Stampa t-test kollu ...


IS-SIBT

 

TAL-XI-IL GIMGHA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tas-Sibt tat-III ġimgha

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Alla ta’ kull tjieba w ħniena,

bidu u għajn tal-ħlejjaq kollha,

int f’setegħtek Alla wieħed,

imma tlieta fil-Persuni.

 

Waqt li nfaħħru t-tjieba tiegħek,

nersqu bit-tnehid quddiemek:

saffi ‘l qlubna biex nitgħaxxqu

dejjem iżjed bil-ġid tiegħek.

 

Lil ġenbejna dgħajfa saħħaħ

bin-nirien ta’ mħabba safja,

ħalli nkunu mħażżmin dejjem,

nistennew il-miġja tiegħek.

 

Ilqa’, mela, t-talb li wliedek

fis-sigħat tal-lejl jagħmlulek,

sabiex jitħejjew kif jixraq

għal kull don u grazzja tiegħek.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Farġa tagħna. Ammen.

  

II. Matul il-jum

Fi tjubitek, Kristu Sidna,

ieqaf magħna w ħenn għalina,

int li bgħatt is-seba’ doni

ta’ l-Ispirtu fuq min jemmen.

 

Rodd is-saħħa ‘l-morda kollha,

biegħed kull tfixkil mid-dgħajfa,

rażżan il-ġibdiet tal-ħażen,

agħti s-serħ lill-qlub muġugħa.

 

Sawwab f’moħħna s-sliem u l-heda,

mexxi w temm kull xogħol ta’ fejda,

isma’ t-talb ta’ min jgħajjatlek,

u wassalna lkoll fil-ħajja.

 

Meta mbagħad, fi tmiem il-ħidma,

jagħlaq żmien il-ġimgha tagħna,

it-tmien jum ifeġġ, u jsejjaħ

lill-bnedmin għall-ħaqq quddiemek.

 

F’dak il-jum, Sultan u Mħallef,

qegħedna n-naħa ta’ lemintek,

biex, man-nagħaġ imbierka tiegħek,

nieħdu b’wirtna s-saltna mwiegħda.

 

Hekk isseħħ ix-xewqa tagħna:

fejn tkun int inkunu aħna,

biex naraw il-glorja tiegħek,

u nagħtuk tifħir għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

 

Salm 106 (107)

 

I

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħa jgħidu hekk il-mifdijin tal-Mulej, *

dawk li hu fdiehom mill-ħakma ta' l-għadu;

ġabarhom minn ħafna artijiet, *

mill-lvant u l-punent, mit-tramuntana u n-nofsinhar.

Kienu jiġġerrew fid-deżert, †

u jterrqu fix-xagħri; *

belt fejn jgħammru ma sabux.

Bil-għatx u bil-ġuħ, *

saħħithom bdiet tħallihom.

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U qabbadhom it-triq it-tajba, *

biex imorru f'belt fejn jgħammru.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Għaliex hu jxebba' lil min hu bil-għatx, *

u jimla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ.

 

Kienu fid-dlam u f'dell il-mewt, *

miżmuma fl-għaks u l-ktajjen,

għax ħaduha kontra l-kelma ta' Alla, *

u warrbu l-ħsieb ta' l-Għoli.

Għalhekk b'xogħol iebes għakkishom; *

waqgħu mitluqa bla ma sabu għajnuna.

 

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U ħariġhom mid-dlam u minn dell l-mewt, *

u kisser il-ktajjen tagħhom.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Kisser il-bwieb tal-bronż, *

u qasam l-istaneg tal-ħadid.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Ant. 2: Huma raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu.

 

II

 

Infnew minħabba l-imġiba ħażina tagħhom; *

sofrew minħabba ħżunithom.

 

L-ikel kien jiġihom ħażin; *

kienu waslu sa wara bieb il-mewt. 

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

Bagħat il-kelma tiegħu u fejjaqhom, *

u ħelishom mit-telfien.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

U joffrulu sagrifiċċji ta' radd il-ħajr, *

u jxandru l-għemejjel tiegħu b'għana ferrieħi.

 

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna, *

li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,

raw l-opri tal-Mulej *

u l-għeġubijiet tiegħu f'qiegħ il-baħar.

Hu ordna u qajjem riefnu, *

li qanqal imwieġ il-baħar. 

Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar; *

qalbhom bdiet tferfer bil-biża'.

Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra, *

u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

 

U bidel ir-riefnu f'żiffa, *

u sikket mewġ il-baħar.

Huma ferħu għax ibbnazza; *

u hu wassalhom sal-port li xtaqu.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Ikabbruh fil-ġemgħa tal-poplu, *

u jfaħħruh fil-laqgħa tal-kbarat.

 Glorja.

 

Ant. 2: Huma raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu.

Ant. 3: Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u jifhmu t-tjieba tal-Mulej.

 

III

 

Hu jbiddel ix-xmajjar f'deżert, *

u n-nixxigħat f'art niexfa.

Art tajba jibdilha f'art mielħa, *

minħabba l-ħażen ta' dawk li jgħixu fiha. 

Hu jbiddel id-deżert f'għadajjar, *

u l-art niexfa f'nixxigħat ta' l-ilma.

 

Hemmhekk lill-imġewwħin jagħtihom fejn jgħammru; *

u huma jibnu l-belt fejn joqogħdu. 

Jiżirgħu r-raba' u jħawwlu d-dwieli, *

u jiġbru ħafna frott.

Hu jberikhom u joktru ħafna, *

ma jnaqqsilhomx l-imrieħel tagħhom.

 

Jekk jiġu li jonqsu u jintelqu, *

magħkusa mill-hemm u mill-għali,

hu jixħet it-tmaqdir fuq il-kbarat, *

u jitlaqhom jiġġerrew f'deżert bla triqat. 

Imma joħroġ mill-hemm lill-imsejkna, *

u jkattrilhom bħal merħla 'l nieshom.

Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, *

u l-ħżiena kollha jagħlqu ħalqhom.

 

Min hu bil-għaqal iżomm dan f'moħħu, *

u jifhem it-tjieba tal-Mulej.

Glorja.

 

Ant. 3: Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u jifhmu t-tjieba tal-Mulej.

 

V/. Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek.

R/. Baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek.

 

LEZZJONI I

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Imħallfin Mħ 16:4-6. 16-31

 

Il-ħżunija ta’ Dalila u l-mewt ta’ Sansun

 

 F’dawk il-jiem Sansun ħabb mara mill-wied ta' Sorek, jisimha Dalila. Il-kapijiet tal-Filistin marru għandha u qalulha: "Żiegħel bih u ara mnejn ġejja s-saħħa kbira li għandu biex inkunu nistgħu norbtuh u nrażżnuh. Kull wieħed minna nagħtuk elf u mitt xekel tal-fidda." U Dalila qalet lil Sansun: "Għidli mnejn ġejja s-saħħa kbira tiegħek, u biex jistgħu jrażżnuk?"

 U billi dejjqitu bi kliemha u ta' kuljum kienet issus warajh, iddejjaq għall-mewt. U fetaħ qalbu magħha għalkollox u qalilha: "Qatt ma għadda mus minn fuq rasi, għax jien nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommi. Jekk inqaxxar xagħri, il-qawwa tiegħi tgħib għalkollox, u nsir bla saħħa bħal kull bniedem ieħor."

Malli ntebħet li fetaħ qalbu magħha għalkollox, Dalila bagħtet issejjaħ lill-Filistin u tgħidilhom: "Itilgħu, għax din id-darba fetaħli qalbu għalkollox." U telgħu għandha l-kapijiet tal-Filistin u ġabu l-flus magħhom. U raqqditu fuq irkubbtejha u sejjħet raġel u qarwiżlu s-seba' nokkliet ta' rasu; u beda jagħkes sakemm marritlu saħħtu minn fuqu. U għajjtet: "Il-Filistin fuqek, Sansun." Stenbaħ minn-ngħas u qal: "Noħroġ bħal dari u neħles." Ma kienx jaf li l-Mulej kien warrab minnu. U qabduh il-Filistin, u qalgħulu għajnejh; u niżżluh Gaża, u rabtuh bis-sniesel tal-bronż, u għalquh idawwar il-mitħna fil-ħabs. U xagħru raġa' beda jikber wara li qarwżuh.

Il-kapijiet tal-Filistin inġemgħu biex jagħmlu festa u joffru sagrifiċċju kbir lil alla tagħhom Dagon, u qalu: "Tana alla tagħna f’idejna

‘l Sansun, l-għadu tagħna."

Malli l-poplu ra lil Sansun bdew ifaħħru lill alla tagħhom u jgħidu:

"Tana f'idejna alla tagħna ‘l-għadu tagħna u 'l min ħarbtilna artna

u kattar il-mejtin tagħna."

Kif qalbhom imtliet bil-ferħ qalu: "Ħa nsejjħu lil Sansun biex jgħaddilna ż-żmien", u sejjħu lil Sansun mill-ħabs u beda jilgħab quddiemhom. U qegħduh bejn il-plieri. U Sansun qal liż-żagħżugħ li kien qiegħed iżommlu idu: "Ħallini mmiss il-plieri li fuqhom qiegħda żżomm id-dar, u nserraħ fuqhom." Id-dar kienet mimlija rġiel u nisa, u kien hemm il-kapijiet tal-Filistin, u fuq is-setaħ xi tlitt elef raġel u mara jaraw lil Sansun jilgħab.

U Sansun sejjaħ lill-Mulej u qal: "Mulej, Sidi, ftakar fija! Agħtini l-forza, mqar għal din id-darba, o Alla, u f’daqqa waħda nitħallas taż-żewġ għajnejja mill-Filistin." U Sansun qabad iż-żewġ plieri tan-nofs, li fuqhom kienet mibnija d-dar, u twieżen fuqhom, fuq waħda bil-lemin u fuq l-oħra bix-xellug. U Sansun għajjat: "Ħa mmut jien mal-Filistin", u Sansun miel 'il quddiem fuqhom b'saħħtu kollha u ġġarrfet id-dar fuq il-kapijiet u fuq il-poplu kollu li kien hemm fiha. U l-għadd tal-mejtin, li qatel f'mewtu, kien aktar minn kemm qatel f'ħajtu.

U niżlu ħutu u d-dar kollha ta' missieru, u refgħuh u tellgħuh u difnuh bejn Sorgħa u bejn Estawol fil-qabar ta' missieru Manuħa. Dam jaħkem fuq Iżrael għal għoxrin sena.

 

RESPONSORJU Salm 42(43):1a; 30(31):4a; Mħ 16:28b

 

R/. Agħmel ħaqq minni int, Mulej, u minn-nies bla tjieba ddefendi l-kawża tiegħi: * Inti l-blata u l-fortizza tiegħi.

V/. Ftakar fija! Agħtini l-forza mqar għal din id-darba: * Inti l-blata u l-fortizza tiegħi.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq it-Talba ta’ Sidna ta’ San Ċiprijanu, isqof u martri.

 

Mhux bil-kliem biss għandha nitolbu, iżda bil-fatti wkoll

 

 M’għandniex nistagħġbu, ħuti għeżież, li t-talba li għallimna l-Mulej tiġbor fiha fiha fi ftit kliem dak kollu li għandna nitolbu għas-salvazzjoni tagħna. Dan kien ġa tħabbar mill-profeta Iżaija meta mimli bl-Ispirtu s-Santu, tkellem fuq il-kobor u t-tjieba ta’ Alla, u qal: Il-Mulej dalwaqt jagħmel il-kont u jaqtagħha fil-qasir mad-dinja kollha.

 Meta l-Verb ta’ Alla, Sidna Ġesù Kristu, ġie fid-dinja għal kulħadd, ġabar madwaru sew dawk li kienu għorrief u sew dawk li ma kinux, u għallem il-preċetti tas-salvazzjoni lill-irġiel u lin-nisa, lill-kbar u liż-żgħar. Hu ġabar il-preċetti kollha tiegħu fi ftit kliem biex dawk li jitgħallmu t-triq tas-sema jkunu jistgħu jiftakruhom bla tbatija u malajr jitgħallmu x’inhu meħtieġ biex wieħed jemmen b’fidi safja.

 Meta għallem x’inhi l-ħajja ta’ dejjem, b’mod ta’ l-għaġeb tassew jixraq lil Alla, hu ġabar fi ftit kliem il-misteru kollu ta’ din il-ħajja u qal: Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek Alla waħdek veru u lil Ġesù Kristu li int bgħatt.

 Meta ġabar flimkien l-ewwel u l-aqwa preċetti tal-liġi u tal-profeti, qal: Isma’, Iżrael: il-Mulej Alla tagħna huwa l-Mulej wieħed; u qal ukoll: Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed: u t-tieni jixbħu: Ħobb lill-għajrek bħalek innifsek. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-liġi kollha u tal-profeti. Qal ukoll: Dak kollu li tridu l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-liġi u l-profeti.

 Il-Mulej imbagħad mhux bil-kliem biss iżda bil-fatti wkoll għallimna nitolbu, għax hu kien jitlob fuq li jitlob ta’ spiss, u wriena bl-eżempju tiegħu stess x’għandna nagħmlu, kif hemm miktub: Kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb: u hemm miktub ukoll: Ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob u għadda l-lejl fit-talb lil Alla.

 Il-Mulej kien jitlob ħafna, iżda mhux għalih – x’seta’ jitlob għalih innifsu, hu li kien bla ħtija? Hu kien jitlob għall-maħbubin tiegħu, kif hu stess jgħid lil San Pietru: Ix-xitan riedkom f’idejh biex jgħaddihom mill-għarbiel bħall-qamħ: imma jien tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Wara mbagħad talab għal kulħadd u qal: M’iniex nitlob għal dawn biss imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom: nitolbok biex ilkoll ikunu ħaġa waħda kif inti fija u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.

 Kemm hi kbira din il-ħniena tal-Mulej, u kemm hu kbir dan it-tħassib tiegħu għas-salvazzjoni tagħna! Ma kienx kuntent li jsalvana b’demmu, imma talab għalina wkoll: u din kienet ix-xewqa tiegħu li talab għaliha: kif hu u l-Missier huma ħaġa waħda, hekk xtaq li aħna wkoll inkunu ħaġa waħda fihom.

 

RESPONSORJU Salm 24(25);1-2. 5

 

R/. Lejk, Mulej, jien nerfa ruħi: * Alla tiegħi, fik jien nittama, ma jkollix għax nitħawwad.

V/. Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi: għalik nixxennaq il-jum kollu. * Alla tiegħi, fik jien nittama, ma jkollix għax nitħawwad.

  

TALBA

 

 O Alla, qawwa ta’ min jittama fik, ieqaf magħna li qegħdin insejjħulek, għax aħna bnedmin dgħajfa, li mingħajrek ma nistgħu nagħmlu xejn: agħtina dejjem l-għajnuna tal-grazzja tiegħek biex inħarsu l-kmandamenti tiegħek, ħalli nogħġbuk bir-rieda u l-għemil tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Għadda l-lejl mudlam, li jgħatti

kollox fl-art bi star sewdieni;

dawl il-għodwa qed jinfirex

mas-smewwiet, u l-jum ġa sebaħ.

 

Jitlaq mela wkoll minn ruħna

dlam id-dnub u l-kruha tiegħu,

timtela b’dawl il-grazzja,

ħa naraw u nimxu sewwa.

 

Meta tisbaħ l-aħħar għodwa,

li b’tant ħrara nixtiquha,

hi tibdielna l-jum ta’ dejjem,

fil-mistrieħ u d-dawl tas-sema.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Inti ħdejja, Mulej; sewwa huma triqatek.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

 irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant. 1: Inti ħdejja, Mulej; sewwa huma triqatek.

Ant. 2: Mulej, jieqaf miegħi l-għerf tiegħek fit-tħabrik tiegħi.

 

Kantiku Għerf 9:1-6. 9-11

 

Alla ta' missirijieti, Sid il-ħniena, *

bil-kelma tiegħek int li għamilt kollox;

b’għerfek sawwart il-bniedem, *

biex jaħkem fuq il-ħlejjaq li int għamilt,

biex irieġi d-dinja bil-qdusija u s-sewwa, *

u jaqta’ l-ħaqq b'fehma sinċiera.

Agħtini l-għerf li qiegħed ħdejn it-tron tiegħek, *

u twarrabnix minn fost il-qaddejja tiegħek.

Għax jien qaddej tiegħek, †

bin il-qaddejja tiegħek, *

bniedem dgħajjef li jintemm qasir il-għomor,

bniedem li m’għandux ħila jifhem *

il-ħaqq u l-liġijiet tiegħek.

Għax ukoll min hu perfett fost il-bnedmin, *

jekk jonqsu l-għerf, li jiġi minnek,

 jitqies bħax-xejn.

Miegħek hu l-għerf, li jaf l-għemejjel tiegħek; *

hu kien miegħek int u tagħmel id-dinja;

huwa jaf x'inhu dak li jogħġob lilek, *

x’inhu s-sewwa skond il-kmandamenti tiegħek.

Ibgħat l-għerf mis-smewwiet imqaddsa, *

ibagħtu mit-tron glorjuż tiegħek,

biex jieqaf miegħi fit-tħabrik tiegħi, *

ħa nkun naf sewwa x’inhu li jogħġob lilek;

għax huwa kollox jaf u kollox jifhem †

f’kull ma nagħmel imexxini bl-għaqal, *

u bil-glorja tiegħu jħarisni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, jieqaf miegħi l-għerf tiegħek fit-tħabrik tiegħi.

Ant. 3: Il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli kollha.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 3: Il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

 

LEZZJONI QASIRA Fil 2:14-15

 

Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u tħassib, ħalli tkunu nies bl-għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs bnedmin ta’ ħajja mgħawwġa u mħassra, li fosthom għandkom tiddu bħal kwiekeb fid-dinja.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Lilek, Mulej, insejjaħ; * Inti l-kenn tiegħi. Lilek.

V/. Inti sehmi f’art il-ħajjin. * Inti l-kenn tiegħi. Glorja. Lilek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Dawwal, Mulej, lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Dawwal, Mulej, lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.

 

PREĊI

 

Alla ried li marija, Omm Kristu, tisboq lill-ħlejjaq kollha tas-sema u ta’ l-art. Nitolbuh b’fiduċja sħiħa:

Ħares lejn Omm Ibnek u ismagħna.

Missier ta’ kull ħniena, inroddulek ħajr għax inti tajtna lil Marija biex tkun Ommna u l-eżempju tagħna:

- bit-talb tagħha qaddes lil qalbna.

Bil-grazzja tiegħek, Marija kienet attenta għal kliemek u qdietek bil-fedeltà:

- bit-talb tagħha agħtina l-frott ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Int qawwejt lil Marija biex tieqaf ħdejn is-salib ta’ Ibnek u fawwartha bl-hena fil- qawmien tiegħu:

- bit-talb tagħha biegħed minna kull hemm u wettaqna fit-tama.

Ftakar fl-ibliet u l-irħula tagħna li ħatru lil Marija patruna tagħhom:

- bit-talb tagħha xerred fuqhom il-barka tiegek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, inti l-għajn u l-awtur tas-salvazzjoni tagħna; agħmel li l-ħajja tagħna kollha kemm hi tkun dejjem stqarrija waħda tal-glorja tiegħek, biex it-tifħir li nagħtuk fuq l-art niġu nkompluh għal dejjem fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Mulej, serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid.

 

Salm 118 (119):121-128

 

XVI (Għajn)

 

Jien għamilt il-ħaqq u s-sewwa; *

titlaqnix f'idejn dawk li jaħqruni.

Serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid; *

tħallix li l-kburin jgħakksuni.

 

Għejew għajnejja jistennew is-salvazzjoni tiegħek, *

u l-wegħda tal-ġustizzja tiegħek.

Imxi mal-qaddej tiegħek skond it-tjieba tiegħek, *

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen, *

biex nagħraf il-preċetti tiegħek.

Issa l-waqt li tindaħal, Mulej, *

għax kisru l-liġi tiegħek.

 

Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek, *

aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.

Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek, *

u nobgħod kull triq qarrieqa.

 Glorja.

 

Ant.1 Mulej, serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid.

Ant.2 Ħarsu lejn il-Mulej, u jiddi bil-ferħ wiċċkom.

 

Salm 33 (34)

 

I

 

Kull ħin inbierek il-Mulej; *

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *

ħa ngħollu ismu flimkien.

 

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *

u ma jkollkomx għax tistħu.

 

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses *

madwar dawk li jibżgħu minnu,

 u jeħlishom.

 

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 Glorja.

 

Ant.2 Ħarsu lejn il-Mulej, u jiddi bil-ferħ wiċċkom.

Ant.3 Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.

 

II

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili; *

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, *

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 

Ħares ilsienek mill-ħażen, *

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena, *

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †

u l-Mulej jismagħhom; *

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, *

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha, *

ebda waħda ma titkissirlu.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 Glorja.

 

Ant.3 Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Sam 15:22

 

Jaqaw il-Mulej jogħġbuh il-vittmi tal-ħruq u s-sagrifiċċji aktar mis-smigħ tal-kelma tal-Mulej? Ara, l-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji; is-smigħ aħjar mix-xaħam tal-muntun.

 

 V/. Min iroddli sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, dan isebbaħni.

 R/. Lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla.

 

Talba

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Gal 5:26; 6:2

 

Ma nkunux minn dawk li jfittxu l-ftaħir fieragħ, li jġarrbu ‘l xulxin u jgħiru għal xulxin. Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta’ Kristu.

 

 V/. Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien.

 R/. Għax hemm il-Mulej jagħti l-barka.

 

Talba

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nar ta’l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Mik 6:8

 

Ja bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej: iridek tagħmel dak li hu ġust, tħobb li tkun ħanin, u tkun umli fl-imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek.

 

 V/. Bil-kmandamenti tiegħek, Mulej, irrid nitgħaxxaq.

 R/. Qatt ma ninsa l-kelma tiegħek.

 

Talba

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.