Filistin, biex jitħallas mill-għedewwa tas-sultan.” Sawl kellu f'rasu li David jaqa' f'idejn il-Filistin. U l-qaddejja ta' Sawl wasslu dan il-kliem lil David. U din li jiżżewweġ lil bint is-sultan lil David għoġbitu. Ma għaddiex ħafna żmien. David qam u ħareġ, hu u niesu tiegħu u qatel mitejn raġel u ħa ħlifithom, u mar jgħoddhom quddiem is-sultan biex jiżżewweġ lil bintu. U Sawl tah lil bintu Mikol b'martu. Sawl ra li l-Mulej kien ma' David u Mikol kienet tħobbu. Sawl beza’ minn David aktar minn qabel u sar għadu tiegħu għal ħajtu kollha. U l-kapijiet tal-Filistin baqgħu joħorġu għall-ġlied, u kull darba li kienu joħorġu David kien joħroġ juri ħila aktar mill-oħrajn kollha, u ismu kien jissemma ma' kullimkien.

 

  

RESPONSORJU Salm 55(56):2. 4b. 14ab

 

R/. Ħenn għalija, o Alla, għax qegħdin ikasbruni, il-jum kollu jagħmlu għalija u jagħfsu fuqi. * Fik Alla l-Għoli jien nittama.

V/. Għax mill-mewt int ħlistli ħajti u ‘l riġli mill-waqgħa. * Fik Alla l-Għoli jien nittama.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq il-perfezzjoni nisranija ta’ San Girgor, isqof ta’ Nissa

 

Bil-ħajja tagħna kollha nagħtu xhieda għal Kristu

 

Tlieta huma l-ħwejjeġ li juru x’inhi tassew il-ħajja nisranija: l-ġħemil, il-kliem u l-ħsieb. L-ewwel il-ħsieb, mbagħad il-kliem li juri u jxandar il-ħsieb li jkun tnissel fil-moħħ, u wara l-ħsieb u l-kliem jiġi l-għemil, li bih isir dak li jkun inħaseb. Issa, meta aħna niġu biex nagħmlu, ngġidu jew naħsbu xi ħaġa, jeħtieġ li kull ma naħsbu, ngħidu u nagħmlu jkun jaqbel mal-fehma li għandna ta’ Kristu, biex kull ma naħsbu, ngħidu u nagħmlu ma jitbigħedx minnha.

Kull min stħoqqlu jiżżejjen bl-isem ta’ Kristu, x’jeħtieġlu aktar jagħmel ħlief jgħarbel sewwa biex jara jekk il-ħsibijiet, il-kliem u l-għemil kollu tiegħu jwasslux għand Kristu jew ibegħdux minnu? Dan jista’ jsir b’ħafna modi. Kull, għemil, kull ħsieb, kull kelma, kull ma jista’ jħawwadna, ma jaqbilx ma’ Kristu, imma huwa sinjal u xbieha ta’ l-għadu ta’ ruħna, li jtabba’ bit-tajn dik il-gawhra li hi ruħna bil-passjonijiet li jqanqal, u hekk idallam u jeqred il-ġmiel ta’ din il-ġawhra ta’ siwi hekk kbir.

Kull ma hu safi u ħieles mit-taqlib tal-passjonijiet ġej mingħand Dak li hu l-prinċep u l-awtur tas-sliem kollu, Kristu: minnu qisu minn għajn safja u mhux mittiefsa, wieħed jimla u jieħu l-fehmiet u x-xewqat ta’ ruħu, u b’hekk juri fih innifsu xbieha ta’ dak li hu l-bidu u l-għajn tal-ħsibijiet u l-fehmiet tiegħu kollha, kif l-ilma kollu li joħroġ minn għajn safja jidher safi kemm f’xi buqar u kemm huwa u jfawwar mill-istess għajn.

Hu l-istess safa li jidher fi Kristu u fil-fehmiet tagħna. Is-safa ta’ Kristu hu s-safa li hu ħiereġmill-istess għajn, is-safa tal-fehmiet tagħna hu s-safa li fawwar mill-għajn u ssawwab fina. Dan is-safa jġib ġmiel ta’ fehmiet f’ħajjitna, iwassal għal-qbil sħiħ bejn dak li naħsbu fil-moħbi ta’ qalbna u dak li nagħmlu bid-dieher quddiem i-bnedmin, u hekk ikun hemm armonija sħiħa f’ħajjitna, għaliex il-ħsibijiet li jiġuni minn Kristu jqanqlu u jmexxu l-imġiba kollha tagħna, ħa tkun irżina u xierqa. F’dan, skond ma nifhimha jien, tinsab il-perfezzjoni tal-ħajja nisranija: infittxu li jkollna sehem mit-titoli kollha li bihom infissru l-isem ta’ Kristu, ħalli nuru l-qawwa tagħhom bil-mod kif naħsbu, nitolbu u ngħixu.

 

RESPONSORJU Kol 3:17: Rum 14:7

 

R/. Kull ma tagħmlu jew tgħidu * Agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù.

V/. Ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. * Agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù.

 

TALBA

 

 Agħmel, Mulej, li aħna jkollna l-biża’ ta’ l-isem qaddis tiegħek, imma wkoll li dejjem inħobbuh, għax int qatt ma ċċaħħad mit-tmexxija tiegħek lil dawk li twettaqhom bis-sħiħ f’imħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Jum ta’ dejjem mingħajr għabex,

id-dawl tiegħek qatt ma jonqos;

dlam u lejl imbiegħda minnek,

int li ħlaqt id-dawl fil-bidu.

 

Diġà bjad fil-lvant ix-xefaq,

beda juri l-jum li riesaq,

u, bil-kewkba ta’ filgħodu,

sfaru w għebu l-kwiekeb l-oħra.

 

O Mulej, ħallejna friexna

bla tnikkir, ħa nsebbħu lilek,

u nroddulek ħajr għax tajtna

dal-jum ġdid, għall-glorja t’ismek.

 

Tħalliniex inkunu mqarrqa

minn sbuħit ix-xemx li tidher,

imma għinna biex nixtiequ

lilek waħdek, Xemx tas-sewwa.

 

Itfi fina n-nar tal-korla,

rażżan l-ikel u x-xorb żejjed,

żommna lkoll matul ħidmietna

f’għaqda miegħek u bejnietna.

 

Hekk, qawwija w sħaħ fil-fehma,

b’qalb nadifa f’ġisem safi,

nistgħu ngħaddu dil-ġurnata

b’fedeltà ma’ Kristu Sidna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Lilek, Mulej, irrid ngħanni; irrid nimxi bil-għaqal fit-triq il-perfetta.

 

Salm 100 (101)

 

Ngħanni u nxandar it-tjieba u l-ġustizzja; *

lilek, Mulej, irrid ngħanni.

Irrid nimxi bl-għaqal fit-triq il-perfetta; *

meta se tiġi għandi?

Inġib ruħi b'qalb safja ġewwa dari; *

ebda ħaġa ħażina ma nżomm quddiem għajnejja.

Nobgħod 'il min jagħmel il-ħażen, *

u ma norbotx qalbi miegħu.

 

Qalb imħassra nżommha 'l bogħod minni; *

il-ħażin ma rridx naf bih.

Min iqassas bil-moħbi fuq għajru, *

lil dan jien neqirdu.

Min għajnejh merfugħa u qalbu mkabbra, *

ma nistax inġerrgħu.

 

Nżomm għajnejja fuq it-twajbin ta' l-art, *

biex dawn joqogħdu miegħi.

Min jimxi fit-triq il-perfetta, *

dan hu li jaqdini.

Ma jgħammarx f'dari min jimxi bil-qerq; *

ma jżommx quddiemi min jitkellem bil-gideb.

Għodwa wara l-oħra

neqred il-ħżiena kollha ta' l-art, *

 biex inwarrab mill-belt tal-Mulej

'il kull min jagħmel il-ħażen.

 Glorja.

 

Ant. 1: Lilek, Mulej, irrid ngħanni; irrid nimxi bil-għaqal fit-triq il-perfetta.

Ant. 2: Mulej, la twarrabx il-ħniena tiegħek minn fuqna.

 

Kantiku Dan 3:26 .27. 29. 34-41

 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna, *

ta’ min ifaħħrek ħafna, u ismek hu msebbaħ għal dejjem.

Għax int ġust f’dak kollu li għamiltilna,

kull ma għamilt hu sewwa.

Għax dnibna u għamilna ħażin *

meta tlaqna lilek.

 

Minħabba f’ismek, la titlaqniex għalkollox, *

la tħassarx il-patt tiegħek,

la twarrabx il-ħniena tiegħek minn fuqna, *

minħabba f’Abraham, il-ħabib tiegħek,

minħabba f’Iżakk, il-qaddej tiegħek *

u minħabba f’Iżrael, il-qaddis tiegħek.

li lilu kont wegħidt nisel bla għadd, *

daqs il-kwiekeb tas-sema

 u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar.

 

Għax aħna, Mulej,

sirna iżgħar minn kull ġens ieħor, *

u minħabba fi dnubietna

llum iċċekkinna fid-dinja kollha.

 

U bħalissa la hemm iżjed prinċep, *

la profeta u lanqas mexxej;

la hemm offerta tal-ħruq u lanqas sagrifiċċju, *

la għotja u lanqas inċens,

u lanqas baqa’ mkien

fejn noffrulek l-ewwel frott tagħna, *

 jew fejn nitolbuk ħniena.

 

Madankollu, b’qalbna mgħaffġa u ruħna mċekkna, *

jalla nkunu ningħoġbu quddiemek,

qisna b’sagrifiċċji tal-ħruq ta’ nagħaġ u barrin, *

qisna b’eluf ta’ ħmir imsemmna;

ħa jkun hekk illum is-sagrifiċċju tagħna quddiemek, *

u jalla nimxu għalkollox warajk,

għax xejn ma jitħawwdu *

dawk li jittamaw fik.

 

U issa b’qalbna kollha nimxu warajk, *

nibżgħu minnek u nfittxu lilek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, la twarrabx ik-ħniena tiegħek minn fuqna.

Ant. 3: O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek.

 

Salm 143 (144):1-10

 

Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi, †

li jħarriġli jdejja għat-taqbida *

u subgħajja għat-taqtigħa.

Tjieba tiegħi u qawwa tiegħi, *

kenn tiegħi u ħellies tiegħi,

tarka tiegħi, fih jien nistkenn; *

hu li jrażżan il-popli taħti.

 

Mulej, x'inhu l-bniedem biex taħseb fih, *

jew bin il-bniedem biex tiftakar fih?

Bħal daqsxejn ta' nifs hu l-bniedem; *

bħal dell li jgħaddi huma jiemu.

 

Ofroq, Mulej, is-smewwiet tiegħek, u inżel; *

miss l-għoljiet, u huma jdaħħnu.

Agħmel il-beraq u xerridhom; *

faqqa' s-sajjetti u ħarrabhom.

 

Midd idek mill-għoli,

aħtafni mill-ilma kotran;

eħlisni minn id il-barrani,

li b'fommu jgħid il-gideb, *

u b'lemintu jixhed il-qerq.

 

O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek, *

fuq arpa ta' għaxar kordi ngħannihielek.

Int li tagħti r-rebħa lis-slaten,

li teħles lil David, il-qaddej tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 3: O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 55:1

 

Intom li bikom il-għatx, ejjew għall-ilma; intom ukoll li ma għandkomx flus. Ejjew ixtru u kulu b’xejn, inbid u ħalib bla ħlas.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Isma’ leħni, Mulej; * Fi kliemek jien nittama. Isma’.

V/. Sa minn qabel is-sebħ jien nitlob l-għajnuna * Fi kliemek jien nittama. Glorja. Isma’.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, salvana minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, salvana minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

 

 PREĊI

 

Alla, tana l-grazzja li f’din il-għodwa noffrulu t-tifħir tagħna, biex jimliena bil-ferħ u jqawwina fit-tama. Inqawwu qalbna, mela, u nitolbuh bil-fiduċja:

Għall-glorja ta’ ismek, Mulej, ismagħna.

Infaħħruk, o Alla, Missier Sidna Ġesù, is-salvatur tagħna:

- niżżuk ħajr għax bih għarraftna u tajtna l-ħajja ta’ dejjem.

Mulej, agħtina umiltà sinċiera:

- agħmel li noqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu.

Sawwab l-Ispirtu tiegħek fina, qaddejja tiegħek:

- għallimna ngħożżu lil xulxin bħal aħwa, b’fehma safja u bla uċuħ.

Int ordnajt lill-bniedem biex jaħdem u jaħkem id-dinja:

- agħmel li x-xogħol tagħna jiswa għat-tifħir tiegħek u l-qdusija ta’ ħutna.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej, kattar fina l-fidi, biex it-tifħir tiegħek ikun perfett fuq fommna u jniżżel fuqna bla heda l-grazzji tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom.

 

Salm 118 (119):137-144

 

XVIII (Sade)

 

Ġust int, Mulej; *

u sewwa d-digrieti tiegħek.

Bil-ġustizzja għamilt il-preċetti tiegħek, *

u b'fedeltà mill-akbar.

 

Tifnini l-ħeġġa tiegħi, *

għax insew kelmtek l-għedewwa tiegħi.

Il-wegħda tiegħek jien ippruvajtha; *

għalhekk iħobbha l-qaddej tiegħek.

 

Għalkemm jien żgħir u mżeblaħ, *

ma ninsiex il-preċetti tiegħek.

Ġustizzja ta' dejjem hi l-ġustizzja tiegħek, *

u sewwa l-liġi tiegħek.

 

Għalkemm id-diqa u n-niket waqgħu fuqi, *

il-kmandamenti tiegħek baqgħu l-għaxqa tiegħi.

Ġustizzja ta' dejjem il-preċetti tiegħek; *

agħtini d-dehen biex ikolli l-ħajja.

Glorja.

 

Ant.1 Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom.

Ant.2 Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, Mulej.

 

Salm 87 (88)

 

I

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bil-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.2 Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, Mulej.

Ant.3 Jien lejk ngħajjat, Mulej; la taħbix wiċċek minni.

 

II

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bil-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsijin il-ġustizzja tiegħek?

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni? 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

 

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int bigħedt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet.

 Glorja.

 

Ant.3 Jien lejk ngħajjat, Mulej; la taħbix wiċċek minni.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 3:17-18

 

Jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ‘l ħuh fil-bżonn u jagħlaq għajnejh għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih? Uliedi, ma nħobbx bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u tassew.

 

 V/. Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef.

 R/. It-tifkira tal-bniedem ġust għal dejjem tibqa’

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, f’din is-siegħa tal-ġurnata int sawwabt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli; ibgħat fuqna wkoll l-istess Spirtu ta’ l-imħabba, biex b’fedeltà sħiħa nixhdu għalik quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 30:11-14

 

Dan l-ordni li qiegħed nagħtik illum m’huwiex xi ħaġa iebsa għalik jew li ma tistax tilħaqha. Għax il-kelma hi qrib tiegħek ħafna, tinsab fuq fommok u f’qalbek biex tobdiha.

 

 V/. Mulej, musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek.

 R/. U dawl fil-mogħdija tiegħi.

 

Talba

 

O Alla, int għarraft lil Pietru l-pjan li għamilt biex issalva l-ġnus; fit-tjieba tiegħek, agħtina li nkunu nogħġbuk f’dak kollu li nagħmlu, u għinna bil-grazzja tiegħek biex ilkoll naqduk skond il-ħsieb ta’ l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Iż 55:10-11

 

Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet u tagħti ż-żerriegħa lil min jiżra’ u l-ħobż lil min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.

 

 V/. Il-Mulej jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.

 R/. Bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

 

Talba

 

O Alla, int bgħatt l-anġlu tiegħek lil Kornelju ċ-ċenturjun biex jurih it-triq tas-salvazjoni; agħtina l-grazzja li nħabirku minn qalbna għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, biex flimkien magħhom nimxu fil-Knisja tiegħek sa ma naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mexxej kbir taż-żmien u l-ġrajja,

bejn il-lejl u n-nhar ridt għażla:

tul in-nhar il-bniedem jaħdem,

u billejl jistrieħ u jorqod.

 

Ibqa’ magħna, ishar fuqna,

u, fid-dlam tal-lejl li riesaq,

ma jiġix il-għadu jwaddab

kontra tagħna l-vleġeġ tiegħu.

 

Biegħed minna kull ħsieb ikrah,

ħa jehdew is-sensi tagħna,

u, fis-sliem u l-kwiet, tiġġedded

u tissaħħaħ qawwet ruħna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Tibbiesli idi l-leminija jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm.

 

Salm 136 (137):1-6

 

F'xatt ix-xmajjar ta' Babel, †

hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna, *

aħna u niftakru f'Sijon.

Mas-siġar tal-luq li hemm fiha *

dendilna ċ-ċetri tagħna.

 Għax hemm, dawk li jassruna, *

talbuna ngħannulhom xi għanja;

dawk li hemm għakksuna †

stennew minna għana ta' ferħ: *

"Għannulna mill-għana ta' Sijon."

 

Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej *

f'art barranija?

Tibbiesli idi l-leminija, *

jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi, *

jekk ma niftakarx fik,

jekk ma nżommx 'il Ġerusalemm *

fuq kull ferħ tiegħi!

 Glorja.

 

Ant. 1: Tibbiesli idi l-leminija jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm.

Ant. 2: Quddiem l-anġli rrid ngħannilek, Alla tiegħi.

 

Salm 137 (138)

 

Inroddlok ħajr, Mulej, b'qalbi kollha, *

għaliex int smajt kliem fommi.

Quddiem l-allat irrid ngħannilek. *

B'wiċċi fl-art ninxteħet

 quddiem is-santwarju tiegħek,

u nroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek, *

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

 

Meta sejjaħtlek, int weġibtni, *

kattarli l-qawwa f'ruħi.

Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha ta' l-art, *

għaliex semgħu l-kliem ta' fommok.

U jgħannu l-imġiba tal-Mulej, *

għax kbir hu sebħ il-Mulej.

Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar; *

u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.

 

Jekk insib ruħi fl-għali, *

inti tħarisli ħajti;

terfa' idek kontra l-għedewwa tiegħi, *

u l-leminija tiegħek issalvani mill-qilla tagħhom.

Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi. †

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa' għal dejjem; *

la titlaqx għemil idejk!

 Glorja.

 

Ant. 2: Quddiem l-anġli rrid ngħannilek, Alla tiegħi.

Ant. 3: Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi l-glorja u t-tifħir.

 

Kantiku Apok 4:11; 5:9-10. 12

 

 Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

 l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa,

 għax int ħlaqt il-ħwejjeġ kollha, *

 bir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

 u tikser is-siġilli tiegħu,

 għax int qatluk, u b'demmek ksibt għal Alla *

 bnedmin minn kull tribù u lsien,

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

 li għad isaltnu fuq l-art."

 

 Il-Ħaruf maqtul jistħoqqlu jirċievi †

 l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

 l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi l-glorja u t-tifħir.

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:16

 

Ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bil-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Quddiemek, Mulej Alla, * Hemm il-milja tal-ferħ. Quddiemek.

V/. F’lemintek hemm l-għaxqa għal dejjem. * Hemm il-milja tal-ferħ. Glorja. Quddiemek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Mulej, agħmel magħna ħwejjeġ kbar, għax inti s-Setgħani, u qaddis ismek.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Mulej, agħmel magħna ħwejjeġ kbar, għax inti s-Setgħani, u qaddis ismek.

 

PREĊI

 

Nagħtu tifħir kbir lil Kristu, għaliex hu jqawwi u jsaħħaħ lill-poplu tiegħu. Nitolbuh b’qalb sinċiera u ngħidulu:

Mulej, isma’ t-talb tagħna, biex infaħħruk għal dejjem.

Kristu, qawwa tagħna, ħenn għalina:

- int, li għarraftna l-verità tiegħek, żommna sħaħ sa l-aħħar fil-fidi.

Ħares lil dawk li għandhom is-setgħa u mexxihom skond qalbek:

- agħmel li jkollhom rieda u fehma tajba, ħa jmexxu fis-sliem u l-paċi.

Int kattart il-ħobż biex titma’ l-folol tan-nies:

- għallimna ngħinu minn ġidna lil min hu bil-ġuħ.

Agħmel li ebda gvern fid-dinja ma jiġbed lejn in-nazzjon tiegħu biss:

- imma jirrispetta wkoll u jżomm fi ħsiebu n-nazzjonijiet l-oħra kollha.

Meta tiġi biex tkun igglorifikat f’dawk kollha li emmnu, ftakar f’ħutna l-mejtin kollha:

- qajjimhom għall-ħajja u agħtihom l-hena ta’ dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

Inressqu t-talb tagħna quddiemek, Mulej, biex fil-ħniena tiegħek tagħtina l-grazzja li nżommu dejjem f’moħħna u f’qalbna dak li nistqarrulek bil-fomm. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.