Stampa t-test kollu ...


13 ta’ Ġunju

 

SANT’ANTNIN TA’ PADOVA,

PRESBITERU U DUTTUR TAL-KNISJA

 

Salmodija tal-Erbgħa tat-II ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, l-ewlieni u l-kbir fost ir-rgħajja,

quddiemek jiġi l-poplu tal-wirt tiegħek,

ħa jrodd foħrija xierqa lil ragħaj tajjeb

fil-festa tiegħu.

 

Int ħtart lil dan il-qaddej kbir b’ministru,

lilu tajt sehem fis-saċerdozju tiegħek,

u bgħattu jaqdi l-poplu, mexxej tajjeb,

fidil u għaqli.

 

Tassew mexxej u mudell kbir tal-merħla!

Kien dawl għall-għomja, faraġ għall-imsejkna,

missier ħanin li għal uliedu kollha

sar kollox f’kollox.

 

Kristu, li jagħti l-ħlas mistħoqq fis-sema

lill-ħbieb li jaqduk tajjeb, żomm ‘il qalbna

fit-triq ta’ dan l-imgħallem, sakemm fl-aħħar

nissieħbu miegħu.

 

Tifħir u glorja lill-Missier għal dejjem,

u lilek, Sultan twajjeb, Feddej tagħna;

ikun imsebbaħ kullimkien bla heda

l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Aħna nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew il-fidwa ta’ ġisimna.

 

Salm 38 (39)

 

I

 

Jien għedt: "Irrid nara kif nimxi, *

biex ma nagħmilx dnubiet bi lsieni;

inqiegħed fuq fommi sarima, *

sakemm idum il-ħażen quddiemi."

Għalaqt ħalqi u bqajt sieket, †

żammejt il-kwiet, u xejn ma swieli; *

l-uġigħ tiegħi aktar ħraxli.

Tħeġġet qalbi ġewwa fija; *

għall-ħsieb biss, nar tkebbes fija.

 

Inħall imbagħad ilsieni, u jien għedt: *

"Għarrafni, Mulej, it-tmiem tiegħi,

u kemm hu twil żmien il-jiem tiegħi, *

ħa nkun naf kemm xejn ma niswa.

 

Ara, tul xibrejn għamiltli jiemi, †

żmien ħajti qisu xejn quddiemek. *

Tassew, daqsxejn ta' nifs kull bniedem.

Bħal dell jgħaddi l-bniedem, †

għalxejn joqgħod jitħabat, *

jaħżen il-ġid bla ma jaf min għad jiġbru.

 Glorja.

 

Ant. 1: Aħna nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew il-fidwa ta’ ġisimna.

Ant. 2: Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għad-dmugħ tiegħi.

 

II

 

U issa, Mulej, jien x'nistenna? *

Fik biss hija t-tama tiegħi.

Eħlisni minn ħtijieti kollha, *

titlaqnix għaż-żebliħ ta' l-iblah.

Niskot jien, ma niftaħx ħalqi, *

għax dan hu għemil tiegħek.

 

Warrab minni d-daqqiet tiegħek; *

mifni jien bis-swat ta' idejk. 

B'kastig tal-ħażen int tgħakkes il-bniedem, †

bħal kamla tgħarraqlu ġmielu. *

Tassew, daqsxejn ta' nifs kull bniedem.

 

Isma', Mulej, it-talba tiegħi, †

agħti widen għall-għajta tiegħi, *

tibqax trux għad-dmugħ tiegħi.

Għax jien m'hux ħlief mistieden għandek, *

barrani, bħal missirijieti kollha.

Warrab ħarstek minn fuqi, biex nieħu n-nifs, *

qabel ma nitlaq u nintemm għalkollox."

 Glorja.

 

Ant. 2: Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għad-dmugħ tiegħi.

Ant. 3: Nittama fit-tjieba ta’ Alla għal dejjem.

 

Salm 51 (52)

 

Xi trid tiftaħar, bniedem b'saħħtek, *

bi ħżunitek kontra t-twajjeb?

Dejjem ħsiebek kif tagħmel id-deni, *

lsienek bħal xafra taqta', ja qarrieq!

Tħobb il-ħażen aktar mit-tajjeb, *

u l-gideb aktar mis-sewwa.

Tħobb kull xorta ta' kliem ta' ħsara, *

ilsien qarrieq!

 

Imma Alla jxejjnek għal dejjem, †

jaħtfek u jaqilgħek 'il barra minn għamartek, *

jeqirdek minn art il-ħajjin.

Il-ġusti mbagħad iħarsu miblugħa, *

u jidħku bih u jgħidu:

 "Araw il-bniedem

li m'għamilx 'l Alla fortizza tiegħu, *

 imma ttama fl-għana kbir tiegħu,

qiegħed f'ġidu l-qawwa tiegħu!"

 

Imma jien, bħal siġra taż-żebbuġ

li tħaddar fid-dar ta' Alla, *

 nittama fit-tjieba ta' Alla għal dejjem ta' dejjem.

Infaħħrek għal dejjem għax dan int għamiltu; *

inxandar ismek quddiem ħbiebek, għax hu tajjeb. 

 Glorja.

 

Ant. 3: Nittama fit-tjieba ta’ Alla għal dejjem.

 

V/. Ruħi f’kelmtu tittama.

R/. Tistenna ruħi lil Sidi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè Goż 3:1-17; 4:14-19; 5:10-12

 

Il-poplu jaqsam il-Ġordan u jiċċelebra l-festa ta’ l-Għid

 

F’dawk il-jiem : Ġożwè bakkar fil-għodu, u telqu minn Settim u waslu lkoll ħdejn il-Ġordan, hu u wlied Iżrael, u hemm għaddew il-lejl qabel ma qasmu x-xmara. U wara tlitt ijiem il-kapijiet daru u ordnaw lill-poplu, u qalulhom: “Meta taraw l-Arka tal-Patt u l-qassisin leviti jerfgħuha, qumu minn postkom u imxu warajha; biss żommu bejnkom u bejnha ‘l bogħod ta' elfejn driegħ, biex tistgħu tarawha, u tagħrfu t-triq li fiha għandkom timxu, għax qatt ma għaddejtu minnha; u araw li ma tersqux lejn l-Arka”.

U Ġożwè qal lill-poplu: “Tqaddsu. għaliex għada l-Mulej se jagħmel għeġubijiet fostkom”. U Ġożwè qal lill-qassisin: "Erfgħu l-arka tal-patt u għaddu quddiem il-poplu.” U refgħu l-Arka tal-Patt u għaddew quddiem il-poplu.

 U l-Mulej qal lil Ġożwè: “Illum nibda ngħollik f'għajnejn Iżrael biex ikunu jafu li kif jien kont ma' Mosè hekk inkun miegħek. Issa ordna lill-qassisin li jġorru l-Arka tal-Patt u għidilhom: "Kif taslu sa xfar l-ilma tal-Ġordan, ieqfu ħdejn il-Ġordan.” 

U Ġożwè qal lil ulied Iżrael: “Ersqu 'l hawn u isimgħu l-kliem tal-Mulej, Alla tagħkom.” U żied jgħidilhom Ġożwè: “B'dan tagħrfu li Alla l-ħaj qiegħed f'nofskom, u sejjer ikeċċi minn quddiemkom il-Kangħani, il-Ħitti, il-Ħiwi, il-Periżi, il-Gergesi, l-Amurri u l-Ġebusi. Araw, l-Arka tal-Patt ta’ Alla, sid l-art kollha, sejra tgħaddi quddiemkom fil-Ġordan. Agħżlu tnaxil raġel mit-tribù ta' Iżrael, wieħed għal kull tribù. Malli qigħan riġlejn il-qassisin, li jkunu jerfgħu l-Arka tal-Mulej, sid l-art kollha, imissu l-ilma tal-Ġordan, l-ilma tax-xmara jinfired, u l-ilma li jkun nieżel minn-naħa ta’ fuq jieqaf gods wieħed.

Xħin in-nies telqu mill-għerejjex tagħhom biex jaqsmu l-Ġordan, il-qassisin li kienu jġorru l-Arka tal-Patt marru quddiemhom. U meta r-reffiegħa ta' l-Arka waslu sal-Ġordan u riġlejn il-qassisin li kienu jġorru l-Arka tbillu f’ xifer l-ilma - fi żmien il-ħsad il-Ġordan kollu jkun mimli sa fuq ix-xtut tiegħu - l-ilma nieżel min-naħa ta' fuq waqaf u qam gozz wieħed, 'il bogħod ħafna ħdejn Adam, il-belt li qiegħda ħdejn Sartan; u l-ilma nieżel lejn il-Baħar ta' Għaraba, il-Baħar il-Mielaħ, ġie fix-xejn għalkollox; u l-poplu qasam biswit Ġeriko. Il-qassisin li kienu jġorru l-Arka tal-Patt tal-Mulej waqfu fin-niexef f'nofs il-Ġordan, dment li l-Iżraelin kollha baqgħu jaqsmu sakemm il-poplu kollu għadda l-Ġordan.

Dakinnhar il-Mulej kabbar lil Ġożwè f'għajnejn Iżrael kollu, u bdew jibżgħu minnu, bħalma kienu jibżgħu minn Mosè ħajtu kollha. U l-Mulej kellem lil Ġożwè u qallu: “Ordna lill-qassisin, ir-reffiegħa ta' l-Arka tax-xhieda miktuba, jitilgħu mill-Ġordan.” U ġara li malli l-qassisin li kienu jġorru l-Arka tal-Patt tal-Mulej telgħu mill-Ġordan u riġlejhom missew l-art niexfa, l-ilma tal-Ġordan reġa’ għal fejn kien, u beda jigri bħal qabel matul ix-xtut kollha. U l-poplu tela’ mill-Ġordan fl-għaxra ta' l-ewwel xahar u waqqaf il-kamp f'Gilgal, fuq in-naħa tal-lvant ta' Ġeriko.

L-Iżraelin waqqfu l-kamp tagħhom f'Gilgal. Hemm, fil-wita ta' Ġeriko, għamlu l-Għid fil-għaxija ta' l-erbatax tax-xahar. U l-għada ta' l-Għid huma kielu mill-frott ta' l-art: ħobż ażżmu u qamħ mikwi. Minn dakinhar, wara li kielu mill-frott ta' l-art, il-manna waqfet. L-Iżraelin ma kellhomx aktar manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli bdiet tagħti l-art ta' Kangħan.

 

RESPONSORJU Ġoż 4:22b-24a; Salm 113A(114):5

 

R/. Fin-niexef qasam Iżrael il-Ġordan, għax Alla nixxef l-ilmijiet tiegħu, bħal ma kien għamel lill-Baħar tal-Qasab. * Sabiex ikun jaf kull ġens ta’ l-art il-qawwija hi id il-Mulej.

V/. Xi ġralek, baħar, biex taħrab? Xi ġralek, Ġordan, biex terġa’ lura? * Sabiex ikun jaf kull ġens ta’ l-art li qawwija hi id il-Mulej.

  

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, saċerdot

 

Il-kelma toħroġ ħajja jekk jitkellem l-għemil

 

 Min ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu jitkellem b’bosta ilsna. Dawn il-bosta ilsna huma l-ħafna xhieda li tingħata lil Kristu, bħalma huma l-umiltà, il-faqar, is-sabar u l-ubbidjenza; li aħna nitkellmu bihom meta nuruhom lill-oħrajn fina nfusna. Għax il-kelma toħroġ ħajja jekk jitkellem l-għemil. Mela ħa jieqaf il-kliem u jitkellem l-għemil. Kliem għandna kemm irridu, imma fatti xejn, u għalhekk il-Mulej jisħetna, kif seħet is-siġra tat-tin għax fiha ma sabx frott imma weraq biss. Kif jgħid San Girgor: “Għall-predikatur hemm liġi li torbtu biex juri bl-għemil kull ma jxandar bil-kliem”. Għalxejn wieħed jiftaħar li jaf il-liġi jekk b’għemilu iġib fix-xejn it-tagħlim tiegħu.

 L-Appostli kienu jitkellmu skond ma l-Ispirtu s-Santu kien jagħtihom li jitkellmu. Hieni min jitkellem skond kif inebbħu l-Ispirtu s-Santu u mhux kif tgħidlu rasu! Għax hemm xi wħud li jitkellmu skond ma jħossu huma, jisirqu kliem ħaddieħor u jxandruh bħallikieku tagħhom, anzi jgħidu li hu tagħhom. Fuq dawn u oħrajn bħalhom, il-Mulej b’fomm Ġeremija jgħid: Arawni kontra l-profeti li jisirqu kliemi wieħed mingħand l-ieħor. Arawni kontra l-profeti, jgħid il-Mulej, li jħollu lsienhom u jxandru t-teħbir. Arawni kontra dawk li jħabbru ħolm giddieb, jgħid il-Mulej, u jgħiduh u jqarrqu bil-poplu bil-gideb tagħhom u bit-tpaċpiċ tagħhom, meta ma kontx jien li bgħatthom, anqas ikkmandajthom, u ma huma ta’ ebda fejda għal dan il-poplu, jgħid il-Mulej.

 Mela nitkellmu skond ma l-Ispirtu s-Santu jagħtina li nitkellmu; bl-umiltà u l-qima kollha nitolbuh isawwab fina l-grazzja tiegħu, biex nhar Għid il-Ħamsin niċċelebrawh sewwa bil-perfezzjoni tal-ħames sensi tagħna u bil-ħarsien ta’ l-għaxar kmandamenti nimtlew bi spirtu qawwi ta’ ndiema, nitkebbsu b’ilsna tan-nar ħa nfaħħruh, ninxtegħlu bid-dawl tal-glorja tal-qaddisin, u jistħoqqilna naraw lit-Trinita Alla wieħed.

 

RESPONSORJU ara Hos 14.6b; Salm 91(92):14; Sir 24:1

 

R/. Il-ġust jiżhar bħal ġilju, * U jħaddar għal dejjem quddiem il-Mulej.

V/. Jikseb it-tifħir fil-ġemgħa tal-magħżulin. * U jħaddar għal dejjem quddiem il-Mulej.

 

TALBA

 

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt li l-poplu tiegħek ikollu f’Sant’Antnin ta’ Padova predikatur għaref u għajnuna kbira quddiemek fil-ħtiġiet tiegħu: agħmel li hu jieqaf dejjem magħna u jbegħedna minn kull hemm, ħalli nimxu sewwa skond it-tagħlim nisrani. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Inxandru r-rebħ u l-ġieħ ta’ bniedem t’Alla,

li kien mexxej imfaħħar, missier għaqli,

qaddej fidil, li Sidu mlieh bil-hena

fis-saltna tiegħu.

 

Bħala mexxej u mgħallem, quddiem l-aħwa

ta xhieda sħiħa w wera l-ħajja mseddqa,

u fittex bla mistrieħ bi mġibtu safja

jogħġob lil Alla.

 

Nersqu bit-tama w nitolbuh li fuqna

tinżel il-maħfra w kull għajnuna f’waqtha;

u bit-talb tiegħu jerfa’ lejn is-sema

xewqatna kollha.

 

Lil Alla waħdu s-setgħa, l-ġieħ u s-saltna,

għax tiegħu l-glorja fis-smewwiet għal dejjem;

hu jmexxi d-dinja kollha w sħiħa jżommha

bil-liġi tiegħu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Qaddisa triqtek, o Alla! Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?

 

Salm 76 (77)

 

B'leħen qawwi 'l Alla nsejjaħ, *

insejjaħ 'l Alla biex jismagħni.

Fid-diqa tiegħi lil Sidi nfittex; †

ma negħjiex billejl nerfa' idi u nitlob; *

ma tridx taf b'faraġ qalbi.

Niftakar f'Alla u nitniehed; *

jien u naħseb, tinfena qalbi.

 

Inżomm miftuħa xfar għajnejja; *

jiena mħawwad u ma nistax nitkellem.

Naħseb fiż-żmien l-imgħoddi, *

niftakar fis-snin ta' qabel;

billejl nitħaddet f'qalbi, *

naħseb u nixtarr ġewwa fija.

 

Tgħid għal dejjem se jwarrabna Sidna? *

M'hux se jibqa' jurina mħabbtu?

Waqfet għal dejjem it-tjieba tiegħu? *

M'hux se jibqa' jżomm kelmtu minn nisel għal ieħor?

Nesa Alla juri ħniena magħna? *

Jew ħeba ħnientu fl-għadab tiegħu?

 

Ikolli ngħid: "Dan hu l-għali tiegħi: *

li Alla l-Għoli biddel għemil lemintu."

Mbagħad niftakar f'għemilek, Mulej; *

naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.

Naħseb f'kull ma int għamilt; *

nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.

 

Qaddisa triqtek, o Alla! *

Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?

Int Alla li tagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb, *

li turi qawwietek fost il-popli.

Bi driegħek fdejt il-poplu tiegħek, *

l-ulied ta' Ġakobb u ta' Ġużeppi.

 

Rawk l-ilmijiet, o Alla, †

rawk l-ilmijiet u twerwru; *

u sa qiegħ il-baħar triegħed.

Mis-sħab niżlet ix-xita, u s-smewwiet triegħdu; *

leħħ ma' kullimkien il-beraq tiegħek.

Il-ħsejjes tar-ragħad tiegħek waħda f'waħda, †

il-beraq dawwal id-dinja; *

triegħdet u theżhżet l-art.

 

Triqtek fuq il-baħar, †

fuq l-ibħra l-kbar il-mixja tiegħek; *

u ħadd ma jsibhom il-passi tiegħek.

Mexxejt bħal merħla l-poplu tiegħek, *

b'id Mosè u Aron.

 Glorja.

 

Ant. 1: Qaddisa triqtek, o Alla! Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?

Ant. 2: Qalbi tifraħ fil-Mulej, li jbaxxi kif ukoll jgħolli.

 

Kantiku 1 Sam 2:1-10

 

 Qalbi tifraħ fil-Mulej, *

 bis-saħħa tiegħu jintrefa’ ġieħi;

 jien niddieħak bl-għedewwa tiegħi, *

 għax fraħt bis-salvazzjoni tiegħek.

 

 Ħadd m’hu qaddis bħall-Mulej, †

 ma hemm ħadd ieħor ħliefek; *

 ma hemmx blata bħal Alla tagħna.

 Toqogħdux titkabbru iżjed bi kliemkom; *

 kliem kburi ma joħroġx iżjed minn fommkom.

 Għax il-Mulej hu Alla li kollox jagħraf, * 

 hu jqis l-għemejjel tal-bniedem.

 

 Il-qaws tal-qawwijin tkisser, * 

 u tħażżmu bil-ħila d-dgħajfin.

 Min kellu bix-xaba’ mar jaħdem għal ħobżu; *

 Imma l-imġewwaħ ma baqax jitħabat.

 Il-mara bla tfal wildet sebgħa, *

 u l-omm ta’ bosta wlied tilfet saħħitha.

 

 Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja, *

 Iniżżel f’art l-imwiet u jtella’ minnha.

 Il-Mulej ifaqqar u jagħni, *

 Ibaxxi u jgħolli wkoll.

 Iqajjem mit-trab lill-imsejken, *

 U jerfa’ lill-fqir mill-miżbla,

biex mal-kbarat iqegħedhom, *

 u jagħtihom post ta’ ġieħ.

Għax tal-Mulej huma l-kolonni ta’ l-art; *

 Fuqhom hu qiegħed id-dinja.

 

Huwa jħares il-mixi ta’ ħbiebu, †

 imma l-ħżiena fid-dlam jinqerdu; *

 għax m’hux b’ħiltu li l-bniedem jitqawwa.

Il-Mulej iwerwru lil min jeħodha miegħu, *

 u fuqu mis-sema jriegħed.

Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-art kollha, †

 Jagħti s-setgħa lis-sultan tiegħu, *

 jgħolli u jqawwi lill-midluk tiegħu

 Glorja.

 

Ant. 2: Qalbi tifraħ fil-Mulej, li jbaxxi kif ukoll jgħolli.

Ant. 3: Tifraħ l-art quddiem il-Mulej, is-Sultan!

 

Salm 96 (97)

 

Il-Mulej isaltan! †

Ħa taqbeż l-art bil-ferħ, *

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

Sħab u dlam hemm madwaru; *

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.

In-nar jimxi quddiemu, *

u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.

Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja; *

tara dan l-art u titriegħed.

Bħax-xama' jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej, *

quddiem is-Sid ta' l-art kollha. 

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu; *

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.

 

Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli, †

li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom; *

u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha.

Tisma' dan u tifraħ Sijon, †

jaqbżu bil-ferħ l-ibliet ta' Ġuda, *

minħabba l-ġustizzja tiegħek, Mulej.

Għax int, Mulej, inti l-Għoli, †

'il fuq mill-art kollha, *

ogħla ħafna mill-allat.

 

Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen, †

iħares il-ħajja ta' ħbiebu, *

jeħlishom minn idejn il-ħżiena.

Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust, *

u l-hena għal qalb in-nies sewwa.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej, *

u faħħru l-isem qaddis tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Tifraħ l-art quddiem il-Mulej, is-Sultan!

  

LEZZJONI QASIRA Lhud 13:7-9a

 

Ftakru f'dawk li jmexxukom, dawk li wasslulkom il-kelma ta' Alla; aħsbu fuq it-tmiem ta' ħajjithom, imxu fuq l-eżempju tal-fidi tagħhom. Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem. Tħallux li tinġibdu ‘l barra mit-triq b'tagħlim xorta oħra u barrani.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R. Fuqek, Ġerusalemm, * Qegħidt l-għassiesa. Fuqek.

V. Lejl u nhar ma jiqfux ixandru isem il-Mulej. * Qegħidt l-għassiesa. Glorja. Fuqek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom.

 

PREĊI

 

Kristu hu r-ragħaj it-tajjeb li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Inroddulek ħajr, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Irgħa l-poplu tiegħek, Mulej.

Kristu, int għoġbok tqiegħed fil-Knisja tiegħek rgħajja qaddisin bħal eżempju tat-tjieba u l-imħabba tiegħek:

- ibqa’ uri l-ħniena tiegħek magħna b’rgħajja bħalhom.

Int għadek taqdi l-uffiċċju ta’ ragħaj spiritwali permezz ta’ dawk li tqiegħed f’ismek fuq il-merħla tiegħek:

- żommna dejjem fit-triq it-tajba taħt il-ħarsien tal-mexxejja tagħna.

Bil-qaddisin tiegħek, li f’idejhom tafda l-popli, turina lilek innifsek bħala t-tabib tar-ruħ u tal-ġisem:

- kompli fina bla heda l-ministeru tal-ħajja u l-qdusija.

Int tipprovdi bnedmin qaddisa biex jirgħu l-merħla tiegħek bl-għaqal u bl-imħabba;

- xerred id-doni tiegħek fuq ir-rgħajja spiritwali tagħna f’dawn il-gżejjer biex jagħarfu jqaddsuna.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt li l-poplu tiegħek ikollu f’Sant’Antnin ta’ Padova predikatur għaref u għajnuna kbira quddiemek fil-ħtiġiet tiegħu: agħmel li hu jieqaf dejjem magħna u jbegħedna minn kull hemm, ħalli nimxu sewwa skond it-tagħlim nisrani. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

 

Salm 118 (119):57-64

 

VIII (Ħet)

 

Jien għedt, Mulej: "Dan hu sehmi, *

li nħares il-kelma tiegħek."

Quddiemek nitlob b'qalbi kollha; *

ħenn għalija skond il-wegħda tiegħek.

 

Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, *

u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

Ngħaġġel u ma nitnikkirx, *

biex inħares il-kmandamenti tiegħek.

Il-ħbula tal-ħżiena dawramejt għalquni, *

imma jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

F'nofs il-lejl inqum infaħħrek *

minħabba d-digrieti ġusti tiegħek.

Nissieħeb ma' kull min għandu l-biża' tiegħek, *

ma' dawk li jħarsu l-preċetti tiegħek.

Mimlija, Mulej, l-art bit-tjieba tiegħek; *

għallimni l-kmandamenti tiegħek. 

 Glorja.

 

Ant.1 Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

Ant.2 Biża’ u tregħid jiġu fuqi; ismagħni u weġibni, Mulej.

 

Salm 54 (55):2-15. 17-24

 

I

 

Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi, *

titwarrabx mit-talb umli tiegħi.

Ismagħni u weġibni, *

m'għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi!

 

Nirtogħod bil-biża' għall-ħoss ta' l-għedewwa, *

minħabba l-għajat tal-ħżiena;

għax huma jġibu fuqi l-ħsarat, *

fl-għadab tagħhom jeħduha kontrija.

Qalbi tinfena ġewwa fija, *

biża' tal-mewt waqa' fuqi.

Biża' u tregħid jiġu fuqi, *

u twerwir jaħkimni.

 

U ngħid: "M'hux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, *

biex intir u mmur nistrieħ!

Kont 'il bogħod immur niġġerra, *

u fid-deżert insib fejn noqgħod. 

Kont malajr insib fejn nistkenn *

mir-riħ qawwi u r-riefnu."

 

Eqridhom, Sidi, ħawwdilhom kliemhom, *

għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.

Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha, *

fiha m'hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.

Il-ħerba tinsab ġo nofsha, *

moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.

 Glorja.

 

Ant.2 Biża’ u tregħid jiġu fuqi; ismagħni u weġibni, Mulej.

Ant.3 Lil Alla nsejjaħ, u l-Mulej isalvani.

 

II

 

M'huwiex xi għadu dak li jċanfarni; *

li kien hekk, kont nissaporti.

M'hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; *

li kien hekk, kont ninħeba minnu.

Imma int, wieħed bħali, *

sieħbi u ħabib tal-qalb,

li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, *

ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta' Alla.

 

Imma jien lil Alla nsejjaħ, *

u l-Mulej isalvani.

Fil-għaxija, fil-għodu u f'nofsinhar †

nokrob u nitniehed; *

u hu jisma' l-leħen tiegħi.

Jeħlisli 'l ħajti fis-sliem †

mill-ġlieda li qajjmu kontrija, *

għax ħafna huma li ħabtu għalija.

Alla jismagħni u jrażżanhom, *

hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem;

għax huma ma jridux jindmu, *

ma għandhomx il-biża' ta' Alla.

 

Idu refa' kontra ħbiebu, *

kiser il-ftehim tiegħu.

Aktar mill-butir hu ħelu fommu, *

imma qalbu bil-ġlied mimlija.

Aktar miż-żejt hu artab kliemu, *

imma hu bħal sejf mislut.

 

Ħalli xortik f'idejn il-Mulej, †

u hu jgħinek u jwieżnek; *

hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.

 

U int, o Alla, itfagħhom *

fil-ħofra tat-telfien.

Nies tad-demm u tal-qerq, †

ma jgħixux nofs ħajjithom! *

 Imma jien fik nittama.

 Glorja.

 

Ant.3 Lil Alla nsejjaħ, u l-Mulej isalvani.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 1:61-17a

 

F’dak iż-żmien lill-imħallfin tagħkom ordnajtilhom u għedtilhom: Isimgħuhom lil ħutkom, u għamlu l-ħaqq skond is-sewwa bejn bniedem u ieħor, sew jekk ħuh sew jekk barrani għalih. Tħarsux lejn l-uċuħ fil-ħaqq li tagħmlu; isimgħu kemm liż-żgħir u kemm lill-kbir, u la tibżgħu minn ħadd, għax dan il-ħaqq huwa ta’ Alla.

 

V/. Ġust il-Mulej, u jħobb il-ġustizzja.

 R/. Wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa.

 

Talba

 

Mulej, Missier qaddis u Alla li żżomm kelmtek, int bgħattilna l-Ispirtu s-Santu, kif wegħedtna, biex tiġbor flimkien lil-bnedmin li kienu xterdu minħabba d-dnub; agħtina l-grazzja li nagħmlu servizz ta’ ġid għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Iż 55:8-9

 

Il-fehmiet tiegħi ma humiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi ma humiex triqatkom, jgħid il-Mulej; għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ‘l fuq minn triqatkom u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

 

V/. Mulej, Alla ta’ l-eżerċti, min hu bħalek?

 R/. Int qawwi, Mulej, u l-fidili tiegħek madwarek.

 

Talba

 

O Alla ħanin li tista’ kollox, li qiegħed tagħtina ftit ħin ta’ heda f’nofs il-ġurnata, ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq il-ħidmiet tagħna ta’ llum, biex twarrab minnhom dak li ma għamilniehx sewwa, u bil-grazzja tiegħek jilħqu l-iskop li jogħgob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Sam 16:7b

 

Il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fil-għajn, imma l-qalb.

 

 V/. Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi.

 R/. Mexxini fit-triq ta’ dejjem.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, inti ftaħt idejk fuq is-salib biex issalva l-bnedmin; agħmel li l-ħidma kollha tagħna tkun togħġbok, biex biha jseħħilna nuru fid-dinja l-għemil tiegħek tal-fidwa. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Bniedem sewwa, mudell jiddi

ta’ virtù ninsġulek innu;

bih nixtiequ nfaħħru lilek

u l-għemejjel kbar ta’ Alla.

 

Il-Qassis il-kbir ta ħajtu

biex ħbieb t’Alla nerġgħu nsiru:

bil-patt ġdid li għamel magħna,

radd is-sliem lill-poplu mifdi.

 

Inti minnu nħtart ministru

biex tissokta l-ħidma tiegħu,

tagħti glorja lil Missieru

u ssalvalu l-ġemgħa tiegħu.

 

Sieħbek miegħu fil-missjoni,

qaddes ħajtek, dawwal kelmtek;

u b’hekk sirt għall-poplu tiegħu

saċerdot u vittma w mgħallem.

 

Mis-smewwiet, fejn int tithenna,

la tinsiex il-Knisja mqaddsa;

tħalli qatt li n-ngħaġ ta’ Kristu

tkun tonqoshom mergħa tajba.

 

Sebħ lit-Trinità qaddisa,

li, fit-tjieba kbira tagħha,

issa tatek il-ħlas xieraq

ta’ qaddej fidil u tajjeb. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Nistennew it-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tas-Salvatur tagħna.

 

Salm 61 (62)

 

F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi: *

mingħandu tiġini s-salvazzjoni.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi, *

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

 

Kemm se ddumu teħduha kontra wieħed waħdu, †

biex taqilbuh ilkoll flimkien, *

bħal ċint qed jiġġarraf, bħal ħajt qed jaqa'?

Ħsiebhom biss biex iwaqqgħuh mill-għoli tiegħu; †

iħobbu l-gideb; *

b'fommhom ibierku, imma f'qalbhom jisħtu.

 

F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi, *

għax mingħandu tiġini t-tama.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi, *

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

 

F'Alla s-salvazzjoni u l-ġieħ tiegħi; *

hu l-blata qawwija tiegħi, u l-kenn tiegħi f'Alla. 

Ittama fih f'kull żmien, o poplu; †

iftħu qalbkom quddiemu. *

Alla hu kenn għalina!

 

Duħħan biss huma l-bnedmin, *

gidba huma wlied il-bniedem.

Fil-miżien 'il fuq jogħlew, *

eħfef mid-duħħan ilkoll flimkien.

 

Isserrħux raskom bis-serq, *

tittamawx fi ħwejjeġ maħtufa;

mqar jekk joktor l-għana, *

torbtux qalbkom miegħu. 

Ħaġa waħda qal Alla; *

jien dawn it-tnejn tgħallimt:

li "l-qawwa hi ta' Alla", †

u li "tiegħek, Sidi, hi t-tjieba". *

Għax int tagħti 'l kulħadd skond għemilu.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Nistennew it-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tas-Salvatur tagħna.

Ant. 2: Idawwar Alla għal fuqna d-dija ta’ wiċċu, u jberikna.

 

Salm 66 (67)

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna; *

idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek, *

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, †

għax trieġi l-popli bis-sewwa, *

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

L-art tat il-frott tagħha; *

iberikna Alla, Alla tagħna!

Iberikna Alla, u tibża' minnu *

l-art kollha minn tarf għall-ieħor!

 

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Idawwar Alla għal fuqna d-dija ta’ wiċċu, u jberikna.

Ant. 3: Kollox bih kien maħluq, u kollox bih qiegħed iżomm.

  

Kantiku ara Kol 1:12-20

 

Roddu ħajr lill-Missier, †

li għamilkom denji *

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,

 li bih għandna l-fidwa, *

il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax bih kien maħluq kollox, *

fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher †

u dak kollu li ma jidhirx, *

troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

 

Kollox bih u għalih kien maħluq, †

hu qabel kollox, *

u kollox bih qiegħed iżomm.

 

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †

hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *

fih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu,

u bid-demm tiegħu imxerred fuq is-salib, *

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kollox bih kien maħluq, u kollox bih qiegħed iżomm.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:1-4

 

Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll u xhud tat-tbatijiet ta' Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mis-sebħ li għad irid jidher: irgħu l-merħla ta' Alla li hi f'idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma bil-qalb, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, iżda mħeġġin mill-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li ġew mogħtijin f’idejkom, imma billi tkunu eżempju għall-merħla. Mbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tiksbu l-kuruna tas-sebħ, magħmula minn ward li qatt ma jidbiel.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R. Dan hu l-ħabib ta’ ħutu. * U jitlob ħafna ghall-poplu. Dan.

V. Huwa ta ħajtu għal ħutu. * U jitlob ħafna għall-poplu. Glorja. Dan.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Dan hu amministratur fidil u għaqli, li s-Sid qiegħdu fuq in-nies tad-dar, biex jagħtihom l-ikel f’waqtu.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

 għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

 b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

  

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Dan hu amministratur fidil u għaqli, li s-Sid qiegħdu fuq in-nies tad-dar, biex jagħtihom l-ikel f’waqtu.

 

PREĊI

 

Kristu hu l-Qassis il-Kbir, imqiegħed għall-bnedmin f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Nagħtuh tifħir xieraq, u bl-umiltà kollha nitolbuh u ngħidulu:

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej.

Int xerridt dawl ta’ l-għaġeb fuq il-Knisja tiegħek permezz ta’ mexxejja kbar u qaddisa:

- ferraħ dejjem u sebbaħ bl-istess dawl lill-poplu nisrani.

Int ħfirt id-dnubiet tal-poplu tiegħek kull meta r-rgħajja qaddisa talbuk bħal Mosè:

- bit-talb tagħhom ibqa’ saffi u qaddes il-Knisja tiegħek.

Int ikkonsagrajt għalik il-qaddisin tiegħek minn fost l-aħwa u bgħatt fuqhom l-Ispirtu tiegħek:

- agħti l-milja ta’ l-Ispirtu s-Santu lill-mexxejja kollha tal-poplu tiegħek.

Inti nnifsek għoġbok tkun is-sehem u l-wirt tar-rgħajja qaddisa tiegħek:

- tħallix li xi ħadd minna l-mifdija b’demmek jibqa’ mingħajrek.

Bir-rgħajja tal-Knisja inti tagħti l-ħajja ta’ dejjem lin-nagħaġ tiegħek, biex ħadd ma jaħtafhomlok minn idejk:

- salva lil ħutna l-mejtin li għalihom tajt ħajtek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt li l-poplu tiegħek ikollu f’Sant’Antnin ta’ Padova predikatur għaref u għajnuna kbira quddiemek fil-ħtiġiet tiegħu: agħmel li hu jieqaf dejjem magħna u jbegħedna minn kull hemm, ħalli nimxu sewwa skond it-tagħlim nisrani. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

 

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

 

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.