Stampa t-test kollu ...


 IS-SIBT

TAL-X ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tas-Sibt tat-I1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

O dawl ta’ dejjem, dija ta’ Missierek,

int Xemx li qatt ma tgħib għal min iħobbok;

inroddu lil tjubitek ħajr għax ħlistna

 mid-dlam tal-mewt u l-ħtija.

 

Fi sbiħek, Xemx ħanina, r-ruħ tistaħja,

għas-sejħa tiegħek tqum ħawtiela w tħabrek,

twarrab l-imgħoddi msejken tagħha w tħaffef

 fit-triq imdawwla b’dawlek.

 

Bik ksibna r-rebħa fuq il-mewt u s-saltna

tad-dlamijiet li għal żmien twil ħakmuna;

u bil-għajnuna tiegħek nibqgħu miexja

 f’ħelsien id-dawl ta’ dejjem.

 

Ġieħ lill-Missier, u lilek, Kristu Ibnu,

u lill-Ispirtu s-Santu Faraġ tagħna:

it-tlieta Alla wieħed, għajn ħanina

 ta’ paċi w dawl u ħajja. Ammen.

 

II. Matul il-Jum

Alla, setgħa, mingħajr bidu,

Alla, għerf, minn Alla mnissel,

Alla, mħabba, li ġej minnhom,

fittex għinna w ieqaf magħna.

 

Int, ix-xewqa kollha tagħna,

kun il-hena u l-ferħ ta’ qalbna:

ħa tkun fuqna l-ħniena tiegħek,

kif fik hija t-tama tagħna.

 

O Missier u Sid il-ħlejjaq,

flimkien m’Ibnek, frott il-Verġni,

tina b’don l-Ispirtu s-Santu,

ħa jmexxina f’kull ma nagħmlu.

 

Trinità Qaddisa, ftakar

fl-opra kbira ta’ tjubitek:

int mix-xejn sawwart il-bniedem

u bid-demm għażiż salvajtu.

 

Alla wieħed tah il-ħajja,

Kristu ħabbu w tah il-fidwa;

ħa s-salib għalih għax ħabbu,

w issa jħobbu għaliex għażlu.

 

Lilek, Alla, tliet Persuni,

hena w qawwa, sliem u ħakma,

ġieħ u setgħa fl-art u s-sema,

ferħ, tifħir, imħabba w qima. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej waħdu jagħmel għeġubijiet kbar: għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Salm 135 (136)

 

I

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Roddu ħajr lil Alla fuq l-allat, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Roddu ħajr lis-Sid tas-sidien, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu waħdu jagħmel għeġubijiet kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Hu li għamel is-smewwiet bil-ħsieb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

Li firex l-art fuq l-ilmijiet, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Li għamel id-dawl il-kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Għamel ix-xemx biex taħkem fuq il-jum, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Il-qamar u l-kwiekeb biex jaħkmu fuq il-lejl *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej waħdu jagħmel għeġubijiet kbar: għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ant. 2: Hu ħareġ lil Iżrael minn ġo nofs l-Eġizzjani, b’id qawwija u bi driegħ mifrux.

 

II

 

Hu darab l-Eġizzjani f'uliedhom il-kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U ħareġ lil Iżrael minn ġo nofshom, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħariġhom b'id qawwija u bi driegħ merfugħ, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu feraq fi tnejn il-Baħar tal-Qasab, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U għadda lil Iżrael minn ġo nofsu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ġarraf il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu

 fil-Baħar tal-Qasab, *

 għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 2: Hu ħareġ lil Iżrael minn ġo nofs l-Eġizzjani, b’id qawwija u bi driegħ mifrux.

Ant. 3: Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet; hu ħelisna mill-għedewwa tagħna.

 

III

 

Hu mexxa fid-deżert il-poplu tiegħu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U xejjen slaten qawwija, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Qered slaten kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Qered lil Siħon, sultan ta' l-Amurrin, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U 'l Għog, sultan ta' Basan, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

B'wirt lil Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Meta konna magħkusin ftakar fina, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U ħelisna mill-għedewwa tagħna, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Lil kulħadd hu jagħti l-ikel, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 3: Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet; hu ħelisna mill-għedewwa tagħna.

 

V/. Triqtek, Mulej, għarrafni.

R/. Il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè Goż 24:1-7 13-28

 

It-tiġdid tal-Patt fl-art imwiegħda

 

F’dawk il-jiem: Ġożwè ġemgħa t-tribujiet kollha ta' Iżrael f'Sikem u sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-kittieba, u qagħdu quddiem Alla. U Ġożwè kellem lill-poplu kollu, u qallu: “Dan qal il-Mulej Alla ta' Iżrael: 'Missirijietkom - Teraħ missier Abraham missier Naħor - sa minn żmien il-qedem kienu jgħammru n-naħa l-oħra tax-xmara Ewfrat u jaqdu allat oħra. Jien ħadt lil missierkom Abraham min-naħa l-oħra tax-xmara Ewfrat u għaddejtu mill-art kollha ta' Kangħan u kattartlu nislu u tajtu lil Iżakk. Lil Iżakk tajtu 'l Ġakobb u 'l Għesaw; u lil Għesaw tajtu l-muntanja ta' Edom biex ikunu tiegħu; u Ġakobb u wliedu niżlu l-Eġittu. 

U bgħatt lil Mosè u lil Aron u drobt lill-Eġittu b'kull ma għamiltlu f'nofsu, u mbagħad ħriġthom minn hemm,u ħriġt lil missirijietkom mill-Eġittu u wassaltkom sa ħdejn il-baħar, u l-Eġizzjani għamlu għal wara missirijietkom bil-karrijiet u ż-żwiemel sal-Baħar tal-Qasab. U għajjtu lill-Mulej u l-Mulej tefa' dlam bejnhom u bejn l-Eġizzjani u ġab fuqhom il-baħar li għattiehom. Rajtu b'għajnejkom x'għamilt fl-Eġittu. Mbagħad intom dommtu żmien twil fid-deżert.

U tajtkom art li qatt ma ħdimtu u bliet li qatt ma bnejtu u għammartu fihom; kiltu mill-oqsma tad-dwieli u ż-żebbuġ li ma ħawwiltux.'

Għalhekk issa ibżgħu mill-Mulej u aqduh bir-reqqa u l-fedeltà; warrbu l-allat li missirijietkom qdew lil hemm mix-xmara Ewfrat u fl-Eġittu, u aqdu l-Mulej. U jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu, jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara Ewfrat, jew l-allat ta' l-Amurrin li f'arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-Mulej. 

U l-poplu kollu wieġeb, u qal: “Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra, għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li tella' lilna u lil missirijietna mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess dawn il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna u fost il-popli li minn ġo nofshom għaddejna. U l-Mulej keċċa minn quddiemna l-popli kollha u l-Amurrin li kienu jgħammru fl-art. Għalhekk aħna lkoll naqdu l-Mulej, għaliex hu Alla tagħna.”

U Ġożwè wieġeb lill-poplu: “Intom ma tifilħux taqdu l-Mulej, għaliex hu Alla qaddis, Alla għajjur; huwa ma jaħfrilkomx dnubietkom u ħtijietkom, għax jekk intom titilqu l-Mulej biex taqdu allat barranin, hu jdur kontra tagħkom, jaħqarkom u jeqridkom, wara li jkun għamlilkom il-ġid.” 

U l-poplu wieġeb lil Ġożwè: “Le! Għax aħna l-Mulej se naqdu.” Ġożwè wieġeb lill-poplu: Kunu xhieda intom għalikom infuskom, li intom għażiltu l-Mulej biex taqdu lilu.” U huma wieġbu: Nixhdu aħna.”Mela issa neħħu l-allat barranin li hemm f'nofskom, u dawwru qalbkom lejn il-Mulej, Alla ta' Iżrael.” U l-poplu kollu wieġeb lil Ġożwè: Lill-Mulej, Alla tagħna, naqdu, u lehnu nisimgħu.” 

Hekk Ġożwè dak in-nhar għamel patt mal-poplu, u tah il-liġijiet u ordnijiet f'Sikem. Ġożwè kiteb dan il-kliem kollu fil-ktieb tal-liġi tal-Mulej u ħa ġebla kbira, u waqqafha hemm taħt il-balluta li hemm fis-santwarju tal-Mulej. U Ġożwè qal lill-poplu kollu: Araw! Din il-ġebla tkun għalina xhieda, għax hi semgħet il-kliem kollu tal-Mulej li qalilna u tkun għalikom xhieda li ma tiċħdux lil Alla tagħkom.” U Ġożwè bagħat lill-poplu kulħadd fl-art tiegħu.

 

RESPONSORJU Ġoż 24:16. 24; 1 Kor 8:5. 6a

 

R/. Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra: * Lill-Mulej, Alla tagħna, naqdu u leħnu nisimgħu.

V/. Mqar jekk hemm l-hekk imsejjħa allat kemm fis-sema kemm fl-art, għalina Alla wieħed hemm. * Lill-Mulej, Alla tagħna, naqdu, u leħnu nisimgħu.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Tifsir ta’ l-isqof San Ambroġ fuq is-Salmi

 

Nitlob bl-ispirtu, imma nitlob b’moħħi wkoll

 

X’hemm aktar ħelu mis-Salmi? Dan jgħidulna David stess b’mod li jgħaxxqek: Faħħru l-Mulej għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna, għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu. U tassew: bis-Salmi l-poplu jbierek ‘l Alla u jfaħħru, għax is-Salmi huma t-tifħir tal-poplu, iċ-ċapċip ferrieħi ta’ kulħadd, il-kliem li jgħid kull wieħed minna, leħen il-Knisja kollha, l-istqarrija bil-għana tal-fidi tagħna, il-ġieħ mogħti lil min għandu s-setgħa, l-hena li jiġi mill-ħelsien, l-għajat ta’ ferħ, frott il-hena.

Is-Salm itaffi l-għadab, ibiegħed it-tħassib, ifarraġ fin-niket, hu arma ta’ ħarsien billejl u mgħallem tas-sewwa binhar; hu tarka fi żmien il-biża’, jum ta’ festa għall-qaddisin, mera ta’ hena, u rahan ta’ sliem u għaqda; bħal ċetra jgħaqqad flimkien f’għanja waħda għadd ta’ ilħna jkantaw mhux bl-istess ton; jingħad fi sbiħ il-jum u jerġa’ jinstema’ ma nżul ix-xemx.

Fis-Salmi jiltaqgħu flimkien l-għaxqa u t-tagħlim: inkantaw is-Salmi ħa nitgħaxxqu u nitgħallmuh ħa nkunu nafu. X’hemm li ma ssibux int u taqra s-Salmi? Fil-Ktieb tas-Salmi naqra dan il-kliem: Għanja ta’ mħabba u nitħeġġeġ b’xewqa kbira u qaddisa ta’ mħabba. Fis-Salmi nsib l-għaxqa tal-veritajiet li ġew irrivelati lilna, ix-xhieda tal-qawmien mill-imwiet, u d-doni li ġew imwiegħda lilna; fis-Salmi nitgħallem kif naħrab id-dnub, u kif ma nistħix jisgħob bija għal ħtijieti.

X’inhu mela s-Salm jekk mhux l-isfafar tal-virtù li bihom il-profeta qaddis, bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, iwassal fuq l-art l-għaxqa ta’ l-għana tas-sema?

Permezz tal-kordi u flawt, strumenti magħmulin minn materjal bla ħajja, is-salmista jgħaqqad flimkien ilħna jkantaw mhux bl-istess ton, u jgħolli lejn is-sema għanja ta’ tifħir lil Alla: b’hekk jgħallimna li għandna l-ewwel immutu għad-dnub ħalli mbagħad ġisimna jagħmel kull xorta ta’ għemejjel tajba u hekk il-Mulej isib l-għaxqa tiegħu fit-tjieba tagħna.

Għalhekk David jgħid li jeħtiġilna ngħannu f’qalbna, inlissnu s-Salmi f’qalbna, kif kien jagħmel San Pawl: Nitlob bl-ispirtu imma nitlob b’moħħi wkoll; inkanta s-Salmi bl-ispirtu, imma nkanta b’moħħi wkoll; b’hekk il-ħajja li ngħixu ngħixuha bil-ħsieb li niksbu l-ħwejjeġ tas-sema, u kull ma nagħmlu nagħmluh għall-istess skop; mbagħad l-hena u l-għaxqa tad-dinja ma jqanqlulniex il-passjonijiet tal-ġisem, li jtaqqlu u mhux jifdu ‘l ruħna. Tant hu minnu dan li l-profeta jgħidilna li jlissen is-Salmi għall-fidwa ta’ ruħna: Jiena nfaħħrek bl-arpa għall-fedeltà tiegħek, Alla tiegħi, ngħannilek biċ-ċetra. Qaddis ta’ Iżrael. Jifirħu xufftejja jiena u ngħannilek, tifraħ ruħi li int fdejtli.

 

RESPONSORJU Salm 91(92); 2. 4

 

R/. Tajjeb li nfaħħru l-Mulej: * Ngħannu lil ismek, int l-Għoli.

V/. Fuq l-għaxar kordi u fuq l-arqa u bid-daqq taċ-ċetra. * Ngħannu lil ismek, int l-Għoli.

 

TALBA

 

 O Alla, li minnek ġej kull ġid, fiċ-ċokon tagħna nitolbu biex fid-dawl nintebħu kif għandna nġibu ruħna sewwa, u bl-għajnuna tiegħek ngħixu hekk tabilħaqq. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Reġa’ fuqna d-dawl, jum ieħor:

niżżu ħajr bil-ferħ lil Alla,

u nfaħħruh, għax għoġbu jtina

din il-grazzja b’Ibnu Sidna.

 

Permezz tiegħu l-kobor t’Alla

tana l-lejl u l-jum fid-dinja:

ħin ta’ dlam biex fih nistrieħu,

ħin ta’ dawl biex naħdmu bieżla.

 

Iżda għalih m’hemmx ħin u ieħor,

jaħdem dejjem, qatt m’hu wieqaf;

ebda dlam jew dell madwaru,

għaliex huwa d-dawl ta’ dejjem.

 

Jalla ngħaddu dil-ġurnata

f’ħidma wtieqa, nfittxu l-glorja

tal-Missier, ħa nogħġbu ‘l Kristu,

mimlijin bl-Ispirtu s-Santu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, Mulej, u billejl il-fedeltà tiegħek.

 

Salm 91 (92)

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *

u billejl il-fedeltà tiegħek,

fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *

u bid-daqq taċ-ċetra. 

Għax inti, Mulej, ferraħtni b'għemilek; *

għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

 

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *

kemm huma għolja ħsibijietek!

Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *

u l-iblah ma jifhimhomx.

Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *

u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

lkoll għad jinqerdu għal dejjem; *

imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli.

 

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej, †

l-għedewwa tiegħek jintilfu; *

jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.

Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *

żejt ifuħ sawwabtli fuqi.

Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *

widnejja jisimgħu bit-telfa tal-ħżiena li qamu għalija.

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawwlin f'dar il-Mulej, *

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi, *

u ebda qerq ma jinsab fih.

 Glorja.

 

Ant. 1: Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, Mulej, u bil-lejl il-fedeltà tiegħek.

Ant. 2: Agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna.

 

Kantiku Dewt 32:1-12

 

Agħtu widen, smewwiet, ħa nitkellem, *

ħa tisma' l-art il-kliem ta’ fommi.

Ħa jinżel tagħlimi bħax-xita, *

u kliemi bħal qtar tan-nida, 

bħal irxiex fuq raba' jħaddar, *

bħal bexxa xita fuq il-ħxejjex.

 

Jien isem il-Mulej se nxandar; *

agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna. 

Hu l-Blata tagħna; perfett għemilu; *

u ġusti triqatu kollha. 

Ta’ kelmtu Alla, u ma jqarraqx; *

 Hu Alla ġust u sewwa.

 

Ġiebu ruħhom ħażin miegħu, † 

 m'humiex iżjed uliedu 

minħabba l-għajb tagħhom; *

 kollu qerq u tagħwiġ dan in-nisel.

Mela hekk lill-Mulej tafuhulu, *

ja poplu iblah u bla għaqal? 

M'hux hu missierek li nisslek, * 

li sawwrek u għamlek poplu?

 

Ftakar fil-jiem ta' dari, * 

qis is-snin, iż-żmien li gerbeb; 

staqsi lil missierek u jurik, *

lix-xjuħ tiegħek u jgħidulek.

 

Meta Alla l-Għoli ta lill-ġnus artijiethom *

 u fired il-bnedmin minn xulxin,

qata’ l-limiti ta’ l-art lill-popli * 

skond l-għadd ta' wlied Alla.

Imma sehem il-Mulej hu l-poplu tiegħu, * 

Ġakobb il-wirt li messu.

 

F'art imwarrba mar isibu, *

f'deżert waħxi u bla nies. 

Hu qagħad madwaru u għallmu, * 

u ħarsu bħal ħbub għajnejh.

Bħalma l-ajkla l-bejta ttajjar, *

u tisseqqer fuq il-frieħ tagħha, 

hekk huwa l-ġwienaħ firex, * 

ħadu u refgħu fuqhom. 

Il-Mulej waħdu kien il-mexxej tiegħu, *

ma kellux miegħu alla barrani.

 Glorja.

 

Ant. 2: Agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna.

Ant. 3: Kemm hu kbir ismek, Mulej, fl-art kollha!

 

Salm 8

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Int qegħedt is-sebħ tiegħek *

il fuq mis-smewwiet.

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, *

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

Kollox taħt riġlejk qegħedtlu: *

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar, *

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Glorja.

 

Ant. 3: Kemm hu kbir ismek, Mulej, fl-art kollha!

 

LEZZJONI QASIRA Rum 12:14-16a

 

Bierku lil dawk li jippersegwitawkom: bierku, u la tisħtu ‘l ħadd. Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki. Ħossu għal xulxin l-istess; taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli.

RESPONSORJU QASIR

 

R. Jifirħu xufftejja, * Jien u ngħannilek. Jifirħu.

V. U lsieni jxandar il-ġustizzja tiegħek. * Jien u ngħannilek. Glorja. Jifirħu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

 PREĊI

 

Kristu tana lilu nnifsu biex narawh u nħobbuh f’ħutna kollha, l-aktar f’dawk li huma batuti. Infaħħru t-tjieba u l-għerf tiegħu, u bil-ħrara kollha nitolbuh:

Mulej, agħtina l-imħabba perfetta.

Ilqa’ t-talb tagħna, aħna u nġeddu f’din l-għodwa t-tifkira tal-qawmien tiegħek għall-ħajja:

- nixtiequ li l-bnedmin kollha jieħdu mill-ġid tal-fidwa li tajtna.

Agħtina li llum inkunu xhieda tiegħek, Mulej:

- kun magħna biex permezz tiegħek noffru sagrifiċċju qaddis li jogħġob lill-Missier.

Agħmel li nagħrfu x-xbieha tiegħek fil-proxxmu kollu:

- u li f’kull wieħed u waħda minn ħutna naqdu lilek stess.

Kristu, inti d-dielja vera, u aħna l-friegħi:

- ħa nibqgħu fik, biex nagħmlu ħafna frott, għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

 

Missierna

 

Talba

 

Infaħħruk, Mulej, b’xufftejna, b’ruħna, bil-ħajja kollha tagħna; u ladarba l-eżistenza tagħna nafuha lilek, lilek ukoll noffru kull nifs li nieħdu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. 1 Il-Mulej jgħid: Is-smewwiet u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

 

Salm 118 (119):81-88

 

XI (Kof)

 

Ninfena bix-xewqa tas-salvazzjoni tiegħek; *

jien nittama fil-kelma tiegħek.

Għejew għajnejja jistennew il-wegħda tiegħek; *

u jien nistaqsi: "Meta se tfarraġni?"

 

Sirt qisni ġild imnixxef fid-duħħan; *

imma ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.

Kemm se jdum jistenna l-qaddej tiegħek? *

Meta se tagħmel ħaqq minn dawk li jħabbtuni?

Ħaffru l-kburin ħofra għalija, *

dawk li ma jimxux skond il-liġi tiegħek.

Sewwa huma l-kmandamenti tiegħek kollha; *

għinni int, meta bil-qerq iħabbtuni.

 

Għal ftit ma qerdunix minn din l-art; *

imma jien ma ħallejtx il-preċetti tiegħek.

Fit-tjieba tiegħek agħtini l-ħajja; *

u jiena nħares il-preċetti ta' fommok.

 

 Glorja.

 

Ant. 1 Il-Mulej jgħid: Is-smewwiet u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Ant. 2 Mulej, int sirt kenn għalija, torri qawwi quddiem l-għadu.

 

Salm 60 (61)

 

Isma', o Alla, l-għajta tiegħi, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

Minn truf l-art lilek insejjaħ, *

meta nkun qalbi maqtugħa;

minn hemm inti mexxini *

lejn il-fortizza fuq l-għolja.

 

Għax int sirt kenn għalija, *

torri qawwi quddiem l-għadu.

M'hux li kont ngħix f'għamartek għal dejjem, *

nistkenn għas-satra ta' ġwenħajk!

Għax int, o Alla, smajt il-wegħda tiegħi, *

u tajtni l-wirt ta' min iqim lil ismek.

 

Lis-sultan kattarlu ż-żmien ta' ħajtu; *

ikunu snin ħajtu minn nisel għal nisel.

Isaltan quddiem Alla għal dejjem. *

Agħmel li jħarsuh it-tjieba u l-fedeltà.

 

Hekk infaħħar ismek għal dejjem, *

jien u nrodd kuljum il-wegħdiet tiegħi.

 Glorja.

 

Ant. 2 Mulej, int sirt kenn għalija, torri qawwi quddiem l-għadu.

Ant. 3 Mill-biża ta’ l-għadu ħarisli ħajti, Mulej.

Salm 63 (64)

 

Isma', o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; *

mill-biża' ta' l-għadu ħarisli ħajti.

Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, *

mit-tixwix ta' dawk li jagħmlu l-ħażen,

dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, *

jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,

biex mill-moħba jolqtu 'l min hu bla ħtija, *

jolqtuh għal għarrieda, bla biża' ta' xejn.

Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, †

jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, *

u jgħidu: "Min se jarana?"

Ifittxu l-ħażen, †

ifasslu pjan maħsub sewwa. *

Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem!

 

Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; *

f'daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.

Minħabba lsienhom isiru ħerba; *

kull min jarahom iħarrek rasu.

U lkoll jintlew bil-biża’ ta’ Alla,

 u għemilu jxandru, *

u jifhmu sewwa kull ma għamel.

 

Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; *

jiftaħru dawk kollha ta' qalbhom safja.

 Glorja.

 

Ant. 3 Mill-biża ta’ l-għadu ħarisli ħajti, Mulej.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 8:5b-6

 

Bħalma bniedem jgħallem lil ibnu, hekk jgħallmek il-Mulej, Alla tiegħek. Mela ħares il-kmandamenti tal-Mulej, Alla tiegħek, biex timxi fi triqatu u jkollok il-biża’ tiegħu.

 

 V/. Il-biża’ tal-Mulej sinċier, u jibqa’ għal dejjem.

 R/. Il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox.

 

TALBA

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Slat 2:2b-3

 

Qawwi qalbek u oħroġ ta’ raġel. Ħares il-liġi tal-Mulej Alla tiegħek: imxi fit-triqat tiegħu, u oqgħod għall-liġijiet, għat-twissijiet, għad-digrieti u għall-preċetti li għamel hu, biex f’kull ma tagħmel issib ir-riżq.

 

V/. Mulej, mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

R/. Għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.

 

TALBA

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nar ta’ l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Qalet Marija: Xi tfisser din it-tislima? Inħossni mħawwda fija nnifsi: se nġib fid-dinja s-Sultan, u xbubiti tibqa’ bla mittiefsa.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 6:16

 

Ieqfu fit-triqat, u ħarsu; staqsu dwar il-mogħdijiet ta’ żmien ilu, liema hi t-triq it-tajba, u imxu fiha, ħalli ssibu l-mistrieħ tagħkom.

 

V/. Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem.

R/. Huma l-għaxqa ta’ qalbi.

 

TALBA

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.