Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


IS-SEBA’ ĦADD MATUL IS-SENA

Salmodija tal-Ħadd tal-III ġimgħa

L-1 Għasar

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Riesaq il-lejl, Mulejja,

bil-wegħda tal-mistrieħ;

ġa beda s-sema jħammar

fi nżul ix-xemx sabiħ!

 

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb

fil-għoli tas-smewwiet;

dalwaqt il-ħajja torqod,

kull ħoss imut fis-skiet.

 

Inti, li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred fi qlubna s-sliem.

 

Jagħtuk kull ġieħ il-ħlejjaq,

Mulej, għax int ħanin,

u tridna lkoll madwarek

fix-xirka tal-henjin. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:   Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha jkun imfaħħar isem il-Mulej!

 

Salm 112 (113)

 

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *

faħħru isem il-Mulej.

Ikun imbierek isem il-Mulej, *

minn issa u għal dejjem! 

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *

ikun imfaħħar isem il-Mulej!

 

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *

ogħla mis-smewwiet hu sebħu.

 

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, †

li qiegħed fl-għoli? *

Hu li jħares 'l isfel, lejn is-smewwiet

u lejn l-art.

 

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *

u jerfa' mill-miżbla l-fqajjar,

biex mal-kbarat iqiegħdu, *

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

Il-mara bla wlied iqegħedha f'darha, *

jagħmilha omm ferħana b'uliedha.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ g!al dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1:  Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha jkun imfaħħar isem il-Mulej! 

Ant. 2:  Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Salm 115 (116B)

 

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: *

"Jiena mdejjaq ħafna!"

Jien għedt fin-niket tiegħi: *

"Qarrieq hu kull bniedem."

 

Xi nrodd lill-Mulej *

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f'għajnejn il-Mulej *

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek, *

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi.

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej, *

ġo nofsok, Ġerusalemm!  

  Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2:  Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ.

Ant. 3:  Il-Mulej Ġesù ċekken lilu nnifsu, u għalhekk Alla għollieh fil-glorja għal dejjem.

 

Kantiku (Fil 2, 6-11)

 

Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla, *

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

imma tneżża’ minn kollox,

billi ħa n-natura ta’ lsir, †

   sar jixbah lill-bniedem *

   u deher minn barra bħala bniedem:

Ċekken lilu nnifsu, †

billi obda sal-mewt, *

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù, †

fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr: †

“Ġesù Kristu hu l-Mulej *

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Glorja.

 

Ant. 3:  Il-Mulej Ġesù ċekken lilu nnifsu, u għalhekk Alla għollieh fil-glorja għal dejjem.  

 

 

LEZZJONI QASIRA   Lhud 13:20-21

 

 Alla tas-sliem, li bis-saħħa tad-demm tal-patt ta’ dejjem qajjem mill-imwiet lil Sidna Ġesù, li hu r-Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ, iwettaqkom f’kull ħaġa tajba biex tagħmlu r-rieda tiegħu; ħa jagħmel fina hu dak li jogħġob lilu, b’Ġesù Kristu, li lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/.  Kemm huma kbar, Mulej, * L-għemejjel tiegħek. Kemm.

V/.  Kollha bl-għerf għamilthom. * L-għemejjel tiegħek. Glorja. Kemm.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Ħobbu l-għedewwa tagħkom, itolbu għal dawk li jippersegwitawkom biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet.

 

Sena B

Ħadu quddiem Ġesù wieħed mifluġ. Meta ra l-fidi tagħhom qal lill-mifluġ: “Ibni, dnubietek maħfura”.

 

Sena Ċ

Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll għamlu intom lilhom.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Ħobbu l-għedewwa tagħkom, itolbu għal dawk li jippersegwitawkom biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet.

 

Sena B

Ħadu quddiem Ġesù wieħed mifluġ. Meta ra l-fidi tagħhom qal lill-mifluġ: “Ibni, dnubietek maħfura”.

 

Sena Ċ

Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll għamlu intom lilhom.

 

PREĊI

 

Kristu ġietu ħasra mill-poplu bil-ġuħ, u għamel l-għeġubijiet ta’ mħabbtu għalihom għalihom. Bit-tifkira ta’ dan quddiem għajnejna, nitolbuh bil-qalb u ngħidulu:

   Mulej, uri l-imħabba tiegħek għalina.

Nistqarru b’radd ta’ ħajr, Mulej, li l-ġid kollu li llum irċevejna tajthulna int fit-tjieba tiegħek:

- agħmel li dan il-jerġax lura għandek b’xejn, imma jibqa’ f’qalbna qisu f’art tajba biex jagħmel il-frott.

Kristu, inti d-dawl u s-salvazzjoni tal-ġnus:

- ħares ix-xhieda tiegħek li bgħatt fid-dinja u żomm in-nar ta’ l-Ispirtu mixgħul fihom.

Agħmel li l-bnedmin kollha jħabirku biex id-dinja tilbes dejjem is-sura li tixraq lid-dinjità għolja tagħha:

- mexxihom int biex iwieġbu bil-ġenerożità għall-bżonnijiet urġenti ta’ żminijietna.

Int , it-tabib tar-ruħ u l-ġisem, qajjem  lill-morda u ieqaf mal-moribondi:

- żur u ġedded lilna wkoll bit-tjieba tiegħek.

Ħenn għal ħutna l-mejtin li għandhom ismijiethom fil-ktieb tal-ħajja:

- agħtihom sehem mal-qaddisin fl-hena tas-sema.

 

Missierna

Talba

 

  Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li naħsbu dejjem fis-sewwa, u li, bil-kliem u l-għemil, nagħmlu dak li jogħġob lilek.  B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, 

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, 

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi. 

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, 

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha, 

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1:  Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

  Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1:  Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2:  Bierku l-Mulej fil-ljieli.

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2:  Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA   Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom  fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se  timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU  Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.  R/.  Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb. 

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda 

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/.  Mulej, iftaħli xufftejja.

R/.  U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant.  Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant.  Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant.  Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant.  Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant.  Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant.  Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

  U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant.  Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Dan huwa l-jum li fih ingħata bidu

lill-univers li jgħaxxaq bil-ġmiel tiegħu;

fih il-Ħallieq ħareġ rebbieħ fuq mewtu

u radd il-ħajja lilna.

 

Għalhekk inqumu ħfief mir-raqda tagħna

u ma nħallux in-nagħas jorbotna żżejjed;

fil-ħinijiet ħemdin tal-lejl nitolbu

aħjar lil Alla Sidna.

 

Fit-tjieba tiegħu jisma’ talbna, wliedu,

imidd il-leminija tiegħu fuqna,

u minn kull tebgħa ta’ ħtijiet jaħsilna

bid-demm tal-Ħaruf tiegħu.

 

Il-ħin tal-lejl hu ħin qaddis għalina;

‘il bogħod mill-ħamba ta’ binhar ninġabru

aktar fis-sliem, nistgħallu l-ferħ u l-hena

tad-doni sbieħ tas-sema.

 

Insebbħu t-Trinità ta’ Alla wieħed,

ġieħ lill-Missier, tifħir ‘l Ibnu l-Waħdieni,

ħajr lill-Ispirtu s-Santu, Faraġ tagħna,

illum, kuljum u dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:   Kuljum irrid inbierkek, Mulej, hallelujah.

Salm 144 (145)

 

I

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, *

u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.

Kuljum irrid inbierkek, *

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.

 

Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna, *

bla tarf il-kobor tiegħu.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, *

u s-setgħa tiegħek ixandru.

 

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,  *

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.

Il-qawwa ta' l-għemejjel tiegħek tal-biża' jxandru; *

u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, *

jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej, *

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej, *

tjubitu fuq kull ma għamel.

  Glorja.

 

Ant. 1:   Kuljum irrid inbierkek, Mulej, hallelujah.

Ant. 2:  Saltnatek, Mulej, hi saltna għaż-żminijiet kollha, hallelujah.

 

II

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej; *

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, *

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,

biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek, *

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, *

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.

  Glorja.

 

Ant.2:  Saltnatek, Mulej, hi saltna għaż-żminijiet kollha, hallelujah.

Ant.3:  Twajjeb il-Mulej f’dak kollu li għamel, hallelujah.

 

III

 

Ta' kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej 'il kull min se jaqa', *

iqajjem 'il kull min hu mitluq.

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, *

u inti tagħtihom l-ikel f'waqtu.

Int tiftaħ idek, *

u xxabba' 'l kulħadd bil-ġid.

 

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, *

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.

Jaqtgħalhom xewqthom 'il dawk li jibżgħu minnu, *

jisma' l-għajta tagħhom, u jsalvahom.

Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, *

imma lill-ħżiena kollha jeqridhom.

 

Tifħir il-Mulej ixandar fommi; †

u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu *

għal dejjem ta' dejjem!

  Glorja.

 

Ant. 3: Twajjeb il-Mulej f’dak kollu li għamel, hallelujah.

 

 

V/.  Ibni, agħti widen għal kliemi.

R/.  Iftaħ widnejk għal dak li ngħid jien.

 

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Koħelet   Koħ 1:1-18

 

Il-frugħa ta’ kollox

  Kliem Koħelet, bin David, sultan f’Ġerusalemm.

  O frugħa tal-frugħat

-   jgħid Koħelet –

o frugħa tal-frugħat! Kollox hu frugħa!

Il-bniedem xi qligħ għandu

mit-taħbit kollu tiegħu u jġarrab taħt ix-xemx?

  Ġenerazzjoni tmur u oħra tiġi,

imma l-art tibqa’ għal dejjem.

Ix-xemx titla’, ix-xemx tinżel,

u tgħaġġel lejn mnejn titla’.

Jonfoħ ir-riħ lejn nofsinhar, u lejn it-tramuntana jdur,

u jerġa’ lura lejn it-tidwir tiegħu.

Ix-xmajjar kollha lejn il-baħar jiġru,

iżda ma jimteliex il-baħar bihom;

lejn mnejn ikunu bdew il-mixja tagħhom,

hemmhekk mill-ġdid ix-xmajjar jerġgħu jmorru.

  Kollox fih it-taħbit tiegħu,

u dan il-bniedem ma jasalx li jfissru;

l-għajn ma tixbax tara,

u ma timtela qatt bis-smigħ il-widna.

Dak li ġa sar hu dak li għad isir,

li ġara huwa dak li għad jiġri;

xejn ġdid m’hemm taħt ix-xemx.

Tinsab xi ħaġa li fuqha tista’ tgħid:

“Ara! Din ħaġa ġdida”?

Dil-ħaġa diġa kienet fiż-żminijiet qabilna.

La dak li sar qabilna ma niftakru,

lanqas jiftakru dak li jsir warajna.

  Jien, Koħelet, kont Ġerusalemm insaltan fuq iżrael. U tajt ruħi biex infittex u nistħarreġ bl-għerf dak kollu li jsir taħt is-sema. Biċċa xogħol iebsa din li Alla ta ‘l ulied il-bnedmin biex ikollhom x’jagħmlu. Rajt l-għemejjel kollha li jsiru taħt ix-xemx, u ara x’sibt: Kollox frugħa u ġiri wara r-riħ.

  L-imgħawweġ ma tistax iġġibu dritt,

u n-nieqes ma tistax issib tarfu.

  Għedt bejni u bejn ruħi: “Ara, ġidi kabbartu u għerfi żidtu, għaddejt ‘il ta’ qabli f’Ġerusalemm; sirt midħla sewwa ta’ l-għerf u x-xjenza.” U meta nxħett nifli l-għerf u x-xjenza, il-bluha u n-nuqqas ta’ moħħ, intbaħt li dan ukoll hu ġiri wara r-riħ.

  Għax fil-ħafna għerf hemm ħafna diqa;

aktar ma taf aktar titnikket.

 

RESPONSORJU   Koħ 1:14; 5:14; 1 Tim 6:7

 

R/. Rajt l-għemejjel kollha li jsiru taħt ix-xemx, u ara x’sibt: Kollox frugħa u ġiri wara r-riħ. * Għeri jkun ħareġ il-bniedem minn ġuf ommu, u għeri kif ġie jerġa’ lura.

V/. Aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna. * Għeri jkun ħareġ il-bniedem minn ġuf ommu, u għeri kif ġie jerġa’ lura.

 

LEZZJONI II

 

Qari mis-Sentenzi fuq l-Imħabba ta’ San Massimu l-Konfessur, abbati

 

Mingħajr imħabba, kollox frugħa tal-frugħat

 

L-imħabba  hi dik il-virtù tar-ruħ li ġġegħelna nqisu aqwa minn kull ħaġa oħra t-tħabrik biex nagħrfu lil Alla. Ħadd ma jista’ jkollu l-imħabba, jekk qalbu b’xi mod hi marbuta mal-ħwejjeġ tad-dinja.

Min iħobb ‘l Alla, ifittex li jagħrfu u jkun jafu, aktar milli jagħraf u jaf kull ħaġa maħluqa minnu, u, bla heda, bil-ħeġġa kollha ta’ qalbu, iħabrek ħa jtemm din ix-xewqa tiegħu.

Kull ħaġa li hawn fid-dinja għamilha Alla għalih: għalhekk Alla hu wisq aqwa minn kull ħaġa li għamel. Alla hu l-aqwa ġid tagħna, u ħdejh ebda ħaġa ma tista’ titqies bħala ġid; għalhekk min iħalli fil-ġenb lil Alla biex jikseb dak li hu inqas minn Alla juri li hu jħobb aktar dak li għamel Alla milli lil Alla nnifsu.

Min iħobbni, jgħid il-Mulej, iħares il-kmandamenti tiegħi, li tħobbu ‘l xulxin. Mela min ma jħobbx lil għajru ma jkunx qed iħares dan il-kmandament, u min ma jħarisx dan il-kmadndament ma jistax iħobb lil Alla.

Hieni l-bniedem li jħobb il-bnedmin kollha ndaqs.

Min iħobb ‘l Alla jħobb lil għajru wkoll: bniedem bħal dan ma jgeddisx teżori fuq l-art, imma, bħal Alla, iqassam ġidu u jagħti ‘il kull min hu fil-bżonn.

Min jagħti karità, biex ikun jixbah lil Alla, ma jagħżilx bejn it-tajbin u l-ħżiena, bejn dawk li huma ġusti u dawk li m’humiex, imma jqassam ‘il kulħadd l-istess, kull wieħed skond ma jeħtieġ: għalkemm jippreferixxi t-tajbin għall-ħżiena minħabba tjubithom.

L-imħabba ma nuruhiex biss billi nagħtu flus karità, imma nuruha wkoll u aħjar bit-tagħlim tal-kelma ta’ Alla u bil-qadi ta’ l-oħrajn.

Min jiċċaħħad tassew bil-qalb mill-ħwejjeġ tad-dinja u jagħti ruħu għall-qadi ta’ għajru bl-imħabba u bis-sinċerità kollha, bla ebda ħsieb li jqarraq, minnufih jeħles lilu nnifsu minn kull ġibda mhux sewwa u jkollu sehem mill-imħabba u l-għerf ta’ Alla.

Min irawwem fih l-imħabba ma jegħjiex, ma jaqtax nifsu fil-mixi wara l-Mulej Alla tiegħu, kif jgħidilna Ġeremija l-qaddis, imma jkun lest li jġarrab kull xorta ta’ taħbit, tkasbir u għajb b’qalb qawwija u bla ebda ħsieb ta’ deni għal ħaddieħor.

Tgħidux għalikom, jgħid Ġeremija, hawn hu t-tempju tal-Mulej. U anqas ma għandkom tgħidu: “Il-fidi biss f’Sidna Ġesù Kristu u xejn aktar, hi biżżejjed għalija biex insalva”. Int ma tistax issalva jekk ma tisseħibx ma’ Alla fl-imħabba permezz ta’ għemejjel tajba. Dwar il-fidi biss u xejn aktar, hemm miktub: Ix-xjaten ukoll jemmnu, u jitriegħdu.

L-imħabba hi meħtieġa daqskemm huma meħtieġa wkoll l-għajnuna tal-proxxmu, is-sabar fit-tul, u l-użu tajjeb u bil-qjies tal-ħwejjeġ kollha. 

 

RESPONSORJU   ara Ġw 13:34: 1 Ġw 2:10a. 3

 

R/.  Nagħtikom kmandament ġdid li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien. * Min iħobb ‘il ħuh, jgħammar fid-dawl.

V/.  B’dan nafu li nagħrfu ‘l Ġesù, jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. * Min iħobb ‘il ħuh, jgħammar fid-dawl.  

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

  Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

  Ixandruk bla heda:

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

  Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

  bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

  Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

  l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

  il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

  ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

  u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

  fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

  li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

  li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

  fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

  bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

  erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

  u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

  inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

  kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

  ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

  Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li naħsbu dejjem fis-sewwa, u li, bil-kliem u l-għemil, nagħmlu dak li jogħġob lilek.  B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/.  Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Meta ħlaqt, Mulej id-dinja,

fridt il-lejl minn-nhar, jum wieħed,

u qassamt it-tul ta’ ħinhom,

għas-serħan u l-ħidma tagħna.

 

Għadda l-lejl, jum ieħor sebaħ,

b’dawl ix-xemx il-ħajja tifraħ,

u mill-qalb ta’ wliedek kollha

jitla’ l-innu ta’ foħritek.

 

Għax illum, Mulej, jum tiegħek,

jum ta’ glorja lil qdusitek,

jum li fih il-ġemgħa mqaddsa

b’heda w sliem tinġabar tqimek.

 

Int, ħanin, la tqisx il-ħażen

li għax dgħajfa lkoll għamilna;

iżda ħares biss lejn qalbna,

hekk bil-għatx għall-paċi tiegħek.

 

Kun id-dawl ta’ moħħna w ruħna,

kebbes fina n-nar ta’ mħabbtek,

żommna sħaħ fl-Ispirtu tiegħek

biex inwettqu fina t-tama.

 

Kun il-faraġ ta’ dawk ħutna

li jixtiequ w le ma nistgħu

jaqsmu llum fil-ferħ mal-ġemgħa

li tinġabar hienja f’darek.

 

Lilek, o Missier, u miegħek

‘l Ibnek u ‘l Ispirtu s-Santu,

ġieħ jintradd, tifħir u glorja,

kif mill-bidu, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:  Ta’ l-għaġeb il-Mulej fl-għoli, hallelujah.

 

Salm 92 (93)

 

Il-Mulej isaltan; il-kobor libes, *

libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa.

Iżomm sħiħa d-dinja;

qatt ma titħarrek.

Imwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem; *

minn dejjem  ta' dejjem int.

 

Jgħollu x-xmajjar, Mulej, †

jgħollu x-xmajjar leħinhom, *

jgħollu  x-xmajjar il-ħsejjes tagħhom.

Aqwa mill-ħsejjes ta' l-ilma kotran, †

aqwa mill-imwieġ tal-baħar, *

qawwi l-Mulej fl-għoli.

 

Il-kmandamenti tiegħek ta' min joqgħod fuqhom; *

qdusija lil darek tixraq, Mulej,

   sakemm itul iż-żmien.

  Glorja.

 

Ant. 1:   Ta’ l-għaġeb il-Mulej fl-għoli, hallelujah.  

Ant. 2:   Mulej, int ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem, hallelujah.  

 

Kantiku   (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2:   Mulej, int ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem, hallelujah. 

Ant. 3:  Ħlejjaq kollha tas-smewwiet u l-art, faħħru l-Mulej, hallelujah.

 

Salm 148

 

Faħħru l-Mulej mis-smewwiet, *

faħħruh fl-ogħla smewwiet!

Faħħruh, anġli tiegħu kollha, *

faħħruh, eżerċti tiegħu kollha!

 

Faħħruh, intom xemx u qamar, *

faħħruh, kwiekeb kollha li tiddu!

Faħħruh, smewwiet l-aktar għolja, *

u intom ilmijiet ta' fuq is-smewwiet!

 

Ħa jfaħħru dawn kollha isem il-Mulej: *

għax hu kkmanda, u huma nħolqu;

hu waqqafhom għal dejjem ta' dejjem; *

tahom ordni li qatt ma tgħaddi.

 

Faħħru l-Mulej minn fuq l-art, *

mostri tal-baħar u abbissi kollha.

In-nar u s-silġ, il-borra u ċ-ċpar, *

l-irwiefen, li jisimgħu kelmtu,

il-muntanji u l-għoljiet kollha, *

is-siġar tal-frott u ċ-ċedri kollha,

il-bhejjem selvaġġi u l-annimali kollha, *

il-bhejjem li jitkaxkru u l-għasafar li jtiru,

is-slaten ta' l-art u l-ġnus kollha, *

il-kbarat u l-imħallfin kollha ta' l-art,

iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll, *

ix-xjuħ flimkien mat-tfal:

ħa jfaħħru isem il-Mulej, †

għax ismu waħdu l-għoli, *

sebħu 'l fuq mill-art u s-sema!

 

Hu għolla l-qawwa tal-poplu tiegħu;

dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha, *

għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu.

  Glorja.

 

Ant. 3:   Ħlejjaq kollha tas-smewwiet u l-art, faħħru l-Mulej, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA  Eżek 37:12b-14

 

Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael; mbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi; u jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja; nagħtikom il-mistrieħ f’artkom, u tkunu tafu li jiena l-Mulej: hekk għedt, u hekk nagħmel.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/.  Kristu, Bin Alla l-ħaj * Ħenn għalina. Kristu.

V/.  Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier. * Ħenn għalina. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

  Missierkom itella’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.

 

Sena B

  Ġesù qal: “Biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art”, qal lill-mifluġ: “Qum aqbad friexek u mur lejn darek”.

 

Sena Ċ

   Tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu iġġudikati, jgħid il-Mulej.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

  Missierkom itella’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.

 

Sena B

  Ġesù qal: “Biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art”, qal lill-mifluġ: “Qum aqbad friexek u mur lejn darek”.

 

Sena Ċ

   Tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu iġġudikati, jgħid il-Mulej.

 

PREĊI 

 

Alla bagħat l-Ispirtu s-Santu biex ikun id-dawl hieni tal-qlub kollha. Nitolbuh bil-ħerqa u ngħidulu:  

Mulej, dawwal il-poplu tiegħek.

Mulej, inti tajtna jum ġdid, għall-glorja tiegħek:

- tkun imbierek, o Alla: inti d-dawl tagħna.

Int dawwalt id-dinja bil-qawmien ta’ Ibnek mill-imwiet:

- wassal dan id-dawl lill-bnedmin kollha permezz tal-Knisja tiegħek.

Int bgħatt l-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli ta’ Ibnek biex jimliehom bid-dawl tiegħek:

- sawwbu fuq il-Knisja tiegħek biex iwettaqha fil-fidi sa l-aħħar.

Dawl tal-ġnus, ftakar f’dawk li għadhom fid-dlamijiet:

- iftħilhom għajnejhom, biex  jagħrfu lilek, Alla waħdek veru.

 

Missierna

 

Talba

 

  Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li naħsbu dejjem fis-sewwa, u li, bil-kliem u l-għemil, nagħmlu dak li jogħġob lilek.  B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1   Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi, u hu weġibni, hallelujah.

 

Salm 117 (118)

 

I

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

  u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-kbarat.

Glorja.

 

Ant.1   Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi, u hu weġibni, hallelujah.

Ant.2   Il-leminija tal-Mulej għollietni, hallelujah.

 

II

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi, †

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

 

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

iżda ma telaqnix għall-mewt.

Glorja.

 

Ant.2   Il-leminija tal-Mulej għollietni, hallelujah.

Ant.3  Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna, hallelujah.

 

 III

 

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

 

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; *

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni, bil-friegħi f'idejkom, *

sa ħdejn l-artal.

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr; *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Glorja.

 

Ant.3   Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna, hallelujah.

  

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA  Rum 8:15-16

 

Intom ma rċevejtux l-ispirtu tal-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża, imma rċevejtu l-Ispirtu ta’ adozzjoni ta’ wlied Alla, li bih aħna ngħajjtu: “Abba! Missier!” Dan l-Ispirtu jixhed flimkien ma’ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.

 

V/.  Għandek, Mulej, hemm l-għajn tal-ħajja.

R/.  Fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA  Rum 8:22-23

 

Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed u jokrob bħal waħda fl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta’ l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied Alla, il-fidwa ta’ ġisimna.

 

V/.  Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

R/.  Hu jifdi lil ħajtek mill-qabar.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA   2 Tim 1:9

 

Alla salvana u sejjħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna imma skond il-pjan tiegħu nnifsu, u skond il-grazzja mogħtija lilna fi Kristu Ġesù sa minn dejjem. 

 

V/.  Il-Mulej qegħedhom fiż-żgur, u ma beżgħux.

R/.  U daħħalhom fl-art imqaddsa tiegħu.

 

Talba

 

  Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li naħsbu dejjem fis-sewwa, u li, bil-kliem u l-għemil, nagħmlu dak li jogħġob lilek.  Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 

Għeluq

Inbierku l-Mulej

R/.  Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Riesaq il-lejl, Mulejja,

bil-wegħda tal-mistrieħ;

ġa beda s-sema jħammar

fi nżul ix-xemx sabiħ!

 

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb

fil-għoli tas-smewwiet;

dalwaqt il-ħajja torqod,

kull ħoss imut fis-skiet.

 

Inti, li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred fi qlubna s-sliem.

 

Jagħtuk kull ġieħ il-ħlejjaq,

Mulej, għax int ħanin,

u tridna lkoll madwarek

fix-xirka tal-henjin. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:   Il-Mulej qiegħed lil Sidi fuq il-lemin tiegħu, hallelujah.

 

Salm 109 (110)1-5. 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

   aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

  sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq il-leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

  Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

  u lill-Ispirtu s-Santu.

  Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1:  Il-Mulej qiegħed lil Sidi fuq il-lemin tiegħu, hallelujah.

Ant. 2:  Il-Mulej ħanin waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu, hallelujah.

 

Salm 110 (111)

 

Inrodd ħajr lill-Mulej b'qalbi kollha, *

fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.

 

Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej; *

ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom.

Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej; *

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu.

 

Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu; *

twajjeb u ħanin il-Mulej.

Hu jagħti l-għajxien lil min jibża' minnu, *

jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.

 

Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta' għemilu, *

meta qassam lilhom art il-ġnus.

Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh; *

ta' min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu,

imwettqa għal dejjem ta' dejjem, *

magħmula bis-sewwa u bid-dritt.

Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu, *

wettaq għal dejjem il-patt tiegħu.

 

Qaddis u tal-biża' hu ismu! *

Il-bidu ta' l-għerf hu l-biża' tal-Mulej:

tassew bil-għaqal kull min jimxi bih, *

għal dejjem jibqa' t-tifħir tiegħu!

 Glorja.

 

Ant. 2:  Il-Mulej ħanin waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu, hallelujah.

Ant. 3:  Ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, hallelujah.

 

Kantiku   ara Apok  19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

  Huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

  Għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

  Intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

  intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej,

  Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

  Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

  u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

Ant. 3:  Ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, hallelujah.   

 

LEZZJONI QASIRA   1 Piet 1:3-5

 

  Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja bil-qawmien ta' Ġesù Kristu mill-imwiet, u għal wirt li la jitħassar, la jittebba', u lanqas jinxef. Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema għax intom tinsabu taħt il-ħarsien tal-qawwa ta' Alla fil-fidi tagħkom li twassal għas-salvazzjoni li hi lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/.  Imbierek int, Mulej, * Fil-wisa’ kollu tas-sema.

V/.  Ta’ min ifaħħrek u jsebbħek għal dejjem. * Fil-wisa’ kollu tas-sema. Glorja. Imbierek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

“Kunu perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”, jgħid il-Mulej.

 

Sena B

Il-mifluġ qabad il-mitraħ li fuqu kien mixħut, u beda jfaħħar lil Alla; u n-nies kollha li rawh faħħru lil Alla.

 

Sena Ċ

Aħfru u ssibu maħfra; agħtu u jingħatalkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom. 

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

 

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

“Kunu perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”, jgħid il-Mulej.

 

Sena B

Il-mifluġ qabad il-mitraħ li fuqu kien mixħut, u beda jfaħħar lil Alla; u n-nies kollha li rawh faħħru lil Alla.

 

Sena Ċ

Aħfru u ssibu maħfra; agħtu u jingħatalkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom. 

 

PREĊI

 

Alla ħalaq id-dinja, fdieha u ġeddidha, u dejjem iqawwiha bi mħabbtu. Bi spirtu ta’ ferħ ngħidulu:

Mulej, gedded l-għeġubijiet ta’ mħabbtek.

O Alla, niżżuk ħajr, għax int turina l-qawwa tiegħek fil-ħolqien:

- inti tgħarrafna l-provvidenza tiegħek fil-ġrajjiet tad-dinja.

Ħares lejn Ibnek, li ġie jxandrilna s-sliem u kiseb ir-rebħa bis-salib:

- permezz tiegħu eħlisna mill-biża’ fieragħ u mill-qtigħ ta’ qalb.

Żomm fi ħsiebek lil dawk li jħobbu l-ġustizzja u jħabirku għaliha:

- agħmel li jaħdmu id f’id u bis-sinċerità biex jibnu d-dinja fis-sliem u l-paċi.

Ieqaf mal-maħqura, eħles l-ilsiera, farraġ lill-imnikkta, itma’ lil minhu bil-ġuħ wettaq lid-dgħajfa:

- uri f’kulħadd il-qawwa rebbieħa tas-salib.

Int qajjimt lil Ibnek għall-glorja wara l-mewt u d-difna tiegħu:

- agħmel li ħutna l-mejtin jaslu biex jgħixu miegħu.

 

Missierna

Talba

 

  Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li naħsbu dejjem fis-sewwa, u li, bil-kliem u l-għemil, nagħmlu dak li jogħġob lilek.  B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, 

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, 

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi. 

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, 

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha, 

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90 (91)

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU  Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb. 

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda 

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.