Stampa t-test kollu ...


IT-TLIETA

TAL-XI IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tat-Tlieta tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Inti ħriġt minn dawl Missierek,

dawl id-dawl u l-jum int, Kristu;

ksirna l-lejl biex nerfgħu b’ħerqa

talbna lejk, Mulej: kun fostna.

 

Keċċi d-dlamijiet minn ruħna,

biegħed minna l-għadu tagħna,

għinna ntajjru n-nagħas minn fuqna

biex ma jwaqqagħniex fil-ħedla.

 

Nitolbuk, ħanin, aħfrilna,

għax fik nemmnu, tama tagħna;

agħti frott lit-talb imħeġġeġ

li nagħmlulek bi kliem David.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Alla wieħed, tliet Persuni,

int sawwart u qassamt kollox:

tajtna l-jum għall-ħidma tagħna,

tajtna l-lejl biex fih nistrieħu.

 

Kull filgħodu u filghaxija,

lejl u nhar tifħirek ninsġu,

b’xewqa mħeġġa li tħarisna

ta’ kull waqt għall-glorja tiegħek.

 

Bħal qaddejja fqar ninxteħtu

b’wiċċna fl-art nagħtuk kull qima;

jitla’ talbna llum quddiemek

mat-tifħir tal-qtajja’ hienja.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Iqum Alla! Jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

 

Salm 67 (68)

 

I

 

Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu; *

jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

Bħalma d-duħħan mar-riħ jixtered, †

bħalma jdub ix-xama' quddiem in-nar,

hekk jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla.

Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla, *

jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

 

Għannu lil Alla, faħħru ismu, *

wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab.

Tgħaxxqu fil-Mulej, *

aqbżu bil-ferħ quddiemu.

Missier l-iltiema u difensur tar-romol, *

hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom, †

u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom; *

imma s-suppervi telaqhom jgħammru

 fid-deżert jikwi.

 

O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek, *

int u tiela' mid-deżert,

triegħdet l-art, u sa s-smewwiet inħallu *

quddiem Alla tas-Sinaj, Alla ta' Iżrael.

Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla,

fuq l-art, wirt tiegħek, *

 u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha. 

Il-poplu tiegħek għammar fiha, *

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha.

 Glorja.

 

Ant. 1: Iqum Alla! Jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

Ant. 2: Alla tagħna hu Alla li jsalvana; il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.

 

II

 

Il-Mulej Sidi jagħti ordni, *

u ħafna huma n-nisa li jagħtu l-bxara: 

"Ħarbu, ħarbu s-slaten bl-eżerċti! *

X'intom titnikkru qalb l-imrieħel?

In-nisa tad-dar qegħdin jaqsmu l-priża, †

sbieħ bħal ħamiema bi ġwienaħ bħall-fidda, *

b'rixha mżejjen b'deheb safrani.

Meta Alla li jista' kollox ferrex is-slaten, *

xita ta' silġ niżlet fuq Salmon."

 

Għolja ta' Alla hi l-għolja ta' Basan, *

għolja b'ħafna qċaċet hi l-għolja ta' Basan.

Imma għax tħares bl-għira, għolja ta' ħafna qċaċet, †

lejn l-għolja li Alla għażel b'għamartu? *

Fiha għoġbu joqgħod il-Mulej għal dejjem.

L-imriekeb tal-Mulej eluf ta' eluf; *

bihom ġie Sidi mis-Sinaj għas-santwarju.

Int tlajt fil-għoli, bl-ilsiera warajk, †

bnedmin int ħadt b'għotjiet tiegħek, *

mqar dawk li ma ridux joqogħdu għalik, Mulej Alla.

Imbierek Sidi l-Mulej minn jum għal ieħor! *

Jieħu ħsiebna Alla, is-salvatur tagħna. 

Alla tagħna hu Alla li jsalvana; *

il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.

Alla jfarrak l-għedewwa tiegħu, *

ikisser ir-ras ta' min jimxi bil-ħażen.

 

Qal Sidi l-Mulej: "Minn Basan inġibhom, *

lura nġibhom minn qiegħ il-baħar,

biex tgħaddas riġlek f'demmhom,

u l-għedewwa tiegħek jikluhom il-klieb."

 Glorja.

 

Ant. 2: Alla tagħna hu Alla li jsalvana; il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.

Ant. 3: Slaten ta’ l-art, għannu lil Alla, faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej.

 

 

III

 

Tfaċċa d-dħul tiegħek, o Alla, fis-santwarju, *

id-dħul ta' Alla tiegħi, is-sultan tiegħi.

L-għannejja quddiem, l-istrumenti wara, *

f'nofshom it-tfajliet bit-tanburlin:

"Bierku 'l Alla fil-laqgħat tagħkom; *

bierku l-Mulej fil-ġemgħat ta' Iżrael."

Quddiem miexi Benjamin, *

l-iżgħar fost it-tribù,

il-kapijiet ta' Ġuda bi ħġarhom, *

il-kapijiet ta' Żabulon, il-kapijiet ta' Neftali.

Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek, *

wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.

Lejn it-tempju tiegħek f'Ġerusalemm, *

għalik is-slaten iġibu l-għotjiet.

Ċanfar dik il-bhima fil-qasab tan-Nil, *

dawk il-popli, bħal qabda gniedes

 bl-għoġiela tagħhom,

sa ma jumiljaw ruħhom u jiġuk b'rigali tal-fidda; *

ferrex il-popli li jħobbu l-gwerer. 

Ħa jiġu l-kbarat mill-Eġittu; *

tiftaħ l-Etjopja idejha lejn Alla.

 

Slaten ta' l-art, għannu lil Alla, *

faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej:

lil dak li jirkeb fuq is-smewwiet, *

fuq is-smewwiet ta' dejjem.

Arawh! Se jsamma' leħnu, leħen qawwi: *

"Agħrfu l-qawwa ta' Alla!"

 

Fuq Iżrael il-kobor tiegħu; *

fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.

Tal-biża' Alla fis-santwarju tiegħu! *

Hu Alla ta' Iżrael,

li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu. *

Imbierek Alla!

 Glorja.

 

Ant. 3: Slaten ta’ l-art, għannu lil Alla, faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej.

 

V/. Ħa nisma’ xi jgħid Alla l-Mulej.

R/. Is-sliem ixandar għall-poplu tiegħu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Imħallfin Mħ 6:1-6. 11-24

 

Is-sejħa ta’ Gidgħon

 

F’dawk il-jiem: ulied Iżrael reġgħu għamlu l-ħażen f'għajnejn il-Mulej, u l-Mulej telaqhom f'idejn il-Midjanin għal seba' snin. U id Midjan tqalet sewwa fuq ulied Iżrael. Minħabba Midjan ulied Iżrael kellhom jinqdew bil-ħofor fil-muntanji, fl-għerien u l-fortizzi fuq l-għoljiet. 

Kull meta l-Iżraelin kienu jiżirgħu, kienu jitilgħu l-Midjanin u l-Għamalekin u n-nies tal-Lvant, u jagħmlu għalihom, u jwaqqfu t-tined tagħhom ħdejhom, u jeqirdu l-uċuħ tar-raba' sa ħdejn Gaża, u ma kienu jħallu xejn għall-għajxien ta' Iżrael, la mrieħel, la baqar u la ħmir. Kienu jiġu bl-imrieħel tagħhom, bit-tined tagħhom kotrana daqs il-gradijiet, u iġmla bla għadd; u kienu jiġu jħarbtu l-art kollha. Iżrael kien mgħakkes sewwa minn Midjan.

L-anġlu tal-Mulej ġie u qagħad taħt il-balluta li hemm f'Għofra, li hi ta' Ġowas l-Abigħeżri; ibnu Gidgħon kien qiegħed jidres il-qamħ fil-magħsar biex jeħilsu mill-aktar fis mill-Midjanin. U deherlu anġlu tal-Mulej, u qallu: “Il-Mulej miegħek, raġel qalbieni!” U Gidgħon qallu: “Imma għidli, ja Sidi, jekk Alla magħna, għaliex ġralna dan kollu? Fejn huma l-opri kbar li kienu jgħidulna bihom missirijietna, u qalulna: 'Ma tellagħniex mill-Eġittu l-Mulej?' U issa għaliex l-Mulej telaqna u rħiena f'idejn il-Midjanin?”

Il-Mulej dar lejh u qallu: “Mur u b’dil-qawwa tiegħek lil Iżrael mill-ħakma ta' idejn Midjan. M'hux jien bgħattek?” U Gidgħon wieġbu: “Iddew, ja Sidi, biex se neħles lil Iżrael? Ara, il-familja tiegħi hi l-inqas fit-tribù ta' Manasse, u jien iż-żgħir f'dar missieri.” U l-Mulej wieġbu: “Jiena nkun miegħek! Int tidrob il-Midjanin, bħallikieku kienu raġel wieħed.” U wieġbu: “Jekk jien sibt ħniena f'għajnejk, agħmilli sinjal li inti qiegħed tkellimni. Twarrabx minn hawn sa ma nerġa’ niġi ħdejk u nġib l-offerta tiegħi u noffrihielek.” U dak wieġbu: “Jien noqgħod hawn sa ma tiġi.”

 

U Gidgħon mar u ħejja gidi u ħa efa dqiq u għamilha ftajjar bla ħmira; il-laħam qiegħdu f'qoffa u l-meraq qiegħdu f'borma, u ġibhomlu quddiemu taħt il-balluta. U l-anġlu tal-Mulej qallu: “Ħu l-laħam u l-ftajjar, u qegħedhom fuq din il-blata u sawwab il-meraq.” U hekk għamel. Mbagħad l-anġlu tal-Mulej medd tarf il-ħatar li kellu f'idu, u mess bih il-laħam u l-ftajjar, u ħareġ in-nar mill-blata, u ħaraq il-laħam u l-ftajjar, u l-anġlu tal-Mulej għeb minn quddiemu. U Gidgħon ra li kien l-anġlu tal-Mulej u qal:Ah, ja Sidi Mulej! rajt jien l-anġlu tal-Mulej wiċċ imbwiċċ.” U l-Mulej qallu: “Sliem għalik, la tibżax! M'intix se tmut.” Gidgħon imbagħad bena artal lill-Mulej u sejjaħlu: 'Il-Mulej Sliem.' Għadu sa llum .

 

RESPONSORJU Iż 45:3ċd. 4ab; Mħ 6:14b; ara Iż 45:6

 

R/. Jien il-Mulej, li sejjaħtlek b’ismek minħabba f’Ġakobb, il-qaddej tiegħi, u Iżrael, il-maħtur tiegħi. * Mur b’dil-qawwa, u eħles lil Iżrael.

V/. Biex il-bnedmin ikunu jafu li jiena hu l-Mulej, u ma hemm ħadd ħliefi. * Mur b’dil-qawwa, u eħles lil Iżrael.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq it-Talba ta’ Sidna, ta’ San Ċiprijanu, isqof u martri.

 

Jitqaddes ismek

 

Xi ħniena din ta’ Alla! Xi mħabba għalina u x’tjieba bla qjies! Irid li, meta nitolbu, insejjħulu Misier, biex aħna wkoll nissejjħu wlied Alla kif Kristu jissejjaħ Iben Alla. Żgur li ħadd minna qatt ma kien jissogra jsejjaħ li Alla Missier, kieku hu stess ma ppermettielniex dan. Niftakru, mela, ħuti għeżież, u nkunu nafu li għandna nġibu ruħna bħala wlied Alla, meta nsejjħu lil Alla Missier, għaliex, jekk aħna ferħana li Alla hu għalina Missier, għandna nfittxu li Alla jkun ferħan bina bħala wliedu.

Għandna ngħixu ħajjitna kollha qisna tempju tal-Mulej, biex kulħadd jara li l-Mulej qed jgħammar fina: għalhekk m’għandna nagħmlu xejn li ma jixraqx lill-Ispirtu, għaliex la bdejna ngħixu ħajja spiritwali, ħajja tas-sema, għandna naħsbu biss fuq dak li hu ta’ l-Ispirtu u nagħmlu biss għemejjel tas-sema. Il-Mulej stess jgħidilna: Min iebbaħni, insebbħu, u min iwarrab lili, ikun imwarrab. U l-Appostlu qaddis fl-ittra tiegħu jikteb: bl-għoli kontu mixtrija: mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom.

Wara dan ngħidu: Jitqaddes ismek. Ma nitolbux li Alla jitqaddes bit-talb tagħna, imma nitolbu li isem Alla jitqaddes fina. Mbagħad b’min jista’ jitqaddes Alla, jekk hu dak li jqaddes, tant li qal: Qaddisin tkunu, għax qaddis jien? Dan nitolbu u dan nixtiequ aħna li tqaddisna fil-Magħmudija tagħna, li l-għemil tajjeb li nbeda fina nwassluh sat-tmiem. Jeħtieġ li nitqaddsu kuljum għaliex, la aħna nidinbu kuljum, irridu kuljum nitnaddfu minn dnubietna bit-tqaddis bla heda tagħna nfusna.

L-Appostlu stess jgħidilna x’inhi din il-qdusija li Alla jagħtina fit-tjieba tiegħu: La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali., la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa ma jirtu s-Saltna ta’ Alla. U minn dawn kienu xi wħud minnkom; imma issa tnaddaftu, tqaddistu, u ġejtu ġġustifikati fl-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu ta’ Alla tagħna. L-Appostlu jgħidilna li tqaddisna fl-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu ta’ Alla tagħna. Aħna nitolbu li dan it-tqaddis jibqa’ fina; anzi lis-Sid u l-Imħallef tagħna, li fejjaqna u tana l-ħajja u li jwissina biex ma nidinbux aktar, aħna nitolbuh bla heda, lejl u nhar, biex iħares fina l-qdusija u l-ħajja ġdida li hu tana.

  

RESPONSORJU Eżek 36:23a. 25a. 26a, 27b; Lev 11:44b

 

R/. Jiena nqaddes ismi l-kbir, u nroxx fuqkom ilma safi, u nagħtikom qalb ġdida, u nqiegħed ruħi ġo fikom; * Ħa timxu skond il-kmandamenti tiegħi, u żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.

V/. Kunu qaddisin, għax qaddis jien. * Ħa timxu skond il-kmandamenti tiegħi, u żżommu l-preċetti tiegħi, u tħarsuhom.

 

TALBA

 

 O Alla, qawwa ta’ min jittama fik, ieqaf magħna li qegħdin insejjħulek, għax aħna bnedmin dgħajfa li mingħajrek ma nistgħu nagħmlu xejn agħtina dejjem l-għajnuna tal-grazzja tiegħek biex inħarsu l-kmandamenti tiegħek, ħalli nogħġbuk fir-rieda u l-għemil tagħna. B’Ibnek Ġesu Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Iż-żerniq fi ġmielu jħabbar

tlugħ ix-xemx, u l-għodwa jsejjaħ;

diġà beda d-dawl imewweġ

u bl-ilwien ilibbes kollox.

 

Kristu, xemx li dejjem twassal

dawlek ħaj fl-ispirtu tagħna,

lilek ngħannu kull filgħodu,

għax għalik imxennqa ruħna.

 

Int l-għerf safi ta’ Missierek,

il-Verb tiegħu li bik tqassam

b’ordni w ġmiel il-ħolqien kollu

b’kull ma fih, tassew ta’ l-għaġeb.

 

Għinna tul ħajjitna nimxu

bħal ulied id-dawl, bla nieqfu,

ħalli nxandru w nuru l-grazzja

tal-Missier bl-għemil, bl-imġiba.

 

Joħroġ safi minn xufftejna

kull ma t-tjieba tnissel f’qalbna,

biex madwarna nxerrdu l-hena,

li hu l-frott sabiħ tal-veru.

 

Glorja lill-Missier fil-għoli,

rebħ lill-Iben, kull tifħir

lill-Ispirtu, kif jistħoqqlu,

issa w dejjem, hekk isir. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Urejt imħabbtek, Mulej, lejn artek; neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek.

 

Salm 84 (85)

 

Wrejt imħabbtek, Mulej, lejn artek; *

reġġajt 'il Ġakobb lura mill-jasar.

Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek; *

ħfirtilhom dnubiethom kollha.

Reġġajt lura l-qilla tiegħek; *

taffejt is-saħna tal-korla tiegħek.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla tas-salvazzjoni tagħna, *

warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.

Se tibqa' għal dejjem tinkorla għalina? *

Se tibqa' għal dejjem tagħdab kontrina?

M'hux int li terġa' tagħtina l-ħajja, *

biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?

Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Ħa nisma' xi jgħid Alla; *

il-Mulej is-sliem ixandar,

għall-poplu u l-ħbieb tiegħu, *

u għal dawk li jafdaw fih.

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu †

għal dawk li jibżgħu minnu, *

biex jgħammar is-sebħ f'artna.

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, *

il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet, *

u l-ġustizzja mis-sema tixref.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu, *

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi, *

u s-sliem fuq il-passi tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Urejt imħabbtek, Mulej, lejn artek; neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek.

Ant. 2: Ruħi billejl tixtieqek, ifittex bil-ħerqa l-ispirtu tiegħi ġo fija.

 

Kantiku Iż 26:1-4, 7-9. 12

 

Għandna belt qawwija; *

bnielha swar u ħitan għas-salvazzjoni tagħna.

Iftħu l-bibien, biex jidħol *

il-poplu ġust li jżomm is-sewwa.

Il-fehma tiegħu sħiħa; *

inti ssaħħaħlu s-sliem, għax fik ittama.

Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem ta’ dejjem *

għax il-Mulej hu l-blata ta' dejjem.

 

It-triq tal-ġust hi dritta; *

lill-ġust int twittilu l-mogħdija.

Fi triq il-ġudizzji tiegħek aħna nistennewk Mulej: *

ismek u t-tifkira tiegħek huma xewqa tar-ruħ.

Ruħi billejl tixtieqek, *

ifittxek bil-ħerqa l-ispirtu tiegħi ġo fija,

għax meta jingħarfu fuq l-art il-ġudizzji tiegħek, *

kull min jgħammar fid-dinja jitgħallem is-sewwa.

Mulej, int tagħtina s-sliem, *

għax kull għemil tagħna għamiltu int għalina.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ruħi billejl tixtieqek, ifittex bil-ħerqa l-ispirtu tiegħi ġo fija.

Ant. 3: Dawwar, Mulej, għal fuqna d-dija ta’ wiċċek.

 

Salm 66 (67)

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna; *

idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek, *

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, †

għax trieġi l-popli bis-sewwa, *

 u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

L-art tat il-frott tagħha; *

iberikna Alla, Alla tagħna!

Iberikna Alla, u tibża' minnu *

l-art kollha, minn tarf għall-ieħor!

Glorja.

 

Ant. 3: Dawwar, Mulej, għal fuqna d-dija ta’ wiċċek.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 4:14-15

 

Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu biex ikun is-Salvatur tad-dinja. Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Alla tiegħi hu l-għajnuna tiegħi: * Jien fih nittama. Alla.

V/. Hu l-kenn u s-salvazzjoni tiegħi. * Jien fih nittama. Glorja. Alla.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Il-Mulej waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni, bħalma kien wiegħed b’fomm il-profeti tiegħu.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Il-Mulej waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni, bħalma kien wiegħed b’fomm il-profeti tiegħu.

 

 PREĊI

 

Kristu kiseb poplu ġdid bis-saħħa ta’ demmu. Nadurawh, u bil-ħrara kollha ngħidulu:

Mulej, ftakar fil-poplu tiegħek.

Sultan u feddej tagħna, ilqa’ t-tifħir li l-Knisja tiegħek qiegħda toffrilek f’din l-għodwa:

- għallimha tagħti glorja bla heda lill-kobor tiegħek.

F’idejk nintelqu, Mulej, għax inti t-tama u l-qawwa tagħna:

- tħalli qatt li jkollna għax ninfixlu.

Ara kemm aħna dgħajfa u fittex għinna:

- mingħajrek ma għandna ħila ta’ xejn.

Ftakar, Missier twajjeb, fil-foqra u l-abbandunati:

- agħmel li din il-ġurnata ma tkunx ta’ piż għalihom, imma ta’ faraġ li jhennihom.

 

Missierna

  

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, il-ħolqien tiegħek hu kollu ġmiel u tajjeb; agħtina li nibdew dan il-jum f’ismek bil-ferħ, u li ntemmuh kollu b’għemejjel ta’ mħabba għalik u għal ħutna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 L-imħabba hija l-milja tal-liġi.

  

Salm 118 (119):97-104

 

XIII (Mem)

 

Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! *

Il-jum kollu ħsiebi fiha.

Il-kmandament tiegħek għal dejjem miegħi; *

jagħmilni egħref mill-għedewwa tiegħi.

Jien nifhem aktar mill-imgħallmin tiegħi kollha, *

għax ħsiebi fil-kmandamenti tiegħek.

Aktar mix-xjuħ jien bil-għaqal, *

għax inħares il-preċetti tiegħek.

 

Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja, *

biex inħares il-kelma tiegħek.

Mid-digrieti tiegħek qatt ma nitbiegħed, *

għax int kont li għallimthomli.

 

Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek! *

Oħla mill-għasel għal fommi.

Jien ksibt id-dehen bil-preċetti tiegħek; *

għalhekk nobgħod kull triq qarrieqa.

 Glorja.

 

Ant.1 L-imħabba hija l-milja tal-liġi.

Ant.2 Mulej, ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem.

 

Salm 73 (74)

 

I

 

Għaliex, o Alla, warrabtna għal dejjem? *

Għaliex tħeġġeġ qilltek

 kontra n-nagħaġ tal-merħla tiegħek?

Ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem, †

it-tribù li int fdejt biex ikun wirtek; *

ftakar f'Sijon, li fuqha bnejt l-għamara tiegħek.

Itla' sal-post li sar ħerba waħda: *

kollox qered l-għadu fis-santwarju.

 

Għajjtu l-għedewwa fil-post tal-laqgħat tiegħek; *

hemm waħħlu l-istendardi tar-rebħa tagħhom.

Bħal dawk li jxejjru l-mannara fl-għoli *

biex iqaċċtu s-siġar minn qalb il-bosk,

hekk huma kissru l-bibien tat-tempju, *

bl-imterqa u l-mazza farrkuhom.

 

Taw in-nar lis-santwarju tiegħek; *

kasbru għalkollox l-għamara tiegħek.

Qalu f'qalbhom: "Ħa nfarrkuhom għalkollox!" *

Ħarqu kull post imqaddes ta' Alla f'artna.

Ma għadniex naraw sinjali mis-sema,

m'hawnx iżjed profeti; *

 ħadd fostna ma jaf kemm se ndumu hekk.

 

Kemm se jdum iżebilħek l-għadu, o Alla? *

Se jibqa' jkasbarlek ismek għal dejjem?

Għaliex qiegħed iżżomm idek lura? *

Għax taħbi f'ħobbok il-leminija tiegħek?

Iżda int, Alla, sultan tiegħi sa mill-qedem; *

int tikseb ir-rebħa fl-art kollha.

 Glorja.

 

Ant.2 Mulej, ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem.

Ant.3 Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek.

 

II

 

Int fridt b'qawwietek il-baħar, *

u sħaqt irjus id-draguni ta' l-ilma.

Int farrakt l-irjus tal-Levjatan, *

u tajtu b'ikel lil klieb il-baħar.

Int ftaħt għejun u widien, *

u nixxift xmajjar dejjem għaddejja.

Tiegħek il-jum u tiegħek il-lejl; *

il-kwiekeb u x-xemx int għamilthom.

Int ħażżejt it-truf kollha ta' l-art; *

is-sajf u x-xitwa inti ħlaqthom.

 

Ftakar, Mulej, kif qiegħed ikasbrek l-għadu, *

kif il-boloh qegħdin iżebilħu ismek.

Titlaqx lill-bhejjem lil min ifaħħrek; *

tinsiex għal dejjem il-ħajja tal-fqajrin tiegħek.

Żomm quddiem għajnejk il-patt tiegħek, *

għax l-art mimlija dlamijiet u qerq.

 

Tħallix l-imgħakkes fil-mistħija, *

biex il-fqajjar u l-imsejken ifaħħru ismek.

Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek; *

ftakar kif l-iblah qiegħed ikasbrek il-ħin kollu.

 

Tagħlaqx widnejk

għall-għajat ta' l-għedewwa tiegħek, *

 għall-ħsejjes bla heda ta' min jeħodha miegħek.

 Glorja.

 

Ant.3 Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 22:3

 

Agħmlu l-ħaqq u s-sewwa, u eħilsu l-maħqur minn id min jaħqru; tgħakksux il-barrani, l-iltim u l-armla, u tagħmlu deni lil ħadd; u xxerdux demm bla ħtija.

 

 V/. Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja.

 R/. Jiġġudika l-popli bis-sewwa.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, f’din is-siegħa tal-ġurnata int sawwabt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli; ibgħat fuqna wkoll l-istess Spirtu ta’ l-imħabba, biex b’fedeltà sħiħa nixhdu għalik quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 15:7-8

 

Jekk wieħed minn ħutek isib ruħu fil-faqar f’xi belt tiegħek fl-art li tak il-Mulej, Alla tiegħek, la twebbisx qalbek għal ħuk il-fqir u tagħlaqx idek għalih, imma iftaħ idek sewwa għalih u isilfu kemm ikun biżżejjed għall-ħtiġiet tiegħu.

 

 V/. It-talba ta’ l-imsejknin smajtha, Mulej.

 R/. Int taqtgħalhom ix-xewqa ta’ qalbhom.

 

Talba

 

O Alla, int għarraft lil Pietru l-pjan li għamilt biex issalva l-ġnus; fit-tjieba tiegħek, agħtina li nkunu nogħġbuk f’dak kollu li nagħmlu, u għinna bil-grazzja tiegħek biex ilkoll naqduk skond il-ħsieb ta’ l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Prov 22:22-23

 

Tisraqx lill-fqir, għax fqir hu, u taħqarx lill-imsejken f’bieb il-belt, għax il-Mulej jieħu f’idejh il-kawża tagħhom, u jaħtaf il-ħajja ta’ min jaħtaf lilhom. .

 

 V/. Il-Mulej jeħles lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.

 R/. Il-ħajja tal-fqajrin isalva.

 

Talba

 

O Alla, int bgħatt l-anġlu tiegħek lil Kornelju ċ-ċenturjun biex jurih it-triq tas-salvazjoni; agħtina l-grazzja li nħabirku minn qalbna għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, biex flimkien magħhom nimxu fil-Knisja tiegħek sa ma naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Sid bla qjies, int ġbart f’post wieħed

l-ilmijiet ta’ taħt is-sema,

u qegħedtilhom it-truf tagħhom

biex tagħżilhom mill-art niexfa.

 

F’dan it-tielet jum, il-ħxejjex

nibtu taħt idejk setgħana,

biż-żerriegħa, skond il-għamla

ta’ kull siġra bil-frott tagħhom.

 

Hekk, Mulej, bil-grazzja tiegħek,

saqqi llum lil ruħna niexfa

bid-dmugħ safi ta’ l-indiema,

ħalli tagħti frott l-imħabba.

 

Tiha l-qawwa, sabiex tisma’

minnek biss, u l-ħażen taħrab;

tfittex l-hena tagħha f’ġidek,

li mill-mewt iżommha ħielsa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej hu madwar il-poplu tiegħu.

 

Salm 124 (125)

 

Min jitma fil-Mulej hu bħall-għolja ta' Sijon, *

li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.

Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *

hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,

 minn issa u għal dejjem.

Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena

fuq l-art, wirt il-ġusti, *

 biex ma jiġrix li l-ġusti

jmiddu idejhom għall-ħażen.

 

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *

u lil dawk ta' qalbhom safja.

Imma 'l dawk li jgħawwġu triqthom †

jitlaqhom il-Mulej ma' dawk li jagħmlu l-ħażen. *

Sliem għal Iżrael!

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Il-Mulej hu madwar il-poplu tiegħu.

Ant. 2: Jekk ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet.

 

Salm 130 (131)

 

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *

anqas ma ntrefgħu għajnejja;

jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *

jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

 

Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, *

bħal tarbija f'ħoġor ommha;

bħal tarbija miftuma, *

hekk hi ruħi ġewwa fija.

 

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *

minn issa u għal dejjem!

 Glorja.

 

Ant. 2: Jekk ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet.

Ant. 3: Mulej, għamiltna għal Alla tagħna saltna u qassisin.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

 l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

 ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

 u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

 bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

 li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

 l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

 l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Mulej, għamiltna għal Alla tagħna saltna u qassisin.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 12:9-12

 

Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor, taħmlux il-ħażen; żommu mat-tajjeb. Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; żommu wieħed lill-ieħor akbar minnkom fil-ġieħ. Tħallux il-ħerqa tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, aqdu l-Mulej; kunu ferħanin fit-tama tagħkom, kollkom sabar fl-hemm, itolbu bla waqfien.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Mulej, għal dejjem * Tibqa’ l-kelma tiegħek. Mulej.

V/. Il-fedeltà tiegħek minn nisel għal nisel. * Tibqa’ l-kelma tiegħek. Glorja. Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi.

 

PREĊI

 

Alla jżomm lill-poplu tiegħu sħiħ fit-tama tal-ġid li wiegħdu. Nistqarru ferħana u ngħidu:

Mulej, inti t-tama tal-poplu tiegħek.

Niżżuk ħajr, Mulej, għax stagħnejna f’kollox:

- magħqudin miegħu, aħna mtlejna b’kull don ta’ kliem u għerf.

O Alla, li f’idejk jinsabu l-qlub tas-setgħana, żejjen b’għerfek il-mexxejja tan-nazzjonijiet:

- agħmel li jfittxu d-dawl tiegħek biex jaqdu dmirijiethom, ħalli jogħġbu lilek fil-ħsieb u fl-għemil.

Int tqanqal l-imgħallmin f’kull xorta ta’ arti biex bid-dehen u l-ħila tagħhom jagħtuna ħjiel ta’ ġmielek;

- permezz ta’ l-opri tagħhom wassal f’kull rokna tad-dinja r-raġġi qawwija tat-tama u l-ferħ.

Int ma tħalliniex niġġarrbu aktar milli nifilħu:

- qawwi lil min hu dgħajjef u qajjem lil min waqa’.

Int wegħedtna l-qawmien mill-imwiet b’Ibnek fl-aħħar jum:

- tinsiex għal dejjem lil ħutna li ħarġu minn did-dinja.

 

Missierna

 

Talba

 

Jitla’ quddiem it-tjieba tiegħek, Mulej, dan it-talb tagħna ta’ filgħaxija, u tinżel fuqna l-barka tiegħek, biex bl-għajnuna tiegħek inkunu salvi issa u għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

  

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.