Stampa t-test kollu ...


14 ta’ Mejju

SAN MATTIJA, APPOSTLU

FESTA

Mill-Komun ta’ l-Appostli

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Hallelujah, il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Hallelujah, il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Hallelujah, il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Hallelujah, il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh, hallelujah.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Hallelujah, il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Hallelujah, il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, il-Mulej hu s-Sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Alla wera pjan ta’ l-għaġeb

meta ġejt magħżul Mattija,

biex tkun wieħed mill-appostli,

xhud ta’ Kristu u l-qawmien tiegħu.

 

Id-dixxiplu li kien biegħu

ħalla l-post tal-ministeru,

u, bla tama f’qalbu msejkna,

mar temm ħajtu w kasbar ismu.

 

Bla dewmien, l-Ispirtu s-Santu

fisser ħsiebu b’xufftejn Pietru;

biex jimtlew il-post ta’ Ġuda

tefgħu x-xorti u waqgħet fuqek.

 

Mogħni b’dan l-uffiċċju mqaddes,

int xerridt id-dawl fil-popli,

u tajt demmek biex sa l-aħħar

ma tiqafx tistqarr lil Kristu.

 

La ċċaħħadna qatt, Mattija,

mill-għajnuna tat-talb tiegħek,

biex minn qalbna dejjem nagħmlu

li jnebbaħna bih l-Ispirtu.

 

Ġieħ, tifħir u glorja ‘l Alla:

lejh bil-qima nerfgħu ruħna

ħa jqawwina bik, sat-temma

tax-xewqat qaddisa tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ma’ l-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom, hallelujah.

Salm 18 (19)A

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, *

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, *

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Ma' l-art kollha jasal leħenhom, *

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

 

Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †

u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu,

ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,

minn truf is-smewwiet hi toħroġ, †

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *

xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ma’ l-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom, hallelujah.

Ant.2: Għemil il-Mulej ixandru, u jifhmu sewwa kull ma għamel, hallelujah.

 

Salm 63 (64)

 

Isma', o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; *

mill-biża' ta' l-għadu ħarisli ħajti.

Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, *

mit-tixwix ta' dawk li jagħmlu l-ħażen,

dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, *

jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,

biex mill-moħba jolqtu 'l min hu bla ħtija, *

jolqtuh għal għarrieda, bla biża' ta' xejn.

 

Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, †

jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, *

u jgħidu: "Min se jarana?"

Ifittxu l-ħażen, †

ifasslu pjan maħsub sewwa. *

Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem!

 

Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; *

f'daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.

Minħabba lsienhom isiru ħerba; *

kull min jarahom iċaqlaq rasu.

U lkoll jimtlew bil-biża’ ta’ Alla,

għemilu jxandru, *

 u jifhmu sewwa kull ma għamel.

 

Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; *

jiftaħru dawk kollha ta' qalbhom safja.

 Glorja.

 

Ant.2: Għemil il-Mulej ixandru, u jifhmu sewwa kull ma għamel, hallelujah.

Ant. 3: Ixandru l-ġustizzja tiegħu, jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu, hallelujah.

 

Salm 96 (97)

 

Il-Mulej isaltan; jitkexkxu l-ġnus! *

Fuq il-kerubini t-tron tiegħu; ħa titheżheż l-art!

Kbir il-Mulej f'Sijon; *

hu jaħkem fuq il-popli kollha.

 

Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-biża', *

għax hu qaddis u qawwi.

Int sultan li tħobb il-ġustizzja

u waqqaft is-sewwa; *

 id-dritt u s-sewwa tagħmel ma' Ġakobb.

 

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, *

inxteħtu quddiem mirfes riġlejh, għax hu qaddis!

 

Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu, †

u Samwel fost dawk li jsejjħu ismu, *

kienu jsejjħu l-Mulej, u hu jweġibhom.

F'kolonna ta' sħab kien jitkellem magħhom; *

kienu jħarsu l-preċetti u l-liġi li tahom.

Mulej, Alla tagħna, inti smajthom; †

int Alla li tagħder kont għalihom; *

iżda tħallast ta' l-imġiba ħażina tagħhom.

 

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, †

u nxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu; *

għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna!

 Glorja.

 

Ant. 3: Ixandru l-ġustizzja tiegħu, jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu, hallelujah.

 

V/. Huma xandru tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu, hallelujah

R/. U l-għeġubijiet li għamel, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli Atti 5:12-32

 

L-Appostli fil-Knisja tal-bidu

 

 F’dawk il-jiem: Bis-saħħa ta' l-Appostli kienu jsiru ħafna sinjali u mirakli fost il-poplu. U huma lkoll qalb waħda kienu jinġabru flimkien fil-portiku ta' Salamun, u ħadd mill-oħrajn ma kien jissogra jissieħeb magħhom; imma kulħadd kien ifaħħarhom ħafna. L-għadd ta' dawk li kienu jemmnu fil-Mulej, sew irġiel sew nisa, kien dejjem jiżdied u joktor, hekk li kienu wkoll iġorru l-morda tagħhom fuq sodod u mtieraħ u jqegħduhom fil-pjazez biex, xħin jgħaddi Pietru, jaqa' mqar id-dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom. In-nies kienu jiġu mill-ibliet ta' madwar Ġerusalemm, iġorru l-morda u ‘l dawk li kienu maħkuma mill-ispirti ħżiena: u lkoll kienu jfiqu.

 Mbagħad qam il-qassis il-kbir u sħabu kollha mill-partit tas-Sadduċej, u, mimlijin bl-għira għall-appostli, meddew idejhom fuqhom u xeħtuhom fil-ħabs pubbliku. Iżda billejl anġlu tal-Mulej fetaħ il-bibien tal-ħabs, ħariġhom barra u qalilhom: "Morru fit-Tempju u xandru lill-poplu kull ma għandu x'jaqsam ma' din il-ħajja." Huma semgħu minnu, u filgħodu kmieni daħlu fit-tempju u bdew jgħallmu. Mbagħad ġie l-qassis il-kbir flimkien ma' sħabu, sejjaħ laqgħa tas-Sanhedrin, il-Kunsill kollu tax-xjuħ ta' Iżrael, u bagħat iġib l-appostli mill-ħabs. Il-qaddejja marru, u ma sabuhomx fil-ħabs, u reġgħu lura bl-aħbar, u qalulhom: "Il-ħabs sibnieh imsakkar tajjeb, u l-għassiesa kienu ħdejn il-bibien, iżda, xħin ftaħna, ma sibna lil ħadd hemm ġew." Għal din l-aħbar il-kmandant tat-Tempju u l-qassisin il-kbar baqgħu mħassbin fuqhom u fuq x'seta' ġara. Mbagħad ġie xi ħadd jgħidilhom: "Dawk li intom xħettu fil-ħabs qegħdin fit-Tempju jgħallmu lill-poplu." Il-kmandant tat-Tempju mar għalihom mal-qaddejja u ġiebhom miegħu, iżda mhux bil-forza, għax kienu jibżgħu li l-poplu jħaġġarhom.

 Daħħluhom u ressquhom quddiem is-Sanhedrin. U l-qassis il-kbir qalilhom: "Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan l-isem. U araw, issa mlejtu Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna l-ħtija ta' demm dan il-bniedem!" Iżda Pietru, flimkien ma' l-appostli, wieġeb u qal: "Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli ‘l bnedmin. Alla ta' missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma' għuda. Alla għollieh bil-leminija tiegħu, u għamlu kap u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U ta' dan kollu hawn xhieda aħna flimkien ma' l-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh."

 

RESPONSORJU

 

R/. B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù * U kulħadd kien iġibhom sewwa, hallelujah.

V/. Ilkoll imtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew ixandru l-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ. * U kulħadd kien iġibhom sewwa, hallelujah.

 

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Omiliji ta’ l-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq il-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli

Mulej, uri liema wieħed għażilt

 

F’dawk il-jiem, Pietru qam quddiem il-ġemgħa ta’ l-aħwa u qal. Pietru qam, ta’ bniedem imħeġġeġ li kien, hu li Kristu fdalu l-merħla f’idejh. Bħala l-ewwel wieħed fil-ġemgħa, kien dejjem l-ewwel wieħed li jiftaħ fommu. L-aħwa, jenħtieġ nagħżlu. Ħalla l-ġudizzju f’idejn il-ġemgħa; fl-istess ħin ħaseb għall-ġieħ ta’ dawk li kienu se jintgħażlu u ħeles lilu nnifsu mill-għira li setgħet titnissel f’xi ħadd. Għax sikwit jiġri li f’ċirkustanzi bħal dawn jinqala’ inkwiet kbir.

Imma b’daqshekk? Forsi dan ifisser li Pietru waħdu ma kellux is-setgħa li jagħżel? Seta’, iva; iżda dan ma għamlux, biex ħadd ma jaħseb li qed jimxi bil-grazzja. Terġa’ mbagħad kien għadu anqas niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu. U ressqu tnejn, Ġużeppi, imsejjaħ Barsaba, u mlaqqam ukoll Ġustu, u Mattija. Mhux hu ressaqhom, imma kulħadd. Biss hu wriehom il-fehma tiegħu, anzi qalilhom li dik il-fehma ma kinitx tiegħu, għaliex diġà fl-imgħoddi kienet imniżżla fil-profezija. Hu ma ordna xejn, imma biss fisser il-profezija.

Jenħtieġ għalhekk, qal, li wieħed minn dawk li ssieħbu magħna. Araw, iridhom xhieda li raw b’għajnejhom stess, avolja kien ġej l-Ispirtu s-Santu fuqhom. Huwa qagħad attent ħafna għal dan.

Minn dawk li ssieħbu magħna, qal, tul iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù għex fostna, jiġifieri, ried nies li kienu għexu ma’ Ġesù, u mhux biss kienu dixxipli tiegħu. Ma hemmx dubju li sa mill-bidu kienu ħafna dawk li marru warajh. L-evanġelista qal: Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù.

Iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù għex fostna, ibda mill-magħmudija ta’ Ġwanni. Ħadd ma kien kiseb tagħrif sewwa mingħand xi ħadd dwar dak li kien ġara qabel; dan għarrafhulhom l-Ispirtu s-Santu.

Sal-jum li fih kien meħud minn magħna, qal, ikun ukoll jixhed magħna għall-qawmien tiegħu mill-imwiet. Ma semmiex ġrajjiet oħra, imma l-qawmien mill-imwiet biss. Għax kien iżjed ta’ min jemmnu dak li seta’ jgħid: Dak li kiel u xorob magħna, dak li kien imsallab, dak hu li qam mill-imwiet. Għalhekk ma kienx hemm għalfejn ikun xhud ta’ dak li ġara qabel jew wara fiż-żmien, anqas tas-sinjali li l-Mulej għamel, imma tal-qawmien mill-imwiet biss. Għax il-ġrajjiet l-oħra saru bid-dieher u kienu magħrufa minn kulħadd; iżda l-qawmien mill-imwiet mhux hekk, dawn biss kienu jafu bih.

U talbu lkoll flimkien u qalu hekk: Mulej, int li tagħraf qlub kulħadd, uri. Int, mhux aħna. Għamlu tajjeb li sejjħu lil dak li jagħraf il-qlub, għax l-għażla kienet f’idejh, u mhux f’idejn ħaddieħor. Minn hawn kienet ġejja dik il-fiduċja li wrew meta qalu li jenħtieġ tassew li jintgħażel wieħed. U ma qalux: Agħżel, imma uri l-magħżul, - uri liema għażilt, qal, - għax kienu jafu li Alla jagħżel kollox minn qabel. Mbagħad tefgħu x-xorti. Ħassew li għalissa ma kienx jistħoqqilhom jagħmlu l-għażla huma stess, u għalhekk xtaqu li Alla jurihom b’sinjal.

 

RESPONSORJU

 

R/. Mulej, int li tagħraf qlub kulħadd, * Uri liema wieħed għażilt biex jieħu l-post ta’ dan il-ministeru u ta’ l-appostolat, hallelujah.

V/. Tefgħu x-xorti, li waqgħet fuq Mattija, u dan ħa postu mal-ħdaxil appostli l-oħra. * Uri liema wieħed għażilt biex jieħu l-post ta’ dan il-ministeru u ta’ l-appostolat, hallelujah.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

 O Alla, int għażilt lil San Mattija u daħħaltu fl-għaqda ta’ l-appostli; bit-talb tiegħu, imliena bil-ferħ ta’ mħabbtek u għoddna mal-magħżulin tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Ix-xemx feġġet b’dawl ta’ l-għaġeb,

tħabbar ferħ il-Għid lid-dinja,

kif l-Appostli raw b’għajnejhom

lil Ġesù rebbieħ fuq mewtu.

 

F’ġismu msebbaħ raw il-pjagi

tal-passjoni mbierka tiegħu,

u fis ħarġu jxandru ‘l-popli

il-qawmien tas-Sid għall-ħajja.

 

O Sultan tal-ħniena, Kristu,

aħkem int fuq il-qlub tagħna,

ħa nfaħħruk illum u dejjem

għaliex b’mewtek ridt tifdina.

 

Tieqaf qatt, Ġesù, li xxerred

ferħ il-Għid glorjuż fi rwieħna;

żid mar-rebħiet tiegħek lilna,

l-imweldin mill-ġdid għall-grazzja.

 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

li xejjint tal-mewt il-ħakma,

u bl-Appostli ftaħt għalina

it-triqat tad-dawl u l-ħajja. Ammen.

 

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien, hallelujah.

 

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bil-għatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1: Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien, hallelujah.

Ant. 2: Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu, hallelujah.

Ant. 3: Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom, hallelujah.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 2:19-22

 

Ma għadkomx aktar barranin u għorba imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien ta’ l-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu marbut sewwa, jitla f’tempju qaddis fil-Mulej; fih intom ukoll, fl-Ispirtu tinbnew f’dar fejn jgħammar Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Int tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha. * Hallelujah, hallelujah. Int tqegħidhom.

V/. Ifakkru l-isem tiegħek, Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Int.

 

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Jeħtieġ li jintgħażel wieħed minn dawk li ssieħbu magħna tul iż-żmien kollu li Ġesù kien dieħel u ħiereġ magħna, u jkun flimkien magħna xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Jeħtieġ li jintgħażel wieħed minn dawk li ssieħbu magħna tul iż-żmien kollu li Ġesù kien dieħel u ħiereġ magħna, u jkun flimkien magħna xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, hallelujah.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, bil-ħidma ta’ l-Appostli sirna werrieta tas-sema. Inroddu ħajr lil Alla għall-ġid kollu li tana, u ngħidulu:

Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax permezz ta’ l-Appostli għaddejt lilna l-mejda tal-Ġisem u d-Demm tiegħek,

- li bihom tgħajjixna u ssaħħaħna.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax l-Appostli ħejjew għalina l-mejda tal-kelma tiegħek.

- li biha nimtlew bid-dawl u l-ferħ.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax fuq l-Appostli bnejt il-Knisja qaddisa tiegħek.

- li fiha lkoll ningħaqdu f’ġisem wieħed.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax bl-Appostli tajtna l-ħasil tal-magħmudija u indiema,

- li bih nitnaddfu minn dnubietna kollha.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int għażilt lil San Mattija u daħħaltu fl-għaqda ta’ l-appostli; bit-talb tiegħu, imliena bil-ferħ ta’ mħabbtek u għoddna mal-magħżulin tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

SALMODIJA (Salmodija tat-Tnejn tas-III ġimgħa)

 

Salm 118 (119):89-96

 

XII (Lamed)

 

Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek; *

hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet.

Minn nisel għal nisel il-fedeltà tiegħek; *

fuq l-art waqqaftha, u żammet fis-sod.

 

B'digriet tiegħek għadhom sħaħ sa llum; *

għax kollox hu għall-qadi tiegħek.

Li ma sibtx l-hena fil-liġi tiegħek, *

kont nintemm fin-niket tiegħi.

 

Ma ninsa qatt il-preċetti tiegħek, *

għax bihom int tagħtini l-ħajja.

Tiegħek jien; salvani int! *

Jiena nfittex il-preċetti tiegħek.

 

Jgħassuli l-ħżiena biex jeqirduni; *

imma jien ħsiebi fil-preċetti tiegħek.

Jien rajt it-tmiem ta' kull ma jgħaddi; *

imma bla tarf il-kmandamenti tiegħek.

 Glorja.

 

Salm 70 (71)

 

I

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni; *

agħtini widen u fittex eħlisni.

 Kun sur ta' kenn għalija; †

int wegħedt li tiġi dejjem issalvani, *

għax blata u fortizza int għalija.

Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin, *

minn id il-qarrieq u l-kiefer.

 

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi; *

Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Fuqek intlaqt sa minn twelidi, †

sa minn ġuf ommi inti ħadtni; *

inti dejjem it-tifħir tiegħi.

Ħafna huma dawk li stagħġbu bija, *

iżda inti l-kenn qawwi tiegħi.

 

Mimli fommi b'tifħirek, *

u b'sebħek il-jum kollu.

Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; *

titlaqnix meta tħallini saħħti.

Għax fuqi jitkellmu l-għedewwa tiegħi; *

dawk li jonsbuli ħajti flimkien ifesfsu.

"Alla nsieh!", huma jgħidu, *

"Għalih! Aqbduh! Ħadd ma jeħilsu."

 

O Alla, toqgħodx 'il bogħod minni; *

Alla tiegħi, fittex għinni.

Ħa jistħu u jinfnew dawk li jixluni; *

jimtela biż-żebliħ u l-għajb minn iridli d-deni.

 Glorja.

 

II

 

Imma jien nibqa' dejjem nittama, *

u nkattar it-tifħir kollu tiegħek.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek, †

il-jum kollu l-għemejjel ta' l-għajnuna tiegħek, *

għalkemm jien stess ma nafx kif ngħoddhom.

 

Nersaq quddiem il-kobor tiegħek, Mulej Sidi, *

biex il-ġustizzja tiegħek waħdek inxandar.

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni; *

u jien s'issa għadni nxandar għeġubijietek.

Mqar meta nixjieħ u jibjad xagħri, *

la tinsinix, o Alla;

sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel, *

il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.

 

M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek, o Alla!

Ħwejjeġ kbar int għamilt; *

min hu bħalek, o Alla!

Minn għawġ kbir u qalil int għaddejtni; †

iżda int terġa' tagħtini l-ħajja, *

minn qiegħ l-art terġa' ttellagħni.

Kattarli l-kobor tiegħi; *

erġa' agħtini l-faraġ tiegħek.

 

U jiena nfaħħrek bl-arpa †

għall-fedeltà tiegħek, Alla tiegħi; *

ngħannilek biċ-ċetra, Qaddis ta' Iżrael.

Jifirħu xufftejja jien u ngħannilek; *

tifraħ ruħi, li inti fdejtli.

U lsieni l-jum kollu jitħaddet

fuq il-ġustizzja tiegħek, *

 għax waqa' fl-għajb u l-mistħija

min iridli d-deni.

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 5:19b-20

 

Alla fdalna l-messaġġ tal-ħbiberija tagħna miegħu. Mela aħna ambaxxaturi ta’ Kristu, bħallikieku Alla stess qiegħed ikellimkom permezz tagħna. Nitlobkom f’isem Kristu: agħmlu ħbieb ma’ Alla. 

 

V/. Ma’ l-art kollha jasal leħinhom, hallelujah, hallelujah.

R/. Mad-dinja kollha jinxtered kliemhom, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Atti 5:12a. 14

 

Bis-saħħa ta’ l-appostli kienu qegħdin isiru ħafna mirakli u għeġubijiet kbar fost il-poplu. L-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej, sew irġiel sew nisa, kien dejjem jiżdied u joktor.

 

V/. Huma ħarsu l-preċetti ta’ Alla, hallelujah.

R/. U l-kmandamenti tiegħu, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Atti 5:41-42

 

L-appostli ħarġu minn quddiem is-Sanhedrin, ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom ikunu mmaqdra minħabba fl-Isem. U kuljum fit-tempju u fi djarhom, ma kinux jehdew jgħallmu u jxandru l-Bxara t-tajba li Ġesù huwa l-Kristu.

 

V/. Ifirħu u ithennew, hallelujah.

R/. Għax ismijietkom miktuba is-smewwiet, hallelujah.

 

Talba

 

O Alla, int għażilt lil San Mattija u daħħaltu fl-għaqda ta’ l-appostli; bit-talb tiegħu, imliena bil-ferħ ta’ mħabbtek u għoddna mal-magħżulin tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Kienu mnikkta wisq l-Appostli

għax il-ħżiena ta’ qalb iebsa

taw lil Sidhom mewt qalila

bis-salib, għalkemm bla ħtija.

 

Iżda l-anġlu, bi kliem ħelu,

ta l-aħbar lin-nisa twajba:

“Kristu qam mill-mewt! Ftit ieħor,

u tarawh fil-Galilija”.

 

Huma w jgħaġġlu biex iwasslu

din il-bxara lill-Appostli,

raw lil Sidhom ħaj, u nxteħtu

fl-art, riġlejh ibusu w jgħannqu.

 

Id-dixxipli, malli semgħu,

marru b’ħeffa l-Galilija,

biex iserrħu l-ħars t’għajnejhom

fuq il-wiċċ għażiż ta’ Sidhom.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi, hallelujah.

 

Salm 115 (116B)

 

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: *

"Jiena mdejjaq ħafna!"

Jien għedt fin-niket tiegħi: *

"Qarrieq hu kull bniedem."

 

Xi nrodd lill-Mulej *

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi *

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f'għajnejn il-Mulej *

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

 

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek, *

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi.

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej, *

ġo nofsok, Ġerusalemm!

 Glorja.

 

Ant. 1: Intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi, hallelujah.

Ant. 2: Jiena qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej, hallelujah.

 

Salm 125 (126)

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon, *

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna, *

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

 

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna! *

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina, *

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku, *

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ, *

iġorru l-qatet f'idejhom.

 Glorja.

 

Ant. 2: Jiena qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej, hallelujah.

Ant. 3: Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, imma ħbieb tiegħi, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom, hallelujah.

 

Kantiku Ef 1:3-10

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba;

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu, *

skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

 

 għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

 

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

 

 jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, imma ħbieb tiegħi, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:11-13

 

 Kristu ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin, ħalli b’hekk jitrawwmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru wieħed fil-fidi u fl-għarfa ta’ l-Iben ta’ Alla. Insiru Raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Xandru fost il-ġnus is-sebħ tal-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Xandru.

V/. Fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Xandru.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, hallelujah.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, aħna, li nbnejna fuq is-sisien ta’ l-Appostli, nitolbu lil Alla, il-Missier li jista’ kollox, għall-poplu qaddis tiegħu, u ngħidulu:

Mulej, ftakar fil-Knisja tiegħek.

Missier, int ridt li Ibnek iqum mill-imwiet u jidher l-ewwel lill-Appostli:

- agħmel li aħna nwasslu l-Evanġelju lill-ħlejjaq kollha.

Int bgħatt lil Ibnek fid-dinja biex ixandar il-bxara t-tajba lill-fqar:

- agħmel li aħna nwasslu l-Evanġelju lill-ħlejjaq kollha.

 Inti bgħattilna lil Ibnek biex jiżra fina l-kelma tiegħek:

- agħtina li, wara t-taħbit tagħna biex niżirgħu l-kelma, niġbru l-frott tagħha bil-ferħ.

Int bgħatt lil Ibnek biex b’demmu jerġa’ jħabbeb lid-dinja miegħek:

- għinna biex naħdmu lkoll id f’id għal din il-ħbiberija.

Int qegħidt lil Ibnek fil-lemin tiegħek fis-sema:

- daħħal lil ħutna l-mejtin fl-hena tas-saltna tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int għażilt lil San Mattija u daħħaltu fl-għaqda ta’ l-appostli; bit-talb tiegħu, imliena bil-ferħ ta’ mħabbtek u għoddna mal-magħżulin tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TNEJN

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Talba ta’ fqir fil-hemm

 

Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

 

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10

 

 Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R/. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V/. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

 u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.