Stampa t-test kollu ...


26 ta’ Mejju

SAN FILIPPU NERI, PRESBITERU

Salmodija tas-Sibt tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, l-ewlieni u l-kbir fost ir-rgħajja,

quddiemek jiġi l-poplu tal-wirt tiegħek,

ħa jrodd foħrija xierqa lil ragħaj tajjeb

fil-festa tiegħu.

 

Int ħtart lil dan il-qaddej kbir b’ministru,

lilu tajt sehem fis-saċerdozju tiegħek,

u bgħattu jaqdi l-poplu, mexxej tajjeb,

fidil u għaqli.

 

Tassew mexxej u mudell kbir tal-merħla!

Kien dawl għall-għomja, faraġ għall-imsejkna,

missier ħanin li għal uliedu kollha

sar kollox f’kollox.

 

Kristu, li jagħti l-ħlas mistħoqq fis-sema

lill-ħbieb li jaqduk tajjeb, żomm ‘il qalbna

fit-triq ta’ dan l-imgħallem, sakemm fl-aħħar

nissieħbu miegħu.

 

Tifħir u glorja lill-Missier għal dejjem,

u lilek, Sultan twajjeb, Feddej tagħna;

ikun imsebbaħ kullimkien bla heda

l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Salm 106 (107)

 

I

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħa jgħidu hekk il-mifdijin tal-Mulej, *

dawk li hu fdiehom mill-ħakma ta' l-għadu;

ġabarhom minn ħafna artijiet, *

mill-lvant u l-punent, mit-tramuntana u n-nofsinhar.

Kienu jiġġerrew fid-deżert, †

u jterrqu fix-xagħri; *

belt fejn jgħammru ma sabux.

Bil-għatx u bil-ġuħ, *

saħħithom bdiet tħallihom.

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U qabbadhom it-triq it-tajba, *

biex imorru f'belt fejn jgħammru.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Għaliex hu jxebba' lil min hu bil-għatx, *

u jimla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ.

 

Kienu fid-dlam u f'dell il-mewt, *

miżmuma fl-għaks u l-ktajjen,

għax ħaduha kontra l-kelma ta' Alla, *

u warrbu l-ħsieb ta' l-Għoli.

Għalhekk b'xogħol iebes għakkishom; *

waqgħu mitluqa bla ma sabu għajnuna.

 

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U ħariġhom mid-dlam u minn dell l-mewt, *

u kisser il-ktajjen tagħhom.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Kisser il-bwieb tal-bronż, *

u qasam l-istaneg tal-ħadid.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Ant. 2: Huma raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu.

 

II

 

Infnew minħabba l-imġiba ħażina tagħhom; *

sofrew minħabba ħżunithom.

 

L-ikel kien jiġihom ħażin; *

kienu waslu sa wara bieb il-mewt. 

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

Bagħat il-kelma tiegħu u fejjaqhom, *

u ħelishom mit-telfien.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

U joffrulu sagrifiċċji ta' radd il-ħajr, *

u jxandru l-għemejjel tiegħu b'għana ferrieħi.

 

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna, *

li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,

raw l-opri tal-Mulej *

u l-għeġubijiet tiegħu f'qiegħ il-baħar.

Hu ordna u qajjem riefnu, *

li qanqal imwieġ il-baħar. 

Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar; *

qalbhom bdiet tferfer bil-biża'.

Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra, *

u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

 

U bidel ir-riefnu f'żiffa, *

u sikket mewġ il-baħar.

Huma ferħu għax ibbnazza; *

u hu wassalhom sal-port li xtaqu.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Ikabbruh fil-ġemgħa tal-poplu, *

u jfaħħruh fil-laqgħa tal-kbarat.

 Glorja.

 

Ant. 2: Huma raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu.

Ant. 3: Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u jifhmu t-tjieba tal-Mulej.

 

III

 

Hu jbiddel ix-xmajjar f'deżert, *

u n-nixxigħat f'art niexfa.

Art tajba jibdilha f'art mielħa, *

minħabba l-ħażen ta' dawk li jgħixu fiha. 

Hu jbiddel id-deżert f'għadajjar, *

u l-art niexfa f'nixxigħat ta' l-ilma.

 

Hemmhekk lill-imġewwħin jagħtihom fejn jgħammru; *

u huma jibnu l-belt fejn joqogħdu. 

Jiżirgħu r-raba' u jħawwlu d-dwieli, *

u jiġbru ħafna frott.

Hu jberikhom u joktru ħafna, *

ma jnaqqsilhomx l-imrieħel tagħhom.

 

Jekk jiġu li jonqsu u jintelqu, *

magħkusa mill-hemm u mill-għali,

hu jixħet it-tmaqdir fuq il-kbarat, *

u jitlaqhom jiġġerrew f'deżert bla triqat. 

Imma joħroġ mill-hemm lill-imsejkna, *

u jkattrilhom bħal merħla 'l nieshom.

Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, *

u l-ħżiena kollha jagħlqu ħalqhom.

 

Min hu bil-għaqal iżomm dan f'moħħu, *

u jifhem it-tjieba tal-Mulej.

Glorja.

 

Ant. 3: Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u jifhmu t-tjieba tal-Mulej.

 

V/. Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek.

R/. Baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek.

 

LEZZJONI I

 

Qari mill-Ktieb ta’ Koħelet Koħ 11:7-12:14

 

Ħsibijiet fuq ix-xjuħija

 

 Fih għaxqa d-dawl

u jieħdu gost l-għajnejn bid-dehra tax-xemx.

Iva, jekk il-bniedem jgħix bosta snin,

ħa jgawdi fihom kollha

u jiftakar li jiem id-dlam għad ikunu ħafna.

Kull ma jiġi, mbagħad, hu kollu frugħa.

 Kun mela hieni, żagħżugħ, f’żgħożitek,

u ħalli ‘l qalbek tferrħek f’jien żgħożitek;

imxi fejn tmexxik qalbek u fejn juruk għajnejk.

Imma kun af li ta’ dan kollu

Alla għad jagħmel il-kontijiet miegħek.

Biegħed in-niket minn qalbek,

u warrab il-ħsara minn ġismek.

B’danakollu frugħa ż-żgħożija u ż-żerniq tal-ħajja.

 Ftakar f’min ħalqek fil-jiem ta’ żgħożitek,

qabel ma jaslu l-jiem tan-niket

u joqorbu s-snin li fihom tgħid:

“Xejn ma jogħġobni”,

qabel ma jiddallmu,

ix-xemx u d-dawl, u l-qamar u l-kwiekeb,

u s-sħab jerġa’ jidher wara x-xita;

meta dawk li jgħassu d-dar jibdew jirtogħdu,

meta l-qalbenin jitgħawwġu,

u jieqfu dawk li jitħnu,

għax jonqsu fil-għadd,

u dawk li jħarsu ‘l barra mit-tieqa jiddallmu;

meta l-bibien jingħalqu fuq it-triq,

u l-ħoss tal-mitħna jonqos,

u l-għana ta’ l-għasfur jintefa,

u kull għana jieqaf;

meta kull telgħa tbeżża’

u t-triq issir tkexkex,

meta s-siġra tal-lewż tarmi ż-żahar,

u l-ġrad ikun fit-tqala,

u l-kappara tagħti l-frott tagħha,

waqt li l-bniedem imur fid-dar ta’ dejjem tiegħu,

u l-bekkejja jibdew jiġġerrew mat-toroq;

qabel ma l-ħajta tal-fidda tinqata’,

u l-musbieħ tad-deheb jitfarrak;

qabel ma l-ġarra fuq il-għajn tinkiser,

u t-tarjola fuq il-bir tinqasam,

u t-trab jerġa’ jmur fl-art mnejn ġie,

u n-nifs tal-ħajja jitlaq lejn Alla, mnejn ħareġ.

 O frugħa tal-frugħat,

jgħid Koħelet:

kollox frugħa.

 Barra milli kien għaref, Koħelet għallem l-għerf lill-poplu; b’ħafna ħsieb u tiftix niseġ kotra ta’ proverbji.

 Koħelet fittex li jsib qwiel ta’ fejda u li jikseb bir-reqqa kliem is-sewwa. Kliem l-għorrief bħala xpruni, bħal puntali sodi l-ġabriet ta’ qwielhom; ilkoll ingħataw minn ragħaj wieħed.

 Aktar minn daqshekk, ibni, m’għandekx xi trid: għax il-kotba joktru bla heda, u l-istudju żejjed jgħajji l-ġisem.

 Hawn hu l-qofol tad-diskors wara li kollox instema’: “Ħobb lil Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu”, għax f’dan jinġabar il-bniedem kollu. Għax Alla jġib għall-ħaqq tiegħu l-għemejjel kollha, sa lanqas ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina.

 

RESPONSORJU Salm 70(71):17. 9a; ara Salm 15(16):11

 

R/. O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni, u jien s’issa għadni nxandar l-għeġubijiet tiegħek. * Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija.

V/. Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. * Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof Santu Wistin

 

Ifirħu fil-Mulej dejjem

 

L-Appostlu jridna nifirħu, imma fil-Mulej, mhux skond id-dinja; għax kif tgħidilna l-Iskrittura, Min irid ikun ħabib ta’ din id-dinja, jitqies bħala għadu ta’ Alla. Il-bniedem ma jistax jaqdi żewġ sidien; hekk ukoll ħadd ma jista’ f’ħin wieħed jifraħ kif trid id-dinja u kif irid Alla.

Mela ħa jegħleb il-ferħ li ġej mill-Mulej, sa ma jgħaddi l-ferħ tad-dinja. Il-ferħ tal-Mulej joktor dejjem; il-ferħ tad-dinja jibqa’ jonqos sa ma jiġi fix-xejn. M’iniex ngħid dan għax ma għandniex nifirħu sakemm aħna fid-dinja, imma li, għalkemm għadna fid-dinja, nibdew minn issa nifirħu fil-Mulej.

Xi ħadd jgħid: Jiena qiegħed fid-dinja; mela jekk nifraħ, nifraħ fejn inkun. B’daqshekk? Jekk int fid-dinja, dan ifisser li m’intix fil-Mulej? Isma’ x’ jgħid l-istess Appostlu lin-nies ta’ Atene, kif hemm imniżżel fil-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli; meta kellimhom fuq Alla Sidna li ħalaqna qal: Aħna fih ngħixu, nitħarrku u aħna. Għax fejn jista’ ma jkunx, dak li jinsab kullimkien? Għalhekk ħeġġiġna u qalilna: Il-Mulej qorob, tħabbtu raskom b’xejn.

Ħaġa ta’ l-għaġeb: tela’ ‘l fuq mis-smewwiet kollha, u madankollu jinsab fil-qrib ta’ dawk li jgħixu fuq l-art. Min hu dan li jinsab hekk fil-bogħod u hekk fil-qrib jekk mhux dak li ħenn għalina u ġie fostna?

Ftakru f’dak ir-raġel li waqa’ f’nofs il-ħallelin u ħallewh nofsu mejjet fit-triq; il-qassis u l-levita rawh, għaddew minn mal-ġenb u baqgħu sejrin; is-Samaritan resaq lejh, dewwieh u ħa ħsiebu. Dak ir-raġel ifisser il-ġens kollu tal-bnedmin. Meta l-ġust li ma jmut qatt kien bgħid minna l-midinbin li mmutu, huwa niżel fostna u minn dak il-bogħod kollu sar qrib tagħna, proxxmu tagħna.

Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna. Għax aħna wlied. Kif nafu li aħna wlied? Dak li hu l-Iben il-waħdieni miet għalina biex ma jibqax waħdu. Il-wieħed li miet ma riedx jibqa’ waħdu. L-Iben il-waħdieni ta’ Alla għamel ħafna wlied ta’ Alla. Huwa xtara lil ħutu b’demmu; hu, li ma ngħoġobx mid-dinja, għamilna nogħġbu ‘l Alla; kien mibjugħ, u fdiena, żebilħuh, u mliena bil-ġieħ; qatluh, u tana l-ħajja.

Għalhekk, ħuti, ifirħu fil-Mulej, u mhux skond id-dinja: jiġifieri, ifirħu sewwa, mhux tifirħu ħażin; ifirħu bit-tama tal-ħajja ta’ dejjem, mhux bil-ward li jidbiel u jinxef. Hekk għandkom tifirħu: u tkunu fejn tkunu, iddumu kemm iddumu hawnhekk; il-Mulej qorob, tħabbtu raskom b’xejn.

 

RESPONSORJU 2 Kor 13:11; 15:13a

 

R/. Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, * U Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom

V/. Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi. * U Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom.

 

TALBA

 

 O Alla, int dejjem u f’kull żmien tgħolli l-qaddejja fidili tiegħek fil-glorja tal-qaddisin; fit-tjieba tiegħek, agħtina li aħna nitħeġġu b’dak in-nar ta’ l-Ispirtu s-Santu li bih tkebbset b’mod tal-għaġeb il-qalb ta’ San Filippu Neri. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Inxandru r-rebħ u l-ġieħ ta’ bniedem t’Alla,

li kien mexxej imfaħħar, missier għaqli,

qaddej fidil, li Sidu mlieh bil-hena

fis-saltna tiegħu.

 

Bħala mexxej u mgħallem, quddiem l-aħwa

ta xhieda sħiħa w wera l-ħajja mseddqa,

u fittex bla mistrieħ bi mġibtu safja

jogħġob lil Alla.

 

Nersqu bit-tama w nitolbuh li fuqna

tinżel il-maħfra w kull għajnuna f’waqtha;

u bit-talb tiegħu jerfa’ lejn is-sema

xewqatna kollha.

 

Lil Alla waħdu s-setgħa, l-ġieħ u s-saltna,

għax tiegħu l-glorja fis-smewwiet għal dejjem;

hu jmexxi d-dinja kollha w sħiħa jżommha

bil-liġi tiegħu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Inti ħdejja, Mulej; sewwa huma triqatek.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

 irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant. 1: Inti ħdejja, Mulej; sewwa huma triqatek.

Ant. 2: Mulej, jieqaf miegħi l-għerf tiegħek fit-tħabrik tiegħi.

 

Kantiku Għerf 9:1-6. 9-11

 

Alla ta' missirijieti, Sid il-ħniena, *

bil-kelma tiegħek int li għamilt kollox;

bgħerfek sawwart il-bniedem, *

biex jaħkem fuq il-ħlejjaq li int għamilt,

biex irieġi d-dinja bil-qdusija u s-sewwa, *

u jaqta’ l-ħaqq b'fehma sinċiera.

Agħtini l-għerf li qiegħed ħdejn it-tron tiegħek, *

u twarrabnix minn fost il-qaddejja tiegħek.

Għax jien qaddej tiegħek, †

bin il-qaddejja tiegħek, *

bniedem dgħajjef li jintemm qasir il-għomor,

bniedem li m’għandux ħila jifhem *

il-ħaqq u l-liġijiet tiegħek.

Għax ukoll min hu perfett fost il-bnedmin, *

jekk jonqsu l-għerf, li jiġi minnek,

 jitqies bħax-xejn.

Miegħek hu l-għerf, li jaf l-għemejjel tiegħek; *

hu kien miegħek int u tagħmel id-dinja;

huwa jaf x'inhu dak li jogħġob lilek, *

x’inhu s-sewwa skond il-kmandamenti tiegħek.

Ibgħat l-għerf mis-smewwiet imqaddsa, *

ibagħtu mit-tron glorjuż tiegħek,

biex jieqaf miegħi fit-tħabrik tiegħi, *

ħa nkun naf sewwa x’inhu li jogħġob lilek;

għax huwa kollox jaf u kollox jifhem †

f’kull ma nagħmel imexxini bl-għaqal, *

u bil-glorja tiegħu jħarisni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, jieqaf miegħi l-għerf tiegħek fit-tħabrik tiegħi.

Ant. 3: Il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli kollha.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 3: Il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 13:7-9a

 

Ftakru f'dawk li jmexxukom, dawk li wasslulkom il-kelma ta' Alla; aħsbu fuq it-tmiem ta' ħajjithom, imxu fuq l-eżempju tal-fidi tagħhom. Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem. Tħallux li tinġibdu ‘l barra mit-triq b'tagħlim xorta oħra u barrani.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Fuqek, Ġerusalemm, qegħedt l-għassiesa. * Hallelujah, hallelujah. Fuqek.

V/. Lejl u nhar ma jiqfux ixandru isem il-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Fuqek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu hu r-ragħaj it-tajjeb li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Inroddulek ħajr, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Irgħa l-poplu tiegħek, Mulej.

Kristu, int għoġbok tqiegħed fil-Knisja tiegħek rgħajja qaddisin bħal eżempju tat-tjieba u l-imħabba tiegħek:

- ibqa’ uri l-ħniena tiegħek magħna b’rgħajja bħalhom.

Int għadek taqdi l-uffiċċju ta’ ragħaj spiritwali permezz ta’ dawk li tqiegħed f’ismek fuq il-merħla tiegħek:

- żommna dejjem fit-triq it-tajba taħt il-ħarsien tal-mexxejja tagħna.

Bil-qaddisin tiegħek, li f’idejhom tafda l-popli, turina lilek innifsek bħala t-tabib tar-ruħ u tal-ġisem:

- kompli fina bla heda l-ministeru tal-ħajja u l-qdusija.

Int tipprovdi bnedmin qaddisa biex jirgħu l-merħla tiegħek bl-għaqal u bl-imħabba;

- xerred id-doni tiegħek fuq ir-rgħajja spiritwali tagħna f’dawn il-gżejjer biex jagħarfu jqaddsuna.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int dejjem u f’kull żmien tgħolli l-qaddejja fidili tiegħek fil-glorja tal-qaddisin; fit-tjieba tiegħek, agħtina li aħna nitħeġġu b’dak in-nar ta’ l-Ispirtu s-Santu li bih tkebbset b’mod tal-għaġeb il-qalb ta’ San Filippu Neri. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

Ant.1 Mulej, serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid.

 

Salm 118 (119):121-128

 

XVI (Għajn)

 

Jien għamilt il-ħaqq u s-sewwa; *

titlaqnix f'idejn dawk li jaħqruni.

Serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid; *

tħallix li l-kburin jgħakksuni.

 

Għejew għajnejja jistennew is-salvazzjoni tiegħek, *

u l-wegħda tal-ġustizzja tiegħek.

Imxi mal-qaddej tiegħek skond it-tjieba tiegħek, *

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen, *

biex nagħraf il-preċetti tiegħek.

Issa l-waqt li tindaħal, Mulej, *

għax kisru l-liġi tiegħek.

 

Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek, *

aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.

Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek, *

u nobgħod kull triq qarrieqa.

 Glorja.

 

Ant.1 Mulej, serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid.

Ant.2 Ħarsu lejn il-Mulej, u jiddi bil-ferħ wiċċkom.

 

Salm 33 (34)

 

I

 

Kull ħin inbierek il-Mulej; *

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *

ħa ngħollu ismu flimkien.

 

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *

u ma jkollkomx għax tistħu.

 

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses *

madwar dawk li jibżgħu minnu,

 u jeħlishom.

 

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 Glorja.

 

Ant.2 Ħarsu lejn il-Mulej, u jiddi bil-ferħ wiċċkom.

Ant.3 Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.

 

II

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili; *

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, *

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 

Ħares ilsienek mill-ħażen, *

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena, *

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †

u l-Mulej jismagħhom; *

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, *

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha, *

ebda waħda ma titkissirlu.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 Glorja.

 

Ant.3 Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Sam 15:22

 

Jaqaw il-Mulej jogħġbuh il-vittmi tal-ħruq u s-sagrifiċċji aktar mis-smigħ tal-kelma tal-Mulej? Ara, l-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji; is-smigħ aħjar mix-xaħam tal-muntun.

 

 V/. Min iroddli sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, dan isebbaħni.

 R/. Lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla.

 

Talba

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Gal 5:26; 6:2

 

Ma nkunux minn dawk li jfittxu l-ftaħir fieragħ, li jġarrbu ‘l xulxin u jgħiru għal xulxin. Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta’ Kristu.

 

 V/. Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien.

 R/. Għax hemm il-Mulej jagħti l-barka.

 

Talba

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nar ta’l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Mik 6:8

 

Ja bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej: iridek tagħmel dak li hu ġust, tħobb li tkun ħanin, u tkun umli fl-imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek.

 

 V/. Bil-kmandamenti tiegħek, Mulej, irrid nitgħaxxaq.

 R/. Qatt ma ninsa l-kelma tiegħek.

 

Talba

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.