Stampa t-test kollu ...


11 ta’ Awwissu

 

SANTA KJARA, VERĠNI

 

Salmodija tas-Sibt tat-II ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-verġni: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-verġni: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-verġni: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-verġni: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-verġni: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-verġni: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-verġni: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

F’din il-festa l-ġemgħa mqaddsa

b’innu ħelu tagħti xhieda

għas-sebħ kbir li Alla Sidna

ta fis-sema ‘l din il-verġni.

 

Għaliex hi bla heda faħħret

lill-Mulej Ġesù, li ħabbha;

issa mal-qtajjiet tal-ġusti

qiegħda taqsam ferħ u hena.

 

Bil-modestja tagħha rażżnet

in-nuqqas tal-ġisem dgħajjef;

warrbet minnha l-ħajr tad-dinja,

sabiex timxi wara Kristu.

 

Għat-talb tagħha, Feddej twajjeb,

biegħed minna l-ħbit ta’ l-għadu;

mill-waqgħat tad-dnub erfagħna,

żommna sħaħ bil-qawwa tiegħek.

 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

Bin Marija, Omm u Verġni;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej waħdu jagħmel għeġubijiet kbar: għal dejjem it-tjieba tiegħu.

  

Salm 135 (136)

 

I

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Roddu ħajr lil Alla fuq l-allat, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Roddu ħajr lis-Sid tas-sidien, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu waħdu jagħmel għeġubijiet kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Hu li għamel is-smewwiet bil-ħsieb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

Li firex l-art fuq l-ilmijiet, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Li għamel id-dawl il-kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Għamel ix-xemx biex taħkem fuq il-jum, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Il-qamar u l-kwiekeb biex jaħkmu fuq il-lejl *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej waħdu jagħmel għeġubijiet kbar: għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ant. 2: Hu ħareġ lil Iżrael minn ġo nofs l-Eġizzjani, b’id qawwija u bi driegħ mifrux.

 

II

 

Hu darab l-Eġizzjani f'uliedhom il-kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U ħareġ lil Iżrael minn ġo nofshom, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħariġhom b'id qawwija u bi driegħ merfugħ, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu feraq fi tnejn il-Baħar tal-Qasab, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U għadda lil Iżrael minn ġo nofsu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ġarraf il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu

 fil-Baħar tal-Qasab, *

 għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 2: Hu ħareġ lil Iżrael minn ġo nofs l-Eġizzjani, b’id qawwija u bi driegħ mifrux.

Ant. 3: Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet; hu ħelisna mill-għedewwa tagħna.

 

III

 

Hu mexxa fid-deżert il-poplu tiegħu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U xejjen slaten qawwija, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Qered slaten kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Qered lil Siħon, sultan ta' l-Amurrin, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U 'l Għog, sultan ta' Basan, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

B'wirt lil Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Meta konna magħkusin ftakar fina, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U ħelisna mill-għedewwa tagħna, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Lil kulħadd hu jagħti l-ikel, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 3: Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet; hu ħelisna mill-għedewwa tagħna.

 

V/. Triqtek, Mulej, għarrafni.

R/. Il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta-Profeta Hosegħa Ħos 5:14-7:2

 

Indiema fiergħa

 

Dan jgħid il-Mulej:

“Fid-dieqa tagħhom ifittxuni:

‘Imxu, ħa nerġgħu lura għand il-Mulej,

għax huwa ċarrat,

imma se jdewwina,

hu sawwat, imma se jorbtilna l-ġrieħi.

Wara jumejn jerġa’ jagħtina l-ħajja,

mbagħad fit-tielet jum

jerġa’ jqajjimna sabiex quddiemu ngħixu.

Nagħrfu l-Mulej, u nfittxu nagħrfuh iżjed,

daqs kemm hu żgur is-sebħ,

hekk il-ħruġ tiegħu;

hu jiġi bħalma tiġi x-xita fuqna,

bħax-xita mwaħħra illi ssaqqi l-art.

U x’nista nagħmel jien għalik, Efrajm?

Għalik x’se nagħmel, Ġuda?

It-tjieba tagħkom qisha s-sħab ta’ l-għodwa,

tixbaħ lin-nida li tinxtorob kmieni.

Għalhekk onġorthom jiena bil-profeti

u bi kliem fommi qtilthom,

għax il-ħaqq tiegħi joħroġ qisu dawl.

Għaliex jiena tjieba rrid,

mhux sagrifiċċju;

li tagħrfu ‘l Alla rrid,

u mhux vittmi maħruqa.

Iżda huma f’Adam kisru l-patt,

u ma baqgħux fidili lejja.

Gilgħad hi belt ta’ nies li jagħmlu l-ħażen,

kollha rfis bid-demm.

Bħal ħafna ħallelin moħbija,

qatgħa qassisin

jaqbżu fuq dawk li sejtin Sikem

u joqtluhom

– x’għemil faħxi dan!

F’Betel rajt ħwejjeġ li jkexkxu:

hemm Efrajm jagħtiha għaż-żina

u Iżrael jitniġġes.

Ġuda, għalik ukoll inħejji l-ħsad,

meta nreġġa’ lura mill-jasar il-poplu tiegħi.

Kull meta rrid infejjaq lil Iżrael,

insib quddiemi l-ħtija ta’ Efrajm

u l-ħażen tas-Samarija:

qarrieq għemilhom,

bħall-ħallelin jidħlu fid-djar

u bħall-briganti barra.

Qatt ma jieqfu jaħsbu

li jiena naf ħżunithom kollha;

għemilhom kollu madwarhom,

kollu quddiem għajnejja.

 

RESPONSORJU Mt 9:13a; Ħos 6:6b. 4ċ

 

R/. Morru tgħallmu x’jiġifieri: * Tjieba rrid, u mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ‘l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.

V/. It-tjieba tagħkom qisha s-sħab ta’ l-għodwa, tixbaħ lin-nida li tinxtorob kmieni. * Tjieba rrid, u mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ‘l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.

 

LEZZJONI II

 

Qari minn Ittra ta’ Santa Kjara, verġni, lil Santa Anjeże ta’ Praga

 

Ħares lejn il-faqar, l-umiltà u l-imħabba ta’ Kristu

 

Hieni tassew il-bniedem li jingħatalu sehem mill-mejda mqaddsa, sabiex jingħaqad b’qalbu kollha ma’ Kristu, ma’ dak li bi ġmielu jgħaġġeb bla heda lill-qtajja kollha tal-qaddisin fis-sema, dak li jqanqal il-qlub bi mħabbtu u jġedded lil min iżomm ħarstu fuqu, jimla ‘l kulħadd bit-tjubija u l-ħlewwa tiegħu, u jsawwab dawl ħelu fuq min jiftakar fih, dak li bil-fwieħa ħelwa tiegħu l-mejtin jerġgħu jqumu għall-ħajja u bid-dehra glorjuża tiegħu jhenni l-ulied kollha ta’ Ġerusalemm tas-sema. Għax din id-dehra hi dija tas-sebħ ta’ dejjem, raġġ mid-dawl ta’ dejjem u mera bla nikta. Ħares kuljum lejn din il-mera, o Sultana, għarusa ta’ Ġesù Kristu, ara dejjem wiċċek fiha, biex tiżżejjen kollok kemm int minn ġewwa u minn barra, kollok mogħnija bil-ġmiel li jsebbħek bil-ward u l-ilbiesi ta’ kull virtù, kif jixraq lill-bint u għarusa l-iżjed safja tas-Sultan il-kbir. Din il-mera għandha turik ix-xbieha tal-faqar imbierek, ta’ l-umiltà mqaddsa u ta’ l-imħabba ta’ l-għaġeb; u hekk, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla, tkun tista’ tħares lejk innifsek fil-mera kollha.

Ħares lejn in-naħa ta’ fuq ta’ din il-mera, u ara l-faqar ta’ dak li kien imfisqi u mqiegħed fuq maxtura. X’umiltà, x’faqar ta’ l-għaġeb! Is-sultan ta’ l-anġli u Sid is-sema u l-art, mimdud fuq maxtura!

Ħares lejn in-naħa tan-nofs, u ara l-umiltà, jew għallinqas il-faqar imqaddes, it-taħbit bla qjies u t-tbatijiet li Kristu ġarrab biex jifdi l-bnedmin.

Ħares imbagħad lejn in-naħa t’isfel ta’ din il-mera, u ara l-imħabba bla tarf li biha Kristu għoġbu jilqa’ s-salib u jieħu mewt l-aktar mistkerrha.

Din il-mera, jiġifieri Kristu, minn fuq is-salib fejn kien imdendel kellem lil dawk li kienu għaddejjin minn quddiemu, u wissiehom biex jaħsbu fuq dawn il-ħwejjeġ kollha. Hu qalilhom: Intom ilkoll li għaddejjin mit-triq, ħarsu u araw jekk hemmx niket bħan-niket tiegħi. Inwieġbu b’leħen wieħed u ruħ waħda għall-għajat u t-tnehid tiegħu, u ngħidu: Taħseb u tiftakar ruħi, u tinfena ġewwa fija. Mela tħeġġeġ dejjem iżjed bin-nar ta’ l-imħabba, o Sultana tas-Sultan tas-sema.

Ġib ukoll quddiem għajnejk b’liema għaxqa ta’ l-għaġeb, b’liema għana u ġieħ jista’ jimlik għal dejjem, u x-xewqat u l-imħabba kbira ta’ qalbek iġġagħlek titniehed u tgħid: Iġbidni warajk, ejja niġru wara r-riħa tgħaxxaq tal-fwiħat tiegħek, Għarus tiegħi tas-sema. Ma negħjiex niġri, sa ma ddaħħalni għax-xorb ħelu tiegħek, inserraħ rasi fuq driegħek tax-xellug, tgħannaqni bil-leminija tiegħek, u l-bewsa ta’ fommok timlieni bil-hena. Int u taħseb f’dan kollu, ftakar ukoll fl-omm imsejkna tiegħek, għax taf li jiena nqaxt għal dejjem it-tifkira ħelwa tiegħek f’qalbi, għax lilek ngħożżok fuq kulħadd.

 

RESPONSORJU Salm 72(73):26; Fil 3:8b

 

R/. Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi: * Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem.

V/. Jiena ngħodd kollox bħala telf, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih. * Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem.

 

TALBA

 

Fil-ħniena tiegħek, o Alla, inti mlejt lil Santa Kjara bl-imħabba għall-faqar; bit-talb tagħha, agħtina li nimxu wara Kristu fl-ispirtu tal-faqar, biex narawk wiċċ imbwiċċ fis-saltna tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Bil-musbieħ mixgħul, o verġni,

dħalt fil-ferħ tat-tieġ ta’ dejjem

mal-Ħaruf, Sultan tal-glorja,

li hu msebbaħ fl-ogħla sema.

 

Ġew jilqgħuk l-erwieħ qaddisa

ma’Ġesù, li rabtek miegħu

f’għerusija ħelwa w safja,

biex jagħnik bil-ġid ta’ mħabbtu.

 

Kun għalina dawl tal-ħajja,

għinna bit-talb qawwi tiegħek,

ħalli nieqfu sħiħ u nirbħu

lit-tnassis ta’ l-għadu tagħna.

 

Tgħinna wkoll Marija Ommna,

bit-talb tagħha quddiem Binha,

sabiex hi, mudell tal-verġni,

tieqaf magħna f’dan l-eżilju.

 

Ħa jinfexxu l-ħlejjaq kollha

f’għanja ta’ tifħir lil Alla,

għax ta r-rebħ lill-verġni tiegħu

biex iżid il-ferħ fis-sema. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, Mulej, u billejl il-fedeltà tiegħek.

 

Salm 91 (92)

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *

u billejl il-fedeltà tiegħek,

fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *

u bid-daqq taċ-ċetra. 

Għax inti, Mulej, ferraħtni b'għemilek; *

għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

 

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *

kemm huma għolja ħsibijietek!

Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *

u l-iblah ma jifhimhomx.

Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *

u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

lkoll għad jinqerdu għal dejjem; *

imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli.

 

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej, †

l-għedewwa tiegħek jintilfu; *

jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.

Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *

żejt ifuħ sawwabtli fuqi.

Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *

widnejja jisimgħu bit-telfa tal-ħżiena li qamu għalija.

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawwlin f'dar il-Mulej, *

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi, *

u ebda qerq ma jinsab fih.

 Glorja.

 

Ant. 1: Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, Mulej, u bil-lejl il-fedeltà tiegħek.

Ant. 2: Agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna.

 

Kantiku Dewt 32:1-12

 

Agħtu widen, smewwiet, ħa nitkellem, *

ħa tisma' l-art il-kliem ta’ fommi.

Ħa jinżel tagħlimi bħax-xita, *

u kliemi bħal qtar tan-nida, 

bħal irxiex fuq raba' jħaddar, *

bħal bexxa xita fuq il-ħxejjex.

 

Jien isem il-Mulej se nxandar; *

agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna. 

Hu l-Blata tagħna; perfett għemilu; *

u ġusti triqatu kollha. 

Ta’ kelmtu Alla, u ma jqarraqx; *

Hu Alla ġust u sewwa.

 

Ġiebu ruħhom ħażin miegħu, † 

 m'humiex iżjed uliedu 

minħabba l-għajb tagħhom; *

 kollu qerq u tagħwiġ dan in-nisel.

Mela hekk lill-Mulej tafuhulu, *

ja poplu iblah u bla għaqal? 

M'hux hu missierek li nisslek, * 

li sawwrek u għamlek poplu?

 

Ftakar fil-jiem ta' dari, * 

qis is-snin, iż-żmien li gerbeb; 

staqsi lil missierek u jurik, *

lix-xjuħ tiegħek u jgħidulek.

 

Meta Alla l-Għoli ta lill-ġnus artijiethom *

u fired il-bnedmin minn xulxin,

qata’ l-limiti ta’ l-art lill-popli * 

skond l-għadd ta' wlied Alla.

Imma sehem il-Mulej hu l-poplu tiegħu, * 

Ġakobb il-wirt li messu.

 

F'art imwarrba mar isibu, *

f'deżert waħxi u bla nies. 

Hu qagħad madwaru u għallmu, * 

u ħarsu bħal ħbub għajnejh.

Bħalma l-ajkla l-bejta ttajjar, *

u tisseqqer fuq il-frieħ tagħha, 

hekk huwa l-ġwienaħ firex, * 

ħadu u refgħu fuqhom. 

Il-Mulej waħdu kien il-mexxej tiegħu, *

ma kellux miegħu alla barrani.

 Glorja.

 

Ant. 2: Agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna.

Ant. 3: Kemm hu kbir ismek, Mulej, fl-art kollha!

 

Salm 8

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Int qegħedt is-sebħ tiegħek *

il fuq mis-smewwiet.

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, *

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

Kollox taħt riġlejk qegħedtlu: *

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar, *

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Glorja.

 

Ant. 3: Kemm hu kbir ismek, Mulej, fl-art kollha!

 

LEZZJONI QASIRA Għan 8:7

 

Ilmijiet kbar ma jaslu qatt biex jitfu l-imħabba, anqas ix-xmajjar ma jġorruha magħhom. Il-bniedem li jrid jagħti l-ġid kollu ta’ daru biex jixtri l-imħabba, tmaqdir isib!

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Ejja, għedt f’qalbi, * Fittex lil wiċċu. Ejja.

V/. Jien wiċċek infittex, Mulej. * Fittex lil wiċċu. Glorja. Ejja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Din hi verġni bil-għaqal li marret għand Kristu, fejn issa tiddi fost il-qtajja’ tal-verġni bħax-xemx fost id-dwal kbar tas-sema.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Din hi verġni bil-għaqal li marret għand Kristu, fejn issa tiddi fost il-qtajja’ tal-verġni bħax-xemx fost id-dwal kbar tas-sema.

 

PREĊI

 

Nuru l-ferħ tagħna lil Kristu, l-għarus tal-verġni u l-premju tagħhom, u minn qalbna nitolbuh u ngħidulu:

Ġesù, glorja tal-verġni, ismagħna.

Kristu, il-qaddisin verġni ħabbewk bħala l-għarus waħdieni tagħhom:

- agħmel li xejn ma jifridna mill-imħabba tiegħek.

Int igglorifikajt lil Ommok Marija bħala Sultana tal-verġni:

- bit-talb tagħha għinna naqduk dejjem b’qalb safja.

Ilqa’ t-talb li joffrulek għalina l-qaddejja verġni tiegħek, li b’qalbhom kollha kienu dejjem ħsiebhom fik, biex ikunu qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom:

- tħalli qatt li moħħna jixxerred fuq is-sura ta’ din id-dinja li tgħaddi.

Mulej Ġesù, inti l-għarus tal-verġni għaqlin li qagħdu jishru u jistennewk:

- ħeġġeġ fina x-xewqa tiegħek, biex nishru u nistennewk bit-tama.

Tidħol għalina quddiemek Santa N., li kienet verġni bil-għaqal u għarfa:

- ieqaf magħna biex ngħixu fis-safa u l-għerf skond qalbek.

 

Missierna

 

Talba

 

Fil-ħniena tiegħek, o Alla, inti mlejt lil Santa Kjara bl-imħabba għall-faqar; bit-talb tagħha, agħtina li nimxu wara Kristu fl-ispirtu tal-faqar, biex narawk wiċċ imbwiċċ fis-saltna tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. 1 Il-Mulej jgħid: Is-smewwiet u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

 

Salm 118 (119):81-88

 

XI (Kof)

 

Ninfena bix-xewqa tas-salvazzjoni tiegħek; *

jien nittama fil-kelma tiegħek.

Għejew għajnejja jistennew il-wegħda tiegħek; *

u jien nistaqsi: "Meta se tfarraġni?"

 

Sirt qisni ġild imnixxef fid-duħħan; *

imma ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.

Kemm se jdum jistenna l-qaddej tiegħek? *

Meta se tagħmel ħaqq minn dawk li jħabbtuni?

Ħaffru l-kburin ħofra għalija, *

dawk li ma jimxux skond il-liġi tiegħek.

Sewwa huma l-kmandamenti tiegħek kollha; *

għinni int, meta bil-qerq iħabbtuni.

 

Għal ftit ma qerdunix minn din l-art; *

imma jien ma ħallejtx il-preċetti tiegħek.

Fit-tjieba tiegħek agħtini l-ħajja; *

u jiena nħares il-preċetti ta' fommok.

 

 Glorja.

 

Ant. 1 Il-Mulej jgħid: Is-smewwiet u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Ant. 2 Mulej, int sirt kenn għalija, torri qawwi quddiem l-għadu.

 

Salm 60 (61)

 

Isma', o Alla, l-għajta tiegħi, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

Minn truf l-art lilek insejjaħ, *

meta nkun qalbi maqtugħa;

minn hemm inti mexxini *

lejn il-fortizza fuq l-għolja.

 

Għax int sirt kenn għalija, *

torri qawwi quddiem l-għadu.

M'hux li kont ngħix f'għamartek għal dejjem, *

nistkenn għas-satra ta' ġwenħajk!

Għax int, o Alla, smajt il-wegħda tiegħi, *

u tajtni l-wirt ta' min iqim lil ismek.

 

Lis-sultan kattarlu ż-żmien ta' ħajtu; *

ikunu snin ħajtu minn nisel għal nisel.

Isaltan quddiem Alla għal dejjem. *

Agħmel li jħarsuh it-tjieba u l-fedeltà.

 

Hekk infaħħar ismek għal dejjem, *

jien u nrodd kuljum il-wegħdiet tiegħi.

 Glorja.

 

Ant. 2 Mulej, int sirt kenn għalija, torri qawwi quddiem l-għadu.

Ant. 3 Mill-biża ta’ l-għadu ħarisli ħajti, Mulej.

 

Salm 63 (64)

 

Isma', o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; *

mill-biża' ta' l-għadu ħarisli ħajti.

Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, *

mit-tixwix ta' dawk li jagħmlu l-ħażen,

dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, *

jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,

biex mill-moħba jolqtu 'l min hu bla ħtija, *

jolqtuh għal għarrieda, bla biża' ta' xejn.

Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, †

jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, *

u jgħidu: "Min se jarana?"

Ifittxu l-ħażen, †

ifasslu pjan maħsub sewwa. *

Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem!

 

Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; *

f'daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.

Minħabba lsienhom isiru ħerba; *

kull min jarahom iħarrek rasu.

U lkoll jintlew bil-biża’ ta’ Alla,

 u għemilu jxandru, *

u jifhmu sewwa kull ma għamel.

 

Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; *

jiftaħru dawk kollha ta' qalbhom safja.

 Glorja.

 

Ant. 3 Mill-biża ta’ l-għadu ħarisli ħajti, Mulej.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 8:5b-6

 

Bħalma bniedem jgħallem lil ibnu, hekk jgħallmek il-Mulej, Alla tiegħek. Mela ħares il-kmandamenti tal-Mulej, Alla tiegħek, biex timxi fi triqatu u jkollok il-biża’ tiegħu.

 

 V/. Il-biża’ tal-Mulej sinċier, u jibqa’ għal dejjem.

 R/. Il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox.

 

TALBA

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Slat 2:2b-3

 

Qawwi qalbek u oħroġ ta’ raġel. Ħares il-liġi tal-Mulej Alla tiegħek: imxi fit-triqat tiegħu, u oqgħod għall-liġijiet, għat-twissijiet, għad-digrieti u għall-preċetti li għamel hu, biex f’kull ma tagħmel issib ir-riżq.

 

 V/. Mulej, mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

 R/. Għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.

 

TALBA

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nar ta’ l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Qalet Marija: Xi tfisser din it-tislima? Inħossni mħawwda fija nnifsi: se nġib fid-dinja s-Sultan, u xbubiti tibqa’ bla mittiefsa.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 6:16

 

Ieqfu fit-triqat, u ħarsu; staqsu dwar il-mogħdijiet ta’ żmien ilu, liema hi t-triq it-tajba, u imxu fiha, ħalli ssibu l-mistrieħ tagħkom.

 

V/. Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem.

R/. Huma l-għaxqa ta’ qalbi.

 

TALBA

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.