Stampa t-test kollu ...


It-Tnejn fuq Għid il-Ħamsin

 

(It-Tnejn tas-VII ġimgħa. Salmodija tat-Tnejn tat-III ġimgħa )

 

MARIJA OMM U XBIEHA TAL-KNISJA

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu hu Bin Marija: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Verġni mbierka Omm qaddisa

Omm tal-Iben, bint minn ħalqek,

l-isbaħ, l-ogħla, l-iktar umli

fost il-bnedmin kollha għamlek.

 

Sa mill-bidu fil-pjan t’Alla

Fik inbeda t-twettiq tiegħu;

Inti l-ġieħ, int l-aqwa fostna

Int ġa m’Alla, f’għaqda miegħu.

 

Ħlejju, ġej minn nisel għoli

Dak li l-belt bena bil-ħila

Inti bħalu tmantni l-Knisja

B’qawwa kbira lejh fidila.

 

Fil-ġuf tiegħek ta’ omm verġni

nar iħeġġeġ, nar ta’ mħabba

li bis-sħana tiegħu kabbar

ward fuq l-art bla xejn imtabba’.

 

Lill-Missier, lill-Iben glorja

lill-Ispirtu li ġej minnhom

li b’imħabba fdaw lill-Knisja

lil din l-Omm maħtura minnhom. Ammen

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Alla tagħna ġej bid-dieher, u ma jibqax sieket. Hallelujah.

 

Salm 49 (50)

 

I

 

Tkellem il-Mulej, Alla fuq l-allat, *

u sejjaħ l-art.

Minn fejn titla' x-xemx sa fejn tinżel, *

minn Sijon, il-ġmiel tagħha, Alla wera d-dija tiegħu.

Ġej Alla tagħna, ma jibqax sieket; *

quddiemu nar li jeqred, madwaru tempesta qalila.

Hu jsejjaħ is-smewwiet mill-għoli, *

u l-art, biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu:

"Iġimgħu 'l ħbiebi quddiemi, *

li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju."

U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu, *

għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq.

 Glorja.

 

Ant. 1: Alla tagħna ġej bid-dieher, u ma jibqax sieket. Hallelujah.

Ant. 2: Agħti ‘l Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr. Hallelujah.

 

II

 

"Isma', poplu tiegħi, għax se nitkellem, †

Iżrael, għax se nixhed kontrik. *

Jiena Alla, Alla tiegħek.

Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek; *

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.

Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek, *

jew gidjien mill-imrieħel tiegħek.

 

Għax tiegħi huma l-bhejjem tax-xagħri, *

eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.

Jien nagħraf it-tjur kollha ta' l-ajru, *

taħt għajnejja kull ma jimxi fir-raba'. 

Li kont bil-ġuħ, m'hux se ngħid lilek, *

għax tiegħi l-art u kull ma fiha.

 

Huwa jien se niekol laħam il-gniedes, *

jew nixrob id-demm tal-gidjien?

Agħti 'l Alla sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.

Mbagħad sejjaħli f'jum id-dwejjaq; *

jien neħilsek, u int tweġġaħni."

 Glorja.

 

Ant. 2: Agħti ‘l Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr. Hallelujah.

Ant. 3: Jien tjieba rrid, mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ‘l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.

 

III

 

Lill-ħażin, imma, Alla jgħidlu: †

"Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi, *

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib, *

u tixħet kliemi wara dahrek?

Jekk tiltaqa' ma' ħalliel, tissieħeb miegħu; *

u sehmek taqsam maż-żienja.

Fommok ftaħt għall-ħażin, *

u lsienek il-qerq jinseġ.

 

Kontra ħuk toqgħod tpaċpaċ, *

kontra bin ommok tqassas.

Dan int għamilt, u jien bqajt sieket; *

forsi ħsibt li jiena bħalek.

Issa se nċanfrek, *

u dan kollu nqiegħed quddiemek.

 

Ifhmuha sewwa, intom li tinsew 'l Alla, *

li ma naħtafkomx, u ħadd ma jeħliskom.

Min iroddli sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

dan isebbaħni;

lil min jimxi bis-sewwa *

nurih is-salvazzjoni ta' Alla."

 Glorja.

 

Ant. 3: Jien tjieba rrid, mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ‘l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.

 

V/. Isma’ poplu tiegħi, għax se nitkellem.

R/. Jiena Alla, Alla tiegħek.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Koħelet Koħ 2:1-3, 12-26

 

Il-frugħa tax-xewqat u ta’ l-għerf tal-bniedem

 

Għedt lili nnifsi: “Ejjew, mela, ħa nippruvak bl-hena. Isa, duq il-pjaċir”. Iżda hemm hi: frugħa mill-ġdid, u l-pjaċir x’ġid iħalli?” Qtajtha li nferraħ lil ġismi bl-inbid, u, waqt li nżomm ħsiebi fl-għerf, nieħu li nista’ mill-ferħ tal-boloh, ħa nara jekk hux hawn l-hena tal-bniedem, f’dak kollu li l-bnedmin jagħmlu taħt is-sema, tul il-jiem magħduda ta’ ħajjithom. U dawwart ħsiebi fuq l-għerf ħa nqabblu mal-bluha u l-injuranza: għax x’se jagħmel dak li jiġi wara s-sultan? Mhux ħlief dak li għamel ta’ qablu. U ntbaħt li l-għerf għandu vantaġġ fuq il-bluha, daqs kemm għandu d-dawl fuq id-dlam, għax l-għaref għandu għajnejh f’rasu imma l-iblah jimxi fid-dlam. Kollox sew! Imma jien naf ukoll li t-tnejn se tmisshom l-istess xorti.

Kos! – għedt f’qalbi – xortija se tkun l-istess bħal ta’ l-iblah! X’jiswieli mela li sirt għaref? Ikolli ngħid li dan ukoll frugħa. Għax tassew la ta’ l-għaref u lanqasnta’ l-iblah ma ddum wisq it-tifkira: jgħaddu ftit jiem oħra u kollox ikun l-istess. Jaħasra kif imut l-għaref bħalma jmut l-iblah! Il-ħajja, allura, sirt nistmerrha u dak li jsir taħt ix-xemx xejn ma jagħtini gost. Kollox frugħa u qabda riħ. Stmerrejt ukoll ix-xogħol kollu tiegħi li fih tħabatt taħt ix-xemx, għax ikolli nħallih għal dak li jiġi warajja. U dan, min jaf ikunx għaref inkella iblah? Ikun x’ikun, hu jsir is-sid ta’ xogħli kollu li fih ħlejt saħħti u għaqli taħt ix-xemx. Dan ukoll frugħa. Bdejt, għalhekk, naqta’ qalbi mit-taħbit kollu li ħadt taħt ix-xemx, għax wieħed li xogħlu jkun għamlu bil-għaqal, b’ħila u suċċess, ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma jkun tħabat għalih. Dan ukoll frugħa u ħaġa wisq ħażina.

X’se jmissu mela l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li ħa taħt ix-xemx? Jiemu kollha fin-niket, għemilu bl-inkwiet, u l-iljieli bla rqad. Dan ukoll frugħa. M’hemmx aħjar għall-bniedem milli jiekol u jixrob u jduq il-frott ta’ xogħlu. Jiena nara li dan ukoll minn Alla ġej, għax min jista’ jiekol u jgawdi ħlief bis-saħħ tiegħu? Iva, il-bniedem li hu sewwa quddiemu Alla jagħtih għerf, xjenza u ferħ, iżda lill-midneb jagħtih it-taħbit li jgeddes u jiġma’ biex imbagħad jgħaddih lil min jogħġob lil Alla. Dan ukoll hu frugħa u ġiri wara r-riħ.

 

RESPONSORJU Koħ 2:26: 1 Tim 6:10

 

R/. Il-bniedem li hu sewwa quddiemu, Alla jagħtih għerf, xjenza u ferħ, iżda lill-midneb jagħtih it-taħbit li jgeddes u jiġma’. * Dan ukoll hu frugħa u ġiri wara r-riħ.

V/. Ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen; kien ħtija ta’ din ir-regħba li xi wħud infnew b’niket kbir. * Dan ukoll hu frugħa u ġiri wara r-riħ.

 

LEZZJONI II

 

Mid-Diskors tal-Beatu Papa Pawlu VI meħud mill-atti tat-tielet sessjoni tal-Konċilju Vatikan II.

 

(21 ta’ Settembru 1964 AAS 56 [1964], 1015-1016)

Marija Omm il-Knisja

 

Waqt li nerġgħu naħsbu fuq ir-rabta li hemm bejn Marija u l-Knisja għall-glorja ta’ Marija Verġni u ta’ għajnuna għalina, niddikjarawha Omm il-Knisja, jiġifieri tal-poplu nisrani kollu, kemm tal-fidili kif ukoll tal-Isqfijiet, li jsejħulha omm l-aktar maħbuba; u nordnaw li minn issa ’l quddiem, aktar minn qabel, il-poplu nisrani kollu jagħti ġieħ ikbar lil Omm Alla u jersaq lejha bit-talb tiegħu.

 

L-aħwa venerabbli, qed nitkellmu dwar titlu li żgur kien magħruf fit-talb tal-insara; anzi l-fidili u l-Knisja kollha tħobb titlob lil Marija bħala Omm. Dan l-isem għandu l-bidu tiegħu fid-devozzjoni vera lejn Marija għaliex hija mibnija b’mod żgur fuq id-dinjità li ġiet mogħtija lil Marija għax hija Omm il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem.

 

Fil-fatt, kif il-maternità divina hija l-kawża li minħabba fiha Marija għandha relazzjoni tassew waħdanija ma’ Kristu, u hija preżenti fl-opra tal-fidwa tal-bnedmin, imwettqa minn Kristu, hekk ukoll, ir-relazzjoni li teżisti bejn Marija u l-Knisja hija riżultat tal-maternità divina tagħha. Marija, hija Omm Kristu, u mill-mument li ħa fuqu n-natura tagħna l-bnedmin fil-ġuf verġinali tagħha, għaqqad miegħu, bħala l-Kap tal-Ġisem Mistiku, lill-Knisja. Għaldaqstant Marija, bħala Omm ta’ Kristu, għandha tiġi meqjusa wkoll, bħala Omm tal-fidili kollha u tal-Isqfijiet, jiġifieri tal-Knisja.

 

Din hija r-raġuni li aħna, mingħajr ma jistħoqqilna u dgħajfin, b’fiduċja u mimlijin b’imħabba ta’ ulied, nerfgħu ħarsitna lejha. Hi, li tatna lil Ġesù, għajn tal-grazzja sopranaturali, ma tistax ma twettaqx fil-Knisja l-maternità tagħha, speċjalment f’dan iż-żmien li fih l-Għarusa ta’ Kristu qed taħdem biex twettaq b’ħeġġa akbar il-missjoni tagħha ta’ salvazzjoni.

 

Aħna wkoll ċerti mir-rabtiet stretti li jeżistu bejn din l-Omm tagħna tas-sema u l-umanità li jkabbru u jissiġillaw dejjem aktar din il-fiduċja. Għalkemm Marija ġiet imżejna minn Alla b’doni l-aktar ġenerużi u tal-għaġeb, biex jixirqilha tkun l-Omm tal-Verb Inkarnat, hija madankollu tibqa’ qrib tagħna. Bħalna, hija wkoll bint Adam, u għalhekk oħtna, għaliex għandha l-istess natura umana; bil-merti futuri ta’ Kristu ġiet meħlusa mid-dnub tan-nisel, iżda mad-doni divini li rċeviet żiedet, hi stess, il-fidi perfetta tagħha, tant li stħaqqilha t-tifħir evanġeliku: “Imbierka int li emmint”.

 

Fil-ħajja tagħha fuq din l-art, uriet li hija dixxiplu perfetta ta’ Kristu, kienet mera ta’ kull virtù, u l-imġieba tagħha kienet tirrifletti bis-sħiħ dawk il-beatitudnijiet imxandra minn Kristu. Għalhekk il-Knisja kollha, waqt li tispjega l-ħajja tagħha u l-attività sfieqa tagħha, għandha żżomm lill-Verġni Omm Alla, bħala eżempju li fuqu għandna nimxu biex nimitaw perfettament lil Kristu.

 

RESPONSORJU ara Lq 1,35

 

R/. L-Ispirtu s-Santu ġie fuq Marija * il-qawwa tal-Għoli xeħtet id-dell tagħha fuqha.

V/. Hija kienet msieħba fil-passjoni ta’ binha, u bil-qawwa tal-Għoli saret Omm ta’ dak li tana l-fidwa * il-qawwa tal-Għoli xeħtet id-dell tagħha fuqha.

 

Talba

 O Alla, Missier il-ħniena, Ibnek il-waħdieni, fuq is-salib, tana lil Ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija bħala Ommna; agħmel, nitolbuk, li, bil-għajnuna tal-imħabba tagħha, il-Knisja tiegħek, hi u tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha, tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Għax int kewkba tal-imħabba

Tiddi w tilma fis-smewwiet

Int għalina l-aqwa tama

F’tmiem il-ħajja, hawn f’dal-wied.

 

Inti l-aqwa Sidt imwielda

F’qalb is-Sid, l-Iben qaddis

Min minn qalbu jdur lejk f’talbu

Mill-għajn jixrob tat-tqaddis.

 

Inti dejjem u minn qalbek

Tisma’ l-ilħna tal-ulied;

X’ħin fl-hemm tagħhom lejk iduru

Bit-talb tagħhom, bix-xewqiet.

 

Fik hemm tgħammar l-aqwa ħniena,
Hemm il-kobor tas-smewwiet,
It-teżor tat-tjieba f’qalbek,
Inti l-aqwa mill-ħlejqiet.

 

Lill-Missier u lill-Ispirtu

U lil Ibnek insebbħuh;

Alla għażlek b’Omm il-Knisja

Glorja lilu w ġieħ nagħtuh. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Hieni min jgħammar fit-tempju tiegħek, Mulej.

 

Salm 83 (84)

 

Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, *

Mulej ta' l-eżerċti!

Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej; *

ngħanni ferħan b'ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj.

Sa l-għasfur isib fejn jgħammar, *

u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-artali tiegħek;

hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha, *

Mulej ta' l-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi!

 

Henjin dawk li jgħammru f'darek; *

huma jfaħħruk għal dejjem.

Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom, *

li għandhom għal qalbhom

 il-pellegrinaġġ għat-tempju.

 

Huma u għaddejja minn wied niexef, †

ibiddluh f'nixxiegħa ta' ilma; *

u x-xita bikrija tbiddlu f'għadajjar.

Jimxu minn belt għal belt, *

sa ma jidhru quddiem Alla f'Sijon.

 

Mulej, Alla ta' l-eżerċti, isma' talb tiegħi; *

agħti widen, Alla ta' Ġakobb.

Ħares, o Alla, lejn it-tarka tagħna, *

ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek.

Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek *

aħjar minn elf jum f'post ieħor;

aħjar noqgħod fuq l-għatba ta' dar Alla tiegħi *

milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.

 

Għax xemx u tarka l-Mulej Alla, *

ħniena u ġieħ hu jagħti lilna.

Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej *

lil min jimxi bis-sewwa.

Mulej ta' l-eżerċti, *

hieni l-bniedem li jittama fik!

 Glorja.

 

Ant. 1: Hieni min jgħammar fit-tempju tiegħek, Mulej.

Ant. 2: Ejjew nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej.

 

Kantiku Iż 2:2-5

 

Għad jiġri fl-aħħar jiem †

li l-għolja tad-dar tal-Mulej *

togħla 'l fuq mill-qċaċet tal-muntanji;

hija tintrefa 'l fuq mill-għoljiet, *

u lejha għad jiġru l-ġnus kollha.

 

Kotra sħiħa ta’ popli *

għad jiġu u jgħidu:

"Ħa mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, *

lejn id-dar ta' Alla ta' Ġakobb,

biex jgħallimna t-triqat tiegħu, *

u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.

Għax minn Sijon toħroġ il-liġi, *

u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm."

 

Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus, *

u jaqta' s-sentenza bejn ħafna popli;

u huma jbiddlu x-xwabel tagħhom f'sikek tal-moħriet, *

u l-lanez tagħhom fi mnieġel.

Ebda ġens ma jerfa' x-xabla kontra ġens ieħor, *

u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.

Ejja, dar ta’ Ġakobb, *

ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!

Glorja.

 

Ant. 2: Ejjew nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej.

Ant. 3: Għannu lill-Mulej, bierku ismu.

 

Salm 95 (96)

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida; *

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu! *

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu, *

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.

 Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna, *

tal-biża' aktar mill-allat kollha.

Għax kollha frugħa l-allat tal-popli; *

Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!

Ġmiel u sebħ huma quddiemu, *

qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu.

 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli, †

agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;

agħtu lill-Mulej is-sebħ ta' ismu!

Ġibulu l-offerti, †

u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu; *

inxteħtu quddiem il-Mulej b'tiżjin qaddis;

triegħdu quddiemu, nies kollha ta' l-art! *

Għidu fost il-ġnus: "Il-Mulej isaltan!"

Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek; *

hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa.

 

Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art, *

ħa jħabbat il-baħar u kull ma fih,

ħa jifraħ ir-raba' u kull ma fih, *

u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk

quddiem il-Mulej, għax ġej, *

għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, *

u mill-popli bis-sewwa tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 3: Għannu lill-Mulej, bierku ismu.

 

LEZZJONI QASIRA ara Iż 61:10

 

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R. Għażilha l-Mulej, * U ħatarha fost kulħadd. Għażilha.

V. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * U ħatarha fost kulħadd. Glorja. Għażilha.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Id-dixxipli kienu ħaġa waħda, jżommu sħiħ fit-talb , flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Id-dixxipli kienu ħaġa waħda, jżommu sħiħ fit-talb , flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù.

  

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna għoġbu jitwieled minn Marija Verġni. Infaħħruh u nitolbuh:

Tidħol għalina quddiemek, Ommok, Mulej.

Salvatur tad-dinja, bil-grazzja qawwija tal-fidwa tiegħek int ħarist minn qabel lil Ommok minn kull tebgħa ta’ dnub:

- żommna safja u mbiegħda mid-dnub.

Feddej tagħna, int għamilt lill-Verġni bla tebgħa Marija għamara tiegħek l-iżjed qaddisa u santwarju ta’ l-Ispirtu s-Santu:

- agħmilna tempju li fih jgħammar dejjem l-Ispirtu tiegħek.

Verb etern, int għallimt lil Ommok tagħżel għaliha s-sehem it-tajjeb:

- agħtina li nagħmlu bħalha, billi nfittxu l-ikel li jsaħħaħna għall-ħajja ta’ dejjem.

Sultan tas-slaten, int ridt li Ommok tkun imtellgħa ħdejk fis-sema bir-ruħ u l-ġisem:

- agħtina l-grazzja li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema.

Sid is-sema u l-art, int qegħidt lil Marija sultana fil-leminija tiegħek:

- agħmel li jkun jistħoqqilna nissieħbu magħha fil-glorja.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, Missier il-ħniena, Ibnek il-waħdieni, fuq is-salib, tana lil Ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija bħala Ommna; agħmel, nitolbuk, li, bil-għajnuna tal-imħabba tagħha, il-Knisja tiegħek, hi u tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha, tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Jiena nfittex il-preċetti tiegħek, Mulej, għax bihom int tagħtini l-ħajja.

 

Salm 118 (119):89-96

 

XII (Lamed)

 

Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek; *

hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet.

Minn nisel għal nisel il-fedeltà tiegħek; *

fuq l-art waqqaftha, u żammet fis-sod.

 

B'digriet tiegħek għadhom sħaħ sa llum; *

għax kollox hu għall-qadi tiegħek.

Li ma sibtx l-hena fil-liġi tiegħek, *

kont nintemm fin-niket tiegħi.

 

Ma ninsa qatt il-preċetti tiegħek, *

għax bihom int tagħtini l-ħajja.

Tiegħek jien; salvani int! *

Jiena nfittex il-preċetti tiegħek.

 

Jgħassuli l-ħżiena biex jeqirduni; *

imma jien ħsiebi fil-preċetti tiegħek.

Jien rajt it-tmiem ta' kull ma jgħaddi; *

imma bla tarf il-kmandamenti tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Jiena nfittex il-preċetti tiegħek, Mulej, għax bihom int tagħtini l-ħajja.

Ant.2 Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

 

Salm 70 (71)

 

I

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni; *

agħtini widen u fittex eħlisni.

 Kun sur ta' kenn għalija; †

int wegħedt li tiġi dejjem issalvani, *

għax blata u fortizza int għalija.

Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin, *

minn id il-qarrieq u l-kiefer.

 

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi; *

Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Fuqek intlaqt sa minn twelidi, †

sa minn ġuf ommi inti ħadtni; *

inti dejjem it-tifħir tiegħi.

Ħafna huma dawk li stagħġbu bija, *

iżda inti l-kenn qawwi tiegħi.

 

Mimli fommi b'tifħirek, *

u b'sebħek il-jum kollu.

Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; *

titlaqnix meta tħallini saħħti.

Għax fuqi jitkellmu l-għedewwa tiegħi; *

dawk li jonsbuli ħajti flimkien ifesfsu.

"Alla nsieh!", huma jgħidu, *

"Għalih! Aqbduh! Ħadd ma jeħilsu."

 

O Alla, toqgħodx 'il bogħod minni; *

Alla tiegħi, fittex għinni.

Ħa jistħu u jinfnew dawk li jixluni; *

jimtela biż-żebliħ u l-għajb minn iridli d-deni.

 Glorja.

 

Ant.2 Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Ant.3 Mqar meta nixjieħ, la tinsinix, o Alla.

 

 II

 

Imma jien nibqa' dejjem nittama, *

u nkattar it-tifħir kollu tiegħek.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek, †

il-jum kollu l-għemejjel ta' l-għajnuna tiegħek, *

għalkemm jien stess ma nafx kif ngħoddhom.

 

Nersaq quddiem il-kobor tiegħek, Mulej Sidi, *

biex il-ġustizzja tiegħek waħdek inxandar.

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni; *

u jien s'issa għadni nxandar għeġubijietek.

Mqar meta nixjieħ u jibjad xagħri, *

la tinsinix, o Alla;

sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel, *

il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.

 

M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek, o Alla! †

Ħwejjeġ kbar int għamilt; *

min hu bħalek, o Alla!

Minn għawġ kbir u qalil int għaddejtni; †

iżda int terġa' tagħtini l-ħajja, *

minn qiegħ l-art terġa' ttellagħni.

Kattarli l-kobor tiegħi; *

erġa' agħtini l-faraġ tiegħek.

 

U jiena nfaħħrek bl-arpa †

għall-fedeltà tiegħek, Alla tiegħi; *

ngħannilek biċ-ċetra, Qaddis ta' Iżrael.

Jifirħu xufftejja jien u ngħannilek; *

tifraħ ruħi, li inti fdejtli.

U lsieni l-jum kollu jitħaddet

fuq il-ġustizzja tiegħek, *

 għax waqa' fl-għajb u l-mistħija

min iridli d-deni.

 Glorja.

 

Ant.3 Mqar meta nixjieħ, la tinsinix, o Alla.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 13:11

 

Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni. Isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom.

 

 V/. Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti.

 R/. U widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

 

Talba

 

O Alla, Missier it-tjieba, int ridt li l-bnedmin jaħdmu biex bix-xogħol tagħhom jgħinnu dejjem lil xulxin ħalli jiksbu ħwejjeġ aqwa; agħmel li aħna nħabirku bla heda hekk li ngħixu għalik fl-ispirtu ta’ wliedek u nħobbu lil kulħadd bħal aħwa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Rum 6:22

 

Issa li ħlistu mid-dnub u sirtu lsiera ta’ Alla, qegħdin taħsdu għalikom infuskom frott li jieħu għall-qdusija, u għandkom bħala tmiem il-ħajja ta’ dejjem.

 

 V/. Mulej, inti terġa’ tagħtina l-ħajja.

 R/. Biex jifraħ bik il-poplu tiegħek.

 

Talba

 

O Alla, sid u għassies tal-ħsad u d-dielja, inti ssejjaħ il-ħaddiema għax-xogħol u tagħtihom il-ħlas tajjeb li jistħoqqilhom; agħmel li aħna nilqgħu bil-qalb il-piż tal-jum, hekk li qatt ma ngemgmu kontra dak li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 1:21-22

 

Intom ukoll kontu ‘l bogħod minn Alla u għedewwa tiegħu minħabba l-ħażen ta’ ħsibijietkom u għemilkom; imma issa sirtu ħbieb tiegħu permezz tal-mewt tal-ġisem veru ta’ Ibnu, biex dan iressaqkom quddiemu qaddisa, safja u bla għajb.

 

 V/. Għannu lill-Mulej ħbieb tiegħu.

 R/. Faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

 

Talba

 

O Alla, inti qiegħed issejjħilna f’dak l-istess ħin li fih l-Appostli kienu jitilgħu fit-tempju: isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek b’fehma sinċiera f’isem Ġesù, biex bih naqilgħu mingħandek is-salvazzjoni għal dawk kollha li jsejjħu dan l-isem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Verġni mqaddsa, Omm il-Knisja,

Dejjem bieb miftuħ tas-sema;

Quddiem Ibnek kun kenn tagħna,

Lill-Missier talbek jinstema’.

 

Omm glorjuża t’Alla l-għoli

Aħna nfakkru dal-ġieħ tiegħek

Minnek twieled Iben Alla

Għalin’itlob, żommna miegħek.

 

Dawl fiddien, tal-baħar kewkba,

Omm qaddisa, Omm reġina,

Itlob lill-Missier u l-Iben,

Biex l-Ispirtu s-Santu jtina.

 

Verġni twajba, Omm ħanina

Verġni ħelwa O Marija

Isma’ talb kull wieħed minna

F’dat-tifħir ta’ filgħaxija.

 

Ħu t-talb tagħna quddiem ibnek

Hu l-imsallab, hu li bata;

Li għalina ġie imsawwat,

Bix-xewk rasu nkurunata

 

Kbira omm sultan is-slaten

Dawl u bieb tal-ogħla sema

Midinbin inxerrdu dmugħna

Ħa l-krib tagħna fis jinstema

 

Glorja w ġieħ lill-Missier tagħna

Lill-Ispirtu, ’l-Iben ġufek

Li għażluk bħal Omm tal-Knisja,

Isma’ t-talb li qed noffrulek. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Għajnejna dejjem lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna.

 

Salm 122 (123)

 

Lejk nerfa' għajnejja, *

int li tgħammar fis-smewwiet.

 

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *

bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *

sa ma jkollu ħniena minna.

 

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *

għax mitmugħa sax-xaba' bit-tagħjir.

Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *

biż-żebliħ ta' l-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

 Glorja.

 

Ant. 1: Għajnejna dejjem lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna.

Ant. 2: L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej li għamel is-sema u l-art.

 

Salm 123 (124)

 

Li ma kienx il-Mulej magħna *

 - ħa jgħid hekk Iżrael –

li ma kienx il-Mulej magħna, *

meta qamu għalina n-nies,

ħajjin kienu jibilgħuna, *

 meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

 

L-ilma kien jgħarraqna, *

il-wied kien jgħaddi minn fuqna;

minn fuqna kien jgħaddi *

mewġ ta' l-ilma qawwi.

 

Imbierek il-Mulej, *

li ma telaqniex priża għal snienhom.

Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *

Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

 

L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 Glorja.

 

Ant. 2: L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej li għamel is-sema u l-art.

Ant. 3: Alla destinana li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ibnu.

 

Kantiku (Ef 1:3-10)

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li berikna b'kull xorta ta' barka spiritwali,

fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu; *

skond ma għoġob lir-rieda tajba tiegħu, 

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu. *

 li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

 

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda,

li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Alla destinana li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ibnu.

 

LEZZJONI QASIRA Gal 4:4-5

 

 Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja: * Il-Mulej miegħek. Sliem.

V/. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Il-Mulej miegħek. Glorja. Sliem.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej qal lil ommu: Mara, hawn hu ibnek. U lid-dixxiplu qallu: Hawn hi ommok.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

 għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

 b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej qal lil ommu: Mara, hawn hu ibnek. U lid-dixxiplu qallu: Hawn hi ommok.

 

PREĊI

 

Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu. Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.

O Alla, li tagħmel l-għeġubijiet, int tellajt fis-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa Marija, u seħibtha ma’ Kristu fil-glorja:

- ibqa’ mexxi l-qlub ta’ wliedek sa ma jaslu fl-istess sebħ.

Int, li tajtna lil Marija bħala ommna, bit-talb tagħha fejjaq il-morda, farraġ l-imnikktin, aħfer lill-midinbin:

- agħti lil kulħadd is-salvazzjoni u s-sliem.

Int sawwabt fuq Marija l-milja tal-grazzja:

- ferraħ lilna wkoll bil-kotra tal-grazzji tiegħek.

Żomm il-Knisja tiegħek magħquda qalb waħda u ruħ waħda fl-imħabba:

- agħmel li l-fidili tiegħek jibqgħu ħaġa waħda bejniethom fit-talb flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù.

Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ sultana tas-sema:

- agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fl-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, Missier il-ħniena, Ibnek il-waħdieni, fuq is-salib, tana lil Ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija bħala Ommna; agħmel, nitolbuk, li, bil-għajnuna tal-imħabba tagħha, il-Knisja tiegħek, hi u tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha, tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TNEJN

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Talba ta’ fqir fil-hemm

 

Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

 

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10

 

 Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

 u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.