Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


GĦID IL-ĦAMSIN

 

PENTEKOSTE

 

SOLENNITÀ

 

L-1 Għasar

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħallieq ta’ kollox, ejja,

o Spirtu, żur lil ruħna:

bil-grazja tiegħek fawwar

il-qlub maħluqa minnek.

 

Int Difensur u Faraġ,

id-don ta’ Alla l-Għoli,

għajn ħajja, nar, imħabba,

u qawwa tar-ruħ tagħna.

 

Int turi l-qawwa t’Alla

bis-seba’ doni tiegħek:

int mill-Missier imwiegħed

biex tagħti l-kliem lil fommna.

 

Mexxina fid-dawl tiegħek,

bi mħabbtek imla qalbna,

bil-qawwa tiegħek wettaq

il-ġisem dgħajjef tagħna.

 

Biegħed minn fostna l-għadu,

fis-sliem għal dejjem żommna;

jekk int quddiemna timxi,

neħilsu minn kull deni.

 

Kun fina, w bid-don tiegħek

nagħrfu l-Missier u l-Iben

u nemmnu b’fidi sħiħa

li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kien nhar l-Għid il-Ħamsin, u huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed, hallelujah.

 

Salm 112 (113)

 

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *

faħħru isem il-Mulej.

Ikun imbierek isem il-Mulej, *

minn issa u għal dejjem! 

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *

ikun imfaħħar isem il-Mulej!

 

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *

ogħla mis-smewwiet hu sebħu. 

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, †

li qiegħed fl-għoli? *

Hu li jħares 'l isfel, lejn is-smewwiet

 u lejn l-art.

 

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *

u jerfa' mill-miżbla l-fqajjar,

biex mal-kbarat iqiegħdu, *

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

Il-mara bla wlied iqegħedha f'darha, *

jagħmilha omm ferħana b'uliedha.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Kien nhar l-Għid il-Ħamsin, u huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed, hallelujah.

Ant. 2: Dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom, u mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu, hallelujah.

 

Salm 146 (147A)

 

Faħħru l-Mulej, †

għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna; *

għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.

 

Jibni 'l Ġerusalemm il-Mulej, *

jiġma' l-imxerrdin ta' Iżrael.

Hu jfejjaq il-qlub maqsuma, *

hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.

Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb; *

kollha jsejjħilhom b'isimhom.

Kbir Sidna l-Mulej, u ta' qawwa kbira; *

bla tarf id-dehen tiegħu.

Jerfa' l-imsejknin il-Mulej, *

u jniżżel sa l-art il-ħżiena.

 

Għannu lill-Mulej innu ta' radd il-ħajr; *

doqqu fuq l-arpa lil Alla tagħna.

Hu li jiksi bis-sħab is-smewwiet, †

iħejji għall-art ix-xita, *

u jnibbet il-ħaxix fuq l-għoljiet.

Hu jipprovdi lill-bhejjem l-għalf tagħhom, *

u lill-frieħ taċ-ċawl meta jgħajjtu.

Ma jitgħaxxaqx bis-saħħa taż-żiemel, *

anqas b'riġlejn l-irġiel b'saħħithom.

Jitgħaxxaq il-Mulej b'min għandu l-biża' tiegħu, *

u b'min jittama fit-tjieba tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 2: Dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom, u mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu, hallelujah.

Ant. 3: L-Ispirtu, li ġej mill-Missier, jigglorifikani, hallelujah.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox; 

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, * 

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minn ismek? *

 Min ma jsebbħux? 

 Għaliex int waħdek qaddis; †

 u l-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: L-Ispirtu, li ġej mill-Missier, jigglorifikani, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:11

 

Jekk l-Ispirtu ta’ Alla li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, dak stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Nibagħtilkom l-Ispirtu s-Santu. * Hallelujah, hallelujah. Nibagħtilkom.

V/. Biex hu jgħallimkom kollox. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Nibgħatilkom.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidi tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek, int li, bid-don tal-ħafna ilsna, ġbart il-ġnus u għaqqadthom f’fidi waħda, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidi tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek, int li, bid-don tal-ħafna ilsna, ġbart il-ġnus u għaqqadthom f’fidi waħda, hallelujah.

 

PREĊI

 

Ngħollu b’tifħir kbir lil Alla, li nhar l-Għid il-Ħamsin mela lill-appostli bl-Ispirtu s-Santu li bagħtilhom mis-sema. Bl-hena ta’ qalbna u l-ġabra ta’ ruħna, nitolbuh u ngħidulu:

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u ġedded id-dinja.

Int fil-bidu ħlaqt is-sema u l-art, u fil-milja taż-żminijiet ġeddidt kollox bi Kristu:

- ġedded dejjem il-wiċċ ta’ l-art bl-Ispirtu tiegħek għas-salvazzjoni tagħna.

Inti nfaħt f’wiċċ Adam in-nifs tal-ħajja:

- ibgħat l-Ispirtu tiegħek fil-Knisja biex bih tgħix u titqawwa u tagħti l-ħajja lid-dinja.

Dawwal lill-bnedmin kollha bid-dawl ta’ l-Ispirtu tiegħek u keċċi d-dlamijiet ta’ żmienna:

- biddel il-mibegħda fi mħabba, it-tbatija f’hena, u l-gwerer fil-paċi mixtieqa.

Isqi l-bnedmin bl-ilma ta’ l-Ispirtu tiegħek, li ħareġ minn ġenb Kristu:

- eħles lil artna mix-xewk u l-għollieq tal-ħażen.

Bl-Ispirtu s-Santu inti ddaħħal il-bnedmin fil-ħajja glorjuża:

- bih ukoll agħti lil ħutna l-mejtin l-hena u l-imħabba fis-sema.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti tridna niċċelebraw il-misteru kollu ta’ l-Għid bħala festa waħda kbira matul iż-żmien qaddis ta’ ħamsin jum; agħmel li l-ġnus imxerrda, kull wieħed bi lsien għalih, bil-grazzja tiegħek ikunu ġemgħa waħda bejniethom fl-istqarrija waħda ta’ Ismek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

Jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Hallelujah, l-Ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Hallelujah, l-Ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Hallelujah, l-Ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Hallelujah, l-Ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Hallelujah, l-Ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Hallelujah, l-Ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, l-Ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Id-dawl qaddis tan-nar mibgħut mis-sema

fuq id-dixxipli ta’Ġesù jferraħna,

u jistedinna biex b’qalb waħda nfaħħru

l-Ispirtu tal-qdusija.

 

Int, Faraġ kbir u Difensur, kun fina,

ħoll lil ilsienna, qanqal il-qalb tagħna,

ħalli nagħtuk adorazzjoni xierqa,

fil-verità w fl-ispirtu.

 

Jekk minna nfusna konna wlied il-korla,

bil-qawwa tiegħek sirna wlied il-grazzja;

ilqa’ t-tifħir li aħna, bnedmin ġodda,

nagħtuk minn qalb nadifa.

 

Int stess hu d-don, minnek innifsek mogħti

lil ruħna, biex timlieha bil-ġid tiegħek;

agħtina d-dawl, sabiex ninsġulek innu

ta’ radd il-ħajr u glorja.

 

O Spirtu, għajn ta’ tjieba, li taħsilna

mid-dnub fid-demm ta’ Kristu, biex niġġeddu,

wassalna ħalli ngawdu sħiħ il-hena

ta’ dat-tiġdid, fis-sema. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: L-Ispirtu fejn irid jonfoħ; tisma’ leħnu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn sejjer, hallelujah.

Salm 103 (104)

 

I

 

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej! *

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes, *

bid-dawl, bħal b'mantell, inti mkebbeb.

 

Inti frixt is-smewwiet bħal tinda, *

waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek.

Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek, *

fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.

L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek, *

u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek.

 

Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha, *

b'mod li qatt ma titħarrek;

bl-ibħra, bħal b'libsa, inti ksejtha; *

u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.

 

Malli inti ċċanfarhom, jaħarbu; *

malli jriegħed leħnek, jitkexkxu.

Ma' l-għoljiet jogħlew, fil-widien jinżlu; *

posthom, li int tajthom, jieħdu.

Ma jaqbżux it-tarf li int ħażżejtilhom, *

biex qatt aktar ma jerġgħu jgħattu l-art.

L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien, *

u huma jiġru qalb l-għoljiet.

Jisqu l-bhejjem kollha tar-raba', *

u l-ħmir selvaġġi jaqtgħu l-għatx tagħhom.

Ħdejhom jgħammru l-għasafar ta' l-ajru, *

minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.

Glorja.

 

Ant. 1: L-Ispirtu fejn irid jonfoħ; tisma’ leħnu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn sejjer, hallelujah.

Ant. 2: F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, hallelujah.

 

II

 

Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek, *

u tixba' l-art bil-frott ta' għemilek.

Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem, *

u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem,

biex joħroġ il-ħobż mill-art, *

inbid li jferraħ qalb il-bniedem,

żejt li jsebbħilhom wiċċhom, *

u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.

 

Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej, *

iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel.

Fihom ibejjtu l-għasafar, *

iċ-ċikonja tgħammar fil-qċaċet tagħhom.

Fl-għoljiet il-kbar joqogħdu ċ-ċriev, *

l-irdum jagħti l-kenn lill-fniek tax-xagħri.

 

Il-qamar int għamilt biex juri ż-żmien, *

u lix-xemx urejtha xħin għandha tinżel.

Titfa' d-dlam, u jsir il-lejl; *

fih jiġġerrew il-bhejjem kollha tal-bosk.

Frieħ l-iljun jgħajjtu biex jaħtfu, *

jittallbu mingħand Alla l-ikel tagħhom.

Malli titla' x-xemx jinġabru, *

fl-għerien tagħhom jitgeddsu.

U l-bniedem joħroġ għax-xogħol, *

u jibqa' jaħdem sa filgħaxija. 

 Glorja.

 

Ant. 2: F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, hallelujah.

Ant. 3: Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, u jinħolqu, u inti ġġedded il-wiċċ ta’ l-art, hallelujah.

 

III

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! †

Kollha bl-għerf għamilthom; *

mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Dan il-baħar ta' kobor u wisa' bla tarf, †

li fih jimraħ ħut bla għadd; *

bhejjem żgħar u bhejjem kbar.

Id-dgħajjes jimxu fuq il-mewġ tiegħu; *

fih jitliegħeb il-Levjatan, li int għamilt.

 

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha *

li tagħtihom ikilhom f'waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru; *

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.

 

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu; †

jekk teħdilhom nifishom, imutu, *

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat l-ispirtu tiegħek, jinħolqu, *

u inti ġġedded il-wiċċ ta' l-art.

 

Jibqa' sebħ il-Mulej għal dejjem! *

Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!

Kif hu jħares lejn l-art titheżheż; *

kif imiss l-għoljiet, idaħħnu.

Ngħanni lill-Mulej tul ħajti kollha, *

indoqq lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.

Ħa togħġbu l-għanja tiegħi, *

għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.

 

Jintemmu minn fuq l-art il-midinbin, †

u jgħibu l-ħżiena, *

 Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, u jinħolqu, u inti ġġedded il-wiċċ ta’ l-art, hallelujah.

 

V/. L-Ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja, hallelujah

R/. Hu, li jħaddan kollox, jagħraf kull leħen, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani Rum 8:5-27

 

Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla

huma wlied Alla

 

Ħuti: Dawk li jgħixu skond il-ġisem, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-ġisem; dawk li jgħixu skond l-Ispirtu, ħsiebhom fil-ħwejjeġ ta' l-Ispirtu. Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt; ix-xewqat ta' l-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem. Għalhekk ix-xewqat tal-ġisem huma għedewwa ta' Alla; ma joqogħdux għal-liġi ta' Alla, u anqas jistgħu joqogħdu. Dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma ta' l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta' Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta' Kristu, dan m'huwiex tiegħu. Jekk Kristu jgħammar fikom, il-ġisem hu mejjet minħabba d-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta' dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa ta' l-Ispirtu li jgħammar fikom.

Hekk mela, ħuti, aħna m'aħniex midjunin mal-ġisem, biex ngħixu skond il-ġisem. Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewwtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu. Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta' Alla, huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża', imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajjtu: "Abbà! Missier!" Dan l-Ispirtu jixhed flimkien ma' l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta' Alla, werrieta ma' Kristu: għax aħna nbatu miegħu, biex naqsmu miegħu l-glorja biex miegħu nkunu glorifikati. 

Jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta' issa ma għandhom xejn x'jaqsmu mal-glorja li għad tidher fina. Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta' wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa - mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha - bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta' wlied Alla. Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s'issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta' l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta' wlied, il-fidwa ta' ġisimna. Aħna salvi imma għadna nittamaw. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista' wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m'aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.

Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta' ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bi kliem. U Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x'inhi x-xewqa ta' l-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla.

 

RESPONSORJU Gal 4:6; 3:26; 2 Tim 1:7

 

R/. Għax intom ulied permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù, * Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbkom jgħajjat Abba! Missier!, hallelujah.

V/. Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan. * Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbkom jgħajjat Abba! Missier!, hallelujah.

 

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat ta’ l-isqof San Irinew “Kontra l-Ereżiji”

 

Il-missjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu

 

 Il-Mulej ta s-setgħa lid-dixxipli biex jagħtu twelid ġdid f’Alla; qalilhom: Morru, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Permezz tal-profeti, il-Mulej kien wiegħed li fl-aħħar jiem isawwab dan l-istess Spirtu fuq il-qaddejja rġiel u nisa biex iħabbru; għalhekk l-Ispirtu niżel ukoll fuq l-Iben ta’ Alla, meta dan sar Bin il-bniedem, biex permezz tiegħu joqgħod u jistrieħ fil-bnedmin li ħalaq Alla u jgħammar fihom, jagħmel fihom ir-rieda tal-Missier jeħlishom mill-bniedem il-qadim u jġeddidhom skond il-bniedem il-ġdid, li hu Kristu.

San Luqa jgħidilna li, wara li l-Mulej tela’ s-sema, dan l-Ispirtu niżel fuq id-dixxipli nhar Għid il-Ħamsin, bis-setgħa li jdaħħal il-ġnus kollha fil-ħajja u jiftħilhom it-triq għall-patt il-ġdid; għalhekk il-popli ta’ kull ilsien faħħru lil Alla b’leħen wieħed, l-Ispirtu għaqqad f’għaqda waħda t-tribù mbiegħda minn xulxin, u offra lill-Missier l-ewwel frott mill-ġnus kollha.

Kien għalhekk li l-Mulej wiegħed li jibagħtilna d-Difensur, biex ilaqqagħna tajjeb ma’ Alla. Għax kif id-dqiq xott ma jistax isir għaġina mingħajr ilma, u anqas isir ħobż, hekk anqas aħna, li aħna ħafna, ma stajna nsiru wieħed fi Kristu Ġesù mingħajr l-ilma li ngħatalna mis-sema. U kif l-art niexfa ma tagħmilx frott jekk ma tissaqqiex, hekk aħna, li konna siġra bla ilma, qatt ma konna se nagħmlu frott għall-ħajja kieku Alla ma taniex bil-kotra l-ilma spiritwali.

Għax l-iġsma tagħna ngħaqdu f’wieħed bis-saħħa ta’ dak il-ħasil li bih jeħilsu minn-nuqqas ta’ taħsir, u l-erwieħ tagħna ngħaqdu bis-saħħa ta’ l-Ispirtu.

L-Ispirtu ta’ Alla niżel fil-Mulej, l-Ispirtu ta’ l-għerf u d-dehen, l-Ispirtu tal-fehma u l-qawwa, l-Ispirtu ta’ l-għerf u t-tjieba, l-Ispirtu tal-biża’ ta’ Alla. Minn-naħa tiegħu l-Mulej tah lill-Knisja, meta bagħat id-Difensur mis-sema fid-dinja kollha, fejn ix-xitan ukoll kien ġie mixħut qisu berqa, kif qalilna l-Mulej. Għalhekk kien meħtieġ li Alla jibgħat in-nida tiegħu fuqna biex ma nsirux qisna art maħruqa u bla frott, u biex ma’ dak li jixlina jkollna wkoll lil dak li jiddefendina. Hekk il-Mulej ħalla taħt il-ħarsien ta’ l-Ispirtu s-Santu lil dak il-bniedem tiegħu li waqa’ f’nofs il-ħallelin, li hu ħenn għalih u rabatlu l-ġrieħi tiegħu, u ta wkoll għalih biċċtejn flus tas-saltna, bix-xbieha ta’ l-Ispirtu u bil-kitba tal-Missier u ta’ l-Iben fuqhom, ħalli aħna ndaħħlu bihom imgħax kbir għall-Mulej.

 

RESPONSORJU Atti 2:1-2

 

R/. Nhar Għid il-Ħamsin, kienu lkoll flimkien f’post wieħed; u f’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss kbir, * Bħal riħ qawwi li mela d-dar kollha, hallelujah.

V/. Meta d-dixxipli kienu lkoll flimkien f’post wieħed, f’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss. * Bħal riħ qawwi li mela d-dar kollha, hallelujah.

 

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

  

TALBA

 

O Alla, bil-misteru tal-festa ta’ llum inti tqaddes il-Knisja kollha tiegħek, f’kull ġens u poplu: sawwab id-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq id-dinja kollha, minn tarf għall-ieħor, u agħmel li issa wkoll iseħħ, fil-qalb ta’ kull min jemmen, dak kollu li seħħ bil-grazzja tiegħek sa mill-bidu tax-xandir tal-Bxara t-tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Infakkru b’ferħ u hena

il-jum ta’ ġrajja kbira:

l-Ispirtu, l-Faraġ tagħna,

issawwab fid-dixxipli.

 

Dehrulhom qishom ilsna

tan-nar fuq ras kull wieħed:

il-kelma tqiegħdet f’fommhom,

l-imħabba tħeġġet f’qalbhom.

 

U bl-ilsna kollha tkellmu:

inġabret kotra w stagħġbet:

ħasbuhom nies xurbana

lil dawk li mtlew bl-Ispirtu.

 

Kien tmiem il-Għid imqaddes

tal-maħfra skond il-liġi:

iż-żmien li temm għalina

l-għemil tas-salvazzjoni.

 

Għalhekk, f’riġlejk mixħuta,

Spirtu Qaddis, nitolbu:

f’dal-jum solenni u mbierek,

agħtina d-doni tiegħek.

 

Int, li bil-grazzja tiegħek

qaddist l-ulied mifdija,

agħtina l-maħfra kollha,

bis-sliem fil-għaqda miegħek.

 

Kun fina, w bid-don tiegħek

nagħarfu l-Missier u l-Iben

u nemmnu b’fidi sħiħa

li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Hu mimli tjieba u ħlewwa, Mulej, l-Ispirtu tiegħek fina!, hallelujah.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Hu mimli tjieba u ħlewwa, Mulej, l-Ispirtu tiegħek fina!, hallelujah.

Ant. 2: Għejun, u kull ma jżiġġ fl-ilma, faħħru ‘l Alla bl-għana, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Għejun, u kull ma jżiġġ fl-ilma, faħħru ‘l Alla bl-għana, hallelujah.

Ant. 3: L-appostli bdew ixandru bl-ilsna kollha l-għeġubijiet ta’ Alla, hallelujah.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħuħ

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: L-appostli bdew ixandru bl-ilsna kollha l-għeġubijiet ta’ Alla, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 5:30-32

 

Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Lilu Alla bil-leminija tiegħu għolla, u għamlu Kap u Salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn aħna xhieda u l-Ispirtu s-Santu, li Alla ta lil dawk li jobduh

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Imtlew.

V/. U bdew jitkellmu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Imtlew.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ħudu l-Ispirtu s-Santu: dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ħudu l-Ispirtu s-Santu: dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu l-Mulej ġabar il-Knisja tiegħu ġemgħa waħda bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. B’tama sħiħa nitolbuh:

 Mulej, agħti dehra ġdida lill-art.

Mulej Ġesù, minn fuq is-salib int ħriġt xmajjar ta’ ilma ħaj minn ġenbek:

- agħtina l-Ispirtu li jagħti l-ħajja.

Mill-glorja tiegħek fil-leminija ta’ Alla, int sawwabt id-Don tal-Missier fuq id-dixxipli:

- ibgħat l-Ispirtu fid-dinja ħalli jġeddidha.

Bl-Ispirtu tiegħek int tajt is-setgħa lill-appostli biex jaħfru d-dnubiet:

- eqred id-dnub mid-dinja.

Int wegħedtna l-Ispirtu s-Santu biex jgħallimna kollox u jfakkarna kull ma għedtilna:

- agħtina l-Ispirtu biex ifissrilna l-fidi u jagħmilna xhieda fidili tiegħek.

Int bl-Ispirtu s-Santu mlejt lill-appostli bl-imħabba lejn ismek:

- agħmel li ħutna l-Maltin u Għawdxin kollha, kull fejn jinsabu fid-dinja, jagħtu ġieħ u qima lill-Isem qaddis u adorabbli ta’ Alla.

 

Missierna

Talba

 

O Alla, bil-misteru tal-festa ta’ llum inti tqaddes il-Knisja kollha tiegħek, f’kull ġens u poplu: sawwab id-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq id-dinja kollha, minn tarf għall-ieħor, u agħmel li issa wkoll iseħħ, fil-qalb ta’ kull min jemmen, dak kollu li seħħ bil-grazzja tiegħek sa mill-bidu tax-xandir tal-Bxara t-tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ġesù, li fdiena, tela’

fis-sema ħdejn Missieru,

sabiex mingħandu jibgħat

l-Ispirtu mwiegħed minnu.

 

U f’daqqa, xħin l-appostli

kienu fit-talb miġbura,

għall-ħabta ta’ xi d-disgħa,

instema’ ħoss, bħal riefnu.

 

U dehru qishom ilsna

tan-nar, li tqassmu fuqhom;

l-appostli mtlew bl-imħabba,

u ħarġu jxandru l-Isem.

 

O Spirtu s-Santu, inżel,

ibdel f’artali ‘l qlubna,

żejjinhom bil-qdusija,

ħa jkunu tempji tiegħek.

 

Kun fina, w bid-don tiegħek

nagħrfu l-Missier u l-Iben

u nemmnu b’fidi sħiħa

li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

 

Ant. B’mod misterjuż il-qlub ta’ l-appostli mtlew bl-Ispirtu s-Santu li niżel mit-tron tal-Missier, hallelujah.

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

Ant. Kattar, Mulej, il-fidi tagħna fik, u ibqa’ dawwalna dejjem bid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu, hallelujah.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. M’hux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom, hallelujah.

 

Salm 117 (118)

 

I

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

 milli tittama fil-kbarat.

Glorja.

  

II

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi,

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

 

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

 

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila.

 

 Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

imma ma telaqnix għall-mewt.

 Glorja.

 

III

 

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

 

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni bil-friegħi f'idejkom

sa ħdejn l-altar.

 

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr, *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Glorja.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 12:13

 

Aħna lkoll tgħammidna fi spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.

 

V/. Nibagħtilkom l-Ispirtu s-Santu, hallelujah.

R/. Biex hu jgħallimkom kollox, hallelujah.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Tit 3:5a. 6-7

 

Alla salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u tiġdid mill-Ispirtu s-Santu, li hu xerrdu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skond it-tama li għandna.

 

V/. L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox, hallelujah.

R/. U jfakkarkom dak kollu li għedtilkom, hallelujah.

 

 Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 1:21-22

 

Hu Alla li jwettaq sew lilkom u sew lilna fi Kristu, u li kkonsagrana għalih innifsu; hu li mmarkana wkoll bis-siġill tiegħu u tana b’rahan l-Ispirtu fi qlubna.

 

V/. L-appostli bdew ixandru b’ħafna ilsna, hallelujah.

R/. L-għeġubijiet ta’ Alla, hallelujah.

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, agħtina li tiddi fuqna d-dija tas-sebħ tiegħek, u li l-Ispirtu s-Santu jimla bil-qawwa tad-dawl tiegħek lil dawk li twieldu mill-ġdid bil-magħmudija. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħallieq ta’ kollox, ejja,

o Spirtu, żur lil ruħna:

bil-grazja tiegħek fawwar

il-qlub maħluqa minnek.

 

Int Difensur u Faraġ,

id-don ta’ Alla l-Għoli,

għajn ħajja, nar, imħabba,

u qawwa tar-ruħ tagħna.

 

Int turi l-qawwa t’Alla

bis-seba’ doni tiegħek:

int mill-Missier imwiegħed

biex tagħti l-kliem lil fommna.

 

Mexxina fid-dawl tiegħek,

bi mħabbtek imla qalbna,

bil-qawwa tiegħek wettaq

il-ġisem dgħajjef tagħna.

 

Biegħed minn fostna l-għadu,

fis-sliem għal dejjem żommna;

jekk int quddiemna timxi,

neħilsu minn kull deni.

 

Kun fina, w bid-don tiegħek

nagħrfu l-Missier u l-Iben

u nemmnu b’fidi sħiħa

li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

 

 SALMODIJA

 

Ant. 1: Bl-Ispirtu tal-Mulej imtliet l-art, hallelujah.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Bl-Ispirtu tal-Mulej imtliet l-art, hallelujah.

Ant. 2: Wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina, mit-tempju mqaddes tiegħek, li hu f’Ġerusalemm, hallelujah.

 

Salm 113A (114)

 

Meta ħareġ Iżrael mill-Eġittu, *

Ġakobb minn poplu ta' lsien barrani,

Ġuda sar is-santwarju tiegħu, *

Iżrael is-saltna tiegħu.

 

Il-baħar rah u ħarab, *

il-Ġordan reġa' lura.

Qabżu bħal kbiex il-muntanji, *

u bħal ħrief il-għoljiet.

 

Xi ġralek, baħar, biex taħrab? *

Xi ġralek, Ġordan, biex terġa' lura?

Xi ġralkom, muntanji, biex taqbżu bħal kbiex, *

u intom, għoljiet, biex taqbżu bħal ħrief?

Triegħed, art, quddiem is-Sid, *

quddiem Alla ta' Ġakobb,

li jbiddel il-blat f'għadira ilma, *

iż-żonqor f'għajn ta' ilma.

 Glorja.

 

Ant. 2: Wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina, mit-tempju mqaddes tiegħek, li hu f’Ġerusalemm, hallelujah.

Ant. 3: Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu, u bdew jitkellmu, hallelujah.

 

Kantiku ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

intom li tibżgħu minnu,iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3: Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu, u bdew jitkellmu, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:3-6

 

 Fittxu li żżommu l-għaqda ta’ l-Ispirtu bir-rabta tas-sliem. Intom ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejjħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. L-Ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja. * Hallelujah, hallelujah. L-Ispirtu.

V/. Hu li jħaddan kollox, jagħraf kull leħen. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. L-Ispirtu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Illum nhar l-Għid il-Ħamsin, hallelujah; illum l-Ispirtu s-Santu deher lid-dixxipli f’sura ta’ nar, qassmilhom doni u kariżmi, u bagħathom fid-dinja kollha biex ixandru u jixhdu li kull min jemmen u jitgħammed isalva, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 Illum nhar l-Għid il-Ħamsin, hallelujah; illum l-Ispirtu s-Santu deher lid-dixxipli f’sura ta’ nar, qassmilhom doni u kariżmi, u bagħathom fid-dinja kollha biex ixandru u jixhdu li kull min jemmen u jitgħammed isalva, hallelujah.

 

PREĊI

 

Alla l-Missier ġabar il-Knisja tiegħu permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu. B’xhieda ta’ ferħ, nitolbuh u ngħidulu:

Ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek fil-Knisja.

Inti ssejjaħ l-insara kollha li ħadu magħmudija waħda u tridhom jingħaqdu ġemgħa waħda fl-Ispirtu:

- agħmel li dawk kollha li rċevew il-fidi jkunu qalb waħda u ruħ waħda bejniethom.

Int ridt id-dinja kollha timtela bl-Ispirtu tiegħek:

- agħmel li l-bnedmin kollha jaħdmu id f’id biex jibnu d-dinja fuq il-ġustizzja u l-paci.

Inroddulek ħajr għall-grazzji u d-doni kollha li bl-Ispirtu tajt lill-Knisja tiegħek f’artna:

- agħtina li nibqgħu dejjem fidili għas-sejħa tagħna.

Inti ġġedded kollox bl-Ispirtu tiegħek:

- fejjaq lill-morda għeżież tagħna, farraġ l-imnikktin, agħti s-saħħa lil kulħadd.

Int bl-Ispirtu tiegħek qajjimt lil Ibnek mill-imwiet:

- agħti l-ħajja ta’ dejjem lil ħutna l-mejtin.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, bil-misteru tal-festa ta’ llum inti tqaddes il-Knisja kollha tiegħek, f’kull ġens u poplu: sawwab id-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq id-dinja kollha, minn tarf għall-ieħor, u agħmel li issa wkoll iseħħ, fil-qalb ta’ kull min jemmen, dak kollu li seħħ bil-grazzja tiegħek sa mill-bidu tax-xandir tal-Bxara t-tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.