Stampa t-test kollu ...


IS-SIBT

TAS-VII ĠIMGĦA TAL-GĦID

 

Salmodija tas-Sibt tat-III ġimgha

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

O Sultan etern u għoli,

li ħennejt għalina w fdejtna,

inti qridt il-mewt għal dejjem,

bik il-grazzja t’Alla rebħet

 

Tlajt glorjuż fil-leminija

tal-Missier, li tak is-setgħa

fuq il-ħlejjaq kollha tiegħu,

saltna li m’hijiex tad-dinja.

 

Hekk, Mulej, quddiemek jinżel

għarkubbtejh kulħadd: fis-sema,

fl-art, f’qiegħ l-art għemilek kollu

jadurak fil-biża’ tiegħek.

 

L-anġli mqaddsa jħarsu mriegħda

lejn ulied Adam mibdula:

jagħti l-bniedem, jifdi l-bniedem,

Alla jsaltan magħmul bniedem.

 

O Mulej, sultan tal-ħlejjaq,

li m’hemmx hena ieħor ħliefek,

kun hawnhekk il-ferħ ta’ qalbna,

kif għad tkun il-premju tagħna.

 

Nitolbuk, għalhekk, tagħtina

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

u bil-grazzja tiegħek għinna

nerfgħu ħsiebna lejn is-sema.

 

Meta fl-aħħar terġa’ tiġi

fuq is-sħab, imħallef tagħna,

tħallasniex kif jistħoqqilna,

iżda tina s-sebħ li tlifna.

 

Tifħir lilek, Kristu Sidna,

int li tlajt glorjuż fis-sema;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin, hallelujah.

 

Salm 106 (107)

 

I

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħa jgħidu hekk il-mifdijin tal-Mulej, *

dawk li hu fdiehom mill-ħakma ta' l-għadu;

ġabarhom minn ħafna artijiet, *

mill-lvant u l-punent, mit-tramuntana u n-nofsinhar.

Kienu jiġġerrew fid-deżert, †

u jterrqu fix-xagħri; *

belt fejn jgħammru ma sabux.

Bil-għatx u bil-ġuħ, *

saħħithom bdiet tħallihom.

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U qabbadhom it-triq it-tajba, *

biex imorru f'belt fejn jgħammru.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Għaliex hu jxebba' lil min hu bil-għatx, *

u jimla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ.

 

Kienu fid-dlam u f'dell il-mewt, *

miżmuma fl-għaks u l-ktajjen,

għax ħaduha kontra l-kelma ta' Alla, *

u warrbu l-ħsieb ta' l-Għoli.

Għalhekk b'xogħol iebes għakkishom; *

waqgħu mitluqa bla ma sabu għajnuna.

 

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U ħariġhom mid-dlam u minn dell l-mewt, *

u kisser il-ktajjen tagħhom.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Kisser il-bwieb tal-bronż, *

 u qasam l-istaneg tal-ħadid.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin, hallelujah.

Ant. 2: Huma raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu, hallelujah.

 

II

 

Infnew minħabba l-imġiba ħażina tagħhom; *

sofrew minħabba ħżunithom.

 

L-ikel kien jiġihom ħażin; *

kienu waslu sa wara bieb il-mewt. 

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

Bagħat il-kelma tiegħu u fejjaqhom, *

u ħelishom mit-telfien.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

U joffrulu sagrifiċċji ta' radd il-ħajr, *

u jxandru l-għemejjel tiegħu b'għana ferrieħi.

 

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna, *

li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,

raw l-opri tal-Mulej *

u l-għeġubijiet tiegħu f'qiegħ il-baħar.

Hu ordna u qajjem riefnu, *

li qanqal imwieġ il-baħar. 

Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar; *

qalbhom bdiet tferfer bil-biża'.

Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra, *

u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

 

U bidel ir-riefnu f'żiffa, *

u sikket mewġ il-baħar.

Huma ferħu għax ibbnazza; *

u hu wassalhom sal-port li xtaqu.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Ikabbruh fil-ġemgħa tal-poplu, *

u jfaħħruh fil-laqgħa tal-kbarat.

 Glorja.

 

Ant. 2: Huma raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu, hallelujah.

Ant. 3: Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u jifhmu t-tjieba tal-Mulej, hallelujah.

 

III

 

Hu jbiddel ix-xmajjar f'deżert, *

u n-nixxigħat f'art niexfa.

Art tajba jibdilha f'art mielħa, *

minħabba l-ħażen ta' dawk li jgħixu fiha. 

Hu jbiddel id-deżert f'għadajjar, *

u l-art niexfa f'nixxigħat ta' l-ilma.

 

Hemmhekk lill-imġewwħin jagħtihom fejn jgħammru; *

u huma jibnu l-belt fejn joqogħdu. 

Jiżirgħu r-raba' u jħawwlu d-dwieli, *

u jiġbru ħafna frott.

Hu jberikhom u joktru ħafna, *

ma jnaqqsilhomx l-imrieħel tagħhom.

 

Jekk jiġu li jonqsu u jintelqu, *

magħkusa mill-hemm u mill-għali,

hu jixħet it-tmaqdir fuq il-kbarat, *

u jitlaqhom jiġġerrew f'deżert bla triqat. 

Imma joħroġ mill-hemm lill-imsejkna, *

u jkattrilhom bħal merħla 'l nieshom.

Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, *

u l-ħżiena kollha jagħlqu ħalqhom.

 

Min hu bil-għaqal iżomm dan f'moħħu, *

u jifhem it-tjieba tal-Mulej.

Glorja.

 

Ant. 3: Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u jifhmu t-tjieba tal-Mulej, hallelujah.

 

V/. Alla tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja, hallelujah.

R/. Bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, hallelujah.

 

Qari tat-Tielet Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Nimxu fis-sewwa

 

Il-presbiteru, lil Gaju l-għażiż, li jiena nħobb fis-sewwa. Għażiż, nitlob lil Alla li kollox imurlek tajjeb u li tkun f'saħħtek, l-istess bħalma inti sejjer tajjeb f'ruħek. Fraħt ħafna b'dawk l-aħwa li ġew u taw xhieda tal-ħajja sewwa tiegħek; kif inti miexi fil-verità. Ngħid għalija, ma nafx b'ferħ akbar minn dak li nħoss meta nisma' li wliedi mexjin fil-verità. 

Int, għażiż, qiegħed iġġib ruħek bħala bniedem tal-fidi f'dak li qiegħed tagħmel għal ħutna, mqar meta jkunu barranin. Huma xehdu dwar l-imħabba tiegħek quddiem il-Knisja. Tagħmel sew jekk tieqaf magħhom fil-vjaġġi tagħhom kif jixraq lis-servizz ta' Alla. Għax jekk dawn siefru, dan għamluh għall-isem ta’ Ġesù, bla ma ħadu xejn mingħand il-pagani. Mela nies bħal dawn aħna fid-dmir li nilqgħuhom, ħalli b'hekk nissieħbu magħhom fil-ħidma għat-tixrid tal-verità. 

Jien ġa ktibt xi ħaġa lill-Knisja, imma Djotrefi, dak li jħobb jaqbeż lil kulħadd, ma riedx jilqa' l-kelma tagħna. Għalhekk, jekk niġi, nurih kull ma qiegħed jagħmel, it-tpaċpiċ żejjed u l-kliem ħażin li qiegħed jgħid fuqna. U mhux kuntent b'dan, anqas lill-aħwa ma jilqa', u anqas ma jħalli lil dawk li jkunu jridu jilqgħuhom; imma jkeċċihom 'il barra mill-Knisja.

Għażiż, timxix fuq il-ħażin, imma fuq it-tajjeb. Min jagħmel it-tajjeb ġej minn Alla; min jagħmel il-ħażin ma rax lil Alla.

Demetriju għandu x-xhieda tiegħu minn kulħadd, sa mill-istess verità. U aħna wkoll nixhdu għalih, u inti taf li x-xhieda tagħna hija vera.

 

 RESPONSORJU 3 Ġw 11; 1 Piet 2:19

 

R/. Timxix fuq il-ħażin imma fuq it-tajjeb. * Min jagħmel it-tajjeb ġej minn Alla, hallelujah.

V/. Din hi grazzja li wieħed ibati bla ħtija għal Alla u jieħu bis-sabar it-tbatija. * Min jagħmel it-tajjeb ġej minn Alla, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ Awtur Afrikan tas-seklu sitta

 

Il-Knisja waħda titkellem bl-ilsna kollha

 

 Tkellmu bl-ilsna kollha: hekk għoġob lil Alla biex juri li l-Ispirtu s-Santu kien f’dawk li fihom issawwab: ried li jitkellmu bl-ilsna kollha. Qiegħed ngħid dan, ħuti għeżież, għaliex jeħtieġ li nkunu nafu li dan hu l-Ispirtu s-Santu, li permezz tiegħu tissawwab fina l-imħabba ta’ Alla.

 Hi l-Imħabba ta’ Alla li tiġbor f’xirka waħda ta’ mħabba l-Knisja ta’ Alla mid-dinja kollha; għalhekk, jekk bniedem wieħed li rċieva l-Ispirtu s-Santu seta’ jitkellem bl-ilsna kollha, illum il-Knisja kollha miġbura f’xirka waħda mill-Ispirtu s-Santu titkellem bl-ilsna kollha.

 Mela jekk xi ħadd ifettillu jgħid lil xi wieħed minna: “Inti rċevejt l-Ispirtu s-Santu: mela għaliex inti ma titkellimx l-ilsna kollha?”, dan għandu jwieġbu hekk: “Jiena nitkellimhom l-ilsna kollha, imma bħala membru tal-ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja, li titkellem bl-ilsna kollha. Għaliex x’ried ifisser Alla bl-għoti ta’ l-Ispirtu s-Santu jekk mhux li l-Knisja kollha titkellem b’kull ilsien?”

 Seħħ mela dak li kien wiegħed il-Mulej: Ħadd ma jqiegħed l-inbid ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, iżda nbid ġdid iqegħduh f’damiġġjani ġodda, u hekk iżommhom it-tnejn.

 Meta lill-Appostli, nhar Għid il-Ħamsin, xi wħud semgħuhom jitkellmu bl-ilsna kollha, qalu: Dawn xorbu nbid ġdid. Kienu saru damiġġjani ġodda, imġedda bil-grazzja tal-qdusija, biex, bħala nbid ġdid, jiġifieri mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, kollhom ħeġġa jitkellmu bl-ilsna kollha, u hekk juru, b’miraklu ta’ l-għaġeb, li l-Knisja kellha tixtered fost il-ġnus kollha li jitkellmu kull ilsien.

 Niċċelebraw mela dan il-jum bħala membri tal-ġisem wieħed ta’ Kristu. Iċ-ċelebrazzjoni tagħna ma tkunx għalxejn jekk aħna tassew dak li qegħdin niċċelebraw, jiġifieri ħaġa waħda mal-Knisja li l-Mulej jagħrafha bħala l-Knisja tiegħu hu u jimlieha bl-Ispirtu s-Santu, u hi tagħrfu bħala l-Għarus tagħha, hu u tixtered mad-dinja kollha. L-Għarus ma tilifx l-Għarusa tiegħu: ħadd ma tah oħra f’lokha.

 Lilkom ilkoll li tinsabu fost il-ġnus kollha tad-dinja, jiġifieri lilkom li intom il-Knisja ta’ Kristu, il-membri ta’ Kristu, il-ġisem ta’ Kristu, l-Għarusa ta’ Kristu, lilkom l-Appostlu jgħidilkom: Stabru b’xulxin fl-imħabba u ħabirku biex iżżommu Spirtu wieħed fir-rabta tas-sliem.

 Araw! Meta San Pawl jgħidilna nistabru b’xulxin, isemmgħalna l-imħabba, u meta semma’ t-tama ta’ l-għaqda tkellem fuq ir-rabta tas-sliem. Din hi d-dar ta’ Alla, mibnija b’ġebel ħaj, fejn jogħġbu jgħammar Missier hekk kbir: quddiemu qatt m’għandu jidher it-tiġrif tal-firda.

 

RESPONSORJU ara Atti 15:8-9; 11:18b

 

R/. Alla, li jagħraf il-qlub, ta l-Ispirtu s-Santu lill-pagani bħalma tah lilna; * Ma għamel ebda għażla bejna u bejnhom, imma saffielhom qalbhom bil-fidi, hallelujah.

V/. Mela Alla lill-pagani wkoll tahom l-indiema li twassal għall-ħajja. * Ma għamel ebda għażla bejna u bejnhom, imma saffielhom qalbhom bil-fidi, hallelujah.

 

TALBA

 

 Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li, bil-grazzja tiegħek, inġibu ruħna kif jixraq lill-festi ta’ l-Għid, li f’dawn il-ġranet iċċelebrajna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

B’ferħ tassew il-Knisja tilqa’

dan il-jum qaddis u mbierek,

li jfakkarna t-tlugħ fis-sema

tal-Mulej, it-tama tagħna.

 

B’rebħa kbira fuq il-għadu,

Kristu tela’ ‘l fuq fil-għoli,

u quddiem Missieru daħal

b’ġisem veru, mimli glorja.

 

Sħaba kollha dawl ħbithulna,

biex il-fidi tqawwi t-tama,

għaliex issa d-dar miftuħa

li Adam bid-dnub kien għalaq.

 

Tifraħ l-art u jgħanni s-sema!

Bin il-Verġni, nisel tagħna,

wara swat, salib u difna,

reġa’ ngħaqad ma’ Missieru.

 

Niżżuħ ħajr għax, biex jurina

li hu salva l-bniedem kollu,

tella’ miegħu wkoll il-ġisem

u qagħad bih fit-tron tas-saltna.

 

L-istess ferħ għalhekk qed naqsmu

aħna llum mar-rwieħ tas-sema,

għax jekk Kristu tela’ ħdejhom,

iżda ma nfiridx minn magħna.

 

Int li tlajt fis-sebħ ta’ darek,

o Ġesù, lejk erfa’ qlubna;

sawwab, kif wegħedt, l-Ispirtu

tal-Missier u tiegħek fuqna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja, hallelujah.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

 irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja, hallelujah.

Ant. 2: Mulej, inti bnejt it-tempju u l-artal fuq il-muntanja qaddisa tiegħek, hallelujah.

 

Kantiku Għerf 9:1-6. 9-11

 

Alla ta' missirijieti, Sid il-ħniena, *

bil-kelma tiegħek int li għamilt kollox;

b’għerfek sawwart il-bniedem, *

biex jaħkem fuq il-ħlejjaq li int għamilt,

biex irieġi d-dinja bil-qdusija u s-sewwa, *

u jaqta’ l-ħaqq b'fehma sinċiera.

Agħtini l-għerf li qiegħed ħdejn it-tron tiegħek, *

u twarrabnix minn fost il-qaddejja tiegħek.

Għax jien qaddej tiegħek, †

bin il-qaddejja tiegħek, *

bniedem dgħajjef li jintemm qasir il-għomor,

bniedem li m’għandux ħila jifhem *

il-ħaqq u l-liġijiet tiegħek.

Għax ukoll min hu perfett fost il-bnedmin, *

jekk jonqsu l-għerf, li jiġi minnek,

 jitqies bħax-xejn.

Miegħek hu l-għerf, li jaf l-għemejjel tiegħek; *

hu kien miegħek int u tagħmel id-dinja;

huwa jaf x'inhu dak li jogħġob lilek, *

x’inhu s-sewwa skond il-kmandamenti tiegħek.

Ibgħat l-għerf mis-smewwiet imqaddsa, *

ibagħtu mit-tron glorjuż tiegħek,

biex jieqaf miegħi fit-tħabrik tiegħi, *

ħa nkun naf sewwa x’inhu li jogħġob lilek;

għax huwa kollox jaf u kollox jifhem †

f’kull ma nagħmel imexxini bl-għaqal, *

u bil-glorja tiegħu jħarisni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, inti bnejt it-tempju u l-artal fuq il-muntanja qaddisa tiegħek, hallelujah.

Ant. 3: Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja, hallelujah.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli kollha.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 3: Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 14:7-9

 

 Ħadd ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej. Mela sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien, hallelujah.

 

PREĊI

 

Aħna, li tgħammidna bl-Ispirtu s-Santu, ningħaqdu ma’ l-imgħammdin kollha biex nagħtu glorja lil Sidna bit-talb tagħna, u ngħidulu:

Mulej Ġesù, qaddisna bl-Ispirtu tiegħek.

Mulej, ħejjina għad-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu:

- biex bihom nistqarru quddiem kulħadd li int Sidna u s-Sultan tagħna.

Fittex ibagħtilna l-Ispirtu ta’ mħabbtek:

- biex ninħabbu bejnietna bħal aħwa.

Agħtina l-Ispirtu s-Santu, li hu l-għajn ta’ kull ferħ:

- ħa jżommna hienja fis-sliem u l-paċi ma’ kulħadd.

Sawwab fuqna l-Ispirtu tiegħek, li minnu ġejja kull qawwa:

- ħa jwettaq fina s-siġill tad-don tiegħu li ħadna fis-sagrament tal-griżma.

 

Missierna

Talba

 

 Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li, bil-grazzja tiegħek, inġibu ruħna kif jixraq lill-festi ta’ l-Għid, li f’dawn il-ġranet iċċelebrajna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

Salm 118 (119):121-128

 

XVI (Għajn)

 

Jien għamilt il-ħaqq u s-sewwa; *

titlaqnix f'idejn dawk li jaħqruni.

Serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid; *

tħallix li l-kburin jgħakksuni.

 

Għejew għajnejja jistennew is-salvazzjoni tiegħek, *

u l-wegħda tal-ġustizzja tiegħek.

Imxi mal-qaddej tiegħek skond it-tjieba tiegħek, *

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen, *

biex nagħraf il-preċetti tiegħek.

Issa l-waqt li tindaħal, Mulej, *

għax kisru l-liġi tiegħek.

 

Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek, *

aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.

Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek, *

u nobgħod kull triq qarrieqa.

 Glorja.

 

Salm 33 (34)

 

I

 

Kull ħin inbierek il-Mulej; *

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *

ħa ngħollu ismu flimkien.

 

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *

u ma jkollkomx għax tistħu.

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses *

madwar dawk li jibżgħu minnu,

 u jeħlishom.

 

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 Glorja.

 

II

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili; *

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, *

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 

Ħares ilsienek mill-ħażen, *

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena, *

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †

u l-Mulej jismagħhom; *

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, *

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha, *

ebda waħda ma titkissirlu.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 5:10-11

 

Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm aktar issa li aħna ħbieb miegħu nsalvaw permezz tal-ħajja tiegħu! Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu issa ksibna l-ħbiberija ma’ Alla.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 15:20-22

 

Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li raqdu. Għaliex jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.

 

 V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 5:14-15

 

L-imħabba ta’ Kristu ssuqna, lilna li nafu li wieħed miet għal kulħadd; mela miet kulħadd. U hu miet għal kulħadd, sabiex dawk li jgħixu jgħixu mhux għalihom infushom iżda għal dak li miet u rxoxta minħabba fihom.

 

 V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li, bil-grazzja tiegħek, inġibu ruħna kif jixraq lill-festi ta’ l-Għid, li f’dawn il-ġranet iċċelebrajna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.