Stampa t-test kollu ...


21 ta’ Ġunju

 

SAN ALWIĠI GONZAGA, RELIĠJUŻ

 

Salmodija tal-Ħamis tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

B’ferħ mill-qalb, Mulej, noffrulek

radd il-ħajr, tifħir u mħabba,

waqt li nagħtu ġieħ lil bniedem

li fit-triq perfetta mexa.

 

Ħalla kollox ta’ did-dinja,

hena w ġid u kull ma jgħaddi,

fqir fost l-aħwa l-fqar ta’ Kristu,

biex jistagħna bil-qdusija.

 

Għażel jaqdi lilek waħdek

b’ħajja umli fl-ubbidjenza,

ried ikun għal ġilju safi,

jixbaħ lill-Għarus tal-verġni.

 

Fittex biss li jogħġob lilek

f’kull ma jaħseb, jgħid u jagħmel,

dejjem għaqda waħda miegħek

fil-ħuġġieġa ta’ l-imħabba.

 

Meta mbagħad intemm bħal vittma

fuq l-artal tas-sagrifiċċju,

int għollejtu ħdejk fis-sema,

fil-ħelsien u d-dawl ta’ dejjem.

 

Fuq l-eżempju tiegħu mexxi

lilna wkoll, biex naslu b’ħeffa

li nsebbħuk fid-dehra m’Ibnek

il-waħdieni w ma’ l-Ispirtu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħares, Mulej, u ara l-għajb tagħna.

 

Salm 88 (89):39-53

 

IV

 

Imma int warrabt is-sultan midluk tiegħek; *

għadabt għalih u begħedtu minnek.

Ħassart il-patt mal-qaddej tiegħek; *

kasbart ma' l-art il-kuruna tiegħu.

Ġarraft il-ħitan tiegħu kollha; *

għamilt ħerba mis-swar tiegħu.

Kull min jgħaddi minn ħdejh jisirqu; *

sar iż-żebliħ tal-ġirien tiegħu.

 

Qajjimt il-leminija ta' l-għedewwa tiegħu, *

ferraħt 'il dawk kollha li huma kontrieh.

Reġġajtlu lura s-sejf misnun tiegħu; *

ma waqaftx miegħu fit-taqbida.

Kissirtlu x-xettru ta' ġieħu; *

ma' l-art tfajtlu t-tron tiegħu.

Qassartlu ż-żmien ta' żgħożitu, *

u ksejtu bil-mistħija.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ħares, Mulej, u ara l-għajb tagħna.

Ant. 2: Jiena l-għerq imnissel minn David, jiena l-kewkba tiddi ta’ fil-għodu.

 

V

 

Mulej, se tibqa' għal dejjem tinħeba minna? *

Se jibqa' ħuġġieġa nar l-għadab tiegħek?

Ftakar li ftit huma jiem ħajti. *

Għal daqshekk int ħlaqtu l-bniedem?

Min hu li jgħix u ma jarax il-mewt? *

Min jeħlisha mis-setgħa ta' l-imwiet?

 

Fejn hi, Sidi, it-tjieba tiegħek ta' dari? *

Fejn hi l-fedeltà li biha ħlift lil David?

Ftakar, Sidi, kif inhu mkasbar il-qaddej tiegħek; *

kif qed nilqa' ġo fija ż-żebliħ tal-popli,

iż-żebliħ li qed jagħmlulna

 l-għedewwa tiegħek, Mulej, *

 li qed ikasbru kull ħjiel tas-sultan midluk tiegħek.

Imbierek il-Mulej għal dejjem! *

Amen! Amen!

 Glorja.

 

Ant. 2: Jiena l-għerq imnissel minn David, jiena l-kewkba tiddi ta’ fil-għodu.

Ant. 3: Ħajjitna malajr tgħaddi, bħall-ħaxix tar-raba’; imma int minn dejjem ta’ dejjem, o Alla.

 

Salm 89 (90)

 

Mulej, int kont għalina *

kenn minn nisel għal nisel.

Qabel ma twieldu l-muntanji, †

qabel ma tnisslu l-art u d-dinja, *

minn dejjem ta' dejjem int, o Alla!

Int traġġa' l-bnedmin lejn it-trab, *

u tgħidilhom: "Erġgħu lura, intom bnedmin!"

Elf sena huma għalik bħal jum ta' lbieraħ li għadda, *

jew bħal sahra tal-lejl.

 

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma. *

Huma bħall-ħaxix li jinbet fil-għodu;

fil-għodu jwarrad u jħaddar, *

fil-għaxija jidbiel u jinxef.

 

Ninsabu mifnija bil-qilla tiegħek, *

mibluha minħabba l-għadab tiegħek.

Int ġibt quddiem għajnejk ħtijietna, *

dnubietna l-moħbija fid-dawl ta' wiċċek.

 

Il-jiem kollha tagħna jgħibu minħabba qilltek, *

jintemmu bħal tnehida s-snin ta' ħajjitna.

Żmien ħajjitna hu b'kollox sebgħin sena; *

u l-iżjed tmenin, jekk inkunu f'saħħitna;

u l-biċċa l-kbira taħbit u niket; *

malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.

Min jista' jifhem il-qawwa tal-qilla tiegħek? *

Min jista' jqis il-biża' ta' l-għadab tiegħek?

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, *

sabiex aħna nimxu bil-għaqal. 

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum? *

Ħenn għall-qaddejja tiegħek.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek, *

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ferraħna daqskemm għakkistna, *

għas-snin li fihom rajna l-ħsara.

 

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek, *

u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta' Alla Sidna! *

Wettqilna int ix-xogħol ta’ jdejna.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħajjitna malajr tgħaddi, bħall-ħaxix tar-raba’; imma int minn dejjem ta’ dejjem, o Alla.

 

V/. Mulej, għandek hemm l-għajn tal-ħajja.

R/. Fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ L-Imħallfin Mħ 8:22-23, 30-32: 9:1-15, 19-20

 

Il-poplu ta’ Alla jħabrek biex ikollu sultan.

 

F’dawk il-jiem in-nies ta' Iżrael qalu lil Gidgħon: “Saltan fuqna int u ibnek, u bin ibnek, għax int salvajtna minn id il-Midjanin.” U weġibhom Gidgħon: “Ma nsaltanx fuqkom la jien u la ibni; il-Mulej isaltan fuqkom.”

Gidgħon kellu sebgħin tifel li tnisslu minnu, għax kien iżżewweġ ħafna nisa. Waħda konkubina tiegħu, li kienet toqgħod f'Sikem, wilditlu iben hi wkoll, u semmieh Abimelek. 

U Gidgħon bin Ġowas, miet meta kien xjieħ sewwa, u difnuh fil-qabar ta' Ġowas missieru f'Għofra ta' Abigħeżer.

Abimelek, bin Ġerub-bagħal, mar Sikem, għand ħut ommu u kellem lilhom u l-familja kollha ta' dar missier ommu, u qalilhom:“Għidu f'widnejn in-nies ewlenin ta' Sikem: 'X'inhu l-aħjar għalikom, li jaħkmu fuqkom sebgħin raġel, ilkoll ulied Ġerub-bagħal, jew li jaħkem fuqkom bniedem wieħed? Ftakru li laħamkom u għadamkom jien.” U ħut ommu tkellmu f'widnejn in-nies ta' Sikem dan il-kliem kollu, u qalbhom inġibdet lejn Abimelek, għax qalu: “Ħuna hu.” U tawh sebgħin biċċa tal-fidda mit-tempju ta' Bagħal-berit, u bihom kera nies ta' xejn u bla kont, u marru warajh.

U mar f'dar missieru f'Għofra, u qatel lil ħutu wlied Ġerub-bagħal, sebgħin wieħed, fuq ħaġra waħda; u baqa' wieħed, Ġotam, l-iben iż-żgħir ta' Ġerub-bagħal, għax kien inħeba. Mbagħad inġabru l-kbarat kollha ta' Sikem u Bet-millu, u qabdu u għamlu lil Abimelek sultan ħdejn il-balluta li hemm f'Sikem.

 Meta għarrfuh b'dan, Ġotam mar u qagħad fuq il-quċċata tal-muntanja Gariżim, u għolla leħnu u sejjħilhom u qalilhom: “Isimgħu, nies ta' Sikem!' Hekk Alla jisma’ lilkom. Darba marru s-siġar biex jidilku sultan fuqhom. U qalu liż-żebbuġa: “Saltan fuqna int”. U ż-żebbuġa weġbithom: 'Għandi nħalli jiena żejti li bih jitweġgħu l-allat u l-bnedmin, biex immur niddandan fuq is-siġar?' U s-siġar qalu lit-tina: 'Ejja int, u saltan fuqna.' U t-tina weġbithom: 'Għandi nħalli jien il-ħlewwa u l-frott bnin tiegħi u mmur niddandan fuq is-siġar?' U s-siġar qalu lid-dielja: 'Ejja int, u saltan fuqna.' U d-dielja weġbithom: 'Għandi nħalli jien l-inbid tiegħi li jferraħ l-allat u l-bnedmin, u mmur niddandan fuq is-siġar?' U s-siġar kollha qalu lill-għollieq: 'Ejja int, u saltan fuqna.' U l-għollieq qal lis-siġar: 'Jekk intom tassew tridu tidilkuni sultan fuqkom, ejjew stkennu taħt delli. Jekk le, joħroġ nar mill-għollieq u jibla' ċ-ċedri tal-Libanu.' Jekk għamiltu l-ħaqq u s-sewwa ma' Ġerub-bagħal u ma' daru llum, ifirħu b'Abimelek, u hu jifraħ bikom. Imma jekk le, ħa joħroġ nar minn Abimelek u jibla' n-nies ta' Sikem u Bet-millo u jibla' lil Abimelek.”

 

RESPONSORJU Mħ 8:23; Apok 5:13b

 

R/. Ma nsaltanx fuqkom la jien u la ibni: * Il-Mulej isaltan fuqkom.

V/. Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf jingħata t-tifħir u l-ġieħ u l-glorja u l-ħakma għal dejjem ta’ dejjem. * Il-Mulej isaltan fuqkom.

 

LEZZJONI II

 

Qari minn Ittra ta’ San Alwiġi Gonzaga lil ommu

 

It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

 

Sinjura, jiena dejjem nitlob biex qatt ma tonqsok il-grazzja u l-faraġ ta’ l-Ispirtu s-Santu. Meta waslitli l-ittra tiegħek kont għadni f’din l-art tal-mejtin, għalkemm jaqbel li xi kultant nixtiequ li nkunu fis-sema fejn infaħħru ‘l Alla għal dejjem fl-art tal-ħajjin. Jien dan l-aħħar kont nittama li ntemm qabel dan iż-żmien il-vjaġġ tiegħi għas-sema. Jekk, kif jgħid San Pawl, l-imħabba hi li tibki ma’ min jibki u tifraħ ma’ min jifraħ, int, o ommi għażiża, għandu jkollok ferħ li ma bħalu għaliex Alla, fl-imħabba tiegħu għalik u fit-tjieba tiegħu miegħek, lili se jagħtini l-ferħ tassew u se jiżgurani li qatt ma jien se nitilfu.

Sinjura, nistqarrlek li meta naħseb fuq il-kobor tat-tjieba ta’ Alla, li qisha baħar bla qiegħ u bla xtut, moħħi jintilef f’kobor bħal dan; moħħi jintilef u ma jasalx biex jifhem kif Alla lili, għal ftit taħbit żgħir, se jagħtini l-mistrieħ ta’ dejjem, mis-sema qiegħed isejjaħli għal dak l-hena bla qjies li ma ħabriktx għalih, qiegħed iwegħedni premju għal dmugħ li bilkemm xerridt.

Sinjura, aħsibha sewwa biex ma tistmax qisha xi ħaġa żgħira din it-tjieba bla qjies ta’ Alla; dan inti tkun tagħmlu jekk tibki bħala mejjet lil dak li jkun jgħix quddiem Alla, minn fejn bit-talb tiegħu jista’ jgħinek wisq aktar milli qatt jista’ f’din il-ħajja. Il-firda ma tkunx għal żmien twil; nerġgħu naraw ‘il xulxin fis-sema, u, ħaġa waħda flimkien għax ilkoll ksibna s-salvazzjoni, bil-qawwa kollha ta’ qalbna, infaħħru ‘l Alla, ngħannu l-ħniena tiegħu għal dejjem, u nithennew b’ferħ li ma jintemm qatt. Alla jeqred fina dak li fdalna biss biex iroddulna lura flimkien aktar żgur u ħieles minn kull tħassib, u jżejjinna bil-ġid kollu li dejjem xtaqna.

Dan kollu qiegħed ngħidulek, sinjura, għax għandi xewqa kbira li int u l-familja kollha tiegħu tqisu ‘l mewti bħala don mingħand Alla, ħalli inti tagħtini l-barka tiegħek ta’ omm jiena u sejjer naqsam għan-naħa l-oħra, fejn tinsab it-tama kollha tiegħi. Dan qiegħed nagħmlu aktar bil-qalb, għaliex ma baqagħlix mezz ieħor biex infissirlek aħjar ir-rispett u l-imħabba li għandi għalik bħala ommi.

 

RESPONSORJU Salm 40(41):13; 83(84):11bċ

 

R/. Mulej, lili inti żżommni, għax jien bla ħtija, * U tqegħedni għal dejjem quddiemek.

V/. Aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena. * U tqegħedni għal dejjem quddiemek.

 

TALBA

 

 O Alla, li minnek ġej kull don tas-sema, int ridt li fil-ħajja ta’ San Alwiġi Gonzaga l-indiema tissieħeb ma’ safa ta’ l-għaġeb, bil-merti u t-talb tiegħu, agħtina li jekk ma xbahniehx fis-safa, nixbhuh fl-indiema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

INNU

 

Feddej ħanin, int b’tjieba kbira tħajjar

bnedmin biex jagħtu ruħhom lil Missierek,

u f’ħidma ta’ kull xorta lilhom tmexxi

 bl-Ispirtu tiegħek.

 

Tagħtihom twelid ġdid minn Alla l-veru

bil-ħajja tiegħek biex, b’dil-grazzja fihom,

ikattru bla mistrieħ il-frott ta’ mħabbtek

 fid-dinja kollha.

 

Inti ssejjħilhom: huma jħallu kollox,

ħa jimxu wrajk u, bis-salib mgħobbija,

ifittxu biss il-glorja ta’ Missierek

 u s-saltna tiegħu.

 

Hekk dal-qaddis imħeġġeġ b’nar is-sema

miegħek ingħaqad bi rbit sħiħ ta’ mħabba;

wieħed kien ħsiebu: fih innifsu jnaqqax

 ix-xbieha tiegħek.

 

Sebħ lill-Missier ħanin, u lilek, Kristu,

il-kbir fost l-aħwa, w lill-Ispirtu s-Santu,

li ‘l min jagħtikom ftit troddulu ħafna,

 b’mija fil-wieħed. Ammen.

 

Ant. 1: O Belt ta’ Alla, ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek.

 

Salm 86 (87)

 

Il-Mulej bena 'l Sijon *

fuq l-għoljiet imqaddsa;

hu jħobb il-bibien tagħha *

aktar mill-għamajjar kollha ta' Ġakobb.

 

O belt ta' Alla, *

ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:

"Ngħodd 'il Raħab u 'l Babel *

ma' dawk li jagħrfuni.

Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *

dawn twieldu hemm!"

U għal Sijon jingħad: *

"Lkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!

U Alla l-Għoli nnifsu *

jwettaqha f'postha."

 

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *

"Dan twieled hemm!"

U jgħannu, huma u jiżfnu, *

dawk kollha li jgħammru fik.

 Glorja.

 

Ant. 1: O Belt ta’ Alla, ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek.

Ant. 2: Sidi l-Mulej ġej bil-qawwa, bi ħlasu quddiemu.

 

Kantiku Iż 40:10-17

 

Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa, *

u jaħkem bil-qawwa ta' driegħu.

Hawn hu bi ħlasu miegħu, *

u r-rebħa tiegħu quddiemu.

Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu; *

bi driegħu jiġmagħha,

u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom; *

u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.

Min kejjel il-baħar f'qiegħ idu, *

jew qies bix-xiber il-wisa' tas-sema?

Min ġabar it-trab ta' l-art ġo kejla, *

jew wiżen bi stasija l-muntanji,

 u b'miżien l-għoljiet?

Min mexxa l-ispirtu tal-Mulej, *

jew urieh x’għandu jagħmel, biex jgħallmu?

Lil min talab parir biex jiftaħlu għajnejh; *

jew biex jgħallmu jġib ruħu bil-ġustizzja,

biex jagħtih id-dawl u l-għerf, *

u jqabbdu t-triq ta' l-għaqal?

Ara, il-ġnus bħal qatra waħda minn barmil ilma, *

bħal għabra trab f'miżien, hekk qishom!

Ara, il-gżejjer daqs tibna t-toqol tagħhom !

Is-siġar tal-Libanu m'humiex biżżejjed *

biex bihom tagħmel in-nar;

anqas il-bhejjem tiegħu m'huma biżżejjed *

biex toffri lil Alla sagrifiċċju tal-ħruq.

Il-ġnus kollha qishom xejn quddiemu: *

huma għalih ħwejjeġ fiergħa u battala.

 Glorja.

 

Ant. 2: Sidi l-Mulej ġej bil-qawwa, bi ħlasu quddiemu.

Ant. 3: Għollu bit-tifħir lil Alla tagħna, u nxteħtu quddiem l-għotja mqaddsa tiegħu.

 

Salm 98 (99)

 

Il-Mulej isaltan; jitkexkxu l-ġnus! *

Fuq il-kerubini t-tron tiegħu; ħa titheżheż l-art!

Kbir il-Mulej f'Sijon; *

hu jaħkem fuq il-popli kollha.

 

Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-biża', *

għax hu qaddis u qawwi.

Int sultan li tħobb il-ġustizzja u waqqaft is-sewwa; *

id-dritt u s-sewwa tagħmel ma' Ġakobb.

 

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, *

inxteħtu quddiem mirfes riġlejh, għax hu qaddis!

 

Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu, †

u Samwel fost dawk li jsejjħu ismu, *

kienu jsejjħu l-Mulej, u hu jweġibhom.

F'kolonna ta' sħab kien jitkellem magħhom; *

kienu jħarsu l-preċetti u l-liġi li tahom.

Mulej, Alla tagħna, inti smajthom; †

int Alla li tagħder kont għalihom; *

iżda tħallast ta' l-imġiba ħażina tagħhom.

 

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, †

u nxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu;

għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna!

Glorja.

 

Ant. 3: Għollu bit-tifħir lil Alla tagħna, u nxteħtu quddiem l-għotja mqaddsa tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 12:1-2

 

Nitlobkom, ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom bħala vittma ħajja, qaddisa, li togħġob lil Alla, b’qima spiritwali. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ moħħkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb, x’inhu li jogħġob, x’inhu s-sewwa.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. B’qalbu kollha * Ħabb il-liġi ta’ Alla tiegħu. B’qalbu.

V/. Qatt ma tfixkel fil-mixi tiegħu. * Ħabb il-liġi ta’ Alla tiegħu. Glorja. B’qalbu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-Mulej jgħid: kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, dak hu ħija u oħti u ommi.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Il-Mulej jgħid: kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, dak hu ħija u oħti u ommi.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, ngħollu bit-tifħir lil Kristu, Alla l-Qaddis, u nitolbuh il-grazzja biex naqduh tul ħajjitna kollha bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu. B’ferħ kbir ngħidulu:

Mulej, int waħdek qaddis.

Int ridt li tkun imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub:

- ħenn għalina, Mulej Ġesù.

Int sejjaħtilna biex inkunu lkoll perfetti fl-imħabba:

- qaddisna, Mulej Ġesù.

Int wissejtna biex inkunu l-melħ ta’ l-art u d-dawl tad-dinja:

- dawwalna, Mulej Ġesù.

Int ġejt biex taqdi, mhux biex tkun moqdi:

- agħmilna qaddejja umli tiegħek u ta’ ħutna, Mulej Ġesù.

Inti d-dija tas-sebħ ta’ Alla u x-xbieha ta’ l-essenza tiegħu:

- agħtina li naraw il-wiċċ igglorifikat tiegħek, Mulej Ġesù.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla, li minnek ġej kull don tas-sema, int ridt li fil-ħajja ta’ San Alwiġi Gonzaga l-indiema tissieħeb ma’ safa ta’ l-għaġeb, bil-merti u t-talb tiegħu, agħtina li jekk ma xbahniehx fis-safa, nixbhuh fl-indiema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Żommni skond il-wegħda tiegħek, Mulej, biex nibqa’ ħaj.

 

Salm 118 (119):113-120

XV (Samek)

 

In-nies ta' żewġt iqlub nobgħodhom;

imma l-liġi tiegħek inħobbha.

Inti l-kenn u t-tarka tiegħi; *

fil-kelma tiegħek jien nittama.

 

Tbiegħdu minni, intom nies ħżiena, *

biex inħares il-kmandamenti ta' Alla tiegħi.

Żommni skond il-wegħda tiegħek, biex nibqa' ħaj; *

tħallix bla temma t-tama tiegħi.

 

Għinni int, u jiena nsalva; *

u ħsiebi jkun dejjem fil-kmandamenti tiegħek.

Int tistmell 'il kull min jitbiegħed

mill-kmandamenti tiegħek, *

 għax qarrieqa l-fehma tagħhom.

 

Bħal skart għalik il-ħżiena ta' l-art; *

għalhekk inħobb il-preċetti tiegħek.

Jitkexkex ġismi bil-biża' tiegħek; *

mid-digrieti tiegħek nibża'.

Glorja.

 

Ant.1 Żommni skond il-wegħda tiegħek, Mulej, biex nibqa’ ħaj.

Ant.2 Għinna, O Alla, salvatur tagħna, u aħfrilna dnubietna.

 

Salm 78 (79):1-5. 8-11. 13

 

O Alla, daħlu l-ġnus f'wirtek, †

niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek, *

għamlu 'l Ġerusalemm ħerba waħda.

Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek

b'ikel lit-tjur ta' l-ajru; *

 taw laħam ħbiebek lill-bhejjem ta' l-art.

Xerrdulhom demmhom bħal ilma madwar Ġerusalemm; *

u ma kienx hemm min jidfinhom.

 

Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien tagħna, *

għad-daħk u ż-żebliħ għal ta' madwarna.

Mulej, għal dejjem se tibqa' inkurlat magħna? *

Se tibqa' mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek?

 

Tiftakrilniex il-ħtijiet ta' l-imgħoddi; †

fittex ejja u lqagħna bi ħnientek, *

għax ninsabu mifnija għall-aħħar.

Għinna, o Alla, Salvatur tagħna, *

f'ġieħ is-sebħ ta' l-isem tiegħek;

eħlisna u aħfrilna dnubietna, *

minħabba l-isem tiegħek.

 

Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus: *

"Fejn hu Alla tagħhom?"

Ħa jkunu jafu l-ġnus quddiem għajnejna *

li int titħallas tad-demm li xerrdu

 tal-qaddejja tiegħek.

Ħa jasal quddiemek ilfiq l-imjassrin; *

fil-kobor tal-qawwa tiegħek

 salva 'l dawk li huma għall-mewt.

U aħna, il-poplu tiegħek

u l-merħla tal-mergħa tiegħek, *

 niżżuk ħajr għal dejjem;

minn żmien għal żmien *

 inxandru t-tifħir tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.2 Għinna, O Alla, salvatur tagħna, u aħfrilna dnubietna.

Ant.3 Alla ta’ l-eżerċti, ħares mis-sema, u żur ‘il din id-dielja.

 

Salm 79 (80)

 

O Ragħaj ta' Iżrael, agħti widen, *

int li tmexxi bħal merħla 'l Ġużeppi.

Int li qiegħed fuq il-kerubini, *

iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manasse.

Qajjem il-qawwa tiegħek, *

u ejja ħa ssalvana.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

 

Mulej, Alla ta' l-eżerċti, kemm se ddum tinkorla *

minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?

Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ, *

sqejthom id-dmugħ bix-xaba'.

Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna, *

l-għedewwa tagħna jiddieħku bina.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

 

Int qlajt dielja mill-Eġittu, *

warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.

Ħejjejt l-art għaliha; *

hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.

Tgħattew l-għoljiet bid-dell tagħha, *

Bħal ċedri kbar iż-żraġen tagħha.

Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha, *

sax-xmara ż-żraġen tagħha.

 

Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha, *

u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?

Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ, *

il-bhejjem tar-raba' jirgħu fiha.

 

Erġa' ejja, Alla ta' l-eżerċti; †

ħares mis-sema, u ara, *

u żur 'il din id-dielja.

 

Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek, *

ir-rimja li int kabbart għalik. 

Jinqerdu mal-ħarsa qalila ta' wiċċek *

dawk li tawha n-nar u qaċċtuha.

Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta' lemintek, *

fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.

Aħna ma nitbegħdux minnek; *

roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu ismek.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

Glorja.

 

Ant.3 Alla ta’ l-eżerċti, ħares mis-sema, u żur ‘il din id-dielja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 19:22

 

Int, Mulej, għollejt u gglorifikajt lill-poplu tiegħek f’kollox, u ma stmerrejtux, imma tajtu l-għajnuna dejjem u kullimkien.

 

 V/. Int Alla li tagħmel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb.

 R/. Li turi qawwietek fost il-popli.

 

Talba

 

O Alla, f’din is-siegħa tal-ġurnata inti bgħatt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli huma u jitolbu; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex, fit-tjieba tiegħek, tagħti lilna wkoll sehem minn din il-grazzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 4:7

 

Liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej Alla tagħna kull xħin insejjħulu?

 

 V/. Qrib il-Mulej lejn dawk li jsejjħulu.

 R/. Jisma’ l-għajta tagħhom u jsalvahom.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, li għalik ma hemm xejn mudlam jew fid-dell, ixħet fuqna d-dija tad-dawl tiegħek, biex nitgħallmu sewwa l-liġi u l-kmandamenti tiegħek, u nibqgħu dejjem miexja fi triqtek b’qalb kbira u fidila. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ester 10:9

 

Il-ġens huwa Iżrael, li sejjħu lil Alla u salvahom; il-Mulej salva l-poplu tiegħu, il-Mulej ħelisna minn kull deni; Alla għamel sinjali kbar u għeġubijiet li qatt ma dehru bħalhom fost il-ġnus.

 

 V/. Niżżik ħajr, Mulej, talli weġibtni.

 R/. U kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

 

 Talba

 

Agħmel, Mulej, li aħna nimtlew b’dak is-sabar li Ibnek il-waħdieni wriena f’ħajtu, biex meta jżurna t-tiġrib u l-għawġ nibqgħu sħaħ sa l-aħħar. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

INNU

 

B’ferħ mill-qalb, Mulej, noffrulek

radd il-ħajr, tifħir u mħabba,

waqt li nagħtu ġieħ lil bniedem

li fit-triq perfetta mexa.

 

Ħalla kollox ta’ did-dinja,

hena w ġid u kull ma jgħaddi,

fqir fost l-aħwa l-fqar ta’ Kristu,

biex jistagħna bil-qdusija.

 

Għażel jaqdi lilek waħdek

b’ħajja umli fl-ubbidjenza,

ried ikun għal ġilju safi,

jixbaħ lill-Għarus tal-verġni.

 

Fittex biss li jogħġob lilek

f’kull ma jaħseb, jgħid u jagħmel,

dejjem għaqda waħda miegħek

fil-ħuġġieġa ta’ l-imħabba.

 

Meta mbagħad intemm bħal vittma

fuq l-artal tas-sagrifiċċju,

int għollejtu ħdejk fis-sema,

fil-ħelsien u d-dawl ta’ dejjem.

 

Fuq l-eżempju tiegħu mexxi

lilna wkoll, biex naslu b’ħeffa

li nsebbħuk fid-dehra m’Ibnek

il-waħdieni w ma’ l-Ispirtu. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħbiebek jidħlu f’darek, Mulej, b’għajat ta’ ferħ.

 

Salm 131 (132)

 

I

 

Ftakar, Mulej, f'David *

u fl-hemm tiegħu kollu.

Ftakar kif hu ħalef lill-Mulej, *

u wiegħed lil Alla, il-Qawwi ta' Ġakobb:

 

"Ma nidħolx taħt is-saqaf ta' dari, *

ma nitlax fuq il-friex ta' soddti,

ma nagħlaqx għajnejja u norqod *

u anqas nagħlaq xfar għajnejja bin-ngħas,

sa ma nsib post għall-Mulej, *

għamara għal Alla, il-Qawwi ta' Ġakobb."

 

Araw, smajna bl-arka f'Efrata, *

sibnieha fir-raba' ta' Ġagħar.

Ħa nidħlu fl-għamara tiegħu, *

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta' riġlejh!

 

Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek, *

int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, *

jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

Minħabba f'David, il-qaddej tiegħek, *

twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Ħbiebek jidħlu f’darek, Mulej, b’għajat ta’ ferħ.

Ant. 2: Il-Mulej għażel ‘il Sijon biex tkun id-dar tiegħu.

 

II

 

Il-Mulej ħalef wegħda lil David, *

u żgur li ma jerġax lura minnha:

"Wieħed min-nisel tiegħek *

jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek.

 Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi *

u l-preċetti li jien nagħtihom,

uliedhom ukoll għal dejjem *

joqogħdu fuq it-tron tiegħek."

 

Għax il-Mulej għażel 'il Sijon, *

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

"Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem! *

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!

 

Bil-barka nimla l-ħażniet tagħha, *

bil-ħobż inxabba' l-foqra tagħha.

Bis-salvazzjoni nlibbes il-qassisin tagħha, *

bil-ferħ jgħajjtu l-ħbieb tagħha.

 

Hemm inqajjem qawwa lil David, *

inħejji mnara għas-sultan, il-midluk tiegħi.

Bil-mistħija nlibbes l-għedewwa tiegħu, *

imma fuqu tiddi l-kuruna tiegħu."

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej għażel ‘il Sijon biex tkun id-dar tiegħu.

Ant. 3: Il-Mulej Alla tah is-setgħa, l-ġieħ u s-saltna, u l-ġnus kollha jaqduh.

 

Kantiku Apok 11:17-18; 12:10b-12a

 

 "Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox, †

 li int u li kont, *

 talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek u bdejt issaltan.

 

 Il-ġnus imtlew bil-korla, †

 imma ġiet il-korla tiegħek *

 u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin,

 u jingħata l-ħlas mistħoqq, *

 lill-qaddejja tiegħek il-profeti,

 lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek, *

 kemm iż-żgħar u kemm il-kbar."

 "Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa,

 u s-Saltna ta' Alla tagħna, *

 u s-setgħa tal-Messija tiegħu,

 għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, *

 li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.

 

U huma ħarġu rebbieħa fuqu

 bis-saħħa ta’ demm il-Ħaruf *

 u bis-saħħa tax-xhieda li taw, 

 u xejn ma għożżew ħajjithom, *

 hekk li ħadu saħansitra l-mewt.

 Għalhekk ifirħu, smewwiet, *

 u intom li tgħammru fihom.

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej Alla tah is-setgħa, l-ġieħ u s-saltna, u l-ġnus kollha jaqduh.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:28-30

 

Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id magħhom għall-ġid, ma’ dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu. Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu sura xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejjħilhom ukoll; lil dawk li sejjħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, sebbaħhom ukoll.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Ġust il-Mulej, * U jħobb il-ġustizzja. Ġust.

V/. Wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa. * U jħobb il-ġustizzja. Glorja. Ġust.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Intom li ħallejtu kollox u ġejtu warajja, tirċievu kollox għal mitt darba aktar, u jkollkom b’xortikom il-ħajja ta’ dejjem.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Intom li ħallejtu kollox u ġejtu warajja, tirċievu kollox għal mitt darba aktar, u jkollkom b’xortikom il-ħajja ta’ dejjem.

 

PREĊI

 

Nitolbu lil Alla l-Missier, li hu l-għajn ta’ kull qdusija, biex, bl-eżempju u t-talb tal-qaddisin, jagħtina li ngħixu ħajja qaddisa. Ngħidulu bl-umiltà:

Agħmilna qaddisin, għax int qaddis.

Missier qaddis, int ridt li aħna nissejjħu wliedek, u nkunu hekk tassew:

- agħmel li l-Knisja tistqarrek fid-dinja kollha.

Missier qaddis, int tridna ngħixu sewwa kif jixraq lilek u nogħġbuk f’kollox:

- agħmel li jkollna l-frott ta’ kull opra tajba.

Missier qaddis, inti rġajt ħabbibtna miegħek bis-saħħa ta’ Kristu:

- ħarisna f’ismek, biex inkunu lkoll ħaġa waħda bejnietna.

Missier qaddis, inti ssejħilna għall-ikla tal-mejda tas-sema:

- agħtina li ngħixu dejjem iżjed fl-imħabba, bil-qawwa tal-ħobż li jinżel mis-sema.

Missier qaddis, aħfer il-ħtijiet kollha tal-midinbin:

- ilqa’ lil ħutna l-mejtin kollha fid-dawl ta’ dejjem quddiemek.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla, li minnek ġej kull don tas-sema, int ridt li fil-ħajja ta’ San Alwiġi Gonzaga l-indiema tissieħeb ma’ safa ta’ l-għaġeb, bil-merti u t-talb tiegħu, agħtina li jekk ma xbahniehx fis-safa, nixbhuh fl-indiema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĦAMIS

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 15 (16)

 

Il-Mulej is-sehem ta’ wirti

Alla qajjem lil Ġesù billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2:24)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi, *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq: *

messni sehem tassew għal qalbi.

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:23

 

Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa, fl-ispirtu, fir ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

  

Talba

 

Mulej Alla tagħna, agħtina l-heda u l-mistrieħ wara t-taħbit u l-għeja ta’ llum, biex bl-għajnuna tiegħek niksbu saħħa ġdida, ħalli ningħataw b’ruħna u ġisimna għall-qadi tiegħek. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.