Stampa t-test kollu ...


IT-TNEJN

 

TAT-XII IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tat-Tnejn tat-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Infaħħru bil-hena l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma sbiħ il-jum

Dan ħin tajjeb biex nisimgħu

leħen l-anġlu qed iħabbar

li l-Għarus, ħallieq tas-saltna

tas-smewwiet, dalwaqt iħabbat.

 

Ix-xebbiet għaqlin, bl-imsiebaħ

mixgħulin f’idejhom, jiġu

biex jiqgħuh: u wiċċhom jixhed

il-ferħ kbir li jimla qalbhom.

 

Iżda l-boloh, meta jaslu

bil-musbieħ bla żejt u mitfi,

jibqgħu barra għax isibu

bieb is-saltna magħluq f’wiċċhom.

 

Mela nishru u nħejju ruħna

b’dawl il-fidi w nar l-imħabba,

ħalli meta l-Mulej jiġi

jistħoqqilna nidħlu miegħu.

 

Sultan twajjeb, int mexxina

lejn is-saltna mbierka tiegħek,

fejn ninġabru lkoll madwarek

b’għana ta’ tifħir għal dejjem. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Ħajja tal-ġusti, triq u tama tagħna,

għajn ta’ kull tjieba, Kristu, sliem tad-dinja,

minn qalbna w fommna lilek noffru innu

ta’ ferħ u glorja.

 

Dak kollu li hu ġid u tjieba fina

jixhed il-qawwa tiegħek: iomħabbitna,

il-ħila u x-xewqat tagħna, kull ma aħna,

kollox ġej minnek.

 

Agħtina s-sliem fi żmienna, qawwi l-fidi,

għin lid-dgħajfin, u sawwab fuqna l-maħfra,

qassam b’idejk miftuħa l-grazzji tiegħek

lil ħutek kollha.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier, int l-Iben, u l-Ispirtu:

u lilkom trodd bla heda d-dinja kollha

tifħir u glorja. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej hu twajjeb ma’ min għandu qalbu sewwa.

 

Salm 72 (73)

 

I

 

Tassew twajjeb hu Alla ma' min hu sewwa, *

ma' dawk li għandhom qalbhom safja.

Iżda jien għal ftit ma għotrux riġlejja, *

għal ftit ma żlaqtx fil-mixi tiegħi.

Għax ġietni l-għira għall-kburin, *

xħin rajt il-ħżiena jimxu 'l quddiem.

 

Għax dawn ma għandhom ebda tbatija, *

qawwijin u sħaħ f'ġisimhom.

M'għandhomx taħbit bħall-bnedmin tad-dinja; *

m'humiex imsawwtin ma' wlied Adam.

 

Bħal ħannieqa ġawhar iżżejjinhom kburithom; *

tgħattihom bħal libsa d-dnewwa tagħhom.

Mis-simna tagħhom toħroġ ħżunithom, *

qalbhom tfawwar bi ħsibijiet fiergħa.

Jiddieħku u bil-qerq jitkellmu; *

kollhom imkabbra jheddu bil-moħqrija.

 

Sa kontra s-sema jqassu; *

lsienhom ma' l-art kollha jlaħħaq.

Għalhekk magħhom iżomm il-poplu tiegħi, *

u jixrob kliemhom bħall-ilma.

U jgħidu: "X'jista' jaf Alla? *

Huwa l-Għoli jaf b'xi ħaġa?"

Dawn, ara, huma l-ħżiena: *

moħħhom dejjem mistrieħ, u jistagħnu dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej hu twajjeb ma’ min għandu qalbu sewwa.

Ant. 2: Id-daħk tagħhom jinbidel f’biki, u l-hena tagħhom f’niket.

 

II

 

Mela għal xejn żammejt qalbi safja, *

u ħsilt idejja b'sinjal ta' ndafa.

Xorta waħda kuljum ġejt imsawwat, *

u kull filgħodu ħadt il-kastig.

 

Kieku għedt li hekk għandi nitkellem, *

kont niċħad ir-razza ta' wliedek.

Fittixt kif għandi nifhimha, *

u sibtha wisq bi tqila.

Mbagħad dħalt fit-tempju ta' Alla, *

u għaraft sewwa x'inhu t-tmiem tal-ħżiena.

Tassew li int fuq art tiżloq tqegħedhom, *

u fit-tiġrif twaqqagħhom.

 

Ara, kif tħarbtu f'daqqa waħda; *

kif għebu u ntemmu bil-biża'!

Bħal ħolma ta' min jistenbaħ, Mulej Sidi, *

hekk int, malli tqum, ma tqishom xejn.

 Glorja.

 

Ant. 2: Id-daħk tagħhom jinbidel f’biki, u l-hena tagħhom f’niket.

Ant. 3: Kull min jitbiegħed minnek jintilef; iżda jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla.

 

III

 

Meta kienet tinkedd qalbi †

u kont ninfena ġewwa fija, *

kemm kont iblah, xejn ma fhimt,

 bħal bhima jien kont quddiemek.

 

Imma jiena dejjem miegħek; *

inti żżommni minn idi l-leminija;

skond il-ħsieb tiegħek tmexxini, *

mbagħad fis-sebħ tilqagħni.

 

Lil min għandi fis-sema ħliefek? *

Bik miegħi fuq l-art xejn ma jonqosni.

Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi; *

Alla l-qawwa ta' qalbi u sehmi għal dejjem.

 

Għax kull min jitbiegħed minnek jintilef; *

int teqred 'il kull min jinfired minnek.

Iżda jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla;

f'Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi; *

u nxandar l-għemejjel tiegħek kollha.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kull min jitbiegħed minnek jintilef; iżda jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla.

 

V/. Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek.

R/. Oħla mill-għasel għal-fommi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel 1Sam 17:1-10. 32. 38-51

 

David jiġġieled ma’ Gulija

 

 Il-Filistin inġemgħu bl-eżerċtu tagħhom għall-gwerra u ltaqgħu f'Soko ta' Ġuda, u waqqfu l-kamp bejn Soko u Għażeka, f'Efes-dammim. Sawl u n-nies ta' Iżrael inġabru u waqqfu l-kamp fil-wied ta' Ela, u tqassmu għall-ġlied kontra l-Filistin. U l-Filistin kienu fuq l-għolja minn naħa u l-Iżraelin fuq l-għolja min-naħa l-oħra, u l-wied bejniethom. 

U ħareġ raġel bejjien mill-kamp tal-Filistin, jismu Gulija, twil sitt idriegħ u xiber. Kellu f'rasu elmu tal-bronż u kurazza maħduma qxur qxur, tiżen ħamestelef xekel bronż. F'riġlejh kellu xedd tal-bronż u lanza tal-bronż fuq spallejh. Il-lasta tal-lanza tiegħu kienet bħal motwa tan-nissieġa u l-ħadida tal-lanza kienet tiżen sitt mitt xekel ħadid; u quddiemu kien jimxi wieħed jerfagħlu t-tarka.Waqaf jgħajjar lill-qtajja' ta' Iżrael, u jgħidilhom: “Għalfejn ħriġtu mqassma għall-gwerra? M'iniex jien Filisti u intom l-ilsira ta' Sawl? Agħżlu issa bniedem u jinżel għalija. Jekk għandu ħila jitqabad miegħi u joqtolni, aħna nsiru lsira tagħkom, imma jekk negħlbu jien u noqtlu, intom tkunu lsiera tagħna u intom taqduna.” Mbagħad issokta jgħid il-Filisti: “Hawn jien illum nisfida l-qtajja' ta Iżrael! Agħtuni raġel u nitqabdu flimkien.”

 U David qal lil Sawl: “Ħadd ma għandu jaqta' qalbu minn dan il-bniedem. Jien, il-qaddej tiegħek, immur niġġieled ma' dan il-Filisti.” Sawl libbes lil David bl-armatura tiegħu, qegħedlu f'rasu elmu tal-bronż, u xiddlu l-kurazza. Mbagħad David tħażżem bix-xabla fuq l-armatura, u meta ġie biex jimxi, darba darbtejn, ma għamel xejn. Għalhekk qal lil Sawl: “Ma nistax nimxi b'dan kollu; m'iniex imdorri bihom. U għalhekk neħħa kollox minn fuqu. 

 David ħa l-ħatar f'idu, għażel ħames ċagħqiet lixxi mill-wied, u qegħedhom fil-ħorġa ta' ragħaj li kellu; ħa wkoll l-iżbandola f'idu, u qarreb lejn il-Filisti. Il-Filisti resaq lejn David bil-mod, u raġel bit-tarka quddiemu. Malli lemaħ lil David, stmellu, għax rah żagħżugħ, ħamrani, u għajnejh ħelwin u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Filisti qal lil David: “Xi ħsibtni lili, xi kelb, biex ħriġt għalija bil-ħatar ?” U beda jisħet lil David bl-allat tiegħu. U ssokta jgħid lil David: “Ejja lejja, biex nagħti laħmek lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem ta' l-art.” David wieġeb lill-Filisti: “Inti ġejt lejja bix-xabla, bil-lanza u l-alabarda. Iżda jien ġejt għalik b'isem il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' l-armata ta' Iżrael, li inti żeblaħt. Illum stess il-Mulej jagħtik f'idejja, u jiena nidorbok, naqtagħlek rasek minn fuqek, u l-iġsma ta' l-armata tal-Filistin nagħtihom illum stess lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem ta' l-art. U kulħadd isir jaf li hemm Alla f'Iżrael. U din il-kotra tagħraf li l-Mulej ma jsalvax bix-xabla jew bil-lanza; għax il-gwerra f'idejn il-Mulej, u llum se jitlaqkom f'idejna.”

Il-Filisti qam u resaq lejn David; malli dan, David mar jgħaġġel fil-post tal-ġlied jiltaqa' mal-Filisti. Daħħal idu fil-ħorġa, ħa minnha ċagħqa, waddabha bl-iżbandola, u laqat il-Filisti fi ġbinu: iċ-ċagħqa daħlet fi ġbinu u hu waqa' għal wiċċu fl-art. Hekk David rebaħ lill-Filisti bi żbandola u b'ċagħqa; laqtu u qatlu, bla xabla f'idejh. David qabeż fuq il-Filisti, u waqaf fuqu, ħadlu x-xabla mill-għant, qatlu u qatagħlu rasu biha.

 

RESPONSORJU 1 Sam 17:17; ara Salm 56(57):4ċ. 5a

 

R/. Il-Mulej, li ħelisni minn ħalq l-iljun u l-ors, * Jeħlisni minn idejn l-għedewwa tiegħi.

V/. Jibgħat Alla t-tjieba u l-fedeltà tiegħu, jeħlisli ħajti minn qalb l-iljuni. * Jeħlisni minn idejn l-għedewwa tiegħi.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq il-perfezzjoni nisranija ta’ San Girgor, isqof ta’ Nissa.

 

In-nisrani Kristu ieħor

 

 San Pawl, wisq aktar minn ħaddieħor, kien jaf min kien Kristu, u, b’kull ma għamel, wera kif imissu jkun kull min jissejjaħ bl-isem ta’ Kristu, jiġifieri kull nisrani San Pawl tant sar jixbħu lil Kristu li, bl-imġiba kollha tiegħu, kien juri kif kien il-Mulej fih innifsu: bil-ħerqa kollha li kellu li jkun jixbah lu Kristu, San Pawl hekk tbiddel fih li mhux hu kine li jitkellem imma Kristu kien li jitkellem fih, kif hu stess jgħid huwa u jistqarr il-ġid kollu li kiseb mingħand Kristu: Intom tridu prova li Kristu jitkellem fija hu, darba qal lill-Korintin. U darb’oħra qal: Ngħix imma mhux jien, jgħix fija Kristu.

San Pawl stess jurina x’qawwa għandu l-isem ta’ Kristu meta jgħidilna li Kristu hu l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla, li hu l-paċi tagħna u li hu d-dawl fejn jgħammar Alla li ħadd ma jista’ jersaq lejh, li hu t-tpattija u s-salvazzjoni tagħna il-Qassis il-kbir u l-Għid tagħna, il-vittma ta’ espjazzjoni għalina, id-dija tal-glorja ta’ Alla u x-xbieha ta’ l-essenza tiegħu; hu dak li ħalaq iż-żminijiet kollha, ix-xorb u l-ikel tar-ruħ, il-blata u l-ilma li ħareġ minnha, il-pedament tal-fidi u l-ġebla tax-xewka, ix-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, Alla kbir, ir-ras tal-ġisem tiegħu li hu l-Knisja, il-kbir fost il-ħlejjaq kollha, il-kbir li qam mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li raqdu, il-kbir fost ħafna aħwa, il-medjatur bejn Alla u l-bnedmin, l-Iben il-waħdieni tal-Missier imżejjen bil-glorja u l-ġieħ, is-Sid tal-glorja u l-bidu ta’ kollox, is-Sultan tal-ġustizzja u s-Sultan tas-sliem, is-Sultan tal-ħolqien kollu li kiseb għalih saltna bla tmiem.

B’dawn it-titoli kollha, u b’oħrajn ukoll, sejjaħSan Pawl lil Kristu, u tant huwa li wieħed bilkemm jista’ jgħoddhom. Dawn it-titoli kollha, jekk wieħed jiġborhom u jqabbilhom flimkien ħa jara t-tifsir tagħhom, juruna dak il-ftit li nistgħu naslu biex nifhmu u naħsbu fuq il-qawwa ta’ l-għaġeb ta’ l-isem ta’ Kristu u fuq il-kobor tiegħu li ma jistax jitfisser bil-kliem.

Fit-tjieba tiegħu, il-Mulej lilna wkoll tana l-grazzja li jkollna sehem mill-kobor ta’ dan l-isem divin, li hu fuq kull isiem ieħor, għaliex aħna żżejjinna bl-isem ta’ Kristu meta bdejna nissejjħu nsara. Jeħtieġ mela nuru fina dak kollu li hu mfisser minn dan l-isem, biex ma nġibux l-isem ta’ nsara bil-qerq, imma nkunu nsara tassew bix-xhieda sħiħa ta’ ħajjitna.

  

RESPONSORJU Salm 5:12; 88:16-17

 

R/. Jifirħu dawk li jafdaw fik, Mulej, u jihennew għal dejjem. Ħarishom, u bik jithennew * Dawk li jħobbu ‘l ismek.

V/. Jimxu, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek: b’ismek jitjennew il-jum kollu * Dawk li jħobbu ‘l ismek.

 

TALBA

 

Agħmel, Mulej, li aħna jkollna l-biża’ ta’ l-isem qaddis tiegħek, imma wkoll li dejjem inħobbuh, għax int att ma’ ċċaħħad mit-tmexxija tiegħek lil dawk li twettaqhom bis-sħiħ f’imħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

INNU

 

Kristu Alla, xemx ta’ ruħna,

bid-dawl tiegħek, kbir u qawwi,

tkeċċi minna l-lejl tal-ħtija,

u tferraħna b’jum il-grazzja.

 

Int tassew id-dawl tad-dinja,

mhux il-kewkba ta’ filgħodu,

li, bid-dija fietla tagħha,

tħabbar sbiħ il-jum lill-bniedem;

 

Iżd’int aqwa mix-xmux kollha,

dawl u jum oħrajn m’hemmx ħliefek,

int li d-dija tiegħek tinfed

sa ġol-qiegħ ta’ ruħ il-ħlejjaq.

 

Dawl tal-glorja ta’ Misierek,

ejja fina, bik imliena,

għax, mingħajr il-grazzja tiegħek,

dlam u biża jaħkmu fuqna.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Imlejtna sa minn kmieni, Mulej, bit-tjieba tiegħek.

 

Salm 89 (90)

 

Mulej, int kont għalina *

kenn minn nisel għal nisel.

Qabel ma twieldu l-muntanji, †

qabel ma tnisslu l-art u d-dinja, *

minn dejjem ta' dejjem int, o Alla!

Int traġġa' l-bnedmin lejn it-trab, *

u tgħidilhom: "Erġgħu lura, intom bnedmin!"

Elf sena huma għalik bħal jum ta' lbieraħ li għadda, *

jew bħal sahra tal-lejl.

 

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma. *

Huma bħall-ħaxix li jinbet fil-għodu;

fil-għodu jwarrad u jħaddar, *

fil-għaxija jidbiel u jinxef.

 

Ninsabu mifnija bil-qilla tiegħek, *

mibluha minħabba l-għadab tiegħek.

Int ġibt quddiem għajnejk ħtijietna, *

dnubietna l-moħbija fid-dawl ta' wiċċek.

 

Il-jiem kollha tagħna jgħibu minħabba qilltek, *

jintemmu bħal tnehida s-snin ta' ħajjitna.

Żmien ħajjitna hu b'kollox sebgħin sena; *

l-iżjed tmenin, jekk inkunu f'saħħitna;

u l-biċċa l-kbira taħbit u niket; *

malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.

 

Min jista' jifhem il-qawwa tal-qilla tiegħek? *

Min jista' jqis il-biża' ta' l-għadab tiegħek?

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, *

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

 

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum? *

Ħenn għall-qaddejja tiegħek.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek, *

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ferraħna daqskemm għakkistna, *

għas-snin li fihom rajna l-ħsara.

 

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek, *

u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta' Alla Sidna! *

Wettqilna inti x-xogħol ta' idejna.

 Glorja.

 

Ant. 1: Imlejtna sa minn kmieni, Mulej, bit-tjieba tiegħek.

Ant. 2: Jitla’ minn truf l-art it-tifħir tal-Mulej!

 

Kantiku Iż 42:10-16

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida; *

ħa jitla' minn truf l-art it-tifħir tiegħu!

Ħa jsebbħu l-baħar u kull ma fih, *

il-gżejjer u min jgħammar fihom.

Jerfa' leħnu d-deżert u l-bliet tiegħu, *

l-irħula fejn jgħammru wlied Kedar;

jgħannulu ferħana dawk li jgħammru f'Sela, *

jgħajjtu bil-ferħ fuq il-qċaċet tal-muntanji;

ħa jagħtu glorja lill-Mulej *

u jxandru t-tifħir tiegħu fil-gżejjer.

Joħroġ il-Mulej bħal wieħed qawwi, *

u jqanqal bħal gwerrier il-ħeġġa tiegħu;

jgħajjat l-għajat b’leħen għoli,

ħa juri kontra l-għedewwa l-qawwa tiegħu.

 

Ili ħafna żmien inżomm is-skiet, *

 għadt bi kwieti u rażżant lili nnifsi.

Bħal mara fl-uġigħ tal-ħlas se ngħajjat, *

 nonfoħ u nilheġ f'nifs wieħed;

il-muntanji u l-għoljiet nagħmilhom ħerba,

 innixxfilhom il-ħdura kollha tagħhom ;

inbiddel ix-xmajjar fi gżejjer, *

 innixxef fejn hemm l-ilma qiegħed.

Immexxi lill-għomja fi triq li ma jafux biha, *

 mogħdijiet li ma jafuhomx inqabbadhom.

Id-dlam inbiddlu f'dawl quddiemhom, *

 it-triqat mgħawwġa nagħmilhomlhom dritti.

 Glorja.

 

Ant. 2: Jitla’ minn truf l-art it-tifħir tal-Mulej!

Ant. 3: Faħħru isem il-Mulej, intom li qegħdin f’dar il-Mulej.

 

Salm 134 (135):1-12

 

Faħħru isem il-Mulej, *

faħħruh, qaddejja tal-Mulej,

intom li qegħdin f'dar il-Mulej, *

fil-wesgħat ta' madwar it-tempju ta' Alla tagħna.

 

Faħħru l-Mulej, għax hu tajjeb, *

għannu lil ismu, għax hu sabiħ.

Għax għażel il-Mulej 'il Ġakobb, *

lil Iżrael, biex ikun il-poplu tiegħu.

 

Naf tassew li kbir il-Mulej; *

fuq l-allat kollha Alla Sidna.

Kull ma jogħġbu l-Mulej jagħmlu †

fis-smewwiet u fuq l-art, *

fil-baħar u f'qiegħ l-ibħra kollha.

Hu jtella' s-sħab minn truf l-art,

jibgħat il-beraq u x-xita, *

joħroġ l-irjieħ mill-imħażen tiegħu.

 

Hu darab l-ulied il-kbar ta' l-Eġittu, *

kemm bnedmin u kemm bhejjem.

Sinjali u għeġubijiet għamel f'nofsok, Eġittu, *

u laqtu l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kollha.

Hu darab ġnus bla għadd, *

 u qered slaten qawwija.

Qered ‘il Sihon, sultan ta’ l-Amurrin, †

lil Għog, sultan ta’ Basan, *

u s-saltniet kollha ta’ Kangħan.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

b'wirt lil Iżrael, il-poplu tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Faħħru l-Mulej, intom li qegħdin f’dar il-Mulej.

 

LEZZJONI QASIRA Ġudit 8:25-27

 

Niżżu ħajr lill-Mulej, Alla tagħna, li qiegħed iġarrabna bħalma għamel ma missirijietna. Ftakru ġralu Ġakobb. Bħalma għadda lilhom minn-nar biex jara fejn kienet qalbhom, hekk issa qiegħed jagħmlilna l-Mulej, mhux biex jikkastigana, għax hu jwassal lil min hu qrib lejh biex iwiddbu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej; * Jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa. Għannu.

V/. Għannulu għanja ġdida. * Jixirqilkom ifaħħruh in-nies sewwa. Glorja. Għannu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Imbierek il-Mulej, għax ġie jżurna u ħelisna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Imbierek il-Mulej, għax ġie jżurna u ħelisna.

 

PREĊI

 

Kristu jisma’ lil dawk li jittamaw fih u jsalvahom. Nerfgħu leħinna lejh u nistqarrulu:

Infaħħruk, Mulej, tama tagħna.

Int, għani fil-ħniena, ilqa’ r-radd ta’ ħajr tagħna:

- infaħħruk għall-imħabba kbira li biha ħabbejtna.

Inti l-ħin kollu taħdem fid-dinja ma’ Missierek:

- ġedded kollox bil’qawwa taà l-Ispirtu s-Santu.

Iftħilna għajnejna, lilna u lil ħutna:

- biex illum naraw l-għeġubijiet tiegħek.

Agħtina l-għajnuna biex illum nagħtuk is-servizz li għalih sejjaħtilna:

- agħmel li lil ħutna namministrawlhom il-grazzja tiegħek li hi ta’ kull xorta.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla, int ħallejt l-art f’idejn il-bnedmin biex iħarsuha u jaħdmuha, u ħlaqt ix-xemx biex taqdihom: agħtina l-grazzja li llum inħabirku minn qalbna għall-glorja tiegħek u għall-ġid tal-proxxmu tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Mulej, żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond il-wegħda tiegħek.

 

Salm 118 (119):129-136

 

XVII (Pe)

 

Ta' l-għaġeb huma l-preċetti tiegħek, *

għalhekk tħarishom qalbi.

It-tifsir ta' kelmtek jagħti d-dawl, *

ifiehem lil min ma jafx.

 

Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ, *

għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek.

Dur lejja u ħenn għalija, *

kif dejjem tagħmel ma' min iħobb 'l ismek.

 

Żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond il-wegħda tiegħek, *

u ebda deni ma jaħkem fuqi.

Eħlisni mill-moħqrija tal-bniedem, *

u nħares il-preċetti tiegħek.

Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek, *

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

Id-dmugħ bħal wied iġelben minn għajnejja, *

għax ma jħarsux il-bnedmin il-liġi tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Mulej, żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond il-wegħda tiegħek.

Ant.2 Wieħed hu l-leġislatur u l-imħallef; int min int biex tagħmel ħaqq mill-proxxmu?

 

Salm 81 (82)

 

Alla joqgħod fil-laqgħa ta' l-allat, *

f'nofs l-allat jaqta' s-sentenza:

 

"Kemm se ddumu taqtgħu l-ħaqq bil-ħażen, *

u tħarsu lejn wiċċ il-ħżiena?

Agħmlu l-ħaqq mal-miskin u l-iltim; *

mal-magħkus u l-fqir agħmlu s-sewwa.

Eħilsu d-dgħajjef u l-fqajjar, *

minn id il-ħżiena salvawhom."

 

La jafu u lanqas jifhmu, †

fid-dlam qegħdin jimxu; *

u s-sisien kollha ta' l-art qed jitheżhżu. 

Jien għedt li allat intom, *

ulied l-Għoli lkoll kemm intom.

Imma bħal kull bniedem intom tmutu; *

bħal kull wieħed mill-kbarat taqgħu.

 

Qum, o Alla, agħmel ħaqq mill-art; *

għax tiegħek huma l-ġnus kollha!

Glorja.

 

Ant.2 Wieħed hu l-leġislatur u l-imħallef; int min int biex tagħmel ħaqq mill-proxxmu?

Ant.3 Sejjaħt lill-Mulej, u hu weġibni.

 

Salm 119 (120)

 

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *

u hu weġibni.

Mulej, eħlisni mix-xufftejn giddieba *

u mill-ilsna qarrieqa.

X'se tieħu b'dan, u x'se jiswielek, *

ilsien qarrieq?

Vleġeġ misnuna ta' wieħed b'saħħtu, *

u ġamar tal-ġummar.

 

Imsejken jien, li ngħix barrani f'Mesek; *

li ngħammar fl-għerejjex ta' Kedar!

 Ili ngħix biżżejjed *

ma' dawk li jobogħdu s-sliem.

Jien sliem irrid; imma malli nitkellem, *

nsibhom lesti għall-ġlied.

 Glorja.

 

Ant.3 Sejjaħt lill-Mulej, u hu weġibni.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Lev 20:26

 

Intom tikkonsagraw ruħkom lili, għax jien, il-Mulej, qaddis, jien għażiltkom minn fost il-popli biex tkunu tiegħi.

 

 V/. Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu.

 R/. Il-poplu li hu għażel b’wirtu.

 

Talba

 

O Alla, Missier it-tjieba, int ridt li l-bnedmin jaħdmu biex bix-xogħol tagħhom jgħinu dejjem lil xulxin ħalli jiksbu ħwejjeġ aqwa; agħmel li aħna nħabirku bla heda kulħadd bħal aħwa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 15:1-3

 

Int, Alla tagħna, twajjeb u fidil, iddum biex tagħdab, u tmexxi kollox bil-ħniena. Li wieħed jagħraf lilek, din hi l-ġustizzja sħiħa; li wieħed ikun jaf il-qawwa tiegħek, dan hu l-għerq tal-ħajja bla tmiem.

 

 V/. Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb.

 R/. Iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà

 

Talba

 

O Alla, sid u għassies tal-ħasad u d-dielja, inti ssejjaħ il-ħaddiema għax-xogħol u tagħtihom il-ħlas tajjeb li jistħoqqilhom; agħmel li aħna nilqgħu bil-qalb il-piż tal-jum, hekk li qatt ma ngemgmu kontra dak li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Bar 4:21b-22

 

Uliedi, għajjtu lil Alla, u hu jeħliskom mill-idejn qawwija ta’ l-għedewwa tagħkom. Jien nittama li Alla ta’ dejjem għad isalvakom, u l-Qaddis imlieni bil-ferħ, għax dalwaqt ikollkom fuqkom it-tjieba ta’ Alla ta’ dejjem, is-salvatur tagħkom.

 

 V/. Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek.

 R/. Għax huma minn dejjem, Mulej.

 

Talba

 

 O Alla, int qiegħed issejjħilna f’dak l-istess ħin li fih l-Appostli kienu jitilgħu fit-tempju; isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek b’fehma sinċiera f’isem Ġesù, biex bih naqilgħu mingħandek is-salvazzjoni għal dawk kollha li jsejjħu dan l-isem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

INNU

 

Mulej, Missier id-dawl, fit-tjieba tiegħek,

keċċi minn moħħna d-dlam tad-dnub u l-ħażen,

agħtina li niżżejjnu biss bid-dija

tal-grazzja tiegħek.

 

Issa li għadda l-jum fit-taħbit tiegħu,

inġbarna biex inroddu ħajr lil ismek,

għax int żammejtna qawwijin f’saħħitna

matul ħidmietna.

 

Id-dawl tal-jum ġa naqas, u fid-dalma

tal-lejl dalwaqt jinsatru l-ħwejjeġ kollha;

int, Xemx ħanina, ibqa’ iddi fuqna

fil-mistrieħ tagħna.

 

Aħsel lil ruħna b’raġġ tas-safa tegħek,

roddilha l-bjuda tat-twelid ġdid tagħha,

biex waqt l-irqad tal-ġisem, tibqa’ tishar,

tistenna lilek.

 

Alla Missier, nagħtuk kull ġieħ u glorja,

lilek, lil Ibnek u l-Ispirtu s-Santu,

li sa minn dejjem kbira s-saltna tagħkom,

u tibqa’ għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Salm 135 (136)

 

I

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Roddu ħajr lil Alla fuq l-allat, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Roddu ħajr lis-Sid tas-sidien, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu waħdu jagħmel għeġubijiet kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Hu li għamel is-smewwiet bil-ħsieb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

Li firex l-art fuq l-ilmijiet, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Li għamel id-dawl il-kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Għamel ix-xemx biex taħkem fuq il-jum, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Il-qamar u l-kwiekeb biex jaħkmu fuq il-lejl *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ant. 2: Kbar u ta’ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tista’ kollox.

 

II

 

Hu darab l-Eġizzjani f'uliedhom il-kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U ħareġ lil Iżrael minn ġo nofshom, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħariġhom b'id qawwija u bi driegħ merfugħ, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu feraq fi tnejn il-Baħar tal-Qasab, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U għadda lil Iżrael minn ġo nofsu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ġarraf il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu

 fil-Baħar tal-Qasab, *

 għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu mexxa fid-deżert il-poplu tiegħu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U xejjen slaten qawwija, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Qered slaten kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Qered lil Siħon, sultan ta' l-Amurrin, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U 'l Għog, sultan ta' Basan, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

B'wirt lil Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Meta konna magħkusin ftakar fina, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U ħelisna mill-għedewwa tagħna, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Lil kulħadd hu jagħti l-ikel, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 2: Kbar u ta’ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tista’ kollox.

Ant. 3: Alla ried li, meta tasal il-milja taż-żminijiet, kollox jinġabar taħt Kristu.

 

Kantiku Ef 1:3-10

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa

 quddiemu fl-imħabba;

 

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu, *

skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

 

 għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

 li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

 

 skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

 li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

 

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

 

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda,

li hu Kristu, *

 kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Alla ried li, meta tasal il-milja taż-żminijiet, kollox jinġabar taħt Kristu.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 3:12-13

 

Jalla l-Mulej ikattar u jfawwar fikom l-imħabba tagħkom għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma nħobbu aħna lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla u Missierna għal meta jiġi Sidna Ġesù Kristu mdawwar bil-qaddisin tiegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Isma’ leħni, Mulej, * Jiena u nsejjaħlek. Isma’.

V/. Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek. * Jiena u nsejjaħlek. Glorja. Isma’.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Tfaħħar dejjem ruħi l-kobor tiegħek, Alla tiegħi.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

 għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

 b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Tfaħħar dejjem ruħi l-kobor tiegħek, Alla tiegħi.

 

PREĊI

 

Ġesù ma jitlaqhomx lil dawk li jittamaw fih. Nagmlulu talba umli u ngħidulu:

Alla tagħna, isma’ t-talb tagħna.

Kristu Ġesù, Xemx divina tagħna, dawwal lill-Knisja mqaddsa bid-dawl tiegħek.

- agħtiha li xxandar lill-ġnus il-misteru kbir ta’ Alla li deher fostna bħala bniedem.

Ħares is-saċerdoti u l-ministri tal-Knisja tiegħek:

- żommhom fidili fix-xandir tal-kelma tiegħeknu fis-servizz li jagħtuk.

Int xerridt demmek biex tagħti s-sliem lid-dinja:

- biegħed l-inkwiet minn art twelidna u minn kullimkien.

Xerred il-kotra tal-grazzja u l-barka tiegħek fuq il-miżżewġin kollha:

- għinhom biex b’mod iżjed perfett juru fihom infushom il-misteru tal-Knisja tiegħek.

Ħenn għal ħutna l-mejtin kollha u aħfrilhom dnubiethom:

- seħibhom mal-qaddisin tiegħek fl-hena ta’ dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

 Ibqa’ magħna, Mulej Ġesù, issa li riesaq il-lejl, u kun il-wens tagħna fit-triq, biex il-ħniena tiegħek tqawwilna qalbna u twettaqna bit-tama, ħalli nagħrfuk fl-Iskristtura u fil-qsim tal-ħobż ma ħutna. Int li int Alla, li tgħix u ssaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TNEJN

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Talba ta’ fqir fil-hemm

 

Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

 

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10

 

 Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

 u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.