Stampa t-test kollu ...


IL-ĠIMGĦA TAS-VI ĠIMGĦA TAL-GĦID

Salmodija tal-Ġimgħa tat-II ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħa jifirħu l-ħlejjaq kollha

fis-smewwiet, fuq l-art, fil-baħar:

Kristu qam mill-mewt, u fetaħ

bieb il-ħajja lil kull bniedem.

 

Ħadna l-ġid taż-żmien it-tajjeb,

rajna l-jum tas-salvazzjoni:

il-Ħaruf ħasilna b’demmu,

biex mid-dlam għad-dawl joħroġna.

 

Daq il-mewt, iżd’aħna ksibna

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

jekk stħajjluh megħlub u mxejjen,

żamm qawwietu w tana r-rebħa.

 

B’hekk titwettaq fina t-tama

li, kif nemmen, għad nissieħbu

fil-qawmien glorjuż ta’ Sidna,

biex nimtlew bil-ferħ tal-ħajja.

 

Ngħaddu mela b’qima kbira

dan iż-żmien ta’ l-Għid hekk hieni,

b’radd il-ħajr għall-ġid u d-doni

li l-Feddej ġibilna miegħu.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej, la twiddibnix fis-saħna tiegħek.

 

Salm 37 (38)

 

I

 

Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek, *

la twiddibnix fis-saħna tiegħek!

Għax il-vleġeġ daħlu fija, *

u idek tagħfas fuqi.

 

Xejn m'hu sħiħ f'ġismi minħabba l-għadab tiegħek; *

m'hemmx saħħa f'għadmi minħabba ħtijieti.

Għax dnubieti telgħu 'l fuq minn rasi, *

bħal toqol kbir għalija jagħfsu fuqi.

Glorja.

 

Ant. 1: Mulej, la twiddibnix fis-saħna tiegħek.

Ant. 2: Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi. Hallelujah.

 

II

 

Irejjħu u jdennu l-ġrieħi tiegħi, *

ħtija tal-bluha tiegħi.

Ninsab milwi u mifni għall-aħħar; *

il-jum kollu ngħaddih fid-dwejjaq.

 

Għax qabadni ħruq f'ġenbejja, *

u xejn sħiħ ma għandi f'ġismi.

Mifni nħossni u mfarrak għalkollox; *

ngħajjat minħabba t-tferfir ta' qalbi.

 

Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi; *

it-tnehid tiegħi m'hux moħbi minnek.

Qalbi tħabbat, saħħti ħallietni, *

id-dawl ta' għajnejja wkoll naqasni.

 

Ħbiebi u sħabi mill-mard tiegħi jitgerrxu; *

qrabati jżommu 'l bogħod minni.

 

Xibka ħejjewli dawk li jonsbuli ħajti, †

iqassu fuqi dawk li jixtiquli d-deni, *

il-ħin kollu l-qerq inassu.

 Glorja.

 

Ant. 2: Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi. Hallelujah.

Ant. 3: Ħtijieti nistqarrhom; Sidi, la tħallinix, inti s-salvazzjoni tiegħi. Hallelujah.

 

III

 

Imma jien bħal trux li ma jismax; *

bħal imbikkem li ma jiftaħx ħalqu.

Nagħmilha ta' wieħed li ma jismax, *

bħal wieħed li xejn ma għandu xi jgħid.

 

Għax fik, Mulej, jien nittama; *

int li twieġeb, Sid u Alla tiegħi.

Jien għedt: "Ma jifirħux minħabba fija, *

ma jiftaħrux fuqi jekk riġli jogħtor."

Għax jien wasalt biex naqa'; *

u tbatijieti dejjem quddiem għajnejja.

 

Ħtijieti jien nistqarrhom; *

nitħasseb fuq id-dnub tiegħi.

 

Tqawwew dawk li għal xejn b'xejn huma kontrija; *

żdiedu dawk li għal xejn jobogħduni;

dawk li jrodduli għall-ġid id-deni; *

dawk li jiqfuli għax nimxi sewwa.

La tħallinix, Mulej; *

Alla tiegħi, titbegħidx minni.

Fittex agħtini l-għajnuna, *

Sidi, is-salvazzjoni tiegħi.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħtijieti nistqarrhom; Sidi, la tħallinix, inti s-salvazzjoni tiegħi. Hallelujah.

 

V/. Alla tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja, hallelujah.

R/. Bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 1 Ġw 3:11-17

 

L-imħabba lejn l-aħwa

 

Għeżież: l-aħbar li smajtu sa mill-bidu hija din: li nħobbu lil xulxin. Mhux bħal Kajin, li kien bin il-ħażin u qatel lil ħuh. U għaliex qatlu? Għax għemilu kien ħażin u dak ta' ħuh kien tajjeb. 

 Ħuti, tistagħġbux jekk id-dinja tobgħodkom. Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt. Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li ebda qattiel ma għandu fih il-ħajja ta' dejjem. B'dan naslu biex nagħrfu x'inhi l-imħabba: li Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa. Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara 'l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista' l-imħabba ta' Alla tgħammar fih?

 

 

RESPONSORJU 1 Ġw 3:16. 14a

 

R/. B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li Kristu ta ħajtu għalina. * Aħna wkoll għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa, hallelujah.

V/. Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja, għax inħobbu ‘l ħutna. * Aħna wkoll għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa, hallelujah.

 

Qari mit-Trattati ta’ l-isqof Santu Wistin fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann

 

Iż-żewġ ħajjiet

 

 Il-Knisja tagħraf żewġ suriet ta’ ħajja, it-tnejn imħabbra lilna mill-Mulej, it-tnejn imfaħħra mill-Mulej. L-ewwel sura ta’ ħajja hi dik li wieħed jgħixha bil-fidi, tul il-mixi tiegħu lejn is-sema; is-sura l-oħra hi dik li wieħed jgħixha fl-għamar ta’ dejjem, meta l-fidi m’hijiex aktar meħtieġa, għaliex ‘l Alla narawh wiċċ imbwiċċ. L-ewwel sura ngħixuha fit-tiġrib, aħna u mexjin lejn is-sema; it-tieni sura ngħixuha fil-mistrieħ, għaliex wasalna fis-sema pajjiżna. L-ewwel sura hi ħajja ta’ ħidma u taħbit, it-tieni waħda hi ħajja ta’ hena u kontemplazzjoni.

 San Pietru jurina l-ewwel sura ta’ ħajja San Ġwann l-oħra. L-ewwel sura ngħixuha kollha kemm hu hawn fid-dinja sa tmiem iż-żminijiet u tasal għat-tmiem tagħha meta tiġi l-ħajja ta’ dejjem; it-tieni sura ma ngħixuhiex qabel ma tgħaddi din id-dinja, iżda mbagħad ma tintemm qatt. Għalhekk lil San Pietru l-Mulej qallu: Imxi warajja! Imma għal San Ġwann qal: X’inhu affarik jekk jien irridu jibqa’ sa ma niġi? Int imxi warajja.

 Int imxi warajja billi tkun tixbaħni fit-tiġrib ta’ din id-dinja; hu jibqa’ sa ma niġi nrodd lil kulħadd il-ġid ta’ dejjem. Dan nistgħu nfissruh aħjar bil-kliem li ġej: il-mixi warajja fid-dawl tal-passjoni tiegħi hu għemil li ma bħalu li ma jeħtiġlux titjib; il-kontemplazzjoni tal-veritajiet ta’ dejjem għadha fil-bidu u tibqa’ hekk sa ma niġi ħa nwassalha għat-titjib sħiħ tagħha, għall-perfezzjoni.

 Il-mixi wara Kristu sal-mewt miegħu hi l-milja qaddisa tas-sabar; imma l-milja ta’ l-għerf tas-sema ma narawhiex sa ma jerġa’ jiġi l-Mulej ħa jurihielna fil-ġmiel kollu tagħha. Hawn fid-dinja, f’art il-mejtin, nistabru bid-deni tad-dinja; hemm fis-sema nithennew bil-ġid tal-Mulej f’art il-ħajjin.

 Il-kliem irridu jibqa’ sa ma jiġi m’għandniex nifhmuhom qisu l-Mulej ried jgħid li San Ġwann kellu jibqa’ għal dejjem f’din id-dinja, imma li kellu biss jibqa’ jistenna, għaliex is-sura ta’ ħajja mfissra minnu sseħħ mhux f’din id-dinja imma fl-oħra, meta Kristu jerġa’ jiġi. Is-sura ta’ ħajja mfissra minn San Pietru, dak li lilu l-Mulej qallu Imxi warajja, jekk ma ngħixuhiex f’din id-dinja ma nilħqux il-milja tagħha fis-sema.

 M’għandniex nifirdu lil dawn iż-żewġ Appostli minn xulxin. It-tnejn għexu s-sura ta’ ħajja mfissra minn San Pietru, it-tnejn kellhom jaslu fis-sura ta’ ħajja mfissra minn San Ġwann. Huma fissru ż-żewġ suriet ta’ ħajja, għaliex San Pietru mexa wara l-Mulej u San Ġwann baqa’ jistenna, imma t-tnejn għexu bil-fidi l-ħajja f’din id-dinja bit-tiġrib kollu tagħha, u t-tnejn stennew il-ġid ta’ l-hena li jibqa’ għal dejjem.

 U mhux huma biss għamlu dan, imma kollha kemm hi l-Knisja , l-Għarusa ta’ Kristu, li għad tara l-ħelsien mit-tiġrib ta’ din il-ħajja għaliex hemm imħejji għaliha l-hena fil-ħajja ta’ dejjem. San Pietru u San Ġwann fissru dawn iż-żewġ suriet ta’ ħajja, wieħed il-ħajja fid-dinja u l-ieħor il-ħajja li għad trid tiġi; imma t-tnejn f’din id-dinja għexu l-ħajja fil-fidi u t-tnejn illum qegħdin fl-hena jaraw ’l Alla wiċċ imbwiċċ.

 Għalhekk San Pietru, l-ewwel wieħed fost l-Appostli, irċieva l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet biex iħoll u jorbot għall-ġid tal-qaddisin kollha li huma mseħbin fil-ġisem ta’ Kristu u hekk imexxihom ilkoll ‘il quddiem fost it-tiġrib u t-taqlib kollu ta’ din il-ħajja; għalhekk San Ġwann, l-evanġelista, medd rasu fuq sider Ġesù għall-ġid tal-qaddisin kollha biex iħarsilhom l-hena u l-mistrieħ tal-ħajja moħbija li għad trid tiġi.

 Mhux San Pietru biss, imma l-Knisja kollha tħoll u torbot id-dnubiet; mhux San Ġwann biss xorob minn sider il-Mulej il-verità dwar il-Verb li kien mill-bidu u kien ma’ Alla u kien Alla, u l-veritajiet kollha dwar Kristu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Dan l-għerf sublimi li hu xorob u ħabbar dwar il-misteru ta’ Alla wieħed fi Tliet Persuni (li għad naraw wiċċ imbwiċċ fis-Saltna ta’ dejjem u li issa, sa ma jiġi l-Mulej, naraw mhux ċar imma qisu f’mera), il-Knisja kollha tixorbu għax il-Mulej ixerred mad-dinja kollha l-Evanġelju tiegħu, biex minnu kulħadd jixrob kull wieħed skond ma jista'.

 

RESPONSORJU ara 1 Piet 5:10; 2 Kor 4:14

 

R/. Alla, li jagħti kull grazzja li sejjħilna għall-glorja tiegħu ta’ dejjem fi Kristu, * Iġeddidna, iwettaqna, isaħħaħna u jqegħedna fis-sod, hallelujah.

V/. Dak li qajjem lil Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna ma’ Ġesù, * Iġeddidna, iwettaqna, isaħħaħna u jqegħedna fis-sod, hallelujah.

 

Talba

 

 Ilqa’ t-talb tagħna, Mulej, biex dak li twiegħed lilna bil-qdusija li tana l-Verb tiegħek, iseħħ kullimkien bil-qawwa ta’ l-Evanġelju, u aħna niksbu l-milja ta’ l-adozzjoni mħabbra lilna minn min ta xhieda għall-verità. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

  

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Minn ġol qalb tal-Belt il-ġdida

toħroġ għanja ġdida w ħelwa,

biex mad-dinja kollha xxandar

il-ferħ kbir ta’ l-Għid ta’ Kristu.

 

Hu l-iljun rebbieħ ta’ Ġuda,

ġieb fix-xejn lill-għadu tagħna:

qam mill-mewt u, b’leħen qawwi,

sejjaħ lill-mejtin għall-ħajja.

 

U mill-qiegħ ta’ l-art u d-dalma

ħarġet ħielsa l-priża mjassra;

marru l-qtajja’ tal-mifdija

wara Kristu, s-Sultan tagħhom.

 

Bl-istendard tar-rebħa f’idu,

Ġesù radd is-sliem lill-ħlejjaq,

għaqqad l-art u s-sema, w nieda

żmien is-saltna ta’ Missieru.

 

Nitolbuh għalhekk il-barka

fuqna lkoll u jżommna miegħu,

ħalli nimxu wrajh bla nieqfu,

sa ma niksbu l-glorja mwiegħda.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Agħmel il-qalb, ibni: dnubietek maħfura, hallelujah.

 

Salm 50 (51)

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt, *

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

 

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *

u fid-dnub nisslitni ommi.

Int li tħobb il-qalb sinċiera, *

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, *

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *

ħassar ħżuniti kollha.

Oħloq fija qalb safja, o Alla, *

u spirtu qawwi ġedded fija.

 

La twarrabnix minn quddiemek; *

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 Lill-midinbin ngħallem triqatek, *

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †

Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

 

Iftaħli xufftejja, Sidi, *

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, †

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; *

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Agħmel il-qalb, ibni: dnubietek maħfura, hallelujah.

Ant. 2: Mulej, int ħriġt mal-Messija tiegħek biex issalva l-poplu tiegħek, hallelujah.

 

Kantiku Ħab 3:2-4. 13a. 15-19

 

Mulej, waslet f'widnejja l-fama tiegħek, *

mill-għemil tiegħek jiena bżajt, Mulej.

Sa ftit snin oħra ġeddu, †

sa ftit snin oħra għarrfu! *

Fil-korla, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.

Alla ġej minn Teman, *

mill-muntanja Faran ġej il-Qaddis.

 

Sebħu jiksi s-smewwiet, *

foħritu tiksi l-art.

Dijietu qisha dawl, minn idu jleħħu r-raġġi: *

hemmhekk tinsab moħbija l-qawwa tiegħu.

 

Int ħriġt biex issalva l-poplu tiegħek, *

issalva l-midluk tiegħek.

Għaddejt biż-żwiemel tiegħek fuq il-baħar, *

fuq it-tqalligħ ta' l-ilmijiet kotrana.

 

Jien smajt, u ħassejt fija rogħda kbira, *

għal dan il-ħoss xufftejja bdew jirtogħdu;

ħassejt għadmi jitmermer, *

il-passi tiegħi bdew jitriegħdu taħti.

Noqgħod bil-kwiet nistenna jum l-għawġ *

li għad ifeġġ għall-ġens li qed jisħaqna.

 

U mqar jekk ebda nwar ma trodd it-tina, *

u xejn ma jagħtu d-dwieli,

u l-frott tas-siġar taż-żebbuġ iqarraq, *

u r-raba' xejn ma jibqa' jrodd għall-ikel,

u l-merħla tgħib mill-mandra, *

u bhejjem ma jkunx hemm fl-istalel tagħhom,

imma jien xorta nifraħ fil-Mulej, *

nithenna f'Alla, is-salvazzjoni tiegħi!

 

Il-Mulej Sidi huwa l-qawwa tiegħi; †

riġlejja jagħmilhomli bħal taċ-ċriev, *

u jmexxi l-passi tiegħi u fuq l-għoljiet.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, int ħriġt mal-Messija tiegħek biex issalva l-poplu tiegħek, hallelujah.

Ant. 3: Faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon, li jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek, hallelujah.

 

Salm 147 (147B)

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!

 

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, *

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, *

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

 

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *

ixerred bħar-rmied il-ġlata.

Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż; *

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.

Isemma' kelmtu, u jinħall is-silġ; *

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. 

Ma għamel hekk ma' ebda poplu; *

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon, li jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 5:30-32

 

Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Lilu Alla bil-leminija tiegħu għolla, u għamlu Kap u Salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn aħna xhieda u l-Ispirtu s-Santu, li Alla ta lil dawk li jobduh.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Aħna issa lil Ġesù qegħdin narawh imżejjen bil-glorja u l-ġieħ minħabba l-mewt li hu bata, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Aħna issa lil Ġesù qegħdin narawh imżejjen bil-glorja u l-ġieħ minħabba l-mewt li hu bata, hallelujah.

 

PREĊI

 

Alla l-Missier bl-Ispirtu qajjem lil Kristu mill-imwiet u jqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħna li jmut. Bis-saħħa ta’ din il-fidi, nitolbuh:

Mulej, agħtina l-ħajja bl-Ispirtu Qaddis tiegħek.

Missier qaddis, inti lqajt is-sagrifiċċju ta’ Ibnek u qajjimtu mill-imwiet:

- ilqa’ l-offerta tagħna llum u wassalna fil-ħajja ta’ dejjem.

Ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq il-ħidmiet tagħna llum:

- għinna nagħmluhom għall-glorja tiegħek u għall-qdusija ta’ kulħadd.

Agħtina li t-tħabrik tagħna llum ma jkunx għal xejn, imma jkun jiswa għall-bnedmin kollha:

- ikun jiswa fuq kollox għat-tixrid tas-saltna tiegħek u biex iwassalna s-sema.

Iftħilna għajnejna u qalbna llum għall-bżonnijiet ta’ ħutna:

- jalla dejjem ninħabbu u naqdu lil xulxin.

 

Missierna

 

Talba

 

Ilqa’ t-talb tagħna, Mulej, biex dak li twiegħed lilna bil-qdusija li tana l-Verb tiegħek, iseħħ kullimkien bil-qawwa ta’ l-Evanġelju, u aħna niksbu l-milja ta’ l-adozzjoni mħabbra lilna minn min ta xhieda għall-verità. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 118 (119): 73-80

X (Jod)

 

Idejk għamluni u sawwruni; *

fehemni u għallimni l- kmandamenti tiegħek.

Jarani u jifraħ min għandu l-biża' tiegħek, *

għax jiena ttamajt fil-kelma tiegħek.

 

Jien naf, Mulej, li ġusti d-digrieti tiegħek; *

u li skond is-sewwa għakkistni.

Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi, *

skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek!

 

Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja; *

għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi.

Jistħu l-kburin, li bil-qerq jaħqruni; *

imma jien naħseb fil-preċetti tiegħek.

 

Ħa jduru lejja dawk li jibżgħu minnek, *

dawk li jagħrfu l-preċetti tiegħek.

Tkun qalbi bla ħtija fil- kmandamenti tiegħek, *

biex ma jkollix għax nistħi.

 Glorja.

 

Salm 58 (59):2-5. 10-11. 17-18

 

Eħlisni mill-għedewwa, o Alla tiegħi, *

ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

Eħlisni minn dawk li jagħmlu l-ħażen, *

salvani min-nies qattiela.

 

Għax huma jinħbew biex jonsbuli ħajti, †

nies qalila jinġemgħu kontrija; *

u dan, Mulej, bla tort u bla ħtija tiegħi.

Għalkemm jien bla ħtija, *

huma jiġru u jlestu għalija.

 

Imma int, Mulej ta’ l-eżerċti, †

Alla ta’ Iżrael, qum, *

ejja u ara b’għajnejk.

Qawwa tiegħi, jiena lilek nistenna, *

għax int, Alla, fortizza tiegħi.

Alla tiegħi, imħabba tiegħi, jiġi jilqagħni; *

jurini Alla l-għedewwa tiegħi mirbuħa.

Iżda jien ngħanni lill-qawwa tiegħek; *

ngħanni ferħan fil-għodu lit-tjieba tiegħek;

għax int sirt fortizza għalija, *

kenn tiegħi f'jum id-dwejjaq.

Qawwa tiegħi, lilek ferħan ngħanni; †

għax inti, Alla, fortizza tiegħi, *

 Alla tiegħi, mħabba tiegħi!

 Glorja.

 

Salm 59 (60)

 

O Alla, inti warrabtna u kissirtna, *

għadabt għalina; erġa' dur lejna!

 

Int heżhiżt l-art u xaqqaqtha; *

sewwi l-qsim tagħha, għax saret ħerba.

Urejt l-iebes lill-poplu tiegħek, *

sqejtna nbid li jsakkar.

 

Waqqaft stendard għal dawk li jibżgħu minnek, *

biex lejh jaħarbu u jitbiegħdu mill-ark,

biex ikunu meħlusa l-għeżież tiegħek; *

għinna bil-leminija tiegħek u weġibna!

 

Tkellem Alla fis-santwarju tiegħu:

"Ferħan nieħu b'sehmi lil Sikem, *

 nagħmel oqsma mill-wied ta' Sukkot.

Tiegħi hu Gilgħad, tiegħi Manasse,

Efrajm hu l-elmu ta' rasi, *

u Ġuda x-xettru tiegħi.

Mowab lenbija fejn ninħasel,

fuq Edom inqiegħed il-qorq tiegħi, *

fuq Filistja nifraħ rebbieħ!"

 

Min se jwassalni fil-belt bis-swar? *

Min se jeħodni sa Edom?

M'hux int, o Alla, li warrabtna, *

u li m'għadikx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna?

 

Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu; *

għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem.

Bl-għajnuna ta' Alla nuru ħilitna; *

hu li jisħaq l-għedewwa tagħna.

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Atti 2:32. 36

 

Alla qajjem lil Ġesù, u ta’ dan aħna lkoll xhieda. Mela ħa jkun jaf bi żgur il-ġens kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtu, Alla għamlu Mulej u Kristu.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Gal 3:27-28

 

Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ‘l Kristu. Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.

 

V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 5:7-8

 

Naddfu ‘l barra l-ħmira l-qadima ħa tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf ta’ l-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul. Nagħmlu festa, mela, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

 

V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

Ilqa’ t-talb tagħna, Mulej, biex dak li twiegħed lilna bil-qdusija li tana l-Verb tiegħek, iseħħ kullimkien bil-qawwa ta’ l-Evanġelju, u aħna niksbu l-milja ta’ l-adozzjoni mħabbra lilna minn min ta xhieda għall-verità. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Verb etern, li sa minn dejjem

int fil-glorja ma’ Missierek,

ħlaqt ‘l Adam u tajtu l-ħajja,

biex ikun ix-xbieha tiegħek.

 

Għad li l-għadu minn ġos-siġra

qarraq bih u biegħdu minnek,

inti ma ċħadtlux imħabbtek,

imma nżilt f’din l-art biex tfittxu.

 

U sirt bniedem minn ġuf Verġni,

biex lill-bniedem tħabbeb m’Alla;

tajtu l-maħfra w ħajja ġdida

bl-ilmijiet tal-magħmudija.

 

Ma stmerrejtx, Mulej, li titla’

fuq salib u xxerred demmek;

ħadt int stess il-mewt biex tifdi

lill-ilsir li qam għal sidu.

 

Iżda b’mewtek ksibt il-glorja

tal-qawmien mingħand Missierek,

li wkoll għamlek ir-Ras tagħna

ħalli bik inqumu miegħek.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej ħallni mill-irbit ta’ l-imwiet, hallelujah.

 

Salm 114 (116A)

 

Inħobb il-Mulej, *

għax sema' leħen it-tħannin tiegħi;

għaliex hu tani widen *

fil-jum li fih sejjaħtlu.

 

Il-ħbula tal-mewt dawwruni,

l-irbit ta' l-imwiet ħakimni; *

fin-niket u l-hemm sibt ruħi.

Imma isem il-Mulej sejjaħt: *

"Mulej, nitolbok, salvani!"

 

Ħanin il-Mulej, u ġust; *

twajjeb hu Alla tagħna.

Iħares id-dgħajfa l-Mulej; *

jien kont magħkus, u hu ħelisni.

 

Erġa', ruħ tiegħi, għall-mistrieħ tiegħek, *

għax il-Mulej għamillek il-ġid.

Għax mill-mewt ħelisli 'l ħajti, *

lil għajnejja mid-dmugħ u 'l riġlejja mit-tfixkil.

Jien nimxi quddiem il-Mulej *

fl-art tal-ħajjin.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Il-Mulej ħallni mill-irbit ta’ l-imwiet, hallelujah.

Ant. 2: Il-Mulej ħares il-poplu tiegħu bħal ħabba ta’ l-għajn, hallelujah.

 

Salm 120 (121)

 

Nerfa' għajnejja lejn l-għoljiet; *

mnejn se tiġini l-għajnuna?

L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod *

dak li jħares lil Iżrael.

 

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *

anqas il-qamar billejl.

 

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *

minn issa u għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej ħares il-poplu tiegħu bħal ħabba ta’ l-għajn, hallelujah.

Ant. 3: Il-Mulej il-qawwa u l-foħrija tiegħi: hu sar għalija s-salvazzjoni, hallelujah.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox; 

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, * 

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minn ismek? *

 Min ma jsebbħux? 

 Għaliex int waħdek qaddis; †

 u l-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej il-qawwa u l-foħrija tiegħi: hu sar għalija s-salvazzjoni, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 5:8-10

 

Kristu, għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu, wara li ġie magħmul minn Alla qassis skond l-ordni ta’ Melkisedek.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Id-dixxipli ferħu. * Hallelujah, hallelujah. Id-dixxipli.

V/. Meta raw lill-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Id-dixxipli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Missierkom, li hu fis-smewwiet, jagħti l-Ispirtu t-tajjeb lil min jitlobhulu, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Missierkom, li hu fis-smewwiet, jagħti l-Ispirtu t-tajjeb lil min jitlobhulu, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu hu l-għajn tal-ħajja kollha u bidu ta’ kull qawwa. Infaħħruh u nitolbuh:

Qaddes, Mulej, il-poplu li int fdejt b’demmek.

Ġesù Salvatur, tawk il-mewt fil-ġisem, imma ħadt il-ħajja fir-ruħ:

- agħtina l-grazzja li mmutu għad-dnub u ngħixu bl-Ispirtu.

Int bgħatt id-dixxipli fid-dinja kollha biex ixandru l-bxara t-tajba lil kulħadd:

- agħmel li kull min ixandar l-Evanġelju jgħix bl-Ispirtu tiegħek.

Il-Missier tak kull setgħa fis-sema u fl-art, biex tixhed għall-verità:

- imla bl-ispirtu tal-verità l-qalb ta’ dawk li jmexxuna.

Int, li ġeddidt kollox, tridna nishru u nistennew is-saltna tiegħek:

- agħtina li, aktar ma nitħeġġu fl-istennija ta’ smewwiet ġodda u art ġdida, aktar inħabirku bil-qalb għal din id-dinja tagħna.

Inti nżilt f’qiegħ l-art biex tħabbar il-ferħ ta’ l-Evanġelju lill-mejtin:

- kun l-hena u t-tama sħiħa ta’ ħutna li marru qabilna.

 

Missierna

 

Talba

 

Ilqa’ t-talb tagħna, Mulej, biex dak li twiegħed lilna bil-qdusija li tana l-Verb tiegħek, iseħħ kullimkien bil-qawwa ta’ l-Evanġelju, u aħna niksbu l-milja ta’ l-adozzjoni mħabbra lilna minn min ta xhieda għall-verità. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

 

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin ħu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsijin l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int begħidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

LEZZJONI QASIRA ara Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

  

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufn Amment,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.