Stampa t-test kollu ...


11 ta’ Ġunju

 

SAN BARNABA, APPOSTLU

 

Salmodija tat-Tnejn tat-I1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. L-Ispirtu s-Santu kellimna bil-profeti u l-għalliema: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. L-Ispirtu s-Santu kellimna bil-profeti u l-għalliema: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. L-Ispirtu s-Santu kellimna bil-profeti u l-għalliema: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. L-Ispirtu s-Santu kellimna bil-profeti u l-għalliema: ejjew nadurawh.

 

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. L-Ispirtu s-Santu kellimna bil-profeti u l-għalliema: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. L-Ispirtu s-Santu kellimna bil-profeti u l-għalliema: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. L-Ispirtu s-Santu kellimna bil-profeti u l-għalliema: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Bniedem t’Alla, li kont sieħeb

ta’ l-Appostli w flimkien magħhom

qsamt fid-dmir u x-xogħol bil-ħeġġa,

ilqa’ t-talb u t-tifħir tagħna.

 

Għax jekk huma, bħal xandara

tal-Mulej Ġesù, taw bidu

għal żmien ġdid ta’ ferħ u barka,

żmien ta’ dawl fis-sliem u s-sewwa.

 

Int ukoll, magħżul bl-Ispirtu,

ħadt sehem magħhom f’din il-ħidma,

u ksibt bħalhom post ewlieni

ta’ sebħ kbir u setgħa għolja.

 

Int żrajt id-dawl tal-grazzja,

żomm fuq artna x-xemx ta’ Kristu,

biex bis-sħana tagħha tkabbar

kullimkien il-frott għas-sema.

 

Meta mbagħad, mal-kbar tas-Saltna,

tkun fuq tron maġenb l-Imħallef,

ersaq lejh minflokna b’talbek

ħalli juri ħniena magħna.

 

Glorja ‘l Alla ta’ kull faraġ,

li jwettaqna lkoll fit-tama

tal-ferħ kbir li għad ingawdu

fid-dar tiegħu flimkien miegħek. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Agħtini widen, Mulej, u fittex eħlisni.

Salm 30 (31):1-17, 20-25

 

I

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wennisni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

Int tobgħod 'il min iqim allat fiergħa; *

imma jien fil-Mulej nittama.

 

Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek, †

int, li rajt l-hemm tiegħi, *

li għaraft id-diqa ta' qalbi.

Ma tlaqtnix f'idejn l-għedewwa, *

imma qegħedtli fil-wisa' riġlejja.

 Glorja.

 

Ant. 1: Agħtini widen, Mulej, u fittex eħlisni.

Ant. 2: Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek, Mulej.

 

II

 

Ħenn għalija, Mulej, għax ninsab fil-hemm, †

infnew għajnejja minħabba d-dwejjaq, *

ruħi wkoll u l-ġewwieni tiegħi.

Infniet ħajti bl-għali, *

u bl-ilfiq is-snin ta' ħajti;

minħabba fil-hemm naqsitni saħħti, *

u tmermer għadmi kollu.

 

Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha, *

jien sirt ħaġa ta' min ikasbarha;

Ħaġa ta’ twerwir għall-ġirien tiegħi, *

u ta’ biża’ għal min jafni.

Dawk li jarawni barra *

jaħarbu minni.

 

Intlift minn sensija bħal wieħed mejjet, *

sirt bħal ġarra mkissra.

Għax smajt l-għajdut tal-kotra fuqi; *

biża' minn kullimkien madwari.

Jiftiehmu bejniethom kontrija, *

jonsbuni biex jeħduli ħajti.

 

Imma jien fik nittama, Mulej; *

jien ngħidlek: "Alla tiegħi int!"

F'idejk hi xortija, †

eħlisni minn id l-għedewwa, *

minn id dawk li jeħduha kontrija.

Uri d-dawl ta' wiċċek lill-qaddej tiegħek; *

fit-tjieba tiegħek eħlisni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek, Mulej.

Ant. 3: Imbierek il-Mulej li għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba.

 

III

 

Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej, *

li inti rfajt għal min jibża' minnek,

li int ħejjejt għal min jafda fik, *

quddiem il-bnedmin kollha!

 

Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom *

kontra t-tnassis tal-bnedmin;

fl-għarix tiegħek taħbihom *

kontra t-tqassis ta' l-ilsna.

Imbierek il-Mulej li minn belt qawwija *

għamel miegħi għeġubijiet ta' tjieba.

Jien għedt fil-fixla li kelli: *

"Ninsab maqtugħ minn taħt għajnejk."

Imma int smajt leħen it-tħannin tiegħi *

meta sejjaħt l-għajnuna tiegħek.

 

Ħobbu l-Mulej, ħbieb tiegħu kollha. †

Lit-twajbin iħarishom il-Mulej, *

imma jpattiha sewwa lil min jimxi bil-kburija.

Issaħħu u qawwu qalbkom, *

intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej.

Glorja.

 

Ant. 3: Imbierek il-Mulej li għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba.

 

V/. Mexxini fis-sewwa tiegħek, Mulej, u għallimni.

R/. Għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè Ġoż 1:1-18

 

Ġożwè, imsejjaħ minn Alla, iħeġġeġ il-poplu għall-għaqda

 

Ġara li wara l-mewt ta' Mosè, qaddej tal-Mulej, il-Mulej qal lil Ġożwè, bin Nun, qaddej ta' Mosè: “Mosè, il-qaddej tiegħi, miet. Issa qum u aqsam dan il-Ġordan, int u dan il-poplu kollu, lejn l-art li jien se nagħtihom, lil ulied Iżrael. Kull fejn jirfes qiegħ riġlejk, lilkom nagħtih bħalma għedt lil Mosè. Mid-deżert u l-Libanu sax-xmara l-kbira, ix-xmara Ewfrat, l-art kollha tal-Ħittin, sal-baħar il-kbir lejn inżul ix-xemx, tkun artkom.

Ħadd ma jiqaflek kemm iddum ħaj. Bħalma kont ma' Mosè hekk inkun miegħek; ma nħallikx, ma nitilqekx. Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; għax int tqassam din l-art, l-art li jien ħlift li nagħtiha lill missirijietkom. Biss agħmel il-ħila u qawwi qalbek u qis li tagħmel il-liġi kollha li ordnalek Mosè, il-qaddej tiegħi; la tilwix minnha, la lejn ix-xellug u la lejn il-lemin, biex ikollok ir-riżq f'kull ma tagħmel. Ma jitbiegħed qatt il-ktieb ta' din il-liġi minn fommok, u aħseb fuqu lejl u nhar, biex tagħraf tagħmel kull ma hu miktub fih, u hekk tirnexxi f'għemilek u jkollok ir-riżq. Dan hu l-kmand tiegħi : Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; tibżax u titħawwadx, għax il-Mulej Alla tiegħek ikun miegħek kull fejn tmur.”

U Ġożwè ordna lill-kapijiet tal-poplu: “Duru l-kamp u ordnaw lill-poplu u għidulhom: Ħejju l-ikel għalikom, għax tlitt ijiem oħra intom taqsmu dan il-Ġordan biex tidħlu tieħdu l-art li l-Mulej Alla tagħkom sejjer jagħtikom biex teħduha f'idejkom.”

Ġożwè mbagħad kellem lir-Rubenin, lill-Gadin, u lil nofs it-tribù ta' Manassi, u qalilhom: “Ftakru f'dak li ordnalkom Mosè, il-qaddej tal-Mulej, meta qalilkom: Il-Mulej, Alla tagħkom serraħkom u takom din l-art. In-nisa tagħkom, it-tfal tagħkom, l-imrieħel tagħkom jibqgħu fl-art li takom Mosè 'l hemm mill-Ġordan, u intom ilkoll, l-irġiel qalbiena, tħażżmu bl-armi u tgħaddu quddiem ħutkom u tagħtuhom l-għajnuna, sakemm il-Mulej iserraħ lil ħutkom bħalkom, u tieħdu f'idejkom l-art li l-Mulej Alla tagħkom tahom. Mbagħad tistgħu terġgħu lura lejn l-art li hi tagħkom, u teħduha f'idejkom, l-art li Mosè, il-qaddej ta’ Alla, takom ‘l hemm mill-Ġordan, in-naħa tal-lvant.”

U huma wieġbu lil Ġożwè, u qalulu: “Nagħmlu kull ma tordnalna u mmorru kull fejn tibgħatna. Bħalma smajna minn Mosè, hekk nisimgħu minnek. Biżżejjed għalina li jkun miegħek il-Mulej Alla tiegħek bħalma kien ma' Mosè. Kull min jeħodha kontra kliemek u ma jismax minn kull ma tgħid u tordnalna, nagħtuh il-mewt. Biżżejjed għalina li tagħmel il-ħila u tqawwi qalbek.”

 

RESPONSORJU ara Ġoż 1:5b. 6. 7. 9; Dewt 31:20a

 

R/. Bħalma kont ma’ Mosè, hekk inkun miegħek, jgħid il-Mulej. * Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; int iddaħħal il-poplu tiegħi f’art tnixxi ħalib u għasel.

V/. Tibżax u titħawwadx għax jien miegħek kull fejn tmur. * Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; int iddaħħal il-poplu tiegħi f’art tnixxi ħalib u għasel.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattati ta’ l-isqof San Kromazju fuq l-Evanġelju ta’ San Mattew

 

Intom id-dawl tad-dinja

 

Intom id-dawl tad-dinja. Ma tistax tkun moħbija l-belt li tkun qiegħda fuq muntanja. Anqas ma jixegħlu musbieħ u jqegħduh taħt il-kejl, iżda fuq l-imnara ħa jdawwal lil min ikun fid-dar. Il-Mulej diġà sejjaħ lid-dixxipli tiegħu l-melħ ta’ l-art, għax wara li l-qalb tal-bniedem tilfet it-togħma tagħha bl-opra tax-xitan, huma reġgħu tawha t-togħma bl-għerf tal-ħwejjeġ tas-sema. Issa qiegħed isejjħilhom ukoll id-dawl tad-dinja, għax hu dawwalhom bih innifsu, li hu d-dawl tassew u ta’ dejjem, u hekk huma wkoll saru dawl fid-dlam.

Billi huwa x-xemx tal-ġustizzja, m’hux ta’ b’xejn isejjaħ ukoll lid-dixxipli tiegħu d-dawl tad-dinja; għax permezz tagħhom, qishom ir-raġġi tiegħu jiddu, huwa xerred id-dawl ma’kullimkien biex id-dinja kollha tagħrfu; u huma wrew id-dawl tal-verità lill-bnedmin u keċċew id-dlamijiet tal-qerq minn qalbhom.

Huma dawwlu lilna wkoll, u minn dlam sirna dawl, kif jgħid l-Appostlu: Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; imxu ta’ wlied id-dawl li intom. Jgħid ukoll: Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam.

U San Ġwann ukoll jgħid sewwa f’waħda mill-ittri tiegħu: Alla hu dawl, u jekk nibqgħu f’Alla nkunu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess. U għalhekk, mhux biss nifirħu għax ħlisna mid-dlamijiet tal-qerq, imma jenħtieġ ukoll li nimxu fid-dawl, ta’ wlied id-dawl li aħna. Kif jgħid l-Appostlu: Fosthom intom għandkom tiddu bħal kwiekeb fid-dinja u twasslulhom il-kelma tal-ħajja.

Jekk ma nagħmlux hekk, inkunu qisna qegħdin ngħattu u naħbu dawl hekk meħtieġ bil-velu ta’ l-infedeltà tagħna, bi ħsara tagħna nfusna u ta’ l-oħrajn. Aħna nafu u qrajna li b’hekk ikun jistħoqqilna l-kastig li ħa dak il-qaddej li ħa t-talent mingħand sidu biex iħaddmu għas-sema, iżda aktar għażel jaħbih milli jqiegħdu fil-bank.

Mela jenħtieġ li nżommu dejjem mixgħul fina dak il-musbieħ jiddi li nxtegħel fina għas-salvazzjoni tagħna. Aħna għandna l-musbieħ tal-kmandamenti ta’ Alla u tal-grazzja spiritwali; għalih qal David: Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi. U Salamun ukoll: Musbieħ hu l-kmand tal-liġi.

Ma għandniex naħbu dan il-musbieħ tal-liġi u tal-fidi, iżda nqegħduh dejjem fil-Knisja bħallikieku fuq l-imnara għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, biex aħna nithennew bid-dawl ta’ l-istess verità, u l-fidili kollha jiddawwlu bih.

 

RESPONSORJU Atti 11:23-24

 

R/. Barnaba, meta wasal Antjokja u ra l-grazzja ta’ Alla, feraħ; * għax hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi.

V/. Beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin fil-Mulej. * Għax hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-ġid.

 

 TALBA

 

 O Alla, int ridt li jintgħażillek San Barnaba, raġel mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi, u bgħattu jaħdem fost il-pagani ħa jduru lejk: ibgħat ħaddiema fidili, biex bħalu, b’qawwa kbira, bil-kliem u bl-għemil, ixandru l-Bxara t-tajba ta’ Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Tifħir jistħoqqlu Barnaba l-appostlu

għall-ħidma wtieqa u l-merti kbar li kiseb;

qaddej fidil sa l-aħħar, offra ħajtu

għall-ġieħ ta’ Sidu.

 

Minn qalbu ta lill-aħwa l-ġid li kellu,

sabiex il-fidi, mħeġġa mill-imħabba,

tissaħħaħ f’dawk li laqgħu l-bxara t-tajba

 tas-saltna t’Alla.

 

Minn Tarsu ħa lil Pawlu u sieħbu miegħu,

id f’id flimkien, mibgħuta mill-Ispirtu,

għaddew minn art għal oħra w qasmu l-ibħra,

jiżirgħu l-Kelma.

 

Bla heda ħabrek biex iwassal ħafna

għand Kristu, u lilhom qassam l-ikel f’waqtu,

sa ma ssiġilla b’demmu x-xhieda tajba,

 u mar fil-glorja.

 

Mulej, għat-talb ta’ dan il-ġust li ħabbek,

mexxina w żommna sħaħ fit-triq tal-ħajja,

biex niġu f’darek u nfaħħruk għal dejjem

ma’ l-anġli tiegħek. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Meta niġi u nara wiċċ Alla?

 

Salm 41 (42)

 

Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta' l-ilma, *

hekk tixxennaq ruħi għalik, Alla tiegħi.

Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj; *

meta niġi u nara wiċċ Alla?

Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, *

meta l-jum kollu kienu jgħiduli:

 "Fejn hu Alla tiegħek?"

Dan niftakar, u nħoss qalbi tinħall ġewwa fija, *

kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ

 sad-dar ta' Alla,

fost l-għajat ta' ferħ u ta' radd il-ħajr, *

qalb folla ferħana.

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 

Tintelaq ruħi ġo fija; †

għalhekk fik niftakar *

minn art il-Ġordan u mill-Ħermon

 u mill-muntanja ta' Misgħar.

Minn irdum għal irdum jidwu *

 il-ħsejjes qawwija ta' l-ilmijiet tiegħek;

il-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek *

għaddew minn fuqi.

 

Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu; *

jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.

Ngħid lil Alla, il-blata tiegħi: "Għaliex tlaqtni? *

Għax għandi ngħix imdejjaq

 taħt it-tagħkis ta' l-għadu?"

Kull meta jgħajjruni l-għedewwa tiegħi,

qishom qed ikissruli għadmi; *

meta jgħiduli l-ħin kollu: "Fejn hu Alla tiegħek?"

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 

Glorja.

 

Ant. 1: Meta niġi u nara wiċċ Alla?

Ant. 2: Alla tal-ħlejjaq kollha, ħares lejna u ħenn għalina.

 

Kantiku Sir 36:1-5. 10-13

 

Ħenn għalina, Mulej, Alla tal-ħlejjaq kollha, †

u ħares lejna ; *

xerred il-biża’ tiegħek fuq il-ġnus kollha.

Erfa' idek kontra l-ġnus barranin, *

ħalli jaraw il-qawwa tiegħek.

Uri lilna l-kobor tiegħek fihom, *

bħalma wrejt lilhom qdusitek fina.

Hekk huma jagħrfu, kif għarafna aħna, *

li ma hemmx, Mulej, Alla ieħor ħliefek.

Erġa agħmel il-mirakli u tenni għeġubijietek ; *

Sebbaħ lil idek u d-driegħ tal-lemin tiegħek.

 

Iġbor it-tribù kollha ta' Ġakobb ; *

Roddilhom il-wirt li kellhom qabel.

Ħenn, Mulej, għall- poplu li jġib ismek, *

għal Iżrael, li int tqisu b'ibnek il-kbir.

Ikollok ħniena mill-belt qaddisa tiegħek, *

Ġerusalemm, il-post tal-mistrieħ tiegħek.

Imla 'l Sijon bl-għana ta' tifħirek, *

u s-santwarju tiegħek b’sebħek.

Glorja.

 

Ant. 2: Alla tal-ħlejjaq kollha, ħares lejna u ħenn għalina.

Ant. 3: Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema.

 

Salm 18 (19) A

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, *

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, *

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Ma' l-art kollha jasal leħinhom, *

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

 

Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †

u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, *

ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,

minn tarf is-smewwiet hi toħroġ,

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *

xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 3: Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 15:1-2a. 3-4

 

 Ħuti, rrid infakkarkom fl-Evanġelju li ħabbartilkom, li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvati. Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-Iskrittura; difnuh , u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura.

 

RESPONSORJU QASIR

R/. Huma xandru tifħir il-Mulej, * U l-qawwa tiegħu. Huma.

V/. U l-għeġubijiet li għamel. * U l-qawwa tiegħu. Glorja. Huma.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Barnaba telaq lejn Tarsu jfittex lil Sawl; meta sabu, ħadu Antjokja; hemmhekk ħadmu flimkien fil-Knisja u għallmu ġemgħa kbira ta’ nies.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Barnaba telaq lejn Tarsu jfittex lil Sawl; meta sabu, ħadu Antjokja; hemmhekk ħadmu flimkien fil-Knisja u għallmu ġemgħa kbira ta’ nies.

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna qered il-mewt u wera fid-dawl il-ħajja u l-immortalità permezz ta’ l-Evanġelju. Nagħtuh tifħir xieraq, u ngħidulu bl-umiltà:

Wettaq lill-Knisja tiegħek fil-fidi u l-imħabba.

Int xerridt dawl ta’ l-għaġeb fuq il-Knisja tiegħek permezz ta’ għalliema kbar u qaddisa:

- ferraħ dejjem u sebbaħ bl-istess dawl lill-poplu nisrani.

Int ħfirt id-dnubiet tal-poplu tiegħek kull meta r-rgħajja qaddisa talbuk bħal Mosè:

- bit-talb tagħhom ibqa’ saffi u qaddes il-Knisja tiegħek.

Int ikkonsagrajt għalik lill-qaddisin tiegħek minn fost l-aħwa u bgħatt fuqhom l-Ispirtu tiegħek:

- agħti l-milja ta’ l-Ispirtu s-Santu lill-mexxejja kollha tal-poplu tiegħek.

Inti nnifsek għaġbok tkun is-sehem u l-wirt tar-rgħajja qaddisa tiegħek:

- tħallix li xi ħadd minna l-mifdija b’demmek jibqa’ mingħajrek.

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int ridt li jintgħażillek San Barnaba, raġel mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi, u bgħattu jaħdem fost il-pagani ħa jduru lejk ibgħat ħaddiema fidili biex bħalu, b’qawwa kbira, bil-kliem u bl-għemil ixandru l-Bxara t-tajba ta’ Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Ħenjin dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.

 

Salm 118 (119):41-48

 

VI (Waw)

 

Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej, *

u s-salvazzjoni tiegħek skond il-wegħda tiegħek.

Mbagħad nagħti tweġiba lil min jgħajjarni, *

għax jiena nafda fil-kelma tiegħek. 

Tneħħili qatt minn fommi kliem is-sewwa, *

għax jien fid-digrieti tiegħek nittama.

Inħares il-liġi tiegħek għal dejjem, *

u għal dejjem ta' dejjem.

 

U nkun bla xkiel fil-mixi tiegħi, *

għax jiena nfittex il-preċetti tiegħek.

U nitkellem fuq il-preċetti tiegħek *

quddiem is-slaten, u ma nistħix.

 

Nitgħaxxaq bil-kmandamenti tiegħek, *

li jiena ħabbejt.

Nerfa' jdejja lejn il-kmandamenti tiegħek, *

u naħseb fuq il-preċetti tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Ħenjin dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.

Ant.2 L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda tal-Missier.

 

Salm 39 (40):2-14, 17-18

 

I

 

Ittamajt b'tama qawwija fil-Mulej; *

hu niżel ħdejja u sama' l-għajta tiegħi.

Minn bir waħxi tellagħni, *

minn qalb il-ħama u t-tajn;

fuq il-blat qegħedli riġlejja, *

u saħħaħli l-mixi tiegħi.

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida, *

għanja ta' tifħir lil Alla tagħna.

 

Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża' tiegħu, *

u jittamaw fil-Mulej.

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu, *

u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb.

Bla għadd l-għemejjel tiegħek, *

Mulej, Alla tiegħi;

ta' l-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina; *

ħadd ma jħabbatha miegħek!

Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; *

iżda huma ħafna biex insemmihom.

 

Int ma titgħaxxaqx b'sagrifiċċji u offerti; *

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija. *

Mbagħad jien għedt: "Hawn jien, ġej.

Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi *

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni; *

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi."

 Glorja.

 

Ant.2 L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda tal-Missier.

Ant.3 Jien, fqajjar u msejken, għandi ‘l Sidi jaħseb fija.

 

II

 

Xandart il-ġustizzja tiegħek f'ġemgħa kbira; †

xufftejja ma żammejthomx magħluqa. *

Mulej, dan inti tafu.

Ma ħbejtx f'qalbi l-ġustizzja tiegħek; *

il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom;

ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek *

lill-ġemgħa kbira.

 

Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek; *

it-tjieba u l-fedeltà tiegħek

 iħarsuni għal dejjem!

Għax għalquni minn kull naħa

ħsarat li ma jingħaddux; *

 ħakmuni ħtijieti u ma nistax nara;

huma aktar mix-xagħar ta' rasi; *

għandi qalbi maqtugħa.

 

Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni; *

Mulej, fittex għinni.

Jithennew u jifirħu bik *

dawk kollha li jfittxuk;

jgħidu dejjem: "Kbir il-Mulej!" *

dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.

Imma jien, fqajjar u msejken, *

għandi 'l Sidi jaħseb fija.

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi; *

iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!

 Glorja.

 

Ant.3 Jien, fqajjar u msejken, għandi ‘l Sidi jaħseb fija.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 1:16-17

 

Jiena ma nistħix mill-Evanġelju: għax l-Evanġelju huwa qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, Lhud l-ewwel, u mbagħad Griegi, u fih tidher il-ġustizzja ta’ Alla minn fidi għal fidi, skond ma hemm miktub: Il-ġust bil-fidi jgħix.

 

 V/. Ma’ l-art kollha jasal leħenhom.

 R/. Mad-dinja kollha jinxtered kliemhom.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 2:2b-4

 

Għamilna l-qalb f’Alla tagħna, u fost ħafna taħbit xandarnielkom l-Evanġelju ta’ Alla. It-tagħlim tagħna lilkom la hu ħiereġ mill-għelt, la mill-wiċċ b’ieħor u lanqas mill-qerq. Aħna nxandru l-Evanġelju skond ma konna mġarrbin minn Alla qabel ma fdahulna f’idejna; u nfittxu li nogħġbu mhux lill-bnedmin, imma lil Alla.

 

 V/. Huma ħarsu l-preċetti ta’ Alla.

 R/. U l-kmandamenti tiegħu.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Tim 1:8b-9

 

Bati miegħi għall-Evanġelju, bil-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejjħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu nnifsu, u skond il-grazzja mogħtija lilna fi Kristu Ġesù sa minn dejjem.

 

 V/. Ifirħu u ithennew.

 R/. Għax ismijietkom miktuba fis-smewwiet.

 

Talba

 

O Alla, int ridt li jintgħażillek San Barnaba, raġel mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi, u bgħattu jaħdem fost il-pagani ħa jduru lejk ibgħat ħaddiema fidili biex bħalu, b’qawwa kbira, bil-kliem u bl-għemil ixandru l-Bxara t-tajba ta’ Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Tifħir jistħoqqlu Barnaba l-appostlu

għall-ħidma wtieqa u l-merti kbar li kiseb;

qaddej fidil sa l-aħħar, offra ħajtu

għall-ġieħ ta’ Sidu.

 

Minn qalbu ta lill-aħwa l-ġid li kellu,

sabiex il-fidi, mħeġġa mill-imħabba,

tissaħħaħ f’dawk li laqgħu l-bxara t-tajba

 tas-saltna t’Alla.

 

Minn Tarsu ħa lil Pawlu u sieħbu miegħu,

id f’id flimkien, mibgħuta mill-Ispirtu,

għaddew minn art għal oħra w qasmu l-ibħra,

jiżirgħu l-Kelma.

 

Bla heda ħabrek biex iwassal ħafna

għand Kristu, u lilhom qassam l-ikel f’waqtu,

sa ma ssiġilla b’demmu x-xhieda tajba,

 u mar fil-glorja.

 

Mulej, għat-talb ta’ dan il-ġust li ħabbek,

mexxina w żommna sħaħ fit-triq tal-ħajja,

biex niġu f’darek u nfaħħruk għal dejjem

ma’ l-anġli tiegħek. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk.

  

Salm 44 (45)

 

I

 

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †

ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *

lsieni pinna ta' kittieb ħafif.

 Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †

imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk; *

għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

 

Tħażżem, qalbieni, b'sejfek fuq ġenbek; *

ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!

Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *

turik lemintek ħwejjeġ ta' l-għaġeb!

Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †

taħtek jaqgħu l-popli; *

jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.

 

It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta' dejjem; *

xettru tas-sewwa hu x-xettru ta' saltnatek!

Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; *

għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,

 b'żejt il-hena aktar minn sħabek.

 

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja,

kollha fwieħa lbiesek. *

Mill-palazzi ta' l-avorju

 jferrħek id-daqq tal-kordi.

Bniet is-sultan joħorġu jilqgħuk; *

f'lemintek is-sultana

 mżejjna b'deheb ta' Ofir.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk.

Ant. 2: Ara l-Għarus! Oħorġu ilqgħuh!

 

II

 

Isma', binti, ħares u agħti widen, *

insa 'l ġensek u 'l dar missierek.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; *

u int, għax hu sidek, agħtih qima.

In-nies ta' Tir bir-rigali jiġu, *

il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

 

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, *

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, *

it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.

Jittieħdu b'għajat ta' ferħ u hena; *

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

 

Flok missirijietek jilħqu wliedek; *

inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha.

Infakkar ismek minn nisel għal nisel;

ifaħħruk il-popli għal dejjem ta' dejjem! 

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Ara l-Għarus! Oħorġu ilqgħuh!

Ant. 3: Alla ried li, meta tasal il-milja taż-żminijiet, kollox jinġabar taħt Kristu.

 

Kantiku (Ef 1:3-10)

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li berikna b'kull xorta ta' barka spiritwali,

fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu; *

hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu, 

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu. *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Alla ried li, meta tasal il-milja taż-żminijiet, kollox jinġabar taħt Kristu.

 

LEZZJONI QASIRA Kol 1:3-6a

 

Niżżu ħajr dejjem lil Alla, il-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu, u nitolbu għalikom, għax smajna bil-fidi li għandkom fi Kristu Ġesù, u l-imħabba tagħkom għall-qaddisin kollha, minħabba t-tama li hemm tistenniekom fis-smewwiet, u li intom diġa’ smajtu biha meta tħabbritilkom il-kelma tas-sewwa tal-Bxara t-tajba. Din il-Bxara qiegħda tikber u tagħti l-frott fid-dinja kollha.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Xandru fost il-ġnus is-sebħ tal-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Xandru.

V/. Fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Xandru.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-ġemgħa kollha baqgħet fis-skiet; u qagħdu jisimgħu lil Barnaba u ‘l Pawlu jirrakkuntaw kemm sinjali u għeġubijiet kien għamel Alla fost il-pagani permezz tagħhom, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-ġemgħa kollha baqgħet fis-skiet; u qagħdu jisimgħu lil Barnaba u ‘l Pawlu jirrakkuntaw kemm sinjali u għeġubijiet kien għamel Alla fost il-pagani permezz tagħhom, hallelujah.

 

PREĊI

 

Alla, il-Missier tad-dawl, sejjħilna biex nemmnu l-verità permezz ta’ l-Evanġelju ta’ Ibnu. Nitolbuh għall-poplu qaddis tiegħu u ngħidulu:

Mulej, ftakar fil-Knisja tiegħek.

Missier, int ridt li Ibnek, ir-Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ,

iqum mill-imwiet:

- agħmel li nkunu xhieda tiegħu sa truf l-art.

Int bgħatt lil Ibnek fid-dinja biex ixandar

il-bxara t-tajba lill-foqra:

- agħmel li aħna nwasslu l-Evanġelju lill-ħlejjaq kollha.

Inti bgħattilna lil Ibnek biex jiżra fina l-kelma tiegħek:

- agħtina li, wara t-taħbit tagħna biex niżirgħu l-kelma, niġbru l-frott tagħha bil-ferħ.

Int bgħatt lil Ibnek biex b’demmu jerġa’ jħabbeb lid-dinja miegħek:

- għinna biex naħdmu lkoll id f’id għal din il-ħbiberija.

Int qegħidt lil Ibnek fil-leminija tiegħek fis-sema:

- daħħal lil ħutna l-mejtin fl-hena tas-saltna tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int ridt li jintgħażillek San Barnaba, raġel mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi, u bgħattu jaħdem fost il-pagani ħa jduru lejk ibgħat ħaddiema fidili biex bħalu, b’qawwa kbira, bil-kliem u bl-għemil ixandru l-Bxara t-tajba ta’ Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TNEJN

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Talba ta’ fqir fil-hemm

 

Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

 

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10

 

Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.