Stampa t-test kollu ...


IL-ĦAMIS

TAL-X ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ħamis tat-I1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

  

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Il-ħabbȃr tal-jum fl-għelieqi

leħnu jsemma’ biex nistenbħu;

u mis-sema Kristu jsejjaħ

l-erwieħ tagħna lejn il-ħajja.

 

Hu jwissina biex inqumu

minn-ngħas tqil li fih waqajna,

biex b’qalb safja w ħajja sewwa

nistennew il-miġja tiegħu.

 

Sbiħ il-jum dalwaqt ixerred

dija w ġmiel ta’ dawl fuq artna;

inħabirku b’għemil tajjeb,

u bit-tama tad-dawl veru.

 

Lil Ġesù bis-sogħba f’qalbna,

nitolbuh biex iseddaqna;

ma torqodx il-qalb jekk tishar

b’fehma safja w tibqa’ titlob.

 

Kristu, qajjem l-erwieħ tagħna,

mill-irbit tal-lejl eħlisna,

ħoll tad-dnub qadim il-ktajjen,

u d-dawl ġdid agħtina ngawdu.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Nerfgħu qalbna lejk, o Alla,

li ma tehda qatt taħfrilna:

naddafhielna minn kull tebgħa,

għaliex int ħanin u twajjeb.

 

Fuq din l-art nitniehdu w nolfqu,

barranin u tturufnati;

int il-port, id-dar, il-paċi,

inti waħdek l-hena tagħna.

 

Għajn tal-ħajja, kbira l-barka

ta’ min jiġi w jixrob minnek!

Verità, henjin għajnejhom

dawk li jsibu d-dawl ta’ wiċċek!

 

Kun int stess li, b’nar imħabbtek,

tħeġġeġ fina x-xewqa tiegħek;

għinna ntuk minn issa l-glorja

bit-tifkira ta’ foħritek.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Int teħlisna, Mulej, u nfaħħru ismek għal dejjem.

  

Salm 43 (44)

 

I

 

O Alla, b'widnejna aħna smajna, *

qaluhulna missirijietna,

dak li int għamilt fi żmienhom, *

li għamilt b'idek fiż-żmien l-imgħoddi.

Il-ġnus keċċejt, u lilhom ħawwilt f'arthom; *

il-popli għakkist, u lilhom frixt bħal friegħi.

 

Ma kienx b'sejfhom li huma ħadu l-art, *

jew bi driegħhom li kisbu r-rebħa;

kienet il-leminija tiegħek u d-driegħ tiegħek, *

u d-dija ta' wiċċek, għax int ħabbejthom.

 

Inti s-sultan tiegħi u Alla tiegħi, *

li tajt ir-rebħa lil Ġakobb. 

Bik nitfgħu lura l-għedewwa tagħna, *

f'ismek nirfsu fuq dawk li jqumu għalina.

 

Għax mhux fl-ark tiegħi jien nafda, *

anqas is-sejf tiegħi ma jrebbaħni.

Imma int teħlisna mill-għedewwa tagħna, *

u tfixkel 'il dawk li jobogħduna.

F'Alla niftaħru l-ħin kollu; *

ismek infaħħru għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 1: Int teħlisna, Mulej, u nfaħħru ismek għal dejjem.

Ant. 2: Aħfrilna, Mulej, u eħlisna f’ġieħ it-tjieba tiegħek.

 

II

 

Imma issa warrabtna u ċekkintna, *

ma għadekx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna.

Ġegħeltna nduru lura minn quddiem l-għadu; * 

dawk li jobogħduna ħatfulna ħwejjiġna.

Tlaqtna bħal nagħaġ għall-qatla, *

u fost il-ġnus xerridtna.

 

Begħt il-poplu tiegħek għal ħaġa żgħira; *

ma qlajtx wisq mill-bejgħ tiegħu.

Waqqajtna għaż-żebliħ tal-ġirien tagħna, *

għaċ-ċajt u t-tkasbir ta' dawk ta' madwarna.

Ġibtna fi lsien il-ġnus, *

u l-popli jħarsu lejna u jħarrku rashom.

L-għajb tiegħi quddiemi l-jum kollu, *

il-mistħija tgħattili wiċċi,

għall-kliem ta’ żebliħ u tkasbir, *

Quddiem l-għadu li jitħallas minni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Aħfrilna, Mulej, u tħallix lill-għadu jżeblaħ il-poplu ta’ wirtek.

Ant. 3: Qum, Mulej, u eħlisna, f’ġieħ it-tjieba tiegħek.

 

III

 

Dan kollu ġralna, għalkemm ma nsejniekx, *

għalkemm ma ksirniex il-patt tiegħek.

Ma dorniex mill-fehma tagħna, *

anqas ħarġu minn triqtek riġlejna.

Imma int sħaqtna f'art il-klieb selvaġġi, *

u b'dell il-mewt għattejtna.

 

Li kieku nsejna isem Alla tagħna, *

jew ftaħna idejna quddiem xi alla barrani,

ma kienx Alla b'dan jintebaħ, *

hu li jagħraf x'hemm moħbi fil-qalb?

Minħabba fik joqtluna l-jum kollu, *

jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.

Qum! Għax int rieqed, Sid tiegħi? *

Stenbaħ! La twarrabniex għal dejjem.

Għaliex taħbi wiċċek minna? *

Għaliex tinsa d-dwejjaq u t-tagħkis tagħna?

 

Għax fit-trab ninsabu mitluqa, *

mixħuta ma' l-art minn tulna.

Qum! Ejja biex tgħinna! *

Eħlisna, f'ġieħ it-tjieba tiegħek!

 Glorja.

 

Ant. 3: Qum, Mulej, u eħlisna, f’ġieħ it-tjieba tiegħek.

 

V/. Mulej, għand min immorru?

R/. Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè Ġoż 5;13-6:21

 

Il-belt qawwija ta’ l-għedewwa ssir ħerba

 

F’dawk il-jiem : Ġara li xħin kien Ġożwè ħdejn Ġeriko rafa' għajnejh u ara, ra raġel wieqaf quddiemu bix-xabla misluta, u Ġożwè resaq lejh u qallu : “Inti magħna jew ma' l-għedewwa tagħna ?” U hu wieġbu: “Le! Jien kaptan fl-eżerċtu tal-Mulej; issa ġejt.” U Ġożwè nxteħet wiċċu fl-art u beda jadurah, u qallu: “X'għandu Sidi x'jgħid lill-qaddej tiegħu?” U l-kaptan ta' l-eżerċtu tal-Mulej qal lil Ġożwè: “Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax l-art li int fuqha, hi post qaddis.” U Ġożwè għamel hekk.

Ġeriko kienet magħluqa u msakkra minħabba l-Iżraelin; ħadd ma kien joħroġ jew jidħol. 

U l-Mulej qal lil Ġożwè: “Ara, rħejt f'idejk lil Ġeriko u s-sultan tagħha, nies ta' ħila kbira. Duru dawra mal-belt, l-irġiel kollha tal-ġlied, u tagħmlu hekk għal sebat ijiem. U seba' qassisin jieħdu seba' trombi jżarżru quddiem l-Arka, u fis-seba' jum idduru mal-belt seba' darbiet, u l-qassisin idoqqu t-trombi. Mbagħad malli jdoqq il-qarn u malli tisimgħu t-tromba ddoqq, il-poplu jgħajjat għajta kbira, jiġġarrfu l-ħitan tal-belt, u l-poplu jidħol fil-belt, kulħadd minn fejn ikun.”

Ġożwè, bin Nun, sejjaħ lill-qassisin, u qalilhom: “Erfgħu l-Arka tal-Patt, u seba' qassisin jieħdu seba' trombi tal-jżarżru quddiem l-Arka tal-Mulej.”

U lill-poplu qallu: “Għaddu, u duru mal-belt, u n-nies armati jgħaddu quddiem l-Arka tal-Mulej.” 

Malli Ġożwè temm ikellem lill-poplu, seba' qassisin li kellhom is-seba' trombi jżarżru quddiem il-Mulej għaddew 'il quddiem u bdew iżarżru t-trombi, u l-Arka tal-Patt tal-Mulej kienet miexja warajhom. In-nies armati mxew quddiem il-qassisin, li kienu jdoqqu t-trombi; u l-bqija mxew wara l-Arka, mexjin u jdoqqu t-trombi.

U Ġożwè ordna lill-poplu: “Tgħajjtux u ssemmgħux leħinkom u tħallux toħroġ kelma minn fommkom, sa dakinhar li ngħidilkom: 'Għajjtu!', mbagħad għajjtu.”

U daret l-Arka tal-Mulej madwar il-belt għal darba waħda, u reġgħu lura lejn il-kamp u għaddew il-lejl hemmhekk. L-għada Ġożwè bakkar, u l-qassisin refgħu l-Arka tal-Mulej. U s-seba' qassisin li kienu jieħdu s-seba' trombi jżarżru quddiem l-Arka tal-Mulej telqu, jimxu u jdoqqu t-trombi, u n-nies armati mxew quddiemhom, u l-bqija mxew wara l-Arka tal-Mulej, mexjin u jdoqqu t-trombi. U daru darba waħda mal-belt fit-tieni jum, u reġgħu lura lejn il-kamp. Hekk għamlu għal sitt ijiem.

Fis-seba' jum imbagħad bakkru mat-tbexbix u daru seba' darbiet madwar il-belt bl-istess mod: biss dakinhar daru mal-belt seba' darbiet. Mas-seba' darba l-qassisin daqqew it-trombi u Ġożwè qal lill-poplu: “Għajjtu, għax il-Mulej takom il-belt! U l-belt tingħata għall-qerda, hi u kull ma fiha, f'ġieħ il-Mulej. Raħab iż-żienja biss tibqa' ħajja, hi u kull ma għandha f'darha, għax hi ħbiet il-messaġġiera li bgħatna. Imma intom ħarsu rwieħkom minn dak kollu li għandu jinqered li ma tieħdu xejn minnu u b'hekk twaqqgħu l-kamp ta' Iżrael fl-interdett u tħarbtuh. Kull fidda u deheb u l-oġġetti tal-bronż u l-ħadid huma kkonsagrati lill-Mulej, u jmorru fil-ħażna tal-Mulej.”

U għajjat il-poplu u daqqew it-trombi, u malli l-poplu sama' d-daqq tat-trombi għajjtu għajta kbira u l-ħitan waqgħu u l-poplu tela' għall-belt, kulħadd minn fejn kien, u qabdu l-belt f'idejhom. U qerdu kull ma kien hemm fil-belt, rġiel u nisa, żgħażagħ u xjuħ, gniedes, nagħaġ u ħmir, b'xifer ix-xabla.

 

RESPONSORJU ara Iż 25:1ab. 2ad; Lhud 11:30

 

R/. Mulej, Alla tiegħi int: infaħħrek u nsebbaħ lil ismek; * Għax il-belt għamiltha gozz ġebel, ma tinbena qatt aktar.

V/. Kien permezz tal-fidi li waqgħu l-ħitan ta’ Ġeriko wara li daru magħhom għal sebat ijiem: * Għax il-belt għamiltha gozz ġebel, ma tinbena qatt aktar.

  

LEZZJONI II

 

Qari mill’Omiliji tas-saċerdot Oriġene fuq il-Ktieb ta’ Ġożwè, bin Nun

 

Il-waqgħa ta’ Ġeriko

 

L-Iżraelin daru ma’ Ġeriko għax kien meħtieġ li tintrebaħ. U kif kellha tintrebaħ? Ma siltux ix-xwabel għaliha, ma ġarrfulhiex ħitanha bl-armi tal-gwerra, ma xejjrux il-lanez u tefgħuhomlha, iżda biss żarżru t-trombi tal-qassisin u l-ħitan tal-belt tħattew.

Fl-Iskrittura Ġeriko hi ta spiss meqjusa bħala x-xbieha tad-dinja. Fl-Evanġelju, fejn jingħad li wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm u waqa’ f’idejn il-ħallelin, għandna bla ebda dubju xbieha ta’ dak Adam li, imkeċċi mill-ġenna ta’ l-art, ġie eżiljat f’din id-dinja. L-għomja wkoll li kienu f’Ġeriko u li Ġesù fejjaq meta kien hemm huma xbieha tal-bnedmin kollha li f’din id-dinja huma fil-għama minħabba l-injuranza tagħhom: il-Mulej ġie fid-dinja biex jagħtihom id-dawl. Din hi l-belt ta’ Ġeriko, jiġifieri d-dinja li għad trid tiġġarraf, għaliex it-tmiem ta’ kollox ilu li tħabbar fil-Kotba Mqaddsa.

Kif se tintemm id-dinja? B’liema mod? Biż-żarżir tat-trombi. Ta’ liema trombi? Hu San Pawl li jħabbarhulna dan il-misteru; isimgħu x’jgħid: Ma’ l-aħħar tromba l-mejtin fi Kristu jqumu biex ma jitħassrux aktar, u l-Mulej innifsu, mal-kmand, mal-leħen ta’ l-arkanġlu u t-tromba ta’ Alla, jinżel mis-sema.

F’dak il-waqt Ġesù Sidna jirbaħ il-belt ta’ Ġeriko u jeqridha, hekk li ssalva biss il-mara żienja u l-familja kollha tagħha. Jiġi Sidna Ġesù Kristu, jgħidilna San Pawl, u jiġi mad-daqq tat-tromba.

Hu jsalva biss liż-żienja li laqgħet għandha lil dawk li marru jitkixxfu l-art, dik li, b’fidi u b’ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla, daħħlet għandha l-messaġġiera tiegħu u ħbiethom fuq il-bejt. Hu jsieħeb lil min iż-żienja mad-dar ta’ Iżrael u jħalliha tgħammar fosthom. Ma ntennux aktar il-ġrajja tagħha, ma niftakrux aktar fi ħtijietha ta’ l-imgħoddi: kienet xi darba żienja, imma issa hi xebba safja, mgħarrsa lil għarus wieħed. Kristu. Isma’ lill-Appostlu San Pawl jgħidilna dan: Għarrastkom lil għarus wieħed, bħallikieku kontu xebba safja, biex inressaqkom quddiem Kristu. Minn-nisel tagħha kien dak li darba qal: Aħna wkoll konna darba bla moħħ, konna nies li ma ridux jobdu, bnedmin li tilfu t-triq, ilsiera tal-passjonijiet u ta’ kull xorta ta’ pjaċiri.

Trid tkun taf ukoll għaliex iż-żienja m’għadhiex żienja? Isma’ mill-ġdid lil San Pawl jgħid: Minn dawn kienu xi wħud minnkom, imma issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu, u fl-ispirtu ta’ Alla tagħna. Liż-żienja, biex teħles mill-ħerba ta’ Ġeriko, dawk li marru jitkixxfu l-art tawha sinjal ta’ salvazzjoni tassew jiswa, ħajta ħamra. Hu bid-demm ta’ Kristu li l-Knisja kollha ssalva, f’Ġesù Kristu Sidna: lilu glorja u setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

RESPONSORJU Iż 49:22bċ. 26ċd; Ġw 8:28a

 

R/. Arawni, se nerfa’ jdejja fuq il-ġnus, u ngħolli l-istendard tiegħi għall-popli. * U kull bniedem ikun jaf li jien Jaħweh, il-ħellies tiegħek, il-Feddej tiegħek, il-Qawwi ta’ Ġakobb.

V/. Meta terfgħu ‘l fuq lil Bin il-bniedem, mbagħad tagħrfu li jiena hu dak li hu. * U kull bniedem ikun jaf li jien Jahweh, il-ħellies tiegħek, il-Feddej tiegħek, il-Qawwa ta’ Ġakobb.

 

TALBA

 

 O Alla, li minnek ġej kull ġid, fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex fid-dawl tiegħek nintebħu kif għandna nġibu ruħna sewwa, u bl-għajnuna tiegħek ngħixu hekk tabilħaqq. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Issa li l-Mulej bagħtilna

dil-ġurnata, għotja tiegħu,

nitolbuh biex jieqaf magħna

u jħarisna f’kull ma nagħmlu.

 

Jgħinna nrażżnu sewwa lsienna

jekk inħossu x-xewk tal-ħajja;

ma nħallux li l-frugħa taqbad

ħars għajnejna fix-xbiek tagħha.

 

Jibqgħu nodfa ħsibijietna,

ħielsa mill-bluhat qarrieqa;

it-trażżin fix-xorb u l-ikel

jitfi x-xegħla tas-suppervja.

 

Alla jtina l-grazzja ntemmu

dil-ġurnata bil-qdusija,

biex il-lejla b’qalb ferħana

niżżuħajr lit-tjieba tiegħu.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu, Alla;

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Qajjem il-qawwa tiegħek, Mulej, u ejja ħa ssalvana.

 

Salm 79 (80)

 

O Ragħaj ta' Iżrael, agħti widen, *

int li tmexxi bħal merħla 'l Ġużeppi.

Int li qiegħed fuq il-kerubini, *

iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manassi.

Qajjem il-qawwa tiegħek, *

u ejja ħa ssalvana.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

Mulej, Alla ta' l-eżerċti, kemm se ddum tinkorla *

minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?

Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ, *

sqejthom id-dmugħ bix-xaba'.

Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna, *

l-għedewwa tagħna jiddieħku bina.

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

 

Int qlajt dielja mill-Eġittu, *

warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.

Ħejjejt l-art għaliha; *

hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.

Tgħattew l-għoljiet bid-dell tagħha, *

bħal ċedri l-kbar iż-żraġen tagħha.

Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,

sax-xmara ż-żraġen tagħha.

 

Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha, *

u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?

Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ, *

il-bhejjem tar-raba' jirgħu fiha.

 

Erġa' ejja, Alla ta' l-eżerċti;

ħares mis-sema, u ara,

u żur 'il din id-dielja.

Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek, *

ir-rimja li int kabbart għalik.

 

Jinqerdu mal-ħarsa qalila ta' wiċċek *

dawk li tawha n-nar u qaċċtuha.

 

Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta' lemintek, *

fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.

 

Aħna ma nitbegħdux minnek; *

roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu ismek.

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

 Glorja.

 

Ant. 1: Qajjem il-qawwa tiegħek, Mulej, u ejja ħa ssalvana.

Ant. 2: Il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar; ħa jkun dan magħruf minn-nies kollha ta’ l-art.

 

Kantiku Iż 12:1-6

 

Inroddlok ħajr, Mulej, għaliex għadabt għalija; *

imma l-korla tiegħek reġgħet lura, u int farraġtni.

Ara, Alla hu s-salvazzjoni tiegħi ; *

jiena nittama, u ma jkollix m’niex nibża'.

Għax il-qawwa u l-għana tiegħi hu l-Mulej, *

Hu is-salvazzjoni tiegħi.

 

Kollkom ferħana, *

 timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni.

U f'dak il-jum għad tgħidu: *

"Għannu lill-Mulej, sejjħu lil ismu,

għarrfu lill-ġnus l-għeġubijiet tiegħu, *

xandru li ismu huwa fil-għoli.

Għannu lill-Mulej, għax għamel ħwejjeġ kbar; *

ħa jkun dan magħruf minn-nies kollha ta' l-art.

Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f'Sijon, *

għax kbir hu f'nofsok il-Qaddis ta' Iżrael!"

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar; ħa jkun dan magħruf minn-nies kollha ta’ l-art.

Ant. 3: Għajjtu bil-ferħ lil Alla l-Qawwi ta’ Ġakobb.

 

Salm 80 (81)

 

Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa tagħna, *

għajjtu bil-ferħ lil Alla ta' Ġakobb!

Għollu leħen ta’ l-għana, doqqu t-tnabar, *

doqqu ċ-ċetra ħelwa ma' l-arpa.

Doqqu t-tromba mal-qamar ġdid, *

mal-qamar mimli f'jum il-festa tagħna.

 

Għax dan hu kmandament għal Iżrael, *

din liġi ta' Alla ta' Ġakobb.

Dan l-ordni hu tah lil Ġużeppi, *

huwa u ħiereġ minn art l-Eġittu.

 

Kliem li ma nafux qiegħed nisma': †

"Neħħejtlek it-tagħbija minn fuq dahrek, *

ħlistlek idek mill-irfigħ tal-qoffa.

Fid-dwejjaq sejjaħtli, u jiena ħlistek; *

b'leħen moħbi, bħal f'ragħda, weġibtek;

ħdejn l-ilma ta' Meribah ġarrabtek.

 

Ismagħni, poplu tiegħi, ħa nlumek: *

Iżrael, m'hux li kont tismagħni!

Ma jkollokx alla ieħor f'nofskom, *

tinxteħitx quddiem alla barrani.

Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, †

li tellajtek mill-art ta' l-Eġittu; *

ftaħtlek ħalqek u tmajtek

 

Iżda l-poplu tiegħi ma semax minni, *

Iżrael ma riedx jaf bija.

Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta' qalbhom, *

biex imxew skond il-fehmiet tagħhom.

 

Jekk il-poplu tiegħi jisma' minni, *

jekk Iżrael jimxi fi triqati,

minnufih inniżżel l-għedewwa tagħhom, *

idi ndawwar fuq dawk li huma kontriehom.

 

Dawk li jobogħduhom jersqu jitkaxkru quddiemhom; *

din tkun xortihom għal dejjem.

U lilhom nitmagħhom b'qamħ mill-aħjar, *

inxebbagħhom bl-għasel mill-blat."

Glorja.

 

Ant. 3: Għajjtu bil-ferħ lil Alla l-Qawwi ta’ Ġakobb.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 14:17-19

 

Is-saltna ta’ Alla m’hijiex ikel u xorb, imma hi ġustizzja u sliem u grazzja fl-Ispirtu s-Santu. Min jaqdi lil Kristu f’dan, ikun jogħġob lil Alla, u l-bnedmin ikunu jġibuh. Ħalli nfittxu, mela, dak li jġib is-sliem u dak li jservi għall-edifikazzjoni ta’ xulxin.

 

RESPONSORJU QASIR

R/. Sa minn kmieni fil-għodu, * Naħseb fuqek, Mulej. Sa minn.

V/. Għax int kont għajnuna għalija. * Naħseb fuqek, Mulej. Glorja. Sa minn.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, għarraf lill-poplu tiegħek bis-salvazzjoni, u agħtina l-maħfra ta’ dnubietna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, għarraf lill-poplu tiegħek bis-salvazzjoni, u agħtina l-maħfra ta’ dnubietna.

 

PREĊI

 

Imbierek Alla Missierna, li dejjem iħares lil uliedu, u qatt ma jdawwar wiċċu mit-talb tagħhom. Nitolbuh bl-umiltà u ngħidulu:

Mulej, agħti d-dawl lil għajnejna..

Niżżuk ħajr, Mulej, għax dawwaltna permezz ta’ Ibnek:

- agħtina l-grazzja li ngawdu d-dawl tiegħu l-ġurnata kollha.

Mulej, ħa jkun l-għerf tiegħek li jmexxina llum:

- żommna fit-triq tal-ħajja l-ġdida.

Imliena bil-qawwa biex, għall-imħabba tiegħek, ikollna l-ħila nissaportu kull ma jdejjaqna:

- għinna naqduk dejjem b’qalb kbira.

Żommna llum taħt it-tmexxija tiegħek, f’kull ma naħsbu u nħossu u nagħmlu:

- agħmel li nkunu dixxipli li jobdu l-provvidenza tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej, inti hu d-dawl veru li ħlaqt id-dawl: agħtina, nitolbuk, li aħna naħsbu sewwa fuq il-ħwejjeġ qaddisa u ngħixu dejjem fid-dawl sabiħ tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. 1 Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda.

 

Salm 118 (119):65-72

 

IX (Tet)

 

Ġid għamilt mal-qaddej tiegħek, *

Mulej, skond il-kelma tiegħek.

Fehma tajba u għerf għallimni, *

għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.

 

Qabel ma għakkistni, jien kont fl-iżball; *

imma issa nħares il-kelma tiegħek.

Twajjeb int, u l-ġid tagħmel; *

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Jixluni l-kburin bil-gideb; *

imma jien b'qalbi kollha nħares il-preċetti tiegħek.

Smina bil-ħażen bħax-xaħam qalbhom; *

imma jien bil-liġi tiegħek nitgħaxxaq.

 

Swieli ta' ġid li għakkistni, *

għax tgħallimt il-kmandamenti tiegħek.

Aħjar għalija l-liġi ta' fommok *

mill-eluf ta' flejjes tad-deheb u l-fidda.

 Glorja.

 

Ant. 1 Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda.

Ant. 2 F’Alla nafda, m’għandix għax nibża’; x’jista’ jagħmilli l-bniedem?

 

Salm 55 (56):2-7b. 9-14

 

Ħenn għalija, o Alla, †

għax qegħdin ikasbruni, *

il-jum kollu jagħmlu għalija u jagħfsu fuqi.

Il-jum kollu jkasbruni l-għedewwa tiegħi, *

għax ħafna huma dawk li jeħduha miegħi.

 

Fik, Alla l-Għoli, jien nittama, *

meta jkolli għal xiex nibża'.

Bl-għajnuna ta' Alla nfaħħar kelmtu; †

f'Alla nafda, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

 

Il-jum kollu jqassu u jgħidu fuqi, *

ħsiebhom biss kif jagħmluli l-ħsara.

Jinġemgħu flimkien u jistaħbew, *

jgħassu l-mixi tiegħi.

Int għoddejt kull ċaqliqa tiegħi; †

iġma' fi flixkun id-dmugħ tiegħi. *

M'huwiex dan fil-ktieb tiegħek?

 

Mbagħad jerġgħu lura l-għedewwa tiegħi,

meta jiena nsejjaħlek. *

 Dan jien naf, li Alla hu miegħi.

Bl-għajnuna ta' Alla nfaħħar kelmtu; *

bl-għajnuna tal-Mulej infaħħar kelmtu.

F'Alla nitma, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

O Alla, jien marbut bil-wegħdiet tiegħek; *

għalhekk inroddlok sagrifiċċji ta' tifħir.

Għax mill-mewt int ħlistli 'l ħajti †

u 'l riġli mill-waqgħa, *

biex nimxi quddiem Alla fid-dawl tal-ħajjin.

 Glorja.

 

Ant. 2 F’Alla nafda, m’għandix għax nibża’; x’jista’ jagħmilli l-bniedem?

Ant. 3 M’ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, Mulej.

 

Salm 56 (57)

 

Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija, *

għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi;

għad-dell ta' ġwenħajk nistkenn, *

sakemm jgħaddi l-hemm minn fuqi.

Insejjaħ lil Alla l-Għoli, *

lil Alla, li jieħu ħsiebi.

 

Jibgħat mis-sema u jsalvani; †

jitfa' l-għajb fuq min jgħaffiġni; *

jibgħat Alla t-tjieba u l-fedeltà tiegħu. 

Ninsab mimdud qalb l-iljuni, *

li jaħtfu lill-bnedmin;

snienhom lanez u vleġeġ, *

u lsienhom sejf misnun. 

Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! *

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!

 

Xibka ħejjewli fil-mogħdija; *

għal ftit ma waqajtx fiha.

Ħofra ħaffruli quddiemi, *

iżda huma waqgħu fiha.

 

Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi; *

ħa ngħanni u ninseġ għanja:

"Qum, ruħ tiegħi, qum, arpa u ċetra! *

Ħa nqajjem sbiħ il-jum!"

Infaħħrek, Sidi, fost il-popli, *

ngħannilek fost il-ġnus;

għax m'ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, *

sas-sħab il-fedeltà tiegħek.

 

Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! *

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!

 Glorja.

 

Ant. 3 M’ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, Mulej.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Gal 5:13-14

 

Intom, ħuti, kontu msejjħa biex tkunu ħielsa. Biss qisu li dan il-ħelsien ma tin qdewx bih biex isserrħu l-passjonijiet tagħkom, iżda biex taqdu ‘l xulxin fl-imħabba. Għax il-liġi tinġabar kollha kemm hi f’kelma waħda, jiġifieri, ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’.

 

 V/. Jien niġri fit-triq tal-kmandamenti tiegħek.

 R/. Għax int saħħaħtli qalbi.

 

Talba

 

O Alla, f’din is-siegħa tal-ġurnata inti bgħatt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli huma u jitolbu; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex, fit-tjieba tiegħek, tagħti lilna wkoll sehem minn din il-grazzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Gal 5:16-17

 

Imxu fl-Ispirtu, u taqtgħux ix-xewqat tal-ġisem. Il-ġibdiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ.

 

 V/. Twajjeb int, Mulej, u l-ġid tagħmel.

 R/. Għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, li għalik ma hemm xejn mudlam jew fid-dell, ixħet fuqna d-dija tad-dawl tiegħek, biex nitgħallmu sewwa l-liġi u l-kmandamenti tiegħek, u nibqgħu dejjem miexja fi triqtek b’qalb kbira u fidila. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Gal 5:22. 23a. 25

 

Il-frott ta’ l-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu.

 

 V/. Mulej, għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi.

 R/. L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

Talba

 

Agħmel, Mulej, li aħna nimtlew b’dak is-sabar li Ibnek il-waħdieni wriena f’ħajtu, biex meta jżurna t-tiġrib u l-għawġ nibqgħu sħaħ sa l-aħħar. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mulej Alla, Sid tal-glorja,

li bid-dawl tal-jum sebbaħtna,

f’riġlejk nersqu w bit-talb tagħna

lilek noffru dan il-ghasar.

 

Din ix-xemx, li qed tħallina,

sejra ddawwal popli oħra,

waqt li fuqna ftit ħin ieħor

jiġi l-lejl bi dlamijietu.

 

F’dan il-ħin għażiż ta’ ġabra,

nitolbuk, Mulej, bil-qima:

la tħallix id-dlam ikiddna

wara l-għeja tal-ġurnata.

 

O Mulej, quddiem setegħtek

fl-art u s-sema l-ħlejjaq kollha

għandhom jinżlu għarkubbtejhom,

u kulħadd jistqarrek b’Sidu.

 

Imma żommna dejjem nishru

sa ma jgħib il-jum tad-dinja,

ħalli mbagħad, bil-grazzja tiegħek,

nithennew bid-dawl ta’ wiċċek.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tasal.

 

Salm 71 (72)

 

I

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek, *

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja, *

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.

 

Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu, *

tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja.

Hu jħares id-dritt ta' l-imsejknin tal-poplu, *

isalva l-fqajrin u jrażżan 'il min jgħakkishom.

Ħa jdum kemm iddum ix-xemx; *

kemm idum il-qamar, minn żmien għal żmien.

 

Jinżel bħax-xita fuq ir-raba' maħsud, *

bħal ħalba xita li ssaqqi l-art bil-għatx.

Tħaddar f'jiemu l-ġustizzja, *

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

Isaltan minn baħar sa baħar, *

u mix-Xmara sa truf l-art.

 

Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa tiegħu; *

dawk li huma kontrih it-trab jilagħqu.

Is-slaten ta' Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali; *

is-slaten ta' Xeba u ta' Saba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha, *

il-ġnus kollha lilu jaqdu.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tasal.

Ant. 2: Il-Mulej isalva l-fqajrin u jeħlishom mill-moħqrija.

 

II

 

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, *

u lill-imsejken li m'għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; *

il-ħajja tal-fqajrin isalva.

Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; *

demmhom għażiż quddiem għajnejh.

 

Ħa jgħix is-sultan għal dejjem, *

jingħata lilu deheb ta' Xeba!

Ħa jitolbu għalih dejjem, *

u jberkuh il-jum kollu!

Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, *

jogħla sal-qċaċet ta' l-għoljiet.

Ikun il-frott tiegħu bħal-Libanu, *

iħaddru l-uċuħ bħall-ħaxix tar-raba'.

 

Ismu jibqa' jissemma għal dejjem; *

idum ismu sakemm iddum ix-xemx!

Bih jitbierku l-ġnus kollha ta' l-art; *

il-popli kollha jsejjħulu hieni. 

Imbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, *

li waħdu jagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.

Imbierek għal dejjem l-isem imsebbaħ tiegħu; *

timtela l-art kollha bis-sebħ tiegħu! Amen! Amen!

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Il-Mulej isalva l-fqajrin u jeħlishom mill-moħqrija.

Ant. 3: Ġiet is-salvazzjoni u s-saltna ta’ Alla tagħna.

 

Kantiku Apok 11:17-18 ; 12:10b-12a

 

Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox, †

 li int u li kont, *

 talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek u bdejt issaltan.

 

 Il-ġnus imtlew bil-korla, †

 Imma ġiet il-korla tiegħek * 

 u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin 

 u jingħata l-ħlas mistħoqq, *

 lill-qaddejja tiegħek il-profeti,

 lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek, *

 kemm iż-żgħar u kemm il-kbar. 

 Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, 

 u s-Saltna ta' Alla tagħna, * 

 u s-setgħa tal-Messija tiegħu, 

 għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, *

 li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.

 U huma ħarġu rebbieħa fuqu

 bis-saħħa ta’ demm il-Ħaruf *

 u bis-saħħa tax-xhieda li taw, 

 u xejn ma għożżew ħajjithom, *

 hekk li ħadu saħansitra l-mewt.

 Għalhekk ifirħu, smewwiet, *

 u intom li tgħammru fihom. 

 Glorja lill-Missier.......

 

Ant. 3: Ġiet is-salvazzjoni u s-saltna ta’ Alla tagħna.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 1:22-23

 

Wara li naddaftu rwieħkom billi qgħadtu għall-kelma tas-sewwa biex ikollkom tassew l-imħabba ta’ l-aħwa, ħobbu lil xulxin b’qalbkom kollha u b’qawwa kbira. Intom twelidtu mill-ġdid, mhux minn nisel li jitħassar imma minn nisel li ma jitħassarx, bis-saħħa tal-kelma ta’ Alla li tgħix u tibqa’ għal dejjem.

 

 RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi * Xejn ma jonqosni. Il-Mulej.

V/. F’mergħat kollhom ħdura jqegħedni. * Xejn ma jonqosni. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej xabba’ lil dawk li huma bil-ġuħ tal-ġustizzja u mliehom b’kull ġid.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej xabba’ lil dawk li huma bil-ġuħ tal-ġustizzja u mliehom b’kull ġid.

 

PREĊI

 

Il-Mulej u s-Salvatur tagħna jbierek lill-poplu tiegħu b’kull barka spiritwali. Nerfgħu ħsibijietna lejh b’radd il-ħajr, u b’devozzjoni kbira nitolbuh:

Mulej, bierek lill-poplu tiegħek.

Alla ħanin, ħares lill-Papa u lill-Isqof tagħna:

- żommhom qawwijin u sħaħ għall-ġid tal-Knisja tiegħek.

Kun twajjeb, Mulej, ma’ għażiża art twelidna:

- biegħed minnha kull xorta ta’ deni u ħsara.

Iġbor lil uliedek kollha madwar il-mejda tiegħek:

- agħmel li ħafna minnhom jimxu warajk aktar mill-qrib fis-safa, fil-faqar u fl-ubbidjenza.

Ħaruf ta’ Alla, ieqaf max-xebbiet ulied gżiritna li kkonsagrawlek il-verġnità tagħhom:

- agħtihom li jimxu warajk kull fejn tmur.

Qiegħed lil ħutna l-mejtin fil-mistrieħ u s-sliem tiegħek għal dejjem:

- saħħaħ l-għaqda tagħhom magħna bix-xirka ta’ kull ġid spiritwali.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej, aħna naqdu dmirna billi noffrulek dan it-tifħir ta’ filgħaxija, nitolbu l-ħniena tiegħek biex qalbna ma tehda qatt taħseb fuq il-liġi tiegħek u nħarsuha, ħalli jogħġbok tagħtina d-dawl u l-premju tal-ħajja ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĦAMIS

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina gĦall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. ImbagĦad jingĦad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 15 (16)

 

Il-Mulej is-sehem ta’ wirti

Alla qajjem lil Ġesù billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2:24)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi, *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq: *

messni sehem tassew għal qalbi.

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:23

 

Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa, fl-ispirtu, fir ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej Alla tagħna, agħtina l-heda u l-mistrieħ wara t-taħbit u l-għeja ta’ llum, biex bl-għajnuna tiegħek niksbu saħħa ġdida, ħalli ningħataw b’ruħna u ġisimna għall-qadi tiegħek. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.