Stampa t-test kollu ...


 L-ERBGĦA

TAS-VII ĠIMGĦA TAL-GĦID

 

Salmodija tal-Erbgħa tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

O Sultan etern u għoli,

li ħennejt għalina w fdejtna,

inti qridt il-mewt għal dejjem,

bik il-grazzja t’Alla rebħet

 

Tlajt glorjuż fil-leminija

tal-Missier, li tak is-setgħa

fuq il-ħlejjaq kollha tiegħu,

saltna li m’hijiex tad-dinja.

 

Hekk, Mulej, quddiemek jinżel

għarkubbtejh kulħadd: fis-sema,

fl-art, f’qiegħ l-art għemilek kollu

jadurak fil-biża’ tiegħek.

 

L-anġli mqaddsa jħarsu mriegħda

lejn ulied Adam mibdula:

jagħti l-bniedem, jifdi l-bniedem,

Alla jsaltan magħmul bniedem.

 

O Mulej, sultan tal-ħlejjaq,

li m’hemmx hena ieħor ħliefek,

kun hawnhekk il-ferħ ta’ qalbna,

kif għad tkun il-premju tagħna.

 

Nitolbuk, għalhekk, tagħtina

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

u bil-grazzja tiegħek għinna

nerfgħu ħsiebna lejn is-sema.

 

Meta fl-aħħar terġa’ tiġi

fuq is-sħab, imħallef tagħna,

tħallasniex kif jistħoqqilna,

iżda tina s-sebħ li tlifna.

 

Tifħir lilek, Kristu Sidna,

int li tlajt glorjuż fis-sema;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: It-tjieba u l-fedeltà jgħaddu quddiemek, Mulej, hallelujah.

 

Salm 88 (89):2-38

 

I

 

It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni; *

f'kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.

Għax jien għedt: "Tjubitek tibqa' sħiħa għal dejjem; *

bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek."

 

"Għamilt patt mal-magħżul tiegħi, *

ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:

'Jien nagħmel li nislek jibqa' għal dejjem, *

li f'kull żmien jibqa' sħiħ it-tron tiegħek.' "

 

Ifaħħru s-smewwiet għeġubijietek, Mulej, *

u l-fedeltà tiegħek fil-ġemgħa tal-qaddisin.

Għax min hemm fis-sema daqs il-Mulej? *

Min jixbah lill-Mulej fost dawk li hemm fis-sema?

Tal-biża' Alla fil-laqgħa tal-qaddisin, *

kbir u tal-biża' fuq dawk kollha ta' madwaru.

 

Mulej, Alla ta' l-eżerċti, min hu bħalek? *

Int qawwi, Mulej, u l-fidili tiegħek madwarek.

Int taħkem fuq il-baħar imqalleb; *

meta jqumu l-imwieġ int trażżanhom.

Int tisħaq 'il Raħab bħal midrub għall-mewt; *

bi driegħek setgħani tferrex l-għedewwa tiegħek.

 Tiegħek is-smewwiet u tiegħek l-art; *

id-dinja b'kull ma fiha int waqqaftha.

It-Tramuntana u n-Nofsinhar inti ħlaqthom; *

b'ismek jifirħu t-Tabor u l-Ħermon.

 

Driegħ kollu qawwa hu driegħek, *

b'saħħitha idek, merfugħa lemintek.

Fuq id-dritt u l-ġustizzja mibni t-tron tiegħek; *

tjieba u fedeltà jgħaddu quddiemek.

 

Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ, *

li jimxi, Mulej, fid-dawl ta' wiċċek.

B'ismek jithennew il-jum kollu, *

u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu.

Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom; *

għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.

Għax il-Mulej it-tarka tagħna; *

il-Qaddis ta' Iżrael is-sultan tagħna.

 Glorja.

 

Ant. 1: It-tjieba u l-fedeltà jgħaddu quddiemek, Mulej, hallelujah.

Ant. 2: L-Iben ta’ Alla, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled minn nisel ta’ David, hallelujah.

 

II

 

Dhert fl-imgħoddi lil ħbiebek u għedtilhom: *

"Jien qegħedt il-kuruna fuq ras wieħed qalbieni;

ħtart żagħżugħ *

u għollejtu fuq il-poplu.

Sibt 'il David, qaddej tiegħi, *

biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu;

tkun idi dejjem miegħu, *

u nsaħħu wkoll bi driegħi.

 

Ma jgħakksux l-għadu tiegħu; *

ma jbaxxihx il-bniedem ħażin.

Inxejjen quddiemu l-għedewwa tiegħu, *

u nsawwat lil min jobogħdu.

Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tjieba tiegħi; *

b'ismi tissaħħaħ il-qawwa tiegħu.

Is-setgħa ta' idejh nifrex fuq il-baħar; *

fuq ix-xmajjar taħkem il-leminija tiegħu.

 

Hu jsejjaħli: Int missieri u Alla tiegħi, *

fortizza u salvazzjoni tiegħi!

U jiena nagħmlu l-iben il-kbir tiegħi, *

l-ogħla fost is-slaten ta' l-art.

It-tjieba tiegħi fuqu nżommha għal dejjem, *

u l-patt tiegħi miegħu jibqa' sħiħ.

Nagħmel li nislu jibqa' għal dejjem; *

it-tron tiegħu jkun bħall-jiem tas-sema.

 Glorja.

 

Ant. 2: L-Iben ta’ Alla, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled minn nisel ta’ David, hallelujah.

Ant. 3: Ħlift darba għal dejjem lil David, qaddej tiegħi: nislu jibqa’ għal dejjem, hallelujah.

 

III

 

Jekk uliedu jħallu l-liġi tiegħi, *

u ma jimxux skond il-preċetti tiegħi,

jekk huma jiksru l-liġijiet tiegħi, *

u ma jħarsux il-kmandamenti tiegħi,

jien nikkastiga ħtijiethom bil-virga, *

u bis-swat il-ħażen tagħhom.

 

Iżda ma nwarrabx tjubiti minnu; *

ma niksirx il-kelma li tajtu.

Ma nonqosx mill-patt tiegħi; *

ma nerġax lura minn kelmti. 

Ħlift bi qdusiti darba għal dejjem, *

żgur li b'David ma nqarraqx.

Nislu għal dejjem jibqa'; *

it-tron tiegħu bħax-xemx quddiemi.

Bħall-qamar jibqa' għal dejjem; *

it-tron tiegħu aktar sod mis-sema."

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħlift darba għal dejjem lil David, qaddej tiegħi: nislu jibqa’ għal dejjem, hallelujah.

 

V/. Alla qajjem lil Kristu mill-imwiet, hallelujah.

R/. Hekk il-fidi tagħna hi wkoll tama f’Alla, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 1 Ġw 5:1-12

 

Din hi r-rebħa, il-fidi tagħna

 

Għeżież, kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija, hu mwieled minn Alla, u kull min iħobb lill-Missier, iħobb lil min tnissel minnu. Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla meta nħobbu 'l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta' Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu, u l-kmandamenti tiegħu m'humiex tqal: għax kull min hu mwieled minn Alla, jegħleb id-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna. Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta' Alla?

Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu verità. Tlieta huma dawk li jixhdu: l-Ispirtu, l-ilma u d-demm: u t-tlieta jaqblu fix-xhieda tagħhom. Jekk aħna nilqgħu x-xhieda tal-bnedmin, ix-xhieda ta' Alla hija aqwa; hija x-xhieda li Alla jagħti dwar Ibnu. U min jemmen fl-Iben ta' Alla għandu din ix-xhieda fih innifsu, iżda min ma jemminx f’Alla jkun igiddeb lil Alla, għax ma jkunx jilqa' x-xhieda li Alla jagħti dwar Ibnu. U x-xhieda hija din: li Alla tana l-ħajja ta' dejjem, u din il-ħajja tinsab f'Ibnu. Min għandu l-Iben għandu l-ħajja; min ma għandux l-Iben ta' Alla ma għandux il-ħajja.

 

RESPONSORJU 1 Ġw 5:6; Żak 13:1

 

R/. Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu: mhux bl-ilma biss, imma bl-ilma u d-demm: * L-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu s-sewwa, hallelujah.

V/. F’dak il-jum l-għajn tinfetaħ għad-dar ta’ David u għal dawk li jgħammru f’Ġerusalemm biex il-midneb jissaffa. * L-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu s-sewwa, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Kostituzzjoni dommatika tal-Konċilju Vatikan II, fuq il-Knisja.

(Lumen gentium, 4 et 12)

 

L-Ispirtu s-Santu fil-Knisja

 

Wara li l-Mulej temm il-ħidma li l-Missier bagħtu jagħmel fid-dinja, l-Ispirtu s-Santu, nhar Għid il-Ħamsin, kien mibgħut mis-sema biex bla heda jqaddes il-Knisja u hekk dawk kollha li jemmnu permezz ta’ Kristu jkollhom fi Spirtu wieħed id-dħul għand il-Missier. Hu l-Ispirtu tal-ħajja, għajn tnixxi l-ilma li jasal sal-ħajja ta’ dejjem: bih il-Missier jagħti l-ħajja lill-bnedmin, mejta bid-dnub, sakemm iqajjem għall-ħajja fi Kristu l-ġisem mejjet tagħhom.

L-Ispirtu jgħammar fil-Knisja u fi qlub l-insara qisu f’tempju, u fihom jitlob u jixhed li huma wlied adottivi ta’ Alla. B’kull xorta ta’ doni ġerarkiċi u kariżmatiċi, hu jżejjen il-Knisja u jmexxiha lejn is-sewwa kollu, u jgħaqqadha f’għaqda ta’ mħabba u ta’ qadi lil xulxin, u jżejjinha bil-frott tal-grazzji tiegħu.

Bil-qawwa ta’ l-Evanġelju, bla heda jsaħħaħ il-Knisja u jġeddidha sa ma jwassalha għall-għaqda sħiħa ma’ l-Għarus tagħha. Għaliex kemm l-Ispirtu u kemm l-Għarusa ta’ Kristu jgħidu lill-Mulej Ġesù: “Ejja!”

B’dan il-mod il-Knisja kollha tidher bħala l-poplu ta’ Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Ix-xirka ta’ l-insara, li għandhom l-unzjoni minn Alla l-Qaddis, ma tistax titqarraq fil-fidi, u dan turih permezz tas-sens soprannaturali tal-fidi li għandu l-poplu kollu ta’ Alla, meta l-fidili kollha, “mill-isqfijiet sa l-anqas wieħed fost il-lajċi”, juru li jaqblu lkoll flimkien f’dak li għandu x’jaqsam mal-fidi u ma’ l-imġiba nisranija.

Permezz ta’ dan is-sens tal-fidi, imqanqal u msaħħaħ mill-Ispirtu tal-verità, il-poplu kollu ta’ Alla, immexxi minn dawk li għandhom is-setgħa li jgħallmu, u ħerqan li jisma’ minnhom, jilqa’, mhux bħala kelma ta’ bniedem, imma bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi, il-kelma tal-fidi mogħtija darba lill-qaddisin, u jintrabat magħha bis-sħiħ, jifhimha aktar fil-fond, u jgħixha aktar f’ħajtu kollha.

L-istess Spirtu s-Santu jqaddes u jmexxi l-poplu ta’ Alla mhux biss bis-sagramenti u ministeri mqaddsa, u jżejjnu bil-virtujiet, imma hu u jqassam id-doni tiegħu lil kull wieħed kif jogħġbu jagħti wkoll lil kull grad ta’ fidili grazzja speċjali biex bihom ikunu jistgħu aħjar u b’ħeġġa akbar jidħlu għall-ħidmiet u għad-dmirijiet li bihom il-Knisja tkun tista’ tiġġedded u tinbena aħjar, skond ma hemm miktub: Lil kull wieħed tingħata d-dehra ta’ l-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd.

Dawn il-kariżmi, kemm dawk li huma magħrufin ħafna għax ikunu ta’ l-għaġeb u kemm dawk li wieħed ma tantx jintebaħ bihom għalkemm ikunu aktar imxerrdin fost il-fidili, huma kollha ta’ siwi kbir għall-ħtiġiet tal-Knisja, u jaqblu ħafna ma’ dak li jkun meħtieġ f’dak il-waqt: dawn il-kariżmi għalhekk għandna nilqgħuhom b’sentimenti ta’ faraġ u ta’ radd il-ħajr.

 

RESPONSORJU Ġw 7:37a. 38. 39a

 

R/. Fl-aħħar jum tal-festa Ġesù qal: Min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj; * Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, hallelujah.

V/. Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob, u minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj: * Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, hallelujah.

 

TALBA

 

 Fit-tjieba tiegħek, o Alla ħanin, żomm il-Knisja tiegħek miġmugħa fl-Ispirtu s-Santu, biex tintrabat miegħek b’qalbha kollha u tkun magħquda b’rieda waħda u safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

B’ferħ tassew il-Knisja tilqa’

dan il-jum qaddis u mbierek,

li jfakkarna t-tlugħ fis-sema

tal-Mulej, it-tama tagħna.

 

B’rebħa kbira fuq il-għadu,

Kristu tela’ ‘l fuq fil-għoli,

u quddiem Missieru daħal

b’ġisem veru, mimli glorja.

 

Sħaba kollha dawl ħbithulna,

biex il-fidi tqawwi t-tama,

għaliex issa d-dar miftuħa

li Adam bid-dnub kien għalaq.

 

Tifraħ l-art u jgħanni s-sema!

Bin il-Verġni, nisel tagħna,

wara swat, salib u difna,

reġa’ ngħaqad ma’ Missieru.

 

Niżżuħ ħajr għax, biex jurina

li hu salva l-bniedem kollu,

tella’ miegħu wkoll il-ġisem

u qagħad bih fit-tron tas-saltna.

 

L-istess ferħ għalhekk qed naqsmu

aħna llum mar-rwieħ tas-sema,

għax jekk Kristu tela’ ħdejhom,

iżda ma nfiridx minn magħna.

 

Int li tlajt fis-sebħ ta’ darek,

o Ġesù, lejk erfa’ qlubna;

sawwab, kif wegħedt, l-Ispirtu

tal-Missier u tiegħek fuqna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, Mulej, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt,

jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

 

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni. 

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, Mulej, hallelujah.

Ant. 2: Iħarsu għajnejna lejn is-sultan fi ġmielu, hallelujah.

 

Kantiku Iż 33:13-16

 

Intom li fil-bogħod tinsabu, *

isimgħu jien x'għamilt ;

intom li qegħdin fil-qrib, *

kunu afu s-setgħa tiegħi!

Il-ħatja f'Sijon twerwru, *

fuq il-ħżiena waqa' l-biża'.

Min minna se joqgħod ma' nar qerriedi? *

Min minna se joqgħod ma' nirien dejjem iħeġġu?

 

Min jimxi fis-sewwa u jgħid id-dritt, *

min jistmerr il-qligħ miksub bil-qerq,

min iwarrab idejh mir-rigali ta’ min irid jixtrih, *

min isodd widnejh biex ma jismax b'tixrid ta’ dmija,

min jagħlaq għajnejh *

 biex ma jarax il-ħażen.

 

Dan jgħammar fl-għoli: *

fortizzi taż-żonqor il-kenn tiegħu,

Il-ħobż tiegħu jsibu, *

u l-ilma qatt ma jonqsu.

 Glorja.

Ant. 2: Iħarsu għajnejna lejn is-sultan fi ġmielu, hallelujah.

Ant. 3: Il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna, hallelujah.

 

Salm 97 (98)

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida, *

għax għamel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.

 

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu, *

u d-driegħ imqaddes tiegħu.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, *

f'għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu *

mal-poplu ta' Iżrael.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, *

rat is-salvazzjoni ta' Alla tagħna.

 

Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, *

infexxu fl-għana, ifirħu u għannu!

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra, *

biċ-ċetra u bil-ħlewwa ta' l-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti; *

għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan!

 

Ħa jriegħed il-baħar u kull ma fih, *

id-dinja u kull ma jgħammar fiha.

Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom, *

u l-muntanji flimkien jgħajjtu bil-ferħ

quddiem il-Mulej, għax ġej *

biex jagħmel ħaqq mill-art;

hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, *

u mill-popli bis-sewwa.

Glorja.

 

Ant. 3: Il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 6:8-11

 

Jekk mitna ma’ Kristu, nemmnu li wkoll ngħixu miegħu. Aħna nafu li Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar : il-mewt ma ssaltanx aktar fuqu. Hu miet, miet għal darba għad-dnub ; imma issa qiegħed jgħix għal Alla. Hekk intom, qisu ruħkom mejta għad-dnub, imma ħajjin għal Alla, marbutin ma’ Kristu Ġesù.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Niżżu ħajr lil Alla, li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Niżżu ħajr lil Alla, li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, hallelujah.

 

PREĊI

 

L-Ispirtu s-Santu jixhed flimkien ma’ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Niżżu ħajr lil Alla l-Missier, u ngħidulu:

Missierna, isma’ t-talb ta’ wliedek.

Alla tas-sabar u l-faraġ, agħtina li nkunu fehma waħda bejnietna skond Kristu Ġesù:

- biex infaħħruk b’qalb waħda u fomm wieħed.

Fil-bidu tal-ħolqien l-Ispirtu tiegħek kien jittajjar fuq wiċċ l-ilma:

- agħmel li, aħna u nħarsu lejn ġmiel artna, l-ispirtu tagħna u ħsibijietna jittajjru lejk.

Tħalliniex ninħakmu mill-ispirtu tad-dinja, li qiegħda taħt is-setgħa tal-ħażin:

- agħmel li nkunu wlied ħielsa fl-Ispirtu li ġej minnek.

Mulej, il-ħarsa tiegħek tinfed il-qlub u l-Ispirtu tiegħek jgħarbel kollox:

- mexxina dejjem fit-triq tas-sinċerità u l-verità.

 

Missierna

 

Talba

 

 Fit-tjieba tiegħek, o Alla ħanin, żomm il-Knisja tiegħek miġmugħa fl-Ispirtu s-Santu, biex tintrabat miegħek b’qalbha kollha u tkun magħquda b’rieda waħda u safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

Salm 118 (119):105-112

 

XIV (Nun)

 

Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, *

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

Ħlift, u rrid inżomm kelmti, *

li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.

 

Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond il-kelma tiegħek.

Ilqa', Mulej, il-qima ta' fommi, *

u għallimni d-digrieti tiegħek.

 

Ħajti dejjem fit-tiġrif, *

imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek.

Il-ħżiena nasbuli x-xibka, *

imma jien ma warrabtx mill-preċetti tiegħek.

 

Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem; *

huma l-għaxqa ta' qalbi.

Inħajjar 'il qalbi biex tħares il-kmandamenti tiegħek, *

għal dejjem u sa l-aħħar.

 Glorja.

 

Salm 69 (70)

 

O Alla, ejja eħlisni! *

Mulej, fittex għinni!

Ħa jistħu u jinfixlu *

dawk li jfittxu jneħħuli ħajti.

Ħa jerġgħu lura mħawwda *

dawk li jifirħu bid-deni tiegħi.

 

Ħa jerġgħu lura kollhom mistħija *

dawk li jiddieħku bija.

Jithennew u jifirħu bik *

dawk kollha li jfittxuk;

jgħidu dejjem: "Kbir hu Alla," *

dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.

 

Imma jien, fqajjar u msejken; *

o Alla, fittex għinni!

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi: *

iddumx ma tgħinni, Mulej!

 Glorja.

 

Salm 74 (75)

 

Lilek infaħħru, o Alla, lilek infaħħru; *

ismek inxandru, għemilek ta' l-għaġeb inħabbru.

 

"Meta jasal il-waqt li jien għażilt, *

jien nagħmel ħaqq bis-sewwa.

Jekk titriegħed l-art u kull ma fiha, *

jiena nżomm sħaħ il-pilastri tagħha."

 

Lill-kburin ngħidilhom: "La titkabbrux"; *

u lill-ħżiena: "La terfgħux raskom."

Terfgħux kontra s-sema raskom; *

titkabbrux ma' Alla bi kliemkom.

 

Għax ebda għajnuna ma ssibu, *

la mill-lvant, la mill-punent, lanqas mid-deżert;

għax Alla hu l-imħallef: *

lil wieħed iniżżlu, lil ieħor jgħollih.

 

Il-Mulej għandu f'idu bieqja, *

bi nbid qawwi, imħawwar tajjeb;

minnha jisqihom sa l-aħħar qatra: *

il-ħżiena kollha ta' l-art jixorbuha.

 

Iżda jien għal dejjem nifraħ; *

ngħanni lil Alla ta' Ġakobb.

L-irjus kollha tal-ħżiena jitkissru; *

u jintrefgħu l-irjus tal-ġusti.

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA ara Rum 4:24-25

 

Aħna nemmnu f’dak li qajjem mill-imwiet lil Ġesù Sidna, li kien mogħti għal dnubietna u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 5:5-6a

 

Min hu dak li jirbaħ lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? Dan hu dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm.

 

 V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA ara Ef 4:23-24

 

Iġġeddu fl-ispirtu tal-fehma tagħkom u ilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.

 

 V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

 Fit-tjieba tiegħek, o Alla ħanin, żomm il-Knisja tiegħek miġmugħa fl-Ispirtu s-Santu, biex tintrabat miegħek b’qalbha kollha u tkun magħquda b’rieda waħda u safja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħallieq ta’ kollox, ejja,

o Spirtu, żur lil ruħna:

bil-grazzja tiegħek fawwar

il-qlub maħluqa minnek.

 

Int Difensur u Faraġ,

id-don ta’ Alla l-Għoli,

għajn ħajja, nar, imħabba,

u qawwa tar-ruħ tagħna.

 

Int turi l-qawwa t’Alla

bis-seba’ doni tiegħek:

int mill-Missier imwiegħed

biex tagħti l-kliem lil fommna.

 

Mexxina fid-dawl tiegħek,

bi mħabbtek imla qalbna,

bil-qawwa tiegħek wettaq

il-ġisem dgħajjef tagħna.

 

Biegħed minn fostna l-għadu,

fis-sliem għal dejjem żommna;

jekk int quddiemna timxi,

neħilsu minn kull deni.

 

Kun fina, w bid-don tiegħek

nagħrfu l-Missier u l-Iben

u nemmnu b’fidi sħiħa

li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: In-niket tagħkom għad jinbidel f’hena, hallelujah.

 

Salm 125 (126)

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon, *

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna, *

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna! *

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina, *

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku, *

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ, *

iġorru l-qatet f'idejhom.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: In-niket tagħkom għad jinbidel f’hena, hallelujah.

Ant. 2: Sew jekk ngħixu sew jekk immutu, aħna tal-Mulej, hallelujah.

 

 Salm 126 (127)

 

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *

għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *

għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †

jew li ddumu ma tistrieħu

 u li tieklu ħobż it-tbatija; *

għax jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

 

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *

ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.

Bħal vleġeġ f'id il-ġellied, *

hekk huma wlied iż-żgħożija.

 

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *

Ma jinfixilx meta jiltaqa'

 ma' l-għedewwa f'bieb il-belt.

 Glorja.

 

Ant. 2: Sew jekk ngħixu sew jekk immutu, aħna tal-Mulej, hallelujah.

Ant. 3: Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih: lilu glorja għal dejjem, hallelujah.

 

Kantiku Kol 1:12-20

 

Roddu ħajr lill-Missier, †

li għamilkom denji *

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,

 li bih għandna l-fidwa, *

il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax bih kien maħluq kollox, *

fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher †

u dak kollu li ma jidhirx, *

troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

 

Kollox bih u għalih kien maħluq, †

hu qabel kollox, *

u kollox bih qiegħed iżomm.

 

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †

hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *

fih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu,

u bid-demm tiegħu imxerred fuq is-salib, *

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih: lilu glorja għal dejjem, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 2:9-10

 

Aħna nħabbru dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, u li Alla lesta għal dawk li jħobbuh. Għax lilna Alla wrihulna permezz ta’ l-Ispirtu, għax l-Ispirtu, għax l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Nibagħtilkom l-Ispirtu s-Santu. * Hallelujah, hallelujah. Nibagħtilkom.

V/. Biex hu jgħallimkom kollox. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Nibagħtilkom.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Kristu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

 għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

 b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Kristu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar, hallelujah.

 

PREĊI

 

Flimkien ma’ l-appostli u dawk kollha li għandhom l-ewwel frott ta’ l-Ispirtu, ejjew infaħħru lil Alla u nitolbuh:

Mulej, ismagħna.

O Alla, int igglorifikajt lil Kristu fis-sema:

- agħmel li lkoll kemm aħna nagħrfu li int tinsab fil-Knisja.

Missier Qaddis, int fi Kristu wrejtna lil Ibnek il-għażiż u tridna nisimgħu lilu:

- agħmel li lkoll kemm aħna nisimgħu leħnu u nsalvaw.

Inti tħobb lill-erwieħ safja bl-Ispirtu tiegħek ta’ tjieba u ħlewwa:

- kun il-ferħ u l-hena tax-xebbiet klawstrali tad-djoċesi tagħna.

Nirrikkmandawlek, Mulej, lil ħutna l-mejtin, u l-aktar lill-ġenituri Maltin u Għawdxin li rabbew ‘l uliedhom fil-liġi tiegħek:

- qawwi t-tama tagħna fil-qawmien tagħhom mill-imwiet.

 

Missierna

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, o Alla ħanin, żomm il-Knisja tiegħek miġmugħa fl-Ispirtu s-Santu, biex tintrabat miegħek b’qalbha kollha u tkun magħquda b’rieda waħda u safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

 

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

 

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

  

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

  

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.