Stampa t-test kollu ...


IL-ĦAMIS

TAS-VII ĠIMGĦA TAL-GĦID

 

Salmodija tal-Ħamis tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

 Mulej, iftaħli xufftejja.

 U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

 Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

 Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

 Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

 Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

 Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 INNU

 

O Sultan etern u għoli,

li ħennejt għalina w fdejtna,

inti qridt il-mewt għal dejjem,

bik il-grazzja t’Alla rebħet

 

Tlajt glorjuż fil-leminija

tal-Missier, li tak is-setgħa

fuq il-ħlejjaq kollha tiegħu,

saltna li m’hijiex tad-dinja.

 

Hekk, Mulej, quddiemek jinżel

għarkubbtejh kulħadd: fis-sema,

fl-art, f’qiegħ l-art għemilek kollu

jadurak fil-biża’ tiegħek.

 

L-anġli mqaddsa jħarsu mriegħda

lejn ulied Adam mibdula:

jagħti l-bniedem, jifdi l-bniedem,

Alla jsaltan magħmul bniedem.

 

O Mulej, sultan tal-ħlejjaq,

li m’hemmx hena ieħor ħliefek,

kun hawnhekk il-ferħ ta’ qalbna,

kif għad tkun il-premju tagħna.

 

Nitolbuk, għalhekk, tagħtina

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

u bil-grazzja tiegħek għinna

nerfgħu ħsiebna lejn is-sema.

 

Meta fl-aħħar terġa’ tiġi

fuq is-sħab, imħallef tagħna,

tħallasniex kif jistħoqqilna,

iżda tina s-sebħ li tlifna.

 

Tifħir lilek, Kristu Sidna,

int li tlajt glorjuż fis-sema;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħares, Mulej, u ara l-għajb tagħna.

 

Salm 88 (89):39-53

 

IV

 

Imma int warrabt is-sultan midluk tiegħek; *

għadabt għalih u begħedtu minnek.

Ħassart il-patt mal-qaddej tiegħek; *

kasbart ma' l-art il-kuruna tiegħu.

Ġarraft il-ħitan tiegħu kollha; *

għamilt ħerba mis-swar tiegħu.

Kull min jgħaddi minn ħdejh jisirqu; *

sar iż-żebliħ tal-ġirien tiegħu.

 

Qajjimt il-leminija ta' l-għedewwa tiegħu, *

ferraħt 'il dawk kollha li huma kontrieh.

Reġġajtlu lura s-sejf misnun tiegħu; *

ma waqaftx miegħu fit-taqbida.

Kissirtlu x-xettru ta' ġieħu; *

ma' l-art tfajtlu t-tron tiegħu.

Qassartlu ż-żmien ta' żgħożitu, *

u ksejtu bil-mistħija.

 Glorja.

Ant. 1: Ħares, Mulej, u ara l-għajb tagħna.

Ant. 2: Jiena l-għerq imnissel minn David, jiena l-kewkba tiddi ta’ fil-għodu, hallelujah.

 

V

 

Mulej, se tibqa' għal dejjem tinħeba minna? *

Se jibqa' ħuġġieġa nar l-għadab tiegħek?

Ftakar li ftit huma jiem ħajti. *

Għal daqshekk int ħlaqtu l-bniedem?

Min hu li jgħix u ma jarax il-mewt? *

Min jeħlisha mis-setgħa ta' l-imwiet?

 

Fejn hi, Sidi, it-tjieba tiegħek ta' dari? *

Fejn hi l-fedeltà li biha ħlift lil David?

Ftakar, Sidi, kif inhu mkasbar il-qaddej tiegħek; *

kif qed nilqa' ġo fija ż-żebliħ tal-popli,

iż-żebliħ li qed jagħmlulna

 l-għedewwa tiegħek, Mulej, *

 li qed ikasbru kull ħjiel tas-sultan midluk tiegħek.

Imbierek il-Mulej għal dejjem! *

Amen! Amen!

 Glorja.

 

Ant. 2: Jiena l-għerq imnissel minn David, jiena l-kewkba tiddi ta’ filgħodu, hallelujah.

Ant. 3: Ħajjitna malajr tgħaddi, bħall-ħaxix tar-raba’; imma int minn dejjem ta’ dejjem, o Alla, hallelujah.

 

 Mulej, int kont għalina *

kenn minn nisel għal nisel.

Qabel ma twieldu l-muntanji, †

qabel ma tnisslu l-art u d-dinja, *

minn dejjem ta' dejjem int, o Alla!

Int traġġa' l-bnedmin lejn it-trab, *

u tgħidilhom: "Erġgħu lura, intom bnedmin!"

Elf sena huma għalik bħal jum ta' lbieraħ li għadda, *

jew bħal sahra tal-lejl.

 

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma. *

Huma bħall-ħaxix li jinbet fil-għodu;

fil-għodu jwarrad u jħaddar, *

fil-għaxija jidbiel u jinxef.

 

Ninsabu mifnija bil-qilla tiegħek, *

mibluha minħabba l-għadab tiegħek.

Int ġibt quddiem għajnejk ħtijietna, *

dnubietna l-moħbija fid-dawl ta' wiċċek.

 

Il-jiem kollha tagħna jgħibu minħabba qilltek, *

jintemmu bħal tnehida s-snin ta' ħajjitna.

Żmien ħajjitna hu b'kollox sebgħin sena; *

u l-iżjed tmenin, jekk inkunu f'saħħitna;

u l-biċċa l-kbira taħbit u niket; *

malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.

Min jista' jifhem il-qawwa tal-qilla tiegħek? *

Min jista' jqis il-biża' ta' l-għadab tiegħek?

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, *

sabiex aħna nimxu bil-għaqal. 

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum? *

Ħenn għall-qaddejja tiegħek.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek, *

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ferraħna daqskemm għakkistna, *

għas-snin li fihom rajna l-ħsara.

 

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek, *

u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta' Alla Sidna! *

Wettqilna inti x-xogħol ta' jdejna,

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħajjitna malajr tgħaddi, bħall-ħaxix tar-raba’; imma int minn dejjem ta’ dejjem, o Alla, hallelujah.

 

V/. Alla qajjem lill-Mulej, hallelujah.

R/. Hu jqajjem ukoll lilna bis-setgħa tiegħu, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 1 Ġw 5:13-21

 

Talb għall-midinbin

 

Għeżież, dan ktibtu lilkom, li temmnu fl-isem ta' l-Iben ta' Alla biex tkunu tafu li intom għandkom il-ħajja ta' dejjem. Din hi l-fiduċja sħiħa li għandna fih, li jekk nitolbu xi ħaġa skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna. U ladarba nafu li hu jismagħna f'dak li nitolbu, mela nafu wkoll li kull ma tlabnieh jinsab ġa għandna. 

Jekk wieħed jara lil ħuh jaqa' f'xi dnub li ma jwassalx għall-mewt, wieħed għandu jitlob, u Alla jagħtih il-ħajja. Dan qiegħed ngħidu għal min jagħmel dnub li ma jwassalx għall-mewt. Għax hemm dnubiet li jwasslu għall-mewt, imma jien m'hux għal dawn qiegħed ngħid li wieħed għandu jitlob. Kull inġustizzja hija dnub, imma mhux kull dnub iwassal għall-mewt. 

Aħna nafu li kull min hu mwieled minn Alla ma jidnibx, imma l-Iben ta’ Alla jħarsu mid-dnub u l-Ħażin ma jmissux b'idejh. Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin. Imma nafu wkoll li l-Iben ta' Alla ġie u tana d-dehen biex nagħrfu 'l Alla veru. U aħna ninsabu f'Alla veru, f'Ibnu Ġesù Kristu. Dan hu Alla l-veru, u l-ħajja ta' dejjem.

 Uliedi, ħarsu rwieħkom mill-idoli.

 

RESPONSORJU 1 Ġw 5:20; Ġw 1:18

 

R/. Nafu li l-Iben ta’ Alla ġie * U tana d-dehen biex nagħarfu ‘l Alla veru, hallelujah.

V/. Lil Alla għadu ħadd ma rah: imma l-Iben waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier, hu għarrafhulna. * U tana d-dehen biex nagħrfu ‘l Alla veru, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Tifsir fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann, ta’ San Ċirillu, isqof ta’ Lixandra

 

Jekk ma mmutx, id-Difensur ma jiġix għandkom

 

 Il-Mulej kien temm kull ma kellu jagħmel fid-dinja, iżda kien jeħtieġ li aħna jkollna sehem minn-natura tiegħu ta’ Alla, jiġifieri li aħna nintrefgħu mill-ħajja naturali tagħna u ninbidlu għalkollox biex ngħixu ħajja tassew ġdida u ta’ tjieba: dan seta’ jsir biss bl-għoti ta’ l-Ispirtu s-Santu.

L-aħjar żmien għall-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu u għat-tiswib tiegħu fina kien iż-żmien li fih is-Salvatur tagħna Ġesù Kristu kellu jħalli d-dinja.

Sakemm Kristu kien jgħix fost il-fidili tiegħu b’ġisem bħal tagħna, hu – naħseb jien – kien jidher fosthom bħala dak li jqassmilhom kull ġid; iżda meta wasal iż-żmien li fih kellu jerġa’ lura għand il-Missier kien jeħtieġ li b’xi mod jibqa’ qrib dawk li kienu jqimuh. Dan seħħ permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jgħammar fi qlubna bil-fidi, biex hekk inkunu nistgħu ngħidu: “Abba! Missier!”, u bil-ħeffa kollha nkunu nistgħu nagħmlu kull xorta ta’ għemil tajjeb. Barra minn dan, aħna nidhru ukoll qawwija u mhux mirbuħa mit-theddid tax-xitan u mit-tiġrib tal-bnedmin, għax fina hemm l-Ispirtu s-Santu, li jista’ kollox.

Kulħadd jista’ jara malajr mill-Kotba Mqaddsa tal-Patt il-qadim u tal-Patt il-ġdid kif l-Ispirtu s-Santu jbiddel għalkollox ‘il dawk li fihom jinżel jgħammar ħa jagħtihom ħajja ġdida.

Samwel il-qaddis, meta kellem lil Sawl, qallu: Jissawwab fuqek l-Ispirtu tal-Mulej u int issir bniedem ieħor. U San Pawl jgħidilna: Aħna lkoll li, b’wiċċna mikxuf, nirriflettu l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skond ma jagħtina l-Mulej li hu Spirtu.

Tara kif l-Ispirtu jbiddel f’sura oħra ‘l dawk li fihom jgħammar? Malajr ibiddel ix-xewqa għall-ħwejjeġ tad-dinja f’kontemplazzjoni tal-ħwejjeġ tas-sema, u minn nies beżżiegħa u bla ħila jagħmel nies kollhom qlubija u ħeġġa u qawwa. Bla dubju ta’ xejn dan narawh iseħħ fid-dixxipli tal-Mulej: tant twettqu bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu li qatt ma setgħu jintrebħu mill-qilla ta’ dawk li ppersegwitawhom, imma bil-qawwa kollha baqgħu sħaħ fl-imħabba ta’ Kristu.

Minnu għalhekk dak li qal is-Salvatur: Jeħtieġ nerġa’ lura lejn is-sema. Kien wasal iż-żmien tal-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu.

 

RESPONSORJU Ġw 6:48-51ab

 

R/. Jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom: imma jekk immur, nibgħatulkom. * Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għal verità kollha, hallelujah.

V/. Hu ma jgħidx xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. * Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha, hallelujah.

  

TALBA

 

Agħtina, Mulej, li l-Ispirtu Qaddis tiegħek isawwab fuqna b’qawwa kbira d-doni tiegħu, u jagħmel li nkunu dejjem nogħġbuk u li ngħixu skond ir-rieda tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

B’ferħ tassew il-Knisja tilqa’

dan il-jum qaddis u mbierek,

li jfakkarna t-tlugħ fis-sema

tal-Mulej, it-tama tagħna.

 

B’rebħa kbira fuq il-għadu,

Kristu tela’ ‘l fuq fil-għoli,

u quddiem Missieru daħal

b’ġisem veru, mimli glorja.

 

Sħaba kollha dawl ħbithulna,

biex il-fidi tqawwi t-tama,

għaliex issa d-dar miftuħa

li Adam bid-dnub kien għalaq.

 

Tifraħ l-art u jgħanni s-sema!

Bin il-Verġni, nisel tagħna,

wara swat, salib u difna,

reġa’ ngħaqad ma’ Missieru.

 

Niżżuħ ħajr għax, biex jurina

li hu salva l-bniedem kollu,

tella’ miegħu wkoll il-ġisem

u qagħad bih fit-tron tas-saltna.

 

L-istess ferħ għalhekk qed naqsmu

aħna llum mar-rwieħ tas-sema,

għax jekk Kristu tela’ ħdejhom,

iżda ma nfiridx minn magħna.

 

Int li tlajt fis-sebħ ta’ darek,

o Ġesù, lejk erfa’ qlubna;

sawwab, kif wegħedt, l-Ispirtu

tal-Missier u tiegħek fuqna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Jgħannulek ferħana dawk kollha li jgħammru fik, o Belt ta’ Alla, hallelujah.

 

Salm 86 (87)

 

Il-Mulej bena 'l Sijon *

fuq l-għoljiet imqaddsa;

hu jħobb il-bibien tagħha *

aktar mill-għamajjar kollha ta' Ġakobb.

 

O belt ta' Alla, *

ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:

"Ngħodd 'il Raħab u 'l Babel *

ma' dawk li jagħrfuni.

Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *

dawn twieldu hemm!"

U għal Sijon jingħad: *

"Lkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!

U Alla l-Għoli nnifsu *

jwettaqha f'postha."

 

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *

"Dan twieled hemm!"

U jgħannu, huma u jiżfnu, *

dawk kollha li jgħammru fik.

 Glorja.

 

Ant. 1: Jgħannulek ferħana dawk kollha li jgħammru fik, o Belt ta’ Alla, hallelujah.

Ant. 2: Bħal ragħaj jiġma l-merħla u jerfa’ l-ħrief fi ħdanu, hallelujah.

 

Kantiku Iż 40:10-17

 

Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa, *

u jaħkem bil-qawwa ta' driegħu.

Hawn hu bi ħlasu miegħu, *

u r-rebħa tiegħu quddiemu.

Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu; *

bi driegħu jiġmagħha,

u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom; *

u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.

 

Min kejjel il-baħar f'qiegħ idu, *

jew qies bix-xiber il-wisa' tas-sema?

Min ġabar it-trab ta' l-art ġo kejla, *

jew wiżen bi stasija l-muntanji,

 u b'miżien l-għoljiet?

 

Min mexxa l-ispirtu tal-Mulej, *

jew urieh x’għandu jagħmel, biex jgħallmu?

Lil min talab parir biex jiftaħlu għajnejh; *

jew biex jgħallmu jġib ruħu bil-ġustizzja,

biex jagħtih id-dawl u l-għerf, *

u jqabbdu t-triq ta' l-għaqal?

 

Ara, il-ġnus bħal qatra waħda minn barmil ilma, *

bħal għabra trab f'miżien, hekk qishom!

Ara, il-gżejjer daqs tibna t-toqol tagħhom !

Is-siġar tal-Libanu m'humiex biżżejjed *

biex bihom tagħmel in-nar;

anqas il-bhejjem tiegħu m'huma biżżejjed *

biex toffri lil Alla sagrifiċċju tal-ħruq.

Il-ġnus kollha qishom xejn quddiemu: *

huma għalih ħwejjeġ fiergħa u battala.

 Glorja.

 

Ant. 2: Bħal ragħaj jiġma l-merħla u jerfa’ l-ħrief fi ħdanu, hallelujah.

Ant. 3: Kbir il-Mulej f’Sijon: hu jaħkem fuq il-popli kollha, hallelujah.

 

Salm 98 (99)

 

Il-Mulej isaltan; jitkexkxu l-ġnus! *

Fuq il-kerubini t-tron tiegħu; ħa titheżheż l-art!

Kbir il-Mulej f'Sijon; *

hu jaħkem fuq il-popli kollha.

 

Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-biża', *

għax hu qaddis u qawwi.

Int sultan li tħobb il-ġustizzja u waqqaft is-sewwa; *

id-dritt u s-sewwa tagħmel ma' Ġakobb.

 

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, *

inxteħtu quddiem mirfes riġlejh, għax hu qaddis!

Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu, †

u Samwel fost dawk li jsejjħu ismu, *

kienu jsejjħu l-Mulej, u hu jweġibhom.

F'kolonna ta' sħab kien jitkellem magħhom; *

kienu jħarsu l-preċetti u l-liġi li tahom.

Mulej, Alla tagħna, inti smajthom; †

int Alla li tagħder kont għalihom; *

iżda tħallast ta' l-imġiba ħażina tagħhom.

 

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, †

u nxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu;

għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna!

Glorja.

 

Ant. 3: Kbir il-Mulej f’Sijon: hu jaħkem fuq il-popli kollha, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:10-11

 

Jekk Kristu jgħammar fikom, ukoll jekk il-ġisem hu mejjet minħabba d-dnub, imma l-ispirtu hu ħaj minħabba l-ġustifikazzjoni. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, dak stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

  

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Morru fid-dinja kollha, agħmlu dixxipli lill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Morru fid-dinja kollha, agħmlu dixxipli lill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, hallelujah.

  

PREĊI

 

Inbierku lil Kristu l-Mulej, li permezz tiegħu għandna fl-Ispirtu s-Santu d-dħul għal għand il-Missier. Nitolbuh u ngħidulu:

Kristu, ismagħna.

Agħti l-Ispirtu tiegħek, li hu mħabba, lil dawk li qegħdin jitħejjew għas-sagrament taż-żwieġ:

- agħmel li jibżgħu għall-ġieħ tagħhom quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Saħħaħ fil-qalb tat-tfal tagħna l-mibegħda għad-dnub:

- żomm dejjem fihom il-karattru tat-tfulija spiritwali.

Nitolbuk għal ħutna li madwarna jagħmlu ħidma sħiħa u fejjieda, moħbija minn għajnejn in-nies:

- kun int waħdek il-faraġ u l-premju tagħhom.

Ħenn għal dawk ħutna li ħallew l-imħabba tiegħek tibred fihom:

 erġa’ ħeġġiġhom fil-fidi ta’ missirijietna.

Inti lqajt lilna għall-ġieħ ta’ Alla:

- agħmel li bħalek nilqgħu lil xulxin.

 

Missierna

 

Talba

 

Agħtina, Mulej, li l-Ispirtu Qaddis tiegħek isawwab fuqna b’qawwa kbira d-doni tiegħu, u jagħmel li nkunu dejjem nogħġbuk u li ngħixu skond ir-rieda tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

Salm 118 (119):113-120

 

XV (Samek)

 

In-nies ta' żewġt iqlub nobgħodhom;

imma l-liġi tiegħek inħobbha.

Inti l-kenn u t-tarka tiegħi; *

fil-kelma tiegħek jien nittama.

 

Tbiegħdu minni, intom nies ħżiena, *

biex inħares il-kmandamenti ta' Alla tiegħi.

Żommni skond il-wegħda tiegħek, biex nibqa' ħaj; *

tħallix bla temma t-tama tiegħi.

 

Għinni int, u jiena nsalva; *

u ħsiebi jkun dejjem fil-kmandamenti tiegħek.

Int tistmell 'il kull min jitbiegħed

mill-kmandamenti tiegħek, *

 għax qarrieqa l-fehma tagħhom.

 

Bħal skart għalik il-ħżiena ta' l-art; *

għalhekk inħobb il-preċetti tiegħek.

Jitkexkex ġismi bil-biża' tiegħek; *

mid-digrieti tiegħek nibża'.

Glorja.

 

Salm 78 (79):1-5. 8-11. 13

 

O Alla, daħlu l-ġnus f'wirtek, †

niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek, *

għamlu 'l Ġerusalemm ħerba waħda.

Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek

b'ikel lit-tjur ta' l-ajru; *

 taw laħam ħbiebek lill-bhejjem ta' l-art.

Xerrdulhom demmhom bħal ilma madwar Ġerusalemm; *

u ma kienx hemm min jidfinhom.

Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien tagħna, *

għad-daħk u ż-żebliħ għal ta' madwarna.

 

Mulej, għal dejjem se tibqa' inkurlat magħna? *

Se tibqa' mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek?

 

Tiftakrilniex il-ħtijiet ta' l-imgħoddi; †

fittex ejja u lqagħna bi ħnientek, *

għax ninsabu mifnija għall-aħħar.

Għinna, o Alla, Salvatur tagħna, *

f'ġieħ is-sebħ ta' l-isem tiegħek;

eħlisna u aħfrilna dnubietna, *

minħabba l-isem tiegħek.

 

Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus: *

"Fejn hu Alla tagħhom?"

Ħa jkunu jafu l-ġnus quddiem għajnejna *

li int titħallas tad-demm li xerrdu

 tal-qaddejja tiegħek.

Ħa jasal quddiemek ilfiq l-imjassrin; *

fil-kobor tal-qawwa tiegħek

 salva 'l dawk li huma għall-mewt.

U aħna, il-poplu tiegħek

u l-merħla tal-mergħa tiegħek, *

 niżżuk ħajr għal dejjem;

minn żmien għal żmien *

 inxandru t-tifħir tiegħek.

 Glorja.

 

Salm 79 (80)

 

O Ragħaj ta' Iżrael, agħti widen, *

int li tmexxi bħal merħla 'l Ġużeppi.

Int li qiegħed fuq il-kerubini, *

iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manasse.

Qajjem il-qawwa tiegħek, *

u ejja ħa ssalvana.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

 

Mulej, Alla ta' l-eżerċti, kemm se ddum tinkorla *

minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?

Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ, *

sqejthom id-dmugħ bix-xaba'.

Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna, *

l-għedewwa tagħna jiddieħku bina.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

 

Int qlajt dielja mill-Eġittu, *

warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.

Ħejjejt l-art għaliha; *

hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.

Tgħattew l-għoljiet bid-dell tagħha, *

bħal ċedri kbar iż-żraġen tagħha.

Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha, *

sax-xmara ż-żraġen tagħha.

 

Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha, *

u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?

Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ, *

il-bhejjem tar-raba' jirgħu fiha.

 

Erġa' ejja, Alla ta' l-eżerċti; †

ħares mis-sema, u ara, *

u żur 'il din id-dielja.

 

Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek, *

ir-rimja li int kabbart għalik. 

Jinqerdu mal-ħarsa qalila ta' wiċċek *

dawk li tawha n-nar u qaċċtuha.

Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta' lemintek, *

fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.

Aħna ma nitbegħdux minnek; *

roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu ismek.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 12:13

 

Aħna lkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Tit 3:5a. 6-7

 

Alla salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u tiġdid mill-Ispirtu s-Santu, li hu xerrdu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skond it-tama li għandna.

 

 V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA ara Kol 1:12-14

 

Inroddu ħajr lill-Missier, li għamilna denji li nissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl; hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż, li bih għandha l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.

 

 V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

Agħtina, Mulej, li l-Ispirtu Qaddis tiegħek isawwab fuqna b’qawwa kbira d-doni tiegħu, u jagħmel li nkunu dejjem nogħġbuk u li ngħixu skond ir-rieda tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 Ħallieq ta’ kollox, ejja,

o Spirtu, żur lil ruħna:

bil-grazja tiegħek fawwar

il-qlub maħluqa minnek.

 

Int Difensur u Faraġ,

id-don ta’ Alla l-Għoli,

għajn ħajja, nar, imħabba,

u qawwa tar-ruħ tagħna.

 

Int turi l-qawwa t’Alla

bis-seba’ doni tiegħek:

int mill-Missier imwiegħed

biex tagħti l-kliem lil fommna.

 

Mexxina fid-dawl tiegħek,

bi mħabbtek imla qalbna,

bil-qawwa tiegħek wettaq

il-ġisem dgħajjef tagħna.

 

Biegħed minn fostna l-għadu,

fis-sliem għal dejjem żommna;

jekk int quddiemna timxi,

neħilsu minn kull deni.

 

Kun fina, w bid-don tiegħek

nagħrfu l-Missier u l-Iben

u nemmnu b’fidi sħiħa

li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej Alla tah it-tron ta’ David missieru, hallelujah.

 

Salm 131 (132)

 

I

 

Ftakar, Mulej, f'David *

u fl-hemm tiegħu kollu.

Ftakar kif hu ħalef lill-Mulej, *

u wiegħed lil Alla, il-Qawwi ta' Ġakobb:

 

"Ma nidħolx taħt is-saqaf ta' dari, *

ma nitlax fuq il-friex ta' soddti,

ma nagħlaqx għajnejja u norqod *

u anqas nagħlaq xfar għajnejja bin-ngħas,

sa ma nsib post għall-Mulej, *

għamara għal Alla, il-Qawwi ta' Ġakobb."

 

Araw, smajna bl-arka f'Efrata, *

sibnieha fir-raba' ta' Ġagħar.

Ħa nidħlu fl-għamara tiegħu, *

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta' riġlejh!

 

Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek, *

int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, *

jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

Minħabba f'David, il-qaddej tiegħek, *

twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Il-Mulej Alla tah it-tron ta’ David missieru, hallelujah.

Ant. 2: Ġesù Kristu waħdu setgħani, is-Sultan tas-slaten u Sid is-sidien, hallelujah.

 

II

 

Il-Mulej ħalef wegħda lil David, *

u żgur li ma jerġax lura minnha:

"Wieħed min-nisel tiegħek *

jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek.

 Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi *

u l-preċetti li jien nagħtihom,

uliedhom ukoll għal dejjem *

joqogħdu fuq it-tron tiegħek."

 

Għax il-Mulej għażel 'il Sijon, *

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

"Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem! *

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!

 

Bil-barka nimla l-ħażniet tagħha, *

bil-ħobż inxabba' l-foqra tagħha.

Bis-salvazzjoni nlibbes il-qassisin tagħha, *

bil-ferħ jgħajjtu l-ħbieb tagħha.

 

Hemm inqajjem qawwa lil David, *

inħejji mnara għas-sultan, il-midluk tiegħi.

Bil-mistħija nlibbes l-għedewwa tiegħu, *

imma fuqu tiddi l-kuruna tiegħu."

 Glorja.

 

Ant. 2: Ġesù Kristu waħdu setgħani, is-Sultan tas-slaten u Sid is-sidien, hallelujah.

Ant. 3: Min hu bħalek fost il-qawwija, Mulej? Min hu bħalek kbir fil-qdusija, hallelujah?

 

Kantiku Apok 11:17-18; 12:10b-12a

 

 "Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox, †

 li int u li kont, *

 talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek u bdejt issaltan.

 

 Il-ġnus imtlew bil-korla, †

 imma ġiet il-korla tiegħek *

 u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin,

 u jingħata l-ħlas mistħoqq, *

 lill-qaddejja tiegħek il-profeti,

 lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek, *

 kemm iż-żgħar u kemm il-kbar."

 "Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa,

 u s-Saltna ta' Alla tagħna, *

 u s-setgħa tal-Messija tiegħu,

 għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, *

 li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.

 

U huma ħarġu rebbieħa fuqu

 bis-saħħa ta’ demm il-Ħaruf *

 u bis-saħħa tax-xhieda li taw, 

 u xejn ma għożżew ħajjithom, *

 hekk li ħadu saħansitra l-mewt.

 Għalhekk ifirħu, smewwiet, *

 u intom li tgħammru fihom.

 Glorja.

 

Ant. 3: Min hu bħalek fost il-qawwija, Mulej? Min hu bħalek kbir fil-qdusija, hallelujah?

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 1:12-14

 

Ma tafux li l-ġisem tagħkom huwa tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu li hu fikom u li ħadtuh mingħand Alla, u li intom m’intomx tagħkom infuskom? Għax intom inxtrajtu bi prezz. Agħtu mela glorja lil Alla permezz tal-ġisem tagħkom.

 

 RESPONSORJU QASIR

 

R/. Nibagħtilkom l-Ispirtu s-Santu. * Hallelujah, hallelujah. Nibagħtilkom.

V/. Biex hu jgħallimkom kollox. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Nibagħtilkom.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha, u jħabbrilkom il-ġejjieni, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

 għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

 b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha, u jħabbrilkom il-ġejjieni, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu huwa l-imbierek għal dejjem. Nitolbuh jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-mifdija kollha tiegħu:

Mulej, ħares lejn il-mifdija kollha tiegħek.

Ibgħat l-Ispirtu ta’ l-għaqda fil-Knisja tiegħek kollha:

- ħa jeqred minn fostna kull mibegħda u firda.

Int ħlist lill-bnedmin mill-ħakma ta’ l-ispirti ħżiena:

- eħles lid-dinja kollha mill-ħażen li qiegħed iħassarha.

L-Ispirtu qanqlek għall-ministeru tiegħek waqt li kont titlob:

- agħmel li s-saċerdoti bit-talb talb tagħhom iħallu l-Ispirtu jmexxihom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Int bħal bidwi għaqli xerridt iż-żerriegħa t-tajba:

- aħseb fis-seminarji tal-kleru djoċesan u regolari fid-djoċesi tagħna.

Inti tgħix fil-glorja tal-Missier:

- sejjaħ lil ħutna l-mejtin fil-glorja tiegħek.

 

Missierna

Talba

 

Agħtina, Mulej, li l-Ispirtu Qaddis tiegħek isawwab fuqna b’qawwa kbira d-doni tiegħu, u jagħmel li nkunu dejjem nogħġbuk u li ngħixu skond ir-rieda tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĦAMIS

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 15 (16)

 

Il-Mulej is-sehem ta’ wirti

 

Alla qajjem lil Ġesù billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2:24)

 

Ħarisni, o Alla, *

 għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi, *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq: *

messni sehem tassew għal qalbi.

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:23

 

Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa, fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

 u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

  

Talba

 

Mulej Alla tagħna, agħtina l-heda u l-mistrieħ wara t-taħbit u l-għeja ta’ llum, biex bl-għajnuna tiegħek niksbu saħħa ġdida, ħalli ningħataw b’ruħna u ġisimna għall-qadi tiegħek. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.