Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


IS-SEBA’ ĦADD TAL-GĦID

TLUGĦ IL-MULEJ FIS-SEMA

SOLENNITÀ

 

L-1 Għasar

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Ġesù, Feddej tad-dinja,

imħabba w xewqa tagħna,

int, Alla, li ħlaqt kollox,

sirt bniedem, wieħed minna!

 

Fil-ħniena kbira tiegħek,

tgħabbejt bil-għajb tal-midneb,

u ħadt il-mewt għalina,

biex tkun il-maħfra tagħna.

 

Inżilt f’qiegħ l-art, b’setegħtek

mill-jasar fdejt l-ilsiera,

u tlajt rebbieħ u qawwi

fis-sema ħdejn Missierek.

 

Mulej, bl-istess tjubija

agħtina llum il-maħfra,

u dejjem ibqa’ magħna,

sa ma teħodna miegħek.

 

Kun issa l-ferħ ta’ qalbna,

int li għad tkun il-premju;

int Alla, l-glorja tagħna,

int ġieħna, issa w dejjem. Ammen.

 

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja; se nerġa’ nħalli d-dinja u mmur għand il-Missier, hallelujah.

 

Salm 112 (113)

 

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *

faħħru isem il-Mulej.

Ikun imbierek isem il-Mulej, *

minn issa u għal dejjem! 

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *

ikun imfaħħar isem il-Mulej!

 

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *

ogħla mis-smewwiet hu sebħu. 

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, †

li qiegħed fl-għoli? *

Hu li jħares 'l isfel, lejn is-smewwiet

 u lejn l-art.

 

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *

u jerfa' mill-miżbla l-fqajjar,

biex mal-kbarat iqiegħdu, *

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

Il-mara bla wlied iqegħedha f'darha, *

jagħmilha omm ferħana b'uliedha.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja; se nerġa’ nħalli d-dinja u mmur għand il-Missier, hallelujah.

Ant. 2: Il-Mulej Ġesù, wara li kellem lid-dixxipli tiegħu, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla, hallelujah. 

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli kollha!

 

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej Ġesù, wara li kellem lid-dixxipli tiegħu, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla, hallelujah.

Ant. 3: Ħadd ma tela’ s-sema ħlief dak li niżel mis-sema, Bin il-bniedem, li hu fis-sema, hallelujah.

 

Kantiku Apok 11:17-18 ; 12:10b-12a

 

 Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox, †

 li int u li kont, *

 talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek u bdejt issaltan.

 

 Il-ġnus imtlew bil-korla, †

 Imma ġiet il-korla tiegħek * 

 u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin 

 u jingħata l-ħlas mistħoqq, *

 lill-qaddejja tiegħek il-profeti,

 lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek, *

 kemm iż-żgħar u kemm il-kbar. 

 Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, 

 u s-Saltna ta' Alla tagħna, * 

 u s-setgħa tal-Messija tiegħu, 

 għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, *

 li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.

 U huma ħarġu rebbieħa fuqu

 bis-saħħa ta’ demm il-Ħaruf *

 u bis-saħħa tax-xhieda li taw, 

 u xejn ma għożżew ħajjithom, *

 hekk li ħadu saħansitra l-mewt.

 Għalhekk ifirħu, smewwiet, *

 u intom li tgħammru fihom. 

 

 Glorja lill-Missier.......

 

Ant. 3: Ħadd ma tela’ s-sema ħlief dak li niżel mis-sema, Bin il-bniedem, li hu fis-sema, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 2:4-6

 

Alla, għani fil-ħniena, bis-saħħa ta’ l-imħabba kbira li biha ħabbna, meta konna mejta minħabba dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja intom salvi! – qajjimna miegħu, u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ * Hallelujah, hallelujah. Tela’.

V/. Il-Mulej bid-daqq tat-trombi. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Tela’.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Missier, jien għarraft ismek lill-bnedmin li tajtni mid-dinja, issa għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja, għax jiena ġej għandek, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Missier, jien għarraft ismek lill-bnedmin li tajtni mid-dinja, issa għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja, għax jiena ġej għandek, hallelujah.

 

PREĊI

 

Imqanqlin minn spirtu ta’ ferħ, ngħajjtu lil Kristu l-Mulej, li qiegħed fil-lemin tal-Missier, u ngħidulu:

Kristu, inti s-Sultan glorjuż.

Sultan glorjuż, int tellajt miegħek fis-sema l-ġisem dgħajjef tagħna biex ikun igglorifikat miegħek, eħlisna mill-ħażen tal-ħtijiet ta’ l-imgħoddi:

- u roddilna d-dinjità tal-ħajja li ħadna fil-bidu.

Int l-imħabba niżżlitek fostna:

- agħmel li l-imħabba ttellagħna ħdejk.

Int wegħedtna li se tiġbed lill-bnedmin kollha lejk:

- tħalli ‘l ħadd minna jinqata’ ‘l barra mill-ġisem tiegħek.

Int tlajt glorjuż fis-sema:

- agħmel li b’qalbna u ruħna kollha nibqgħu miexja lejk fejn dħalt qabilna.

Lilek, Alla veru, qegħdin nistennew bħala mħallef:

- agħmel, Mulej, li, meta tiġi fil-glorja tiegħek, narawk ħanin magħna u ma’ ħutna l-mejtin.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, agħmel li b’ferħ qaddis inroddulek ħajr, għax Kristu Ibnek, bit-tlugħ tiegħu fis-sema, imexxina bla heda ‘l quddiem fit-triq tagħna lejk, u jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu, għad naslu wkoll għal dik il-glorja li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufn Amment,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

Jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.

  

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Hallelujah, Kristu l-Mulej tela’ fis-sema: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Hallelujah, Kristu l-Mulej tela’ fis-sema: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Hallelujah, Kristu l-Mulej tela’ fis-sema: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Hallelujah, Kristu l-Mulej tela’ fis-sema: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Hallelujah, Kristu l-Mulej tela’ fis-sema: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Hallelujah, Kristu l-Mulej tela’ fis-sema: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, Kristu l-Mulej tela’ fis-sema: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

O Sultan etern u għoli,

li ħennejt għalina w fdejtna,

inti qridt il-mewt għal dejjem,

bik il-grazzja t’Alla rebħet.

 

Tlajt glorjuż fil-leminija

tal-Missier, li tak is-setgħa

fuq il-ħlejjaq kollha tiegħu,

saltna li m’hijiex tad-dinja.

 

Hekk, Mulej, quddiemek jinżel

għarkubbtejh kulħadd: fis-sema,

fl-art, f’qiegħ l-art, għemilek kollu

jadurak fil-biża’ tiegħek.

 

L-anġli mqaddsa jħarsu mriegħda

lejn ulied Adam mibdula:

jagħti l-bniedem, jifdi l-bniedem,

Alla jsaltan magħmul bniedem.

 

O Mulej, sultan tal-ħlejjaq,

li m’hemmx hena ieħor ħliefek,

kun hawnhekk il-ferħ ta’ qalbna,

kif għad tkun il-premju tagħna.

 

Nitolbuk, għalhekk, tagħtina

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

u bil-grazzja tiegħek għinna

nerfgħu ħsiebna lejn is-sema.

 

Meta fl-aħħar terġa’ tiġi

fuq is-sħab, imħallef tagħna,

tħallasniex kif jistħoqqilna,

iżda tina s-sebħ li tlifna.

 

Tifħir lilek, Kristu Sidna,

int li tlajt glorjuż fis-sema;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Għannu lil Alla, faħħru ismu, wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab, hallelujah.

Salm 67 (68)

 

I

 

Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu; *

jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

Bħalma d-duħħan mar-riħ jixtered, †

bħalma jdub ix-xama' quddiem in-nar,

hekk jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla.

Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla, *

jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

 

Għannu lil Alla, faħħru ismu, *

wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab.

Tgħaxxqu fil-Mulej, *

aqbżu bil-ferħ quddiemu.

Missier l-iltiema u difensur tar-romol, *

hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom, †

u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom; *

imma s-suppervi telaqhom jgħammru

 fid-deżert jikwi.

 

O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek, *

int u tiela' mid-deżert,

triegħdet l-art, u sa s-smewwiet inħallu *

quddiem Alla tas-Sinaj, Alla ta' Iżrael.

Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla,

fuq l-art, wirt tiegħek, *

 u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha. 

Il-poplu tiegħek għammar fiha, *

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha.

 Glorja.

 

Ant. 1: Għannu lil Alla, faħħru ismu, wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab, hallelujah.

Ant. 2: Hu tela’ fil-għoli, bl-ilsiera warajh, hallelujah.

 

II

 

Il-Mulej Sidi jagħti ordni, *

u ħafna huma n-nisa li jagħtu l-bxara: 

"Ħarbu, ħarbu s-slaten bl-eżerċti! *

X'intom titnikkru qalb l-imrieħel?

In-nisa tad-dar qegħdin jaqsmu l-priża, †

sbieħ bħal ħamiema bi ġwienaħ bħall-fidda, *

b'rixha mżejjen b'deheb safrani.

Meta Alla li jista' kollox ferrex is-slaten, *

xita ta' silġ niżlet fuq Salmon."

 

Għolja ta' Alla hi l-għolja ta' Basan, *

għolja b'ħafna qċaċet hi l-għolja ta' Basan.

Imma għax tħares bl-għira, għolja ta' ħafna qċaċet, †

lejn l-għolja li Alla għażel b'għamartu? *

 Fiha għoġbu joqgħod il-Mulej għal dejjem.

L-imriekeb tal-Mulej eluf ta' eluf; *

bihom ġie Sidi mis-Sinaj għas-santwarju.

Int tlajt fil-għoli, bl-ilsiera warajk, †

bnedmin int ħadt b'għotjiet tiegħek, *

mqar dawk li ma ridux joqogħdu għalik, Mulej Alla.

Imbierek Sidi l-Mulej minn jum għal ieħor! *

Jieħu ħsiebna Alla, is-salvatur tagħna. 

Alla tagħna hu Alla li jsalvana; *

il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.

Alla jfarrak l-għedewwa tiegħu, *

ikisser ir-ras ta' min jimxi bil-ħażen.

Qal Sidi l-Mulej: "Minn Basan inġibhom, *

lura nġibhom minn qiegħ il-baħar,

biex tgħaddas riġlek f'demmhom,

u l-għedewwa tiegħek jikluhom il-klieb."

 Glorja.

 

Ant. 2: Hu tela’ fil-għoli, bl-ilsiera warajh, hallelujah.

Ant. 3: Sultan, Alla tiegħi, int dħalt fis-santwarju, hallelujah.

 

III

 

Tfaċċa d-dħul tiegħek, o Alla, fis-santwarju, *

id-dħul ta' Alla tiegħi, is-sultan tiegħi.

L-għannejja quddiem, l-istrumenti wara, *

f'nofshom it-tfajliet bit-tanburlin:

"Bierku 'l Alla fil-laqgħat tagħkom; *

bierku l-Mulej fil-ġemgħat ta' Iżrael."

Quddiem miexi Benjamin, *

 l-iżgħar fost it-tribù,

il-kapijiet ta' Ġuda bi ħġarhom, *

il-kapijiet ta' Żabulon, il-kapijiet ta' Neftali.

Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek, *

wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.

Lejn it-tempju tiegħek f'Ġerusalemm, *

għalik is-slaten iġibu l-għotjiet.

Ċanfar dik il-bhima fil-qasab tan-Nil, *

dawk il-popli, bħal qabda gniedes

 bl-għoġiela tagħhom,

sa ma jumiljaw ruħhom u jiġuk b'rigali tal-fidda; *

ferrex il-popli li jħobbu l-gwerer. 

Ħa jiġu l-kbarat mill-Eġittu; *

tiftaħ l-Etjopja idejha lejn Alla.

 

Slaten ta' l-art, għannu lil Alla, *

faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej:

lil dak li jirkeb fuq is-smewwiet, *

fuq is-smewwiet ta' dejjem.

Arawh! Se jsamma' leħnu, leħen qawwi: *

"Agħrfu l-qawwa ta' Alla!"

 

Fuq Iżrael il-kobor tiegħu; *

fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.

Tal-biża' Alla fis-santwarju tiegħu! *

Hu Alla ta' Iżrael,

li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu. *

Imbierek Alla!

 Glorja.

 

Ant. 3: Sultan, Alla tiegħi, int dħalt fis-santwarju, hallelujah.

 

V/. Il-Mulej fetħilhom moħħhom, hallelujah

R/. Biex jifhmu l-Iskrittura, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin Ef 4:1-24

 

Tiela’ fil-għoli, jassar l-ilsiera

 

Ħuti : Inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skond is-sejħa li biha kontu msejjħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu 'l xulxin. Ħabirku biex iżżommu Spirtu wieħed fir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejjħa għal tama waħda, Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda, Alla wieħed u Missier ta' kulħadd, li jsaltan fuq kulħadd, b'kulħadd u f'kulħadd.

 Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skond il-qjies tad-don ta' Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura:

 “Tela’ fil-għoli, jassar l-ilsiera, ta don lill-bnedmin.”

Tela'," xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t'isfel ta' l-art? Dak li niżel huwa dak li tela' fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox, u huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin; hekk jitrawwmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta' Kristu sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien ta' l-Iben ta' Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta' żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta' Kristu, u ma nkunux aktar trabi mitfugħin 'l hawn u 'l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta' tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball. Imma waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba, nikbru f'kollox bih, f'dak li hu r-Ras, Kristu. Fih il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz ta' l-għekiesi kollha li jservuh skond il-ħidma ta' kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba. 

Jiena dan ngħidilkom u nwissikom quddiem il-Mulej, li ma ġġibux iżjed ruħkom skond ma jġibu ruħhom il-pagani bil-bluha ta' moħħhom. Il-fehma tagħhom hi mdallma, maqtugħa mill-ħajja ta' Alla minħabba l-injoranza li għandhom u l-ebusija ta' qalbhom. Huma tilfu kull sentiment u ntelqu għal kull xorta ta' żína bla xaba'. Imma intom mhux hekk tgħallimtu 'l Kristu - jekk intom smajtuh u tgħallimtuh skond il-verità li hi f'Ġesù - jiġifieri, li għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta' qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim, imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa, u li għandkom tiġġeddu b'tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla fil-ġustizzja u l-qdusija ġejja mill-verità.

 

RESPONSORJU Ef 4:8 (Salm 67[68]:19; Salm 46 (47):6

 

R/. Kristu Ġesù tela’ fil-għoli, jassar l-ilsiera. * Ta don lill-bnedmin, hallelujah.

V/. Tela’ Alla b’għajjat ta ferħ, il-Mulej bid-daqq tat-trombi. * Ta don lill-bnedmin, hallelujah.

 

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-Isqof Santu Wistin

 

Ħadd ma tela’ s-sema ħlief dak li niżel mis-sema

 

 Illum Sidna Ġesù Kristu tela’ s-sema: ħa jitilgħu qlubna miegħu fis-sema! Nisimgħu lil San Pawl jgħidilna: Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin tal-Missier; aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema u mhux f’dawk ta’ l-art. Kif hu tela’ s-sema u ma tbigħedx minna, hekk aħna ġa qegħdin miegħu fis-sema, għalkemm għad m’hux bil-ġisem ukoll, kif ġie mwiegħed lilna.

 Kristu ġa hu fl-għoli tas-smewwiet, imma għadu jbati fuq l-art fit-tiġrib li miegħu niltaqgħu aħna l-membri tiegħu. Ta’ dan hu stess tana xhieda meta qal: Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani? u meta qal: Kont bil-ġuħ u tmajtuni.

 Għaliex mela aħna ma nilqgħux it-tiġrib ta’ din id-dinja waqt li qalbna hi mistrieħa ma’ Kristu fis-smewwiet permezz tal-fidi, t-tama u l-imħabba, li bihom aħna ningħaqdu miegħu? Hu, għalkemm fis-sema, hu magħna wkoll, u aħna, f’din id-dinja aħna wkoll miegħu fis-sema. Hu magħna bid-divinità tiegħu, ‘bil-qawwa tiegħu, bl-imħabba tiegħu; aħna, għalkemm ma nistgħux inkunu miegħu bid-divinità kif inhu magħna, nistgħu nkunu miegħu bl-imħabba, bl-imħabba fih.

 Hu ma tbigħedx mis-sema meta niżel fostna fid-dinja; lanqas tbigħed minna meta reġa’ lura fis-sema. Hu stess jixhdilna li kien qiegħed fis-sema waqt li kien magħna fuq l-art, meta qal: Ħadd ma tela’ s-sema ħlief min niżel mis-sema, Bin il-bniedem li hu fis-sema.

 Dan nistgħu ngħiduh minħabba l-għaqda tagħna miegħu, għaliex hu r-Ras u aħna l-ġisem tiegħu. “Ħadd ħliefu” għaliex aħna ħaġa waħda miegħu: Hu, għax Bin il-bniedem minħabba fina, aħna għax ulied Alla minħabba fih.

 Għalhekk San Pawl jgħidilna: Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Ma jgħidx “Hekk Kristu”, imma Hekk ukoll Kristu. Kristu mela hu ħafna membri, u ġisem wieħed.

 Niżel mis-smewwiet għaliex ħenn għalina, u reġa’ lura fis-smewwiet hu waħdu għaliex aħna ħaġa waħda miegħu bil-grazzja tiegħu. Għalhekk ngħidu li Kristu biss niżel mis-smewwiet, u Kristu biss tela’ fis-smewwiet: mhux għaliex il-ġieħ tar-Ras jintilef fix-xejn fil-ġisem kollu, imma għaliex il-ġisem sħiħ ma jinfiridx mir-Ras.

 

RESPONSORJU ara Atti 1:3. 9. 4

 

R/. Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom għal erbgħin jum u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla, * U huma u jħarsu lejh kien meħud ‘il fuq, u sħaba ħaditulhom minn quddiem għajnejhom, hallelujah.

V/. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier. * U huma u jħarsu lejh kien meħud ‘il fuq, u sħaba ħaditulhom minn quddiem għajnejhom, hallelujah.

 

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

 

TALBA

 

O Alla li tista’ kollox, agħmel li b’ferħ qaddis inroddulek ħajr, għax Kristu Ibnek, bit-tlugħ tiegħu fis-sema, imexxina bla heda ‘l quddiem fit-triq tagħna lejk, u jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu, għad naslu wkoll għal dik il-glorja li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

  

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

B’ferħ tassew il-Knisja tilqa’

dan il-jum qaddis u mbierek,

li jfakkarna t-tlugħ fis-sema

tal-Mulej, it-tama tagħna.

 

B’rebħa kbira fuq il-għadu,

Kristu tela’ ‘l fuq fil-għoli,

u quddiem Missieru daħal

b’ġisem veru, mimli glorja.

 

Sħaba kollha dawl ħbithulna,

biex il-fidi tqawwi t-tama,

għaliex issa d-dar miftuħa

li Adam bid-dnub kien għalaq.

 

Tifraħ l-art u jgħanni s-sema!

Bin il-Verġni, nisel tagħna,

wara swat, salib u difna,

reġa’ ngħaqad ma’ Missieru.

 

Niżżuħ ħajr għax, biex jurina

li hu salva l-bniedem kollu,

tella’ miegħu wkoll il-ġisem

u qagħad bih fit-tron tas-saltna.

 

L-istess ferħ għalhekk qed naqsmu

aħna llum mar-rwieħ tas-sema,

għax jekk Kristu tela’ ħdejhom,

iżda ma nfiridx minn magħna.

 

Int li tlajt fis-sebħ ta’ darek,

o Ġesù, lejk erfa’ qlubna;

sawwab, kif wegħedt, l-Ispirtu

tal-Missier u tiegħek fuqna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer, hallelujah.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer, hallelujah.

Ant. 2: Għollu bit-tifħir lis-Sultan tas-slaten, għannu bil-ferħ lil Alla, hallelujah. hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Għollu bit-tifħir lis-Sultan tas-slaten, għannu bil-ferħ lil Alla, hallelujah. hallelujah.

Ant. 3: Huma u jħarsu lejh, kien meħud ‘il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom, hallelujah.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: Huma u jħarsu lejh, kien meħud ‘il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 10:12-14

 

Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh. Għax hu, b’offerta waħda, għamel perfetti għal dejjem lil dawk li hu jqaddes.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu tela’ fil-għoli. * Hallelujah, hallelujah.

V/. Bl-ilsiera warajh. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom, hallelujah.

 

PREĊI

 

Il-Mulej intrefa’ ‘l fuq mill-art u ġibed lejh lill-bnedmin kollha. Nagħtuh xhieda tal-ferħ tagħna u ngħidulu:

 Kristu, inti s-Sultan glorjuż.

Mulej Ġesù, Sultan glorjuż, int offrejt lilek innifsek sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, u tlajt rebbieħ fil-lemin tal-Missier.

- agħmel perfetti għal dejjem lil dawk li tqaddes.

Inti l-Qassis ta’ dejjem u l-ministru tal-patt il-ġdid, dejjem ħaj biex tidħol għalina:

- salva lil dan il-poplu li qiegħed jitolbok.

Int f’erbgħin jum wara l-passjoni dehert lid-dixxipli u tajthom ħafna provi li int ħaj:

- wettaq illum il-fidi tagħna fik.

Int f’dan il-jum wegħedt l-Ispirtu lill-appostli biex ikunu xhieda tiegħek fid-dinja kollha:

- qawwi x-xhieda tagħna bis-saħħa ta’ l-istess Spirtu.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, agħmel li b’ferħ qaddis inroddulek ħajr, għax Kristu Ibnek, bit-tlugħ tiegħu fis-sema, imexxina bla heda ‘l quddiem fit-triq tagħna lejk, u jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu, għad naslu wkoll għal dik il-glorja li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

  

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu: O Alla, int qegħedt is-sebħ tiegħek ‘il fuq mis-smewwiet, hallelujah.

F’Nofsinhar: Minn truf is-smewwiet hu joħroġ, sat-truf l-oħra d-dawran tiegħu, hallelujah.

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar: Refa’ jdejh u berikhom u kien imtella’ fis-sema, hallelujah.

 

Salm 8

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Int qegħedt is-sebħ tiegħek *

‘il fuq mis-smewwiet.

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, *

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

Kollox taħt riġlejk qegħedtlu: *

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar, *

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Glorja.

 

Salm 18 (19) A

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, *

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, *

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Ma' l-art kollha jasal leħinhom, *

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

 

Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †

u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, *

ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,

minn tarf is-smewwiet hi toħroġ,

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *

xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

 Glorja.

 

Salm 18B (19B)

 

Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja; *

ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,

u tgħallem lil min ma jafx.

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb; *

il-kmand Amment tal-Mulej safi,

u jdawwal l-għajnejn.

 

Il-biża' tal-Mulej sinċier, u jibqa' għal dejjem; *

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox;

egħżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin, *

oħla mill-għasel u mill-qtar tax-xehda.

Fehemhom sewwa l-qaddej tiegħek; *

ħlas tajjeb għandu min iħarishom.

In-nuqqas min jista' jagħrfu? *

Minn dak li ma nafx bih saffini.

U mill-kburija wkoll ħares il-qaddej tiegħek, *

tħalliha qatt taħkimni.

Mbagħad inkun bla ħtija *

u ħieles minn dnub kbir.

 

Ħa jkunu milqugħa quddiemek †

kliem fommi u ħsieb qalbi, *

Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.

 Glorja.

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant: O Alla, int qegħedt is-sebħ tiegħek ‘il fuq mis-smewwiet, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA ara Apok 1:17b-18

 

Rajt wieħed, qisu Iben ta’ bniedem, u qalli: Jiena hu l-Ewwel u l-Aħħar, jien l-ħaj; jien kont mejjet, u ara jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem, u għandi jinsabu l-imfietaħ tal-mewt u ta’ qiegħ l-art.

 

V/. Tħallux lil qalbkom titħawwad, hallelujah.

R/. Jien sejjer għand il-Missier, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

Ant: Minn truf is-smewwiet hu joħroġ, sat-truf l-oħra d-dawran tiegħu, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 8:1b-3a

 

Aħna għandna qassis hekk kbir li qagħad fuq il-lemin tat-tron tal-kobor ta’ Alla fis-sema, qaddej tas-santwarju u tat-tabernaklu veru, li hu magħmul mill-Mulej u mhux mill-bnedmin. Kull qassis il-kbir hu magħmul biex iressaq l-offerti u jagħmel is-sagrifiċċji.

 

V/. Il-Mulej waqqaf it-tron tiegħu, hallelujah.

R/. Fl-għoli tas-smewwiet, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant: Refa’ jdejh u berikhom u kien imtella’ fis-sema, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:1-2

 

Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.

 

V/. Għollu bit-tifħir lis-Sultan tas-slaten, hallelujah.

R/. Għannu lil Alla tagħna, hallelujah.

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, agħmel li b’ferħ qaddis inroddulek ħajr, għax Kristu Ibnek, bit-tlugħ tiegħu fis-sema, imexxina bla heda ‘l quddiem fit-triq tagħna lejk, u jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu, għad naslu wkoll għal dik il-glorja li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Ġesù, Feddej tad-dinja,

imħabba w xewqa tagħna,

int, Alla, li ħlaqt kollox,

sirt bniedem, wieħed minna!

 

Fil-ħniena kbira tiegħek,

tgħabbejt bil-għajb tal-midneb,

u ħadt il-mewt għalina,

biex tkun il-maħfra tagħna.

 

Inżilt f’qiegħ l-art, b’setegħtek

mill-jasar fdejt l-ilsiera;

u tlajt rebbieħ u qawwi

fis-sema ħdejn Missierek.

 

Mulej, bl-istess tjubija

agħtina llum il-maħfra,

u dejjem ibqa’ magħna,

sa ma toħodna miegħek.

 

Kun issa l-ferħ ta’ qalbna,

int li għad tkun il-premju;

int, Alla, l-glorja tagħna,

int ġieħna, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Tela’ s-sema, u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, hallelujah.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Tela’ s-sema, u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, hallelujah.

Ant. 2: Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ, il-Mulej bid-daqq tat-trombi, hallelujah.

.

Salm 46 (47)

 

Popli kollha, ċapċpu idejkom, *

għajjtu b'leħen ta' ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża', *

sultan kbir fuq l-art kollha.

 

Irażżan il-popli taħtna, *

u l-ġnus iqiegħed taħt riġlejna.

Hu jagħżlilna l-wirt tagħna, *

il-kburija ta' Ġakobb, il-maħbub tiegħu.

Tela' Alla b'għajat ta' ferħ, *

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

 

Għannu lil Alla, għannu, *

għannu lis-sultan tagħna, għannu.

Għax Alla s-sultan ta' l-art kollha: *

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

 

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha, *

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu.

Jinġemgħu l-kbarat tal-popli *

mal-poplu ta' Alla ta' Abraham.

Għax ta' Alla huma l-kapijiet ta' l-art; *

hu fil-għoli ħafna fuq kulħadd.

Glorja.

 

Ant. 2: Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ, il-Mulej bid-daqq tat-trombi, hallelujah.

Ant. 3: Issa Bin il-bniedem huwa gglorifikat, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla, hallelujah.

 

Kantiku Apok 11:17-18 ; 12:10b-12a

 

 Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox, †

 li int u li kont, *

 talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek u bdejt issaltan.

 

 Il-ġnus imtlew bil-korla, †

 Imma ġiet il-korla tiegħek * 

 u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin 

 u jingħata l-ħlas mistħoqq, *

 lill-qaddejja tiegħek il-profeti,

 lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek, *

 kemm iż-żgħar u kemm il-kbar. 

 Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, 

 u s-Saltna ta' Alla tagħna, * 

 u s-setgħa tal-Messija tiegħu, 

 għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, *

 li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.

 U huma ħarġu rebbieħa fuqu

 bis-saħħa ta’ demm il-Ħaruf *

 u bis-saħħa tax-xhieda li taw, 

 u xejn ma għożżew ħajjithom, *

 hekk li ħadu saħansitra l-mewt.

 Għalhekk ifirħu, smewwiet, *

 u intom li tgħammru fihom. 

 Glorja.

 

Ant. 3: Issa Bin il-bniedem huwa gglorifikat, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 3:18. 21b-22

 

 Kristu miet darba minħabba d-dnubiet; hu, li hu ġust, miet għall-inġusti, biex iressaqhom lejn Alla. Kien mogħti għall-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-Ispirtu. U issa salva lilkom ukoll, mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla ħierġa minn kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu li tela’ fis-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla, u għandu taħtu s-setgħat u l-qawwiet ta’ l-anġli.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Se nitla’ għand Missieri u Missierkom. * Hallelujah, hallelujah. Se nitla’.

V/. Alla tiegħi u Alla tagħkom. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Se nitla’.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Sultan glorjuż, Mulej ta’ l-eżerċti, inti llum tlajt rebbieħ fl-ogħla tas-smewwiet! La tħalliniex iltiema iżda ibagħtilna l-Ispirtu tal-verità mingħand il-Missier, kif wegħedtna, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 Sultan glorjuż, Mulej ta’ l-eżerċti, inti llum tlajt rebbieħ fl-ogħla tas-smewwiet! La tħalliniex iltiema iżda ibagħtilna l-Ispirtu tal-verità mingħand il-Missier, kif wegħedtna, hallelujah.

 

PREĊI

 

Imqanqlin minn spirtu ta’ ferħ, ngħajjtu lil Kristu l-Mulej, li qiegħed fil-lemin tal-Missier, u ngħidulu:

Kristu, inti s-Sultan glorjuż.

Sultan glorjuż, int tellajt miegħek fis-sema l-ġisem dgħajjef tagħna biex ikun igglorifikat miegħek:

- eħlisna mill-ħażen tal-ħtijiet ta’ l-imgħoddi u roddilna d-dinjità tal-ħajja li ħadna fil-bidu.

Int l-imħabba niżżlitek fostna:

- agħmel li l-imħabba ttellagħna ħdejk.

Int wegħedtna li se tiġbed lill-bnedmin kollha lejk:

- tħalli ‘l ħadd minna jinqata’ ‘l barra mill-ġisem tiegħek.

Int tlajt glorjuż fis-sema:

- agħmel li b’qalbna u ruħna kollha nibqgħu miexja lejk fejn dħalt qabilna.

Lilek, Alla veru, qegħdin nistennew bħala mħallef:

- agħmel, Mulej, li, meta tiġi fil-glorja tiegħek, narawk ħanin magħna u ma’ ħutna l-mejtin.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, agħmel li b’ferħ qaddis inroddulek ħajr, għax Kristu Ibnek, bit-tlugħ tiegħu fis-sema, imexxina bla heda ‘l quddiem fit-triq tagħna lejk, u jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu, għad naslu wkoll għal dik il-glorja li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

  

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufn Amment,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.