Stampa t-test kollu ...


IT-TLIETA TAS-VII ĠIMGĦA TAL-GĦID

Salmodija tat-Tlieta tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu l-Mulej wegħedna l-Ispirtu s-Santu: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

O Sultan etern u għoli,

li ħennejt għalina w fdejtna,

inti qridt il-mewt għal dejjem,

bik il-grazzja t’Alla rebħet

 

Tlajt glorjuż fil-leminija

tal-Missier, li tak is-setgħa

fuq il-ħlejjaq kollha tiegħu,

saltna li m’hijiex tad-dinja.

 

Hekk, Mulej, quddiemek jinżel

għarkubbtejh kulħadd: fis-sema,

fl-art, f’qiegħ l-art għemilek kollu

jadurak fil-biża’ tiegħek.

 

L-anġli mqaddsa jħarsu mriegħda

lejn ulied Adam mibdula:

jagħti l-bniedem, jifdi l-bniedem,

Alla jsaltan magħmul bniedem.

 

O Mulej, sultan tal-ħlejjaq,

li m’hemmx hena ieħor ħliefek,

kun hawnhekk il-ferħ ta’ qalbna,

kif għad tkun il-premju tagħna.

 

Nitolbuk, għalhekk, tagħtina

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

u bil-grazzja tiegħek għinna

nerfgħu ħsiebna lejn is-sema.

 

Meta fl-aħħar terġa’ tiġi

fuq is-sħab, imħallef tagħna,

tħallasniex kif jistħoqqilna,

iżda tina s-sebħ li tlifna.

 

Tifħir lilek, Kristu Sidna,

int li tlajt glorjuż fis-sema;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Iqum Alla! Jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh, hallelujah.

 

Salm 67 (68)

 

I

 

Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu; *

jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

Bħalma d-duħħan mar-riħ jixtered, †

bħalma jdub ix-xama' quddiem in-nar,

hekk jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla.

Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla, *

jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

 

Għannu lil Alla, faħħru ismu, *

wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab.

Tgħaxxqu fil-Mulej, *

aqbżu bil-ferħ quddiemu.

Missier l-iltiema u difensur tar-romol, *

hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom, †

u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom; *

imma s-suppervi telaqhom jgħammru

 fid-deżert jikwi.

O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek, *

int u tiela' mid-deżert,

triegħdet l-art, u sa s-smewwiet inħallu *

quddiem Alla tas-Sinaj, Alla ta' Iżrael.

Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla,

fuq l-art, wirt tiegħek, *

 u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha. 

Il-poplu tiegħek għammar fiha, *

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha.

 Glorja.

 

Ant. 1: Iqum Alla! Jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh, hallelujah.

Ant. 2: Alla tagħna hu Alla li jsalvana; il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna, hallelujah.

II

 

Il-Mulej Sidi jagħti ordni, *

u ħafna huma n-nisa li jagħtu l-bxara: 

"Ħarbu, ħarbu s-slaten bl-eżerċti! *

X'intom titnikkru qalb l-imrieħel?

In-nisa tad-dar qegħdin jaqsmu l-priża, †

sbieħ bħal ħamiema bi ġwienaħ bħall-fidda, *

b'rixha mżejjen b'deheb safrani.

Meta Alla li jista' kollox ferrex is-slaten, *

xita ta' silġ niżlet fuq Salmon."

 

Għolja ta' Alla hi l-għolja ta' Basan, *

għolja b'ħafna qċaċet hi l-għolja ta' Basan.

Imma għax tħares bl-għira, għolja ta' ħafna qċaċet, †

lejn l-għolja li Alla għażel b'għamartu? *

 Fiha għoġbu joqgħod il-Mulej għal dejjem.

L-imriekeb tal-Mulej eluf ta' eluf; *

bihom ġie Sidi mis-Sinaj għas-santwarju.

Int tlajt fil-għoli, bl-ilsiera warajk, †

bnedmin int ħadt b'għotjiet tiegħek, *

mqar dawk li ma ridux joqogħdu għalik, Mulej Alla.

Imbierek Sidi l-Mulej minn jum għal ieħor! *

Jieħu ħsiebna Alla, is-salvatur tagħna. 

Alla tagħna hu Alla li jsalvana; *

il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.

Alla jfarrak l-għedewwa tiegħu, *

ikisser ir-ras ta' min jimxi bil-ħażen.

Qal Sidi l-Mulej: "Minn Basan inġibhom, *

lura nġibhom minn qiegħ il-baħar,

biex tgħaddas riġlek f'demmhom,

u l-għedewwa tiegħek jikluhom il-klieb."

 Glorja.

 

Ant. 2: Alla tagħna hu Alla li jsalvana; il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna, hallelujah.

Ant. 3: Slaten ta’ l-art, għannu lil Alla, faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej, hallelujah.

 

III

 

Tfaċċa d-dħul tiegħek, o Alla, fis-santwarju, *

id-dħul ta' Alla tiegħi, is-sultan tiegħi.

L-għannejja quddiem, l-istrumenti wara, *

f'nofshom it-tfajliet bit-tanburlin:

"Bierku 'l Alla fil-laqgħat tagħkom; *

bierku l-Mulej fil-ġemgħat ta' Iżrael."

Quddiem miexi Benjamin, *

 l-iżgħar fost it-tribù,

il-kapijiet ta' Ġuda bi ħġarhom, *

il-kapijiet ta' Żabulon, il-kapijiet ta' Neftali.

Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek, *

wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.

Lejn it-tempju tiegħek f'Ġerusalemm, *

għalik is-slaten iġibu l-għotjiet.

Ċanfar dik il-bhima fil-qasab tan-Nil, *

dawk il-popli, bħal qabda gniedes

 bl-għoġiela tagħhom,

sa ma jumiljaw ruħhom u jiġuk b'rigali tal-fidda; *

ferrex il-popli li jħobbu l-gwerer. 

Ħa jiġu l-kbarat mill-Eġittu; *

tiftaħ l-Etjopja idejha lejn Alla.

 

Slaten ta' l-art, għannu lil Alla, *

faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej:

lil dak li jirkeb fuq is-smewwiet, *

fuq is-smewwiet ta' dejjem.

Arawh! Se jsamma' leħnu, leħen qawwi: *

"Agħrfu l-qawwa ta' Alla!"

 

Fuq Iżrael il-kobor tiegħu; *

fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.

Tal-biża' Alla fis-santwarju tiegħu! *

Hu Alla ta' Iżrael,

li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu. *

Imbierek Alla!

 Glorja.

 

Ant. 3: Slaten ta’ l-art, għannu lil Alla, faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej, hallelujah.

 

V/. Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar, hallelujah.

R/. Il-mewt ma ssaltanx aktar fuqu, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 1 Ġw 4:11-21

 

Alla hu mħabba

 

Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin. Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk inħobbu lil xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina. B'hekk nafu li aħna ngħammru fih u hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu. 

Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu s-Salvatur tad-dinja. Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta' Alla, Alla jgħammar fih u hu f'Alla. U aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha. Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih.

U l-imħabba ssir sħiħa fina, meta aħna nqawwu qalbna għal jum il-ħaqq, għax saħansitra f'din id-dinja aħna sirna bħalu. Fl-imħabba ma hemmx biża'; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża' 'l barra, għax il-biża' għandu x'jaqsam mal-ħaqq. Min jibża' għadu ma sabx il-milja ta' l-imħabba. Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel. 

Jekk xi ħadd jgħid: "Jiena nħobb 'l Alla’, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista' jħobb lil Alla li hu qatt ma ra? Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb 'l Alla għandu jħobb ukoll lil ħuh.

 

RESPONSORJU ara 1 Ġw 4:10. 16a; ara Iż 63:8ċ. 9ċ

 

R/. Alla ħabbna, u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietna; * Hekk aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha, hallelujah.

V/. Alla kien għalina s-salvatur; huwa fdiena fl-imħabba u l-ħniena tiegħu. * Hekk aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha, hallelujah.

 

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-ktieb “L-Ispirtu s-Santu”, ta’ l-isqof San Bażilju l-Kbir

 

Il-ħidmiet ta’ l-Ispirtu s-Santu

 

 Jista’ jkun hemm xi ħadd li ma jħossx qalbu tieħu r-ruħ u għalhekk jerfa’ ħsibijiet lejn is-sema meta jisma’ b’liema ismijiet jissemma l-Ispirtu s-Santu fl-Evanġelju? L-Evanġelju jsejjaħ lill-Ispirtu s-Santu “Spirtu ta’ Alla”, “Spirtu tal-verità”. Iżda l-isem li l-aktar jgħodd għalih u li hu tiegħu biss hu “Spirtu s-Santu”.

 Għandu jmorru dawk kollha li jridu jitqaddsu, lilu jixtiequ dawk kollha li jridu jgħixu skond is-sewwa: bil-qawwa tiegħu hu jaħjihom u jwassalhom sa fejn għandhom jaslu.

 Hu l-għajn tal-qdusija u d-dawl tal-fehma tagħna, għaliex hu, bil-qawwa tiegħu, qisu jdawwal il-ħlejjaq kollha li jifhmu ħa jaslu biex jagħrfu l-verità.

 Bħala Alla hu ‘l bogħod minna, imma hu, fit-tjieba tiegħu, jissawwab fina, u jimla kollox bil-qawwa tiegħu, iżda jingħata biss ‘il dawk li jistħoqqilhom, għalkemm mhux ‘il ilkoll indaqs, għax iqassam il-qawwa tiegħu skond il-fidi ta’ kull wieħed.

 Hu wieħed fl-essenza tiegħu, imma l-qawwa tiegħu juriha b’kull sura ta’ għeġubijiet; hu kollu kemm hu f’kull wieħed u hu kollu kemm hu f’kull imkien; jitqassam f’kulħadd bla ma jġarrab ebda nuqqas fih innifsu; jibqa’ sħiħ fih innifsu waqt li kulħadd jieħu mill-milja tiegħu, bħal raġġ ta’ xemx, li kull wieħed minnha jaħseb li qiegħed jaħji lilu biss, waqt li fil-fatt qiegħed idawwal l-art kollha u l-baħar u jimla l-arja.

 Hekk l-Ispirtu s-Santu, lil kull wieħed li hu mħejji biex jirċevih, jingħata qisu lilu biss; għalhekk isawwab f’kulħadd, u kull wieħed igawdi mit-tisħib miegħu daqs kemm tiflaħ u tippermettilu n-natura tiegħu.

 Hu jerfa’ ‘l fuq qlub il-bnedmin, jaqbad id-dgħajfin minn idhom, u ‘l dawk li mexjin fi triq il-perfezzjoni jmexxihom dejjem aktar ‘il quddiem. Hu jiddi f’dawk li tnaddfu minn kull tebgħa ta’ dnub u jagħmilhom bnedmin spiritwali, bit-tisħib tagħhom fih.

 Kif xi ħaġa ċara u trasparenti tiddi b’mod ta’ l-għaġeb malli raġġ ta’ dawl jaqa’ fuqha, u tibda xxerred hi wkoll id-dija tagħha ma’ kullimkien, hekk l-erwieħ li fihom jissawwab l-Ispirtu s-Santu jiddawwlu minnu, isiru huma wkoll spiritwali u jxerrdu l-grazzji tiegħu fl-oħrajn.

 Mill-Ispirtu mela tiġi l-grazzja li wieħed jagħraf il-ġejjieni, jifhem il-ħwejjeġ moħbija, jagħraf il-misteri; minnu t-tqassim tad-doni, il-ħsieb fil-ħwejjeġ tas-sema, iż-żfin ma’ l-Anġli; minnu l-perseveranza f’Alla, ix-xebħ ma’ Alla; minnu – u ħaġa aqwa minn din ‘il ħadd ma tista’ tiġi f’rasu – minnu li nkunu wlied Alla.

 

RESPONSORJU Rum 6:4b: 1 Ġw 3:23b; Ġud 16:15

 

R/. Tħallux lil qalbkom titħawwad: jiena sejjer għand il-Missier, u meta nittieħed minn magħkom, nibgħatilkom * L-Ispirtu tal-verità, u qalbkom tifraħ, hallelujah.

V/. Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor, * L-Ispirtu tal-verità, u qalbkom tifraħ, hallelujah.

 

TALBA

 

 O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li l-Ispirtu s-Santu jiġi jgħammar fina u jagħmilna tempju tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

B’ferħ tassew il-Knisja tilqa’

dan il-jum qaddis u mbierek,

li jfakkarna t-tlugħ fis-sema

tal-Mulej, it-tama tagħna.

 

B’rebħa kbira fuq il-għadu,

Kristu tela’ ‘l fuq fil-għoli,

u quddiem Missieru daħal

b’ġisem veru, mimli glorja.

 

Sħaba kollha dawl ħbithulna,

biex il-fidi tqawwi t-tama,

għaliex issa d-dar miftuħa

li Adam bid-dnub kien għalaq.

 

Tifraħ l-art u jgħanni s-sema!

Bin il-Verġni, nisel tagħna,

wara swat, salib u difna,

reġa’ ngħaqad ma’ Missieru.

 

Niżżuħ ħajr għax, biex jurina

li hu salva l-bniedem kollu,

tella’ miegħu wkoll il-ġisem

u qagħad bih fit-tron tas-saltna.

 

L-istess ferħ għalhekk qed naqsmu

aħna llum mar-rwieħ tas-sema,

għax jekk Kristu tela’ ħdejhom,

iżda ma nfiridx minn magħna.

 

Int li tlajt fis-sebħ ta’ darek,

o Ġesù, lejk erfa’ qlubna;

sawwab, kif wegħedt, l-Ispirtu

tal-Missier u tiegħek fuqna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej, int terġa’ tagħtina l-ħajja, biex il-poplu tiegħek jifraħ bik, hallelujah.

 

Salm 84 (85)

 

Wrejt imħabbtek, Mulej, lejn artek; *

reġġajt 'il Ġakobb lura mill-jasar.

Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek; *

ħfirtilhom dnubiethom kollha.

Reġġajt lura l-qilla tiegħek; *

taffejt is-saħna tal-korla tiegħek.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla tas-salvazzjoni tagħna, *

warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.

Se tibqa' għal dejjem tinkorla għalina? *

Se tibqa' għal dejjem tagħdab kontrina?

M'hux int li terġa' tagħtina l-ħajja, *

biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?

Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Ħa nisma' xi jgħid Alla; *

il-Mulej is-sliem ixandar,

għall-poplu u l-ħbieb tiegħu, *

u għal dawk li jafdaw fih.

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu †

għal dawk li jibżgħu minnu, *

biex jgħammar is-sebħ f'artna.

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, *

il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet, *

u l-ġustizzja mis-sema tixref.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu, *

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi, *

u s-sliem fuq il-passi tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Mulej, int terġa’ tagħtina l-ħajja, biex il-poplu tiegħek jifraħ bik, hallelujah.

Ant. 2: Ittamajt fil-Mulej, u tani s-sliem, hallelujah.

 

Kantiku Iż 26:1-4, 7-9. 12

 

Għandna belt qawwija; *

bnielha swar u ħitan għas-salvazzjoni tagħna.

Iftħu l-bibien, biex jidħol *

il-poplu ġust li jżomm is-sewwa.

 

Il-fehma tiegħu sħiħa; *

inti ssaħħaħlu s-sliem, għax fik ittama.

Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem ta’ dejjem *

għax il-Mulej hu l-blata ta' dejjem.

 

It-triq tal-ġust hi dritta; *

lill-ġust int twittilu l-mogħdija.

Fi triq il-ġudizzji tiegħek aħna nistennewk Mulej: *

ismek u t-tifkira tiegħek huma xewqa tar-ruħ.

Ruħi billejl tixtieqek, *

ifittxek bil-ħerqa l-ispirtu tiegħi ġo fija,

għax meta jingħarfu fuq l-art il-ġudizzji tiegħek, *

kull min jgħammar fid-dinja jitgħallem is-sewwa.

Mulej, int tagħtina s-sliem, *

għax kull egħmil tagħna għamiltu int għalina.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ittamajt fil-Mulej, u tani s-sliem, hallelujah.

Ant. 3: Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, għax l-art tat il-frott tagħha, hallelujah.

 

Salm 66 (67)

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna; *

idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek, *

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, †

għax trieġi l-popli bis-sewwa, *

 u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

L-art tat il-frott tagħha; *

iberikna Alla, Alla tagħna!

Iberikna Alla, u tibża' minnu *

l-art kollha, minn tarf għall-ieħor!

Glorja.

 

Ant. 3: Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, għax l-art tat il-frott tagħha, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 13:30-33

 

Alla qajjem lil Ġesù mill-imwiet: għal ħafna jiem dam jidher lil dawk li kienu jitilgħu miegħu mill-Galilija lejn Ġerusalemm; dawn issa huma xhieda tiegħu quddiem il-poplu. U għalhekk aħna qegħdin hawn: biex nagħtukom il-bxara t-tajba li l-wegħda, li Alla għamel lil missirijietna, temmha lilna, uliedhom, billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet; hekk hemm miktub fit-tieni Salm: Ibni int, illum jien nissiltek.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-Mulej qam mill-imwiet, kif kien qal; nifirħu u nithennew, għax issa qiegħed isaltan għal dejjem, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-Mulej qam mill-imwiet, kif kien qal; nifirħu u nithennew, għax issa qiegħed isaltan għal dejjem, hallelujah.

 

 PREĊI

 

Sidna Ġesù wegħedna li jibagħtilna l-Ispirtu s-Santu mingħand il-Missier. Nagħtuh glorja, u nitolbuh:

Kristu, agħtina l-Ispirtu tiegħek.

Mulej, agħmel li l-kelma tiegħek tgħammar sħiħa fl-isqfijiet u l-kleru kollu tagħna:

- biex jgħallmuna nroddulek ħajr b’salmi, innijiet u kantiċi spiritwali.

Int għamiltna wlied Alla bl-Ispirtu li tajtna:

- bl-istess Spirtu agħmel li f’art twelidna nkunu lkoll aħwa bejnietna li flimkien miegħek insejjħu lil Alla Missierna.

Ħeġġeġ lill-għaqdiet kattoliċi tagħna bl-istess Spirtu li kkonsagra lilek għall-missjoni tiegħek fuq l-art:

- għin il-ħidmiet tagħhom għall-bini tas-saltna ta’ Alla fostna.

Inti tajtna s-sliem u l-imħabba bħala frott ta’ l-Ispirtu:

- għaqqad fis-sliem u fl-imħabba bejniethom lill-ħaddiema tagħna u ‘l min iħaddimhom.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li l-Ispirtu s-Santu jiġi jgħammar fina u jagħmilna tempju tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 118 (119):97-104

 

XIII (Mem)

 

Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! *

Il-jum kollu ħsiebi fiha.

Il-kmandament tiegħek għal dejjem miegħi; *

jagħmilni egħref mill-għedewwa tiegħi.

Jien nifhem aktar mill-imgħallmin tiegħi kollha, *

għax ħsiebi fil-kmandamenti tiegħek.

Aktar mix-xjuħ jien bil-għaqal, *

għax inħares il-preċetti tiegħek.

 

Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja, *

biex inħares il-kelma tiegħek.

Mid-digrieti tiegħek qatt ma nitbiegħed, *

għax int kont li għallimthomli.

 

Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek! *

Oħla mill-għasel għal fommi.

Jien ksibt id-dehen bil-preċetti tiegħek; *

għalhekk nobgħod kull triq qarrieqa.

 Glorja.

 

Salm 73 (74)

 

I

 

Għaliex, o Alla, warrabtna għal dejjem? *

Għaliex tħeġġeġ qilltek

 kontra n-nagħaġ tal-merħla tiegħek?

Ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem, †

it-tribù li int fdejt biex ikun wirtek; *

ftakar f'Sijon, li fuqha bnejt l-għamara tiegħek.

Itla' sal-post li sar ħerba waħda: *

kollox qered l-għadu fis-santwarju.

 

Għajjtu l-għedewwa fil-post tal-laqgħat tiegħek; *

hemm waħħlu l-istendardi tar-rebħa tagħhom.

Bħal dawk li jxejjru l-mannara fl-għoli *

biex iqaċċtu s-siġar minn qalb il-bosk,

hekk huma kissru l-bibien tat-tempju, *

bl-imterqa u l-mazza farrkuhom.

 

Taw in-nar lis-santwarju tiegħek; *

kasbru għalkollox l-għamara tiegħek.

Qalu f'qalbhom: "Ħa nfarrkuhom għalkollox!" *

Ħarqu kull post imqaddes ta' Alla f'artna.

Ma għadniex naraw sinjali mis-sema,

m'hawnx iżjed profeti; *

 ħadd fostna ma jaf kemm se ndumu hekk.

 

Kemm se jdum iżebilħek l-għadu, o Alla? *

Se jibqa' jkasbarlek ismek għal dejjem?

Għaliex qiegħed iżżomm idek lura? *

Għax taħbi f'ħobbok il-leminija tiegħek?

Iżda int, Alla, sultan tiegħi sa mill-qedem; *

int tikseb ir-rebħa fl-art kollha.

 Glorja.

 

II

 

Int fridt b'qawwietek il-baħar, *

u sħaqt irjus id-draguni ta' l-ilma.

Int farrakt l-irjus tal-Levjatan, *

u tajtu b'ikel lil klieb il-baħar.

Int ftaħt għejun u widien, *

u nixxift xmajjar dejjem għaddejja.

Tiegħek il-jum u tiegħek il-lejl; *

il-kwiekeb u x-xemx int għamilthom.

Int ħażżejt it-truf kollha ta' l-art; *

is-sajf u x-xitwa inti ħlaqthom.

 

Ftakar, Mulej, kif qiegħed ikasbrek l-għadu, *

kif il-boloh qegħdin iżebilħu ismek.

Titlaqx lill-bhejjem lil min ifaħħrek; *

tinsiex għal dejjem il-ħajja tal-fqajrin tiegħek.

Żomm quddiem għajnejk il-patt tiegħek, *

għax l-art mimlija dlamijiet u qerq.

 

Tħallix l-imgħakkes fil-mistħija, *

biex il-fqajjar u l-imsejken ifaħħru ismek.

Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek; *

ftakar kif l-iblah qiegħed ikasbrek il-ħin kollu.

 

Tagħlaqx widnejk

għall-għajat ta' l-għedewwa tiegħek, *

 għall-ħsejjes bla heda ta' min jeħodha miegħek.

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA ara Atti 4:11-12

 

Din hi l-ġebla mwarrba mill-bennejja, li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd aktar ma hemm salvazzjoni, għax taħt is-sema ma hemmx isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA ara 1 Piet 3:21-22a

 

L-ilma tal-magħmudija issa jsalva lilkom ukoll; m’huwiex ilma biex inaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma hu talba li ssir lil Alla b’kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu, li qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

 

 V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:1-2

 

Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.

 

 V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

 O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li l-Ispirtu s-Santu jiġi jgħammar fina u jagħmilna tempju tal-glorja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

L-GĦASAR

  

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah

 

INNU

 

Ħallieq ta’ kollox, ejja,

o Spirtu, żur lil ruħna:

bil-grazzja tiegħek fawwar

il-qlub maħluqa minnek.

 

Int Difensur u Faraġ,

id-don ta’ Alla l-Għoli,

għajn ħajja, nar, imħabba,

u qawwa tar-ruħ tagħna.

 

Int turi l-qawwa t’Alla

bis-seba’ doni tiegħek:

int mill-Missier imwiegħed

biex tagħti l-kliem lil fommna.

 

Mexxina fid-dawl tiegħek,

bi mħabbtek imla qalbna,

bil-qawwa tiegħek wettaq

il-ġisem dgħajjef tagħna.

 

Biegħed minn fostna l-għadu,

fis-sliem għal dejjem żommna;

jekk int quddiemna timxi,

neħilsu minn kull deni.

 

Kun fina, w bid-don tiegħek

nagħrfu l-Missier u l-Iben

u nemmnu b’fidi sħiħa

li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Is-sliem għalikom, jiena hu: la tibżgħux, hallelujah.

 

Salm 124 (125)

 

Min jitma fil-Mulej hu bħall-għolja ta' Sijon, *

li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.

Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *

hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,

 minn issa u għal dejjem.

Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena

fuq l-art, wirt il-ġusti, *

 biex ma jiġrix li l-ġusti

jmiddu idejhom għall-ħażen.

 

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *

u lil dawk ta' qalbhom safja.

Imma 'l dawk li jgħawwġu triqthom †

jitlaqhom il-Mulej ma' dawk li jagħmlu l-ħażen. *

Sliem għal Iżrael!

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Is-sliem għalikom, jiena hu: la tibżgħux, hallelujah.

Ant. 2: Jittama Iżrael fil-Mulej, hallelujah.

 

Salm 130 (131)

 

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *

anqas ma ntrefgħu għajnejja;

jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *

jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

 

Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, *

bħal tarbija f'ħoġor ommha;

bħal tarbija miftuma, *

hekk hi ruħi ġewwa fija.

 

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *

minn issa u għal dejjem!

 Glorja.

 

Ant. 2: Jittama Iżrael fil-Mulej, hallelujah.

Ant. 3: Lilek jaqdu l-ħlejjaq kollha, għax int tkellimt, u huma saru, hallelujah.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

 l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

 bir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

 u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

 bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

 li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

 l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

 l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Lilek jaqdu l-ħlejjaq kollha, għax int tkellimt, u huma saru, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:26-27

 

L-Ispirtu jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu x’għandna nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u dak li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub jaf x’inhi x-xewqa ta’ l-Ispirtu, kif bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Nibgħatilkom l-Ispirtu s-Santu. * Hallelujah, hallelujah. Nibagħtilkom.

V/. Biex hu jgħallimkom kollox. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Nibagħtilkom.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi sa truf l-art, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi sa truf l-art, hallelujah.

 

PREĊI

 

Il-Mulej Ġesù ta lill-fidili tiegħu sehem fl-Ispirtu s-Santu. Nagħtuh ġieħ u glorja, u nitolbuh:

Kristu, ismagħna.

Sawwab l-Ispirtu s-Santu mingħand il-Missier fuq il-Knisja tiegħek:

- biex isaffiha, iwettaqha u jkattarha ma’ kullimkien.

Ieqaf bl-Ispirtu tiegħek mas-setgħat ċivili li jmexxuna fil-gżejjer tagħna:

- għinhom jagħmlu s-servizz tagħhom f’ismek għall-ġid tagħna lkoll.

Xerred fid-dinja kollha l-Ispirtu tiegħek, li hu missier il-foqra:

- ibagħtu jgħin u jwieżen lil kull min hu fil-bżonn.

Qaddsilna l-amministraturi tiegħek li jqassmulna s-sagramenti tiegħek:

- agħtihom li, permezz tal-liturġija mqaddsa, iħeġġu fina l-fidi li ġibilna missierna San Pawl.

Inti fdejtna bil-passjoni u l-qawmien tiegħek u t-tlugħ tiegħek fis-sema:

- agħti lil ħutna l-mejtin il-fidwa sħiħa fir-ruħ u l-ġisem.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li l-Ispirtu s-Santu jiġi jgħammar fina u jagħmilna tempju tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

 glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.