Stampa t-test kollu ...


IL-ĠIMGĦA

TAS-VII ĠIMGĦA TAL-GĦID

 

Salmodija tal-Ġimgħa tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

O Sultan etern u għoli,

li ħennejt għalina w fdejtna,

inti qridt il-mewt għal dejjem,

bik il-grazzja t’Alla rebħet

 

Tlajt glorjuż fil-leminija

tal-Missier, li tak is-setgħa

fuq il-ħlejjaq kollha tiegħu,

saltna li m’hijiex tad-dinja.

 

Hekk, Mulej, quddiemek jinżel

għarkubbtejh kulħadd: fis-sema,

fl-art, f’qiegħ l-art għemilek kollu

jadurak fil-biża’ tiegħek.

 

L-anġli mqaddsa jħarsu mriegħda

lejn ulied Adam mibdula:

jagħti l-bniedem, jifdi l-bniedem,

Alla jsaltan magħmul bniedem.

 

O Mulej, sultan tal-ħlejjaq,

li m’hemmx hena ieħor ħliefek,

kun hawnhekk il-ferħ ta’ qalbna,

kif għad tkun il-premju tagħna.

 

Nitolbuk, għalhekk, tagħtina

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

u bil-grazzja tiegħek għinna

nerfgħu ħsiebna lejn is-sema.

 

Meta fl-aħħar terġa’ tiġi

fuq is-sħab, imħallef tagħna,

tħallasniex kif jistħoqqilna,

iżda tina s-sebħ li tlifna.

 

Tifħir lilek, Kristu Sidna,

int li tlajt glorjuż fis-sema;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ma niflaħx ngħajjat iżjed, jien u nistenna ‘l Alla tiegħi, hallelujah.

 

Salm 68 (69):2-22. 30-37

 

I

 

Salvani, o Alla, *

għax l-ilma laħaq sa griżmejja. 

Sibt ruħi mgħaddas f'ħama fond; *

ma hemmx fejn inserraħ riġlejja.

Sibt ruħi f'ilma għoli; *

il-mewġ qed ikaxkarni.

Ma niflaħx ngħajjat iżjed, †

griżmejja nħanqu; *

 tgħammxu għajnejja, jien u nistenna 'l Alla tiegħi.

Dawk li għal xejn jobogħduni *

huma iżjed mix-xagħar ta' rasi;

dawk li bil-gideb jixluni †

huma b'saħħithom aktar minn għadmi; *

ġagħluni nrodd dak li ma sraqtx.

 

Int, o Alla, taf bil-bluha tiegħi; *

ħtijieti m'humiex moħbija minnek.

Ma jinfixilx minħabba fija min jittama fik, *

Mulej ta' l-eżerċti;

ma jistħix minħabba fija min ifittex lilek, *

Alla ta' Iżrael.

 

Għax minħabba fik qiegħed nilqa' t-tmaqdir, *

u l-mistħija tiksili wiċċi.

Sirt barrani għal ħuti; *

ulied ommi ma jagħrfunix.

 

Għax il-ħeġġa għal darek fnietni, *

it-tagħjir ta' min jgħajjar lilek waqa' fuqi.

Għakkist bis-sawm lili nnifsi, *

u swieli biss biex żebilħuni.

 

L-ixkora li tfajt fuqi bi lbiesi *

ġibdet fuqi t-tpaċpiċ tagħhom.

Jgħidu fuqi bilqiegħda f'bieb il-belt; *

jixorbu l-inbid u jgħannu fuqi.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ma niflaħx ngħajjat iżjed, jien u nistenna ‘l Alla tiegħi, hallelujah.

Ant. 2: Tawni b’ikel il-velenu, sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

 

II

 

Imma jien lilek nitlob, Mulej; *

meta jogħġbok, o Alla, weġibni,

fil-kobor ta' tjubitek *

u skond il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.

Aqlagħni mill-ħama u ma nibqax nieżel; *

ħarisni minn min jobgħodni

 u eħlisni mill-ilma fond.

Tħallix iġorrni l-ilma, *

jew jiblagħni d-dagħbien,

u jingħalaq fuqi l-bir!

 

Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek; *

dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek.

Taħbix wiċċek mill-qaddej tiegħek; *

fittex weġibni, għax ninsab fil-hemm.

 Ersaq qrib lejja u ifdini; *

eħlisni minħabba l-għedewwa tiegħi.

Int taf bit-tkasbir u l-mistħija u l-għajb tiegħi; *

quddiemek huma l-għedewwa kollha tiegħi.

 It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni; †

fittixt min jagħdirni, u ma sibt 'il ħadd; *

min ifarraġni, u ma kelli 'l ħadd.

Tawni b'ikel il-velenu; *

sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

 Glorja.

 

Ant. 2: Tawni b’ikel il-velenu, sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

Ant. 3: Agħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla, hallelujah.

 

III

 

Imma jiena msejken u batut; *

terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!

Infaħħar l-isem ta' Alla bl-għana, *

inkabbru b'għana ta' radd il-ħajr.

Dan jogħġob lill-Mulej

aktar minn offerta ta' gendus, *

 jew ta' barri fl-aqwa tiegħu.

 

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu; *

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma' l-fqajrin il-Mulej, *

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.

Ifaħħruh is-sema u l-art, *

l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom.

 

Għax Alla jsalva 'l Sijon, †

u jibni l-bliet ta' Ġuda; *

u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.

Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu; *

dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha.

Glorja.

 

Ant. 3: Agħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla, hallelujah.

V/. Kristu, fil-qawmien tiegħek, hallelujah.

R/. Jifirħu s-smewwiet u l-art, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 2 Ġw 1:1-13

 

Min jibqa’ fit-tagħlim għandu sew lill-Missier u sew l-Iben

 

Il-presbiteru lis-Sinjura l-Magħżula u lil uliedha, li jiena nħobb tassew, u mhux jiena biss imma wkoll kull min għaraf il-verità bis-saħħa tal-verità li tgħammar fina u li tibqa' dejjem magħna. Il-grazzja u l-ħniena u s-sliem ikunu magħna fil-verità u fl-imħabba, mingħand Alla l-Missier u mingħand Ġesù Kristu Bin il-Missier.

Ħassejt ferħ kbir li sibt 'il xi wħud minn uliedek miexja fil-verità, kif ikkmandana nagħmlu l-Missier. U issa, Sinjura, nitolbok li nħobbu 'l xulxin; dan li qiegħed niktiblek m'huwiex xi kmandament ġdid, għax ilu għandna sa mill-bidu. L-imħabba hija din: li nimxu skond il-kmandamenti tiegħu. U dan il-kmandament, kif smajtu sa mill-bidu, huwa li timxu fl-imħabba. Għax ħarġu fid-dinja ħafna qarrieqa, nies li ma jridux jagħrfu li Ġesù Kristu ġie fil-ġisem ta’ bniedem: dan hu l-qarrieqi u l-antikrist! Ħarsu rwieħkom, li ma tmorrux titilfu dak li għalih ħdimtu, imma li tieħdu ħlas sħiħ. Jekk xi ħadd jaqbeż 'il barra u ma jibqax fit-tagħlim ta' Kristu, dan m'għandux lil Alla fih. Imma min jibqa' fit-tagħlim, għandu l-Missier u l-Iben fih. Jekk jiġikom xi ħadd u ma jġibilkomx dan it-tagħlim, la tilqgħuhx għandkom u la ssellmulux, għax min isellimlu jkun qiegħed jissieħeb miegħu fl-għemejjel ħżiena tiegħu.

Għandi ħafna fuqiex niktbilkom imma ma ridtx ninqeda b'karti u linka; nittama li nkun magħkom u nkellimkom wiċċ imbwiċċ, u hekk il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

Ulied oħtok, il-Magħżula, jibagħtu jsellu għalik.

 

RESPONSORJU ara 2 Ġw 5. 3; Dewt 5:33a

 

R/. Dan hu l-kmandament li ħadna mingħand il-Missier: m’huwiex xi kmandament ġdid, għax ilu għandna sa mill-bidu: * Li timxu fil-verità u fl-imħabba, hallelujah.

V/. Intom timxu fit-triq li ordnalkom il-Mulej, Alla tagħkom, biex tgħixu. * Li timxu fil-verità u fl-imħabba, hallelujah.

  

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq it-Trinità, ta’ l-isqof San Ilarju

 

Id-don tal-Missier permezz ta’ Kristu

 

 Il-Mulej ried li nitgħammdu fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri billi nistqarru l-fidi tagħna f’Dak li ħalaqna fl-Iben li fdiena, u fid-Don tiegħu.

Wieħed hu dak li ħalaq kollox. Wieħed hu l-Missier li minnu sar kollox, wieħed l-Iben il-waħdieni li bih sar kollox, u wieħed hu l-Ispirtu li hu d-Don waħdieni f’kollox.

Kollox bl-ordni skond il-qawwa u l-kobor: setgħa waħda li minnha kollox, nisel wieħed li bih kollox, don wieħed ta’ tama sħiħa u mitmuma. Xejn ma hemm nieqes f’din il-milja sħiħa li fiha, fil-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, hemm eternità bla tmiem u bla qjies, hemm id-dehra tax-xebh, hemm l-hena fl-għoti ta’ xulxin.

X’inhi issa l-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu fina, nisimgħu l-Mulej stess jgħidhulna: Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Jeħtieġ li jiena mmur, għaliex jekk immur nibagħtilkom id-Difensur. U kompla jgħid: Jiena nitlob lill-Missier u hu jibgħatilkom Difensur ieħor biex jibqa’ dejjem magħkom, l-Ispirtu tal-verità. Hu jwassalkom għall-verità kollha, għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’ u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi.

Dan qalu biex jurina t-triq li twassalna ħa nifhmu l-verità dwar ir-rieda ta’ Dak li jagħtina d-Don tiegħu, u nifhmu l-Missier u l-Iben, tant tara iebsa l-fidi tagħna l-inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla, li kien jeħtieġ id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu biex idawwalna, qisu kien hemm xi patt biex hu jidħol għalina.

Nirċievu l-Ispirtu s-Santu biex inkunu nafu l-ħwejjeġ ta’ Alla. Naraw dan b’eżempju. Il-membri kollha ta’ ġisimna ma jservuna għalxejn jekk jonqsuhom il-mezzi biex jaqdu l-iskop tagħhom: jekk jonqos id-dawl tal-jum għajnejna ma jiswewlniex aktar; widnejna ma jagħrfux l-iskop tagħhom jekk ma tingħadx xi kelma jew ikun hemm xi ħoss; imnifsejk ma jintebħux għalfejn qegħdin jekk xi fwieħa ma tinxteridx madwarna. Dan ma jfissirx li s-sensi tagħna jitilfu l-iskop tagħhom għal xi raġuni jew oħra, imma jfisser biss li s-sensi tagħna juru l-użu tagħhom biss meta jkun hemm għalfejn nużawhom. Hekk ruħ il-bniedem, jekk ma jkollhiex id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu permezz tal-fidi, tista’ tkun taf ‘l Alla, imma ma tifhmux għaliex ma għandhiex id-dawl biex tkun tafu.

Kull don li jingħatalna fi Kristu hu dejjem don wieħed – dan kulħadd jafu. Dan id-don ma jonqsilna qatt, imma jingħatalna daqskemm irriduh, u jibqa’ fina daqskemm irridu nimmeritaw dejjem aktar. Dan id-don jibqa’ magħna sa l-aħħar taż-żminijiet bħala faraġ fit-tama tagħna, bħala rahan għal dawk li jittamaw fiż-żmien li ġej b’dak li jagħtina u jagħmel fina minn issa, bħala d-dawl tal-fehma tagħna, bħala d-dija ta’ qalbna.

 

RESPONSORJU

 

R/. Il-Mulej qal: Wasal iż-żmien li nerġa’ mmur għand min bagħatni: tiddejjqux, u tħallux qalbkom titħawwad: * Jiena nitlob lill-Missier biex iħariskom, hallelujah.

V/. Jekk jiena ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom. * Jiena nitlob lill-Missier biex iħariskom, hallelujah.

 

TALBA

 

 O Alla, int ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem bid-dija tal-glorja li tajt lil Kristu Ibnek u bid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu li sawwabt fuqna: agħtina li, bis-saħħa ta’ don hekk kbir, aħna nitwettqu fir-rabta tagħna miegħek u nikbru fil-fidi. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

B’ferħ tassew il-Knisja tilqa’

dan il-jum qaddis u mbierek,

li jfakkarna t-tlugħ fis-sema

tal-Mulej, it-tama tagħna.

 

B’rebħa kbira fuq il-għadu,

Kristu tela’ ‘l fuq fil-għoli,

u quddiem Missieru daħal

b’ġisem veru, mimli glorja.

 

Sħaba kollha dawl ħbithulna,

biex il-fidi tqawwi t-tama,

għaliex issa d-dar miftuħa

li Adam bid-dnub kien għalaq.

 

Tifraħ l-art u jgħanni s-sema!

Bin il-Verġni, nisel tagħna,

wara swat, salib u difna,

reġa’ ngħaqad ma’ Missieru.

 

Niżżuħ ħajr għax, biex jurina

li hu salva l-bniedem kollu,

tella’ miegħu wkoll il-ġisem

u qagħad bih fit-tron tas-saltna.

 

L-istess ferħ għalhekk qed naqsmu

aħna llum mar-rwieħ tas-sema,

għax jekk Kristu tela’ ħdejhom,

iżda ma nfiridx minn magħna.

 

Int li tlajt fis-sebħ ta’ darek,

o Ġesù, lejk erfa’ qlubna;

sawwab, kif wegħedt, l-Ispirtu

tal-Missier u tiegħek fuqna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej, aħsilni kollni mill-ħażen tiegħi, hallelujah.

 

Salm 50 (51)

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt, *

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

 

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *

u fid-dnub nisslitni ommi.

Int li tħobb il-qalb sinċiera, *

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, *

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *

ħassar ħżuniti kollha.

Oħloq fija qalb safja, o Alla, *

u spirtu qawwi ġedded fija.

 

La twarrabnix minn quddiemek; *

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 Lill-midinbin ngħallem triqatek, *

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †

Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

 

Iftaħli xufftejja, Sidi, *

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, †

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; *

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Mulej, aħsilni kollni mill-ħażen tiegħi, hallelujah.

Ant. 2: Kristu nnifsu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, hallelujah.

 

Kantiku Ġer 14:17-21

 

Ħa jxerrdu d-dmugħ għajnejja, *

billejl u binhar, bla heda;

għax ħsara kbira ġrat lix-xebba bint il-poplu tiegħi; *

daqqa tal-għaġeb ħadet.

 

Jekk noħroġ fir-raba’, *

nara nies mifnija bil-ġuħ.

Sew il-profeti u sew il-qassisin *

jiġġerrew mal-pajjiż u xejn ma jagħrfu.

Jaqaw int irmejt lil Ġuda? *

Forsi stmellejt f’qalbek lil Sijon?

Għaliex sawwattna *

hekk li m’hemmx fejqan għalina?

Ittamajna fis-sliem, bla ma sibna ebda ġid, *

u flok il-fejqan sibna l-biża’!

Nagħrfu, Mulej, ħtijietna, †

il-ħażen ta’ missirijietna, *

għax aħna dnibna kontrik.

 La tkasbarniex, f’ġieħ ismek; †

la ġġibx fl-għajb it-tron sabiħ tiegħek; *

ftakar, la tħassarx il-patt tiegħek magħna.

 Glorja.

 

Ant. 2: Kristu nnifsu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, hallelujah.

Ant. 3: Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi, hallelujah.

 

Salm 99 (100)

 

Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej, *

nies kollha ta' l-art,

aqdu bil-ferħ lill-Mulej, *

idħlu quddiemu b'għana ferrieħi.

 

Kunu afu li Jaħweh hu Alla; †

hu ħalaqna, u aħna tiegħu, *

aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

 

Idħlu b'għana ta' ħajr mill-bibien tiegħu, †

bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu; *

roddulu ħajr u bierku ismu!

Għax twajjeb il-Mulej, †

għal dejjem it-tjieba tiegħu; *

minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 5:30-32

 

Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Lilu Alla bil-leminija tiegħu għolla, u għamlu Kap u Salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn aħna xhieda u l-Ispirtu s-Santu, li Alla ta lil dawk li jobduh.

  

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ġesù Kristu miet u rxoxta, u issa qiegħed fil-lemin tal-Missier, dejjem ħaj biex jidħol għalina, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ġesù Kristu miet u rxoxta, u issa qiegħed fil-lemin tal-Missier, dejjem ħaj biex jidħol għalina, hallelujah.

 

PREĊI

 

Jagħtina l-Mulej li toktor it-tama tagħna bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu: lilu ġieħ u glorja għal dejjem! Nitolbuh b’fidi kbira:

Mulej, għinna u salvana.

Missier, int taf kemm aħna dgħajfin, saħansitra fit-talb tagħna:

- ħa jidħol għalina quddiemek l-Ispirtu s-Santu.

Imla ‘l qalbna bid-dawl ta’ l-Ispirtu Qaddis tiegħek:

- agħmel li nkunu xhieda ta’ mħabbtek fil-ħidmiet tagħna ta’ kuljum.

Mulej, aħna għemil idejk:

- tħalliniex nitjassru mill-ħażen tagħna.

Agħmel li nirrispettaw lil dawk li huma dgħajfa u nieqsa mill-fidi:

- ħa nġibu ruħna magħhom bil-ħlewwa, bis-sabar u bl-imħabba.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem bid-dija tal-glorja li tajt lil Kristu Ibnek u bid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu li sawwabt fuqna: agħtina li, bis-saħħa ta’ don hekk kbir, aħna nitwettqu fir-rabta tagħna miegħek u nikbru fil-fidi. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 21 (22)

 

I

 

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? †

Bqajt 'il bogħod u ma salvajtnix, *

ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!

Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx, *

ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.

 

Imma int tgħammar fis-santwarju, *

u lilek ifaħħar Iżrael!

Fik ittamaw missirijietna, *

fik ittamaw, u inti ħlisthom.

Lejk għajjtu, u inti ħlisthom; *

fik ittamaw u ma tfixklux.

 

Jien dudu ta' l-art, u mhux bniedem, *

żebliħ tan-nies, tkasbir tal-poplu.

Dawk kollha li jarawni jidħku bija, *

jgħajjbuni, iħarrku rashom u jgħidu:

"F'idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu! *

Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!"

 

Imma int minn ġuf ommi lqajtni; *

fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni.

Fuqek qegħduni sa minn twelidi; *

int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi.

La titbegħidx minni, għax qrib hu t-taħbit, *

u m'hawn ħadd biex jgħinni.

 Glorja.

 

II

 

Qatgħa gniedes daru miegħi; *

barrin qawwija ta' Basan għalquni,

b'ħalqhom miftuħ għal fuqi, *

bħal iljun li jaħtaf u jgħajjat.

Ninsab bħall-ilma msawwab, *

għandi għadmi maqlugħ kollu;

qalbi hi bħal xemgħa, *

iddub ġewwa fija.

Ħalqi niexef bħal xaqqufa, †

ilsieni mwaħħal ma' ħnieki; *

ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt.

 

Qabda klieb daru għalija; *

ġemgħa nies ħżiena rassewni.

Taqqbuli idejja u riġlejja; *

nista' ngħodd għadmi kollu.

B'għajnejhom fuqi jħarsu lejja. †

Ħwejġi jaqsmu bejniethom; *

jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

 

Mulej, la titbegħidx minni; *

qawwa tiegħi, fittex għinni!

Eħlisli mis-sejf lil ħajti, *

u mill-klieb lil ħajti l-għażiża.

Minn ħalq l-iljun salvani, *

minn qarn il-gniedes lili msejken.

Inxandar ismek lil ħuti; *

infaħħrek f'nofs il-ġemgħa.

 Glorja.

 

III

 

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu; †

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb; *

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.

Għax ma warrabx minnu l-imsejken, *

ma stmellx in-niket tiegħu;

anqas wiċċu ma ħeba minnu, *

imma semgħu meta sejjaħlu.

Għalhekk inti t-tifħir tiegħi f'ġemgħa kbira; *

inrodd il-wegħdiet tiegħi

 quddiem dawk li jibżgħu minnu.

Jieklu l-fqajrin u jixbgħu; †

ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh. *

Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!

Jiftakru t-truf kollha ta' l-art, †

u jerġgħu lura lejn il-Mulej; *

u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

Għax tal-Mulej hi s-saltna; *

hu fuq il-ġnus isaltan.

Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu; *

quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.

U għalih tgħix ruħi, *

lilu jaqdi n-nisel tiegħi.

Ixandru 'l Sidi lin-nisel li għad jiġi, †

 ixandru l-ġustizzja tiegħu

lill-poplu li għad jitwieled:

 "Dan għamlu l-Mulej!"

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Atti 2:32. 36

 

Alla qajjem lil Ġesù, u ta’ dan lkoll xhieda. Mela ħa jkun jaf bi żgur il-ġens kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtu, Alla għamlu Mulej u Kristu.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Gal 3:27-28

 

Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ‘l Kristu. Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.

 

 V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 5:7-8

 

Naddfu ‘l barra l-ħmira l-qadima ħa tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf ta’ l-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul. Nagħmlu festa, mela, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

 

 V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

O Alla, int ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem bid-dija tal-glorja li tajt lil Kristu Ibnek u bid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu li sawwabt fuqna: agħtina li, bis-saħħa ta’ don hekk kbir, aħna nitwettqu fir-rabta tagħna miegħek u nikbru fil-fidi. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħallieq ta’ kollox, ejja,

o Spirtu, żur lil ruħna:

bil-grazzja tiegħek fawwar

il-qlub maħluqa minnek.

 

Int Difensur u Faraġ,

id-don ta’ Alla l-Għoli,

għajn ħajja, nar, imħabba,

u qawwa tar-ruħ tagħna.

 

Int turi l-qawwa t’Alla

bis-seba’ doni tiegħek:

int mill-Missier imwiegħed

biex tagħti l-kliem lil fommna.

 

Mexxina fid-dawl tiegħek,

bi mħabbtek imla qalbna,

bil-qawwa tiegħek wettaq

il-ġisem dgħajjef tagħna.

 

Biegħed minn fostna l-għadu,

fis-sliem għal dejjem żommna;

jekk int quddiemna timxi,

neħilsu minn kull deni.

 

Kun fina, w bid-don tiegħek

nagħrfu l-Missier u l-Iben

u nemmnu b’fidi sħiħa

li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Jien il-Mulej, is-salvatur u l-feddej tiegħek, hallelujah.

 

Salm 134 (135)

 

I

 

Faħħru isem il-Mulej, *

faħħruh, qaddejja tal-Mulej,

intom li qegħdin f'dar il-Mulej, *

fil-wesgħat ta' madwar it-tempju ta' Alla tagħna.

 

Faħħru l-Mulej, għax hu tajjeb, *

għannu lil ismu, għax hu sabiħ.

Għax għażel il-Mulej 'il Ġakobb, *

lil Iżrael, biex ikun il-poplu tiegħu.

 

Naf tassew li kbir il-Mulej; *

fuq l-allat kollha Alla Sidna.

Kull ma jogħġbu l-Mulej jagħmlu †

 fis-smewwiet u fuq l-art, *

fil-baħar u f'qiegħ l-ibħra kollha.

Hu jtella' s-sħab minn truf l-art,

jibgħat il-beraq u x-xita, *

joħroġ l-irjieħ mill-imħażen tiegħu.

 

Hu darab l-ulied il-kbar ta' l-Eġittu, *

kemm bnedmin u kemm bhejjem.

Sinjali u għeġubijiet għamel f'nofsok, Eġittu, *

u laqtu l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kollha.

Hu darab ġnus bla għadd, *

u qered slaten qawwija.

Qered ‘il Siħon, sultan ta’ l-Amurrin, †

lil Għog, sultan ta’ Basan, *

u s-saltniet kollha ta’ Kangħan.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

b'wirt lil Iżrael, il-poplu tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Jien il-Mulej, is-salvatur u l-feddej tiegħek, hallelujah.

Ant. 2: Imbierka s-saltna ta’ David missierna li ġejja, hallelujah.

 

II

 

Mulej, għal dejjem idum ismek! *

Mulej, minn żmien għal żmien il-fama tiegħek!

Għax il-Mulej jagħmel ħaqq mal-poplu tiegħu, *

juri ħniena mal-qaddejja tiegħu.

 

L-idoli tal-ġnus m'humiex ħlief deheb u fidda, *

xogħol ta' id il-bniedem:

għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; *

għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;

għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; *

anqas nifs ma għandhom fi mnifsejhom.

Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, *

u dawk kollha li jittamaw fihom.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej; *

bierek, dar Aron, il-Mulej;

bierek, dar Levi, il-Mulej; *

bierku l-Mulej, intom li tibżgħu mill-Mulej.

Imbierek il-Mulej minn Sijon, *

hu li joqgħod f'Ġerusalemm!

 Glorja.

 

Ant. 2: Imbierka s-saltna ta’ David missierna li ġejja, hallelujah.

Ant. 3: Ngħannu lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ, hallelujah.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox;

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, *

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minnek? *

 Min ma jsebbħux?

 Għaliex int waħdek qaddis; †

 il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ngħannu lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Gal 5:16. 22-23a. 25

 

Imxu fl-Ispirtu, u taqtgħux ix-xewqat tal-ġisem. Il-frott ta’ l-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu.

 

 RESPONSORJU QASIR

 

R/. Nibagħtilkom l-Ispirtu s-Santu. * Hallelujah, hallelujah. Nibagħtilkom.

V/. Biex hu jgħallimkom kollox. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Nibagħtilkom.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ilkoll qalb waħda bejniethom kienu jitolbu flimkien ma’ Marija, omm Ġesù, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ilkoll qalb waħda bejniethom kienu jitolbu flimkien ma’ Marija, omm Ġesù, hallelujah.

 

PREĊI

 

Il-Missier xerred il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ġnus kollha. Inberkuh, u nitolbuh ikattarha dejjem iżjed:

Xerred, Mulej, il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Mulej, int għamilt il-Qaddej maħtur tiegħek dawl tal-ġnus:

- iftaħ għajnejn l-għomja u oħroġ għad-dawl lil dawk li jinsabu fil-ħabs tad-dlamijiet.

Int, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, ikkonsagrajt lil Kristu ministru tas-salvazzjoni:

- ħa jerġa’ jgħaddi fid-dinja jagħmel il-ġid u jfejjaq lil kulħadd.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, li hu d-dawl tal-qlub:

- ħa jbierek il-ħidma pastorali u kateketika fil-parroċċi tagħna.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, li hu l-mistrieħ fit-taħbit:

- ħa jqawwi lil dawk fostna li qatgħu qalbhom f’ħidmiethom u ma għandhomx min jagħmlilhom kuragg.

Temm it-tama ta’ ħutna l-mejtin:

- qajjimhom għall-ħajja fil-miġja ta’ Kristu.

 

Missierna

Talba

 

O Alla, int ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem bid-dija tal-glorja li tajt lil Kristu Ibnek u bid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu li sawwabt fuqna: agħtina li, bis-saħħa ta’ don hekk kbir, aħna nitwettqu fir-rabta tagħna miegħek u nikbru fil-fidi. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

 

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsija l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int bigħedt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

 u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.