Stampa t-test kollu ...


IS-SIBT TAS-VI ĠIMGHA TAL-GĦID

Salmodija tas-Sibt tat-II ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħa jifirħu l-ħlejjaq kollha

fis-smewwiet, fuq l-art, fil-baħar:

Kristu qam mill-mewt, u fetaħ

bieb il-ħajja lil kull bniedem.

 

Ħadna l-ġid taż-żmien it-tajjeb,

rajna l-jum tas-salvazzjoni:

il-Ħaruf ħasilna b’demmu,

biex mid-dlam għad-dawl joħroġna.

 

Daq il-mewt, iżd’aħna ksibna

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

jekk stħajjluh megħlub u mxejjen,

żamm qawwietu w tana r-rebħa.

 

B’hekk titwettaq fina t-tama

li, kif nemmen, għad nissieħbu

fil-qawmien glorjuż ta’ Sidna,

biex nimtlew bil-ferħ tal-ħajja.

 

Ngħaddu mela b’qima kbira

dan iż-żmien ta’ l-Għid hekk hieni,

b’radd il-ħajr għall-ġid u d-doni

li l-Feddej ġibilna miegħu.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ftakar fina, Mulej; aħseb fina bis-salvazzjoni tiegħek, hallelujah.

 

Salm 105 (106)

 

I

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Min jista' jsemmi l-għemejjel kbar tal-Mulej, *

jew isemma' t-tifħir tiegħu kollu?

Hieni min jimxi bid-dritt, *

min jagħmel dejjem is-sewwa.

Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek; *

aħseb fija bis-salvazzjoni tiegħek,

biex nara l-ġid tal-magħżulin tiegħek, †

biex nifraħ għall-ferħ ta' ġensek, *

u niftaħar mal-poplu ta' wirtek.

 

Aħna dnibna, bħal missirijietna, *

waqajna fil-ħtija, għamilna l-ħażen.

Missirijietna fl-Eġittu

ma għarfux l-għeġubijiet tiegħek, *

 ma ftakrux fit-tjieba kbira tiegħek;

u ħaduha kontra Alla l-Għoli *

ħdejn il-Baħar tal-Qasab.

Iżda hu salvahom minħabba f'ismu, *

biex juri l-qawwa tiegħu.

 

Ċanfar lill-Baħar tal-Qasab, u dan nixef; *

Mexxiehom, bħal f'deżert, f'qiegħ il-baħar.

Salvahom minn id dawk li jobogħduhom; *

fdiehom minn id l-għedewwa tagħhom.

L-ilma għatta lil dawk li għakksuhom; *

anqas wieħed ma baqa' minnhom.

Mbagħad emmnu fi kliemu, *

u għana ta' tifħir għannewlu.

 

Iżda malajr insew għemilu; *

mank stennew li jseħħ il-ħsieb tiegħu.

B’xewqat imħeġġa mtlew fid-deżert, *

ġarrbu lil Alla fix-xagħri.

Hu tahom kull ma talbuh, *

u temagħhom bix-xaba’.

 

Ġiethom l-għira għal Mosè fl-għerejjex, *

u għal Aron, il-qaddis tal-Mulej.

Infetħet l-art u belgħet 'il Datan, *

u għalqet taħtha 'l Abiram u 'l sħabu.

Ħaraq in-nar il-ġemgħa tan-nies tagħhom, *

inqerdu l-ħżiena fil-ħuġġieġa tan-nar.

Glorja.

 

Ant. 1: Ftakar fina, Mulej; aħseb fina bis-salvazzjoni tiegħek, hallelujah

Ant. 2: Qis li ma tinsiex il-patt tal-Mulej Alla tiegħek, hallelujah.

 

II

 

Għamlu għoġol ħdejn il-Ħoreb, *

qiemu xbieha tal-metall imdewweb.

Bidlu 'l Alla, il-glorja tagħhom, *

ma' xbieha ta' gendus jiekol il-ħaxix.

U nsew 'l Alla, li salvahom, *

li għamel ħwejjeġ kbar fl-Eġittu,

għeġubijiet fl-art ta' Ħam, *

ħwejjeġ tal-biża' fil-Baħar tal-Qasab.

Kien għamel il-ħsieb li jeqridhom, *

li ma kienx għal Mosè, il-magħżul tiegħu,

li waqaf fis-selħa tas-sur quddiemu, *

biex iberrdu u ma jeqridhomx.

 

Mbagħad maqdru l-art li tgħaxxaq, *

għax ma emmnux fil-kelma tiegħu.

Qagħdu jgergru fl-għerejjex tagħhom, *

ma ridux jisimgħu leħen il-Mulej.

Għalhekk refa' idu kontrihom, *

b'ħalfa li jmiddhom fid-deżert,

li fost il-ġnus ixerred 'l uliedhom *

u ma' l-artijiet iferrixhom.

 

Huma ngħataw lil Bagħal-Fegħor, *

kielu mill-vittmi maqtula lill-allat mejta.

Irrabjawh bl-imġiba tagħhom, *

u marda kerha faqqgħet fosthom.

Qam imbagħad Finħas u tħallas, *

u l-kastig waqaf għalkollox.

Dan swielu għall-ġid tiegħu, *

minn nisel għal nisel, għal dejjem.

Irrabjawh ukoll ħdejn l-ilma ta' Meribah, *

mqar Mosè weħel minħabba fihom;

għax huma tellfulu sabru, *

 u qal dak li ġie fi lsienu.

 Glorja.

 

Ant.2: Qis li ma tinsiex il-patt tal-Mulej Alla tiegħek, hallelujah.

Ant. 3: Salvana, Mulej, u iġmagħna minn fost il-ġnus, hallelujah.

 

III

 

Huma ma qerdux il-popli, *

kif il-Mulej kien qalilhom;

imma tħalltu mal-ġnus, *

u tgħallmu d-drawwiet tagħhom.

Taw qima lill-idoli tagħhom, *

li saru bħal nassa għalihom.

 

Qatlu b'sagrifiċċji lix-xjaten *

lil uliedhom subjien u bniet.

Xerrdu demm bla ħtija, *

demm uliedhom subjien u bniet,

li ssagrifikaw lill-idoli ta' Kangħan; *

u l-art tniġġset bid-dmija.

Hekk tħassru bl-għemejjel tagħhom, *

u żnew bl-imġiba tagħhom.

 

Għalhekk irrabja l-Mulej għall-poplu tiegħu, *

u stmell il-wirt tiegħu.

U telaqhom f'idejn il-ġnus, *

ħakmuhom dawk li jobogħduhom.

Għakksuhom l-għedewwa tagħhom, *

u kellhom joqogħdu taħt idejhom.

 

Ħafna drabi hu ħelishom, †

iżda huma webbsu rashom miegħu, *

u ġġarrfu bil-ħażen tagħhom.

Iżda hu ħares lejn l-hemm tagħhom, *

xħin sema' t-tnehid tagħhom.

 

Ftakar fil-patt tiegħu magħhom; *

u fit-tjieba kbira tiegħu ħenn għalihom.

U għamel li jsibu l-ħniena *

ta’ dawk kollha li kienu jassruhom.

 

Salvana, Mulej, Alla tagħna, *

u iġmagħna minn fost il-ġnus,

biex inroddu ħajr lill-isem qaddis tiegħek *

u niftaħru bit-tifħir tiegħek.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, †

minn dejjem għal dejjem! *

Ħa jgħid il-poplu kollu: " Ammen!" 

 Glorja.

 

Ant. 3: Salvana, Mulej, u iġmagħna minn fost il-ġnus, hallelujah.

 

V/. Alla tani ħajja ġdida, hallelujah.

R/. Inroddlu ħajr minn qalbi, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 1 Ġw 3:18-24

 

Il-kmand Amment tal-fidi u ta’ l-imħabba

 

Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bil-verità.

Minn dan inkunu nafu li aħna fil-verità, u quddiem Alla nserrħu l-kuxjenza tagħna, jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox. Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla, u kull ma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qegħdin inżommu l-kmand Ammenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu. Dan hu l-kmand Amment tiegħu: li nemmnu fl-isem ta' Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu 'l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm il-kmand Ammenti tiegħu jgħammar f'Alla u Alla fih. B'hekk nafu li hu jgħammar fina bl-Ispirtu li hu tana.

 

 RESPONSORJU Apok 5:9bċd. 10a

 

R/. Min iżomm il-kmand Ammenti ta’ Alla, jgħammar f’Alla u Alla fih, * B’hekk nafu li hu jgħammar fina bl-Ispirtu li hu tana, hallelujah.

V/. Alla ħalaq l-għerf fl-Ispirtu s-Santu, sawwbu fuq il-bnedmin kollha, u tah lil min iħobbu. * B’hekk nafu li hu jgħammar fina bl-Ispirtu li hu tana, hallelujah.

 

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Tifsir ta’ San Girgor, isqof ta’ Nissa, fuq il-Ktieb ta’ l-Għanja ta’ l-Għanjiet

Jien tajthom il-glorja li tajtni int

 

 Jekk l-imħabba tkeċċi l-biża ‘l barra għalkollox, il-biża’ jinbidel f’imħabba: mbagħad tassew isseħħ l-għaqda bejnietna flimkien f’rabta sħiħa ma’ dak li hu l-ġid waħdieni tagħna, li bħalu m’hemmx ieħor, u hekk niksbu s-salvazzjoni, jekk inkunu safja bħal ħamiem.

 Hu dan li b’xi mod irridu nifhmu mill-kliem li ġej: Waħda hi l-ħamiema tiegħi, waħda s-sabiħa tiegħi: lilha waħedha għandha ommha, m’għandhiex oħra dik li wilditha.

 Dan jgħidulna wkoll il-Mulej fl-Evanġelju bi kliem aktar milqut: Hu kien mad-dixxipli tiegħu u wara li radd il-ħajr, bl-istess kliem li bih kien ikellem lill-Missier, tahom kull setgħa flimkien mal-ġid l-ieħor kollu. Żied jgħidilhom ukoll li l-qofol tal-ġid kollu li tahom kien l-għaqda bejniethom: minn dakinhar ‘il quddiem ma kienx se jkun hemm aktar nuqqas ta’ qbil bejniethom u ħafna fehmiet dwar dak li jkollu jsir ta’ ġid, imma lkoll se jkunu fehma waħda, hekk li, fi kliem l-Appostlu San Pawl, bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, huma jħarsu r-rabta tas-sliem u jkunu ġisem wieħed u rah waħda f’tama waħda tas-sejħa tagħhom.

 L-aħjar li nagħmlu hu li nniżlu l-istess kliem li qal il-Mulej fl-Evanġelju: Ħa jkunu ħaġa waħda; kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.

 Hi l-glorja li tagħmilna ħaġa waħda flimkien, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu: bniedem bil-għaqal m’hux sejjer jiċħad dan jekk jgħarbel sewwa kliem il-Mulej meta qal: Il-glorja li int tajt lili jiena tajtha lilhom. Din il-glorja l-Mulej taha lill-Appostli tiegħu meta qalilhom: Ħudu l-Ispirtu s-Santu.

 Din il-glorja, li bħala Alla dejjem kellu sa minn qabel ma saret id-dinja, irċevieha wkoll meta sar bniedem bħalna; għalhekk, ibda mill-Appostli, il-bnedmin kollha, għaliex għandhom in-natura ta’ bnedmin li ġiet igglorifikata fi Kristu, jistgħu jkollhom sehem mill-Ispirtu qaddis ta’ Kristu.

 Għalhekk il-Mulej kompla jgħid: Il-glorja li int tajt lili jiena tajtha lilhom, biex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda: jiena fihom u inti fija, biex isiru ħaġa waħda għalkollox. Għalhekk dak li minn tifel jikber u jsir raġel magħmul fl-aħjar ta’ żmienu u jasal biex jifhem il-ħwejjeġ tar-ruħ ikun jista’ jirċievi l-glorja ta’ l-Ispirtu s-Santu jekk ikun biegħed kull vizzju ‘l bogħod minnu u jkun safi f’qalbu u għemilu: ikun imbagħad tassew bħal dik il-ħamiema sabiħa li biha jitgħaxxaq l-Għarus: Waħda hi l-ħamiema tiegħi, waħda s-sabiħa tiegħi.

 

RESPONSORJU ara Ġw 15:15; 14:26. 15:14

 

R/. Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, imma ħbieb tiegħi, għax intom għaraftu kull ma għamilt fostkom. * Ħudu l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, dak hu li jibagħtilkom Missieri, hallelujah.

V/. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. * Ħudu l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, dak hu li jibagħtilkom Missieri, hallelujah.

 

TALBA

 

 Dawwal, Mulej, il-fehma tagħna biex nagħmlu dejjem għemil ta’ ġid, ħalli nħabirku bla heda għal dak li hu l-aħjar u hekk naslu biex nissieħbu għal dejjem fil-misteru ta’ l-Għid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

T-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Minn ġol qalb tal-Belt il-ġdida

toħroġ għanja ġdida w ħelwa,

biex mad-dinja kollha xxandar

il-ferħ kbir ta’ l-Għid ta’ Kristu.

 

Hu l-iljun rebbieħ ta’ Ġuda,

ġieb fix-xejn lill-għadu tagħna:

qam mill-mewt u, b’leħen qawwi,

sejjaħ lill-mejtin għall-ħajja.

 

U mill-qiegħ ta’ l-art u d-dalma

ħarġet ħielsa l-priża mjassra;

marru l-qtajja’ tal-mifdija

wara Kristu, s-Sultan tagħhom.

 

Bl-istendard tar-rebħa f’idu,

Ġesù radd is-sliem lill-ħlejjaq,

għaqqad l-art u s-sema, w nieda

żmien is-saltna ta’ Missieru.

 

Nitolbuh għalhekk il-barka

fuqna lkoll u jżommna miegħu,

ħalli nimxu wrajh bla nieqfu,

sa ma niksbu l-glorja mwiegħda.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Int ferraħtni, Mulej, u għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ, hallelujah.

 

Salm 91 (92)

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *

u billejl il-fedeltà tiegħek,

fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *

u bid-daqq taċ-ċetra. 

Għax inti, Mulej, ferraħtni b'għemilek; *

għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

 

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *

kemm huma għolja ħsibijietek!

Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *

u l-iblah ma jifhimhomx.

Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *

u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

lkoll għad jinqerdu għal dejjem; *

imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli.

 

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej, †

l-għedewwa tiegħek jintilfu; *

jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.

Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *

żejt ifuħ sawwabtli fuqi.

Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *

widnejja jisimgħu bit-telfa tal-ħżiena li qamu għalija.

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawwlin f'dar il-Mulej, *

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi, *

u ebda qerq ma jinsab fih.

 Glorja.

 

Ant. 1: Int ferraħtni, Mulej, u għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ, hallelujah.

Ant. 2: Jiena nibgħat il-mewt u nagħti l-ħajja, insawwat u nfejjaq, hallelujah.

 

Kantiku Dewt 32:1-12

 

Agħtu widen, smewwiet, għax se nitkellem, *

ħa tisma' l-art il-kliem ta’ fommi.

Ħa jinżel tagħlimi bħax-xita, *

u kliemi bħal qtar tan-nida, 

bħal irxiex fuq raba' jħaddar, *

bħal bexxa xita fuq il-ħxejjex.

 

Jien isem il-Mulej se nxandar; *

agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna. 

Hu l-Blata tagħna; perfett għemilu; *

u ġusti triqatu kollha. 

Ta’ kelmtu Alla, u ma jqarraqx; *

 Hu Alla ġust u sewwa.

 

Ġiebu ruħhom ħażin miegħu, † 

 m'humiex iżjed uliedu 

minħabba l-għajb tagħhom; *

 kollu qerq u tagħwiġ dan in-nisel.

Mela hekk lill-Mulej tafuhulu, *

ja poplu iblah u bla għaqal? 

M'hux hu missierek li nisslek, * 

li sawwrek u għamlek poplu?

 

Ftakar fil-jiem ta' dari, * 

qis is-snin, iż-żmien li gerbeb; 

staqsi lil missierek u jurik, *

lix-xjuħ tiegħek u jgħidulek.

 

Meta Alla l-Għoli ta lill-ġnus artijiethom *

 u fired il-bnedmin minn xulxin,

qata’ l-limiti ta’ l-art lill-popli * 

skond l-għadd ta' wlied Alla.

Imma sehem il-Mulej hu l-poplu tiegħu, * 

Ġakobb il-wirt li messu.

 

F'art imwarrba mar isibu, *

f'deżert waħxi u bla nies. 

Hu qagħad madwaru u għallmu, * 

u ħarsu bħal ħbub għajnejh.

Bħalma l-ajkla l-bejta ttajjar, *

u tisseqqer fuq il-frieħ tagħha, 

hekk huwa l-ġwienaħ firex, * 

ħadu u refgħu fuqhom. 

Il-Mulej waħdu kien il-mexxej tiegħu, *

ma kellux miegħu alla barrani.

 Glorja.

 

Ant. 2: Jiena nibgħat il-mewt u nagħti l-ħajja, insawwat u nfejjaq, hallelujah.

Ant. 3: Bis-sebħ u l-ġmiel int żejjint lil Kristu tiegħek, hallelujah.

 

Salm 8

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Int qegħedt is-sebħ tiegħek *

‘il fuq mis-smewwiet.

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, *

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

Kollox taħt riġlejk qegħedtlu: *

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar, *

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Glorja.

 

Ant. 3: Bis-sebħ u l-ġmiel int żejjint lil Kristu tiegħek, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 14:7-9

 

Ħadd ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej ; jekk immutu, immutu għall-Mulej. Mela sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Tassew, tassew ngħidilkom, kull ma titolbu ‘l Missier f’ismi jagħtihulkom, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Tassew, tassew ngħidilkom, kull ma titolbu ‘l Missier f’ismi jagħtihulkom, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu wriena l-ħajja ta’ dejjem.Nitolbuh b’devozzjoni kbira u ngħidulu:

Permezz tal-qawmien tiegħek, Mulej, imliena bil-grazzja.

Ragħaj ta’ dejjem, ħu ħsieb il-merħla tiegħek issa li sebaħ jum ieħor għaliha:

- itmagħha bl-ikel bnin tal-kelma u l-ħobż tiegħek.

Titlaqniex f’ħalq il-lupu jew f’idejn ragħaj mikri li jaħseb għal rasu u mhux għal merħla:

- agħmel li minn qalbna nisimgħu leħnek.

Int taħdem id f’id ma’ dawk kollha li jxandruk u twettaq il-kelma tagħhom:

- ibgħatna llum inxandru l-qawmien tiegħek b’mod ħaj u bl-imġiba tagħna.

Kun int il-ferħ tagħna li ħadd ma jeħodhulna:

- eħles lil qalbna mid-diqa tad-dnub u imlihielna bix-xewqa tal-ħajja ta’ dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

Dawwal, Mulej, il-fehma tagħna biex nagħmlu dejjem għemil ta’ ġid, ħalli nħabirku bla heda għal dak li hu l-aħjar u hekk naslu biex nissieħbu għal dejjem fil-misteru ta’ l-Għid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

Salm 118 (119):81-88

 

XI (Kof)

 

Ninfena bix-xewqa tas-salvazzjoni tiegħek; *

jien nittama fil-kelma tiegħek.

Għejew għajnejja jistennew il-wegħda tiegħek; *

u jien nistaqsi: "Meta se tfarraġni?"

 

Sirt qisni ġild imnixxef fid-duħħan; *

imma ma nsejtx il-kmand Ammenti tiegħek.

Kemm se jdum jistenna l-qaddej tiegħek? *

Meta se tagħmel ħaqq minn dawk li jħabbtuni?

Ħaffru l-kburin ħofra għalija, *

dawk li ma jimxux skond il-liġi tiegħek.

Sewwa huma l-kmand Ammenti tiegħek kollha; *

għinni int, meta bil-qerq iħabbtuni.

 

Għal ftit ma qerdunix minn din l-art; *

imma jien ma ħallejtx il-preċetti tiegħek.

Fit-tjieba tiegħek agħtini l-ħajja; *

u jiena nħares il-preċetti ta' fommok.

 Glorja.

 

Salm 60 (61)

 

Isma', o Alla, l-għajta tiegħi, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

Minn truf l-art lilek insejjaħ, *

meta nkun qalbi maqtugħa;

minn hemm inti mexxini *

lejn il-fortizza fuq l-għolja.

Għax int sirt kenn għalija, *

torri qawwi quddiem l-għadu.

M'hux li kont ngħix f'għamartek għal dejjem, *

nistkenn għas-satra ta' ġwenħajk!

Għax int, o Alla, smajt il-wegħda tiegħi, *

u tajtni l-wirt ta' min iqim lil ismek.

 

Lis-sultan kattarlu ż-żmien ta' ħajtu; *

ikunu snin ħajtu minn nisel għal nisel.

Isaltan quddiem Alla għal dejjem. *

Agħmel li jħarsuh it-tjieba u l-fedeltà.

 

Hekk infaħħar ismek għal dejjem, *

jien u nrodd kuljum il-wegħdiet tiegħi.

 Glorja.

 

Salm 63 (64)

 

Isma', o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; *

mill-biża' ta' l-għadu ħarisli ħajti.

Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, *

mit-tixwix ta' dawk li jagħmlu l-ħażen,

dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, *

jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,

biex mill-moħba jolqtu 'l min hu bla ħtija, *

jolqtuh għal għarrieda, bla biża' ta' xejn.

Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, †

jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, *

u jgħidu: "Min se jarana?"

Ifittxu l-ħażen, †

ifasslu pjan maħsub sewwa. *

Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem!

 

Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; *

f'daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.

Minħabba lsienhom isiru ħerba; *

kull min jarahom iħarrek rasu.

U lkoll jintlew bil-biża’ ta’ Alla,

 u għemilu jxandru, *

u jifhmu sewwa kull ma għamel.

 

Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; *

jiftaħru dawk kollha ta' qalbhom safja.

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 5:10-11

 

Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm aktar issa li aħna ħbieb miegħu nsalvaw permezz tal-ħajja tiegħu! Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu issa ksibna l-ħbiberija ma’ Alla.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 15:20-22

 

Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li raqdu. Għaliex jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.

 

 V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 5:14-15

 

L-imħabba ta’ Kristu ssuqna, lilna li nafu li wieħed miet għal kulħadd; mela miet kulħadd.U hu miet għal kulħadd, sabiex dawk li jgħixu jgħixu mhux għalihom infushom iżda għal dak li miet u rxoxta minħabba fihom.

 

 V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

Dawwal, Mulej, il-fehma tagħna biex nagħmlu dejjem għemil ta’ ġid, ħalli nħabirku bla heda għal dak li hu l-aħjar u hekk naslu biex nissieħbu għal dejjem fil-misteru ta’ l-Għid. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.