Stampa t-test kollu ...


IL-ĦAMIS TAS-VI ĠIMGĦA TAL-GĦID

Salmodija tal-Ħamis tat-I1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħa jifirħu l-ħlejjaq kollha

fis-smewwiet, fuq l-art, fil-baħar:

Kristu qam mill-mewt, u fetaħ

bieb il-ħajja lil kull bniedem.

 

Ħadna l-ġid taż-żmien it-tajjeb,

rajna l-jum tas-salvazzjoni:

il-Ħaruf ħasilna b’demmu,

biex mid-dlam għad-dawl joħroġna.

 

Daq il-mewt, iżd’aħna ksibna

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

jekk stħajjluh megħlub u mxejjen,

żamm qawwietu w tana r-rebħa.

 

B’hekk titwettaq fina t-tama

li, kif nemmen, għad nissieħbu

fil-qawmien glorjuż ta’ Sidna,

biex nimtlew bil-ferħ tal-ħajja.

 

Ngħaddu mela b’qima kbira

dan iż-żmien ta’ l-Għid hekk hieni,

b’radd il-ħajr għall-ġid u d-doni

li l-Feddej ġibilna miegħu.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Int teħlisna, Mulej, u nfaħħru ismek għal dejjem, hallelujah.

 

Salm 43 (44)

 

I

 

O Alla, b'widnejna aħna smajna, *

qaluhulna missirijietna,

dak li int għamilt fi żmienhom, *

li għamilt b'idek fiż-żmien l-imgħoddi.

Il-ġnus keċċejt, u lilhom ħawwilt f'arthom; *

il-popli għakkist, u lilhom frixt bħal friegħi.

 

Ma kienx b'sejfhom li huma ħadu l-art, *

jew bi driegħhom li kisbu r-rebħa;

kienet il-leminija tiegħek u d-driegħ tiegħek, *

u d-dija ta' wiċċek, għax int ħabbejthom.

 

Inti s-sultan tiegħi u Alla tiegħi, *

li tajt ir-rebħa lil Ġakobb. 

Bik nitfgħu lura l-għedewwa tagħna, *

f'ismek nirfsu fuq dawk li jqumu għalina.

 

Għax mhux fl-ark tiegħi jien nafda, *

anqas is-sejf tiegħi ma jrebbaħni.

Imma int teħlisna mill-għedewwa tagħna, *

u tfixkel 'il dawk li jobogħduna.

F'Alla niftaħru l-ħin kollu; *

ismek infaħħru għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 1: Int teħlisna, Mulej, u nfaħħru ismek għal dejjem, hallelujah.

Ant. 2: Aħfrilna, Mulej, u tħallix lill-għadu jżeblaħ il-poplu ta’ wirtek.

 

II

 

Imma issa warrabtna u ċekkintna, *

ma għadekx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna.

Ġegħeltna nduru lura minn quddiem l-għadu; * 

dawk li jobogħduna ħatfulna ħwejjiġna.

Tlaqtna bħal nagħaġ għall-qatla, *

u fost il-ġnus xerridtna.

 

Begħt il-poplu tiegħek għal ħaġa żgħira; *

ma qlajtx wisq mill-bejgħ tiegħu.

Waqqajtna għaż-żebliħ tal-ġirien tagħna, *

għaċ-ċajt u t-tkasbir ta' dawk ta' madwarna.

Ġibtna fi lsien il-ġnus, *

u l-popli jħarsu lejna u jħarrku rashom.

L-għajb tiegħi quddiemi l-jum kollu, *

il-mistħija tgħattili wiċċi,

għall-kliem ta’ żebliħ u tkasbir, *

Quddiem l-għadu li jitħallas minni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Aħfrilna, Mulej, u tħallix lill-għadu jżeblaħ il-poplu ta’ wirtek.

Ant. 3: Qum, Mulej, u eħlisna, f’ġieħ it-tjieba tiegħek, hallelujah.

 

III

 

Dan kollu ġralna, għalkemm ma nsejniekx, *

għalkemm ma ksirniex il-patt tiegħek.

Ma dorniex mill-fehma tagħna, *

anqas ħarġu minn triqtek riġlejna.

Imma int sħaqtna f'art il-klieb selvaġġi, *

u b'dell il-mewt għattejtna.

 

Li kieku nsejna isem Alla tagħna, *

jew ftaħna idejna quddiem xi alla barrani,

ma kienx Alla b'dan jintebaħ, *

hu li jagħraf x'hemm moħbi fil-qalb?

Minħabba fik joqtluna l-jum kollu, *

jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.

Qum! Għax int rieqed, Sid tiegħi? *

Stenbaħ! La twarrabniex għal dejjem.

Għaliex taħbi wiċċek minna? *

Għaliex tinsa d-dwejjaq u t-tagħkis tagħna?

 

Għax fit-trab ninsabu mitluqa, *

mixħuta ma' l-art minn tulna.

Qum! Ejja biex tgħinna! *

Eħlisna, f'ġieħ it-tjieba tiegħek!

 Glorja.

 

Ant. 3: Qum, Mulej, u eħlisna, f’ġieħ it-tjieba tiegħek, hallelujah.

 

V/. Kristu, fil-qawmien tiegħek, hallelujah.

R/. Jifirħu s-smewwiet u l-art, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 1 Ġw 3:1-10

 

Aħna wlied Alla

 

 Għeżież, araw b'liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejjħu wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu. Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x'se nkunu 'l quddiem m'huwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Kull min għandu din it-tama fih, jissaffa bħalma safi huwa Kristu.

 Kull min jagħmel id-dnub jikser ukoll il-liġi; għax id-dnub huwa l-ksur tal-liġi. U intom tafu li Ġesù deher biex ineħħi d-dnubiet, hu li ma hemm ebda dnub fih. Kull min jgħammar fih ma jidnibx; iżda kull min jidneb, lil Kristu la rah u lanqas għarfu. Uliedi, tħallux min iqarraq bikom. Min jagħmel il-ġustizzja, hu ġust fih innifsu, bħalma Kristu huwa ġust. Iżda min jagħmel id-dnub ġej mix-xitan, għax ix-xitan dineb sa mill-bidu. Kien għalhekk li deher l-Iben ta' Alla, biex iħott kull ma għamel ix-xitan. Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-żerriegħa ta' Alla tibqa' fih; ma jistax jidneb, hu li hu mwieled minn Alla. F'dan jidhru min huma wlied Alla u min huma wlied ix-xitan; għax min ma jagħmilx il-ġustizzja m'huwiex minn Alla, anqas min ma jħobbx lil ħuh.

 

RESPONSORJU 1 Ġw 3:1. 2b

 

R/. Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier: * Nistgħu nissejjħu wlied Alla, u tassew aħna, hallelujah.

V/. Nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. * Nistgħu nissejjħu wlied Alla, u tassew aħna, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir

 

Tlugħ il-Mulej fis-sema jkattrilna l-fidi

 

Kif nhar l-Għid il-Kbir aħna fraħna fuq li fraħna minħabba l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, hekk illum, bit tlugħ tal-Mulej fis-sema, għandna għalfejn nifirħu wkoll, aħna u nfakkru dan il-jum għażiż u nagħtuh ġieħ biċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, għaliex illum in-natura dgħajfa tagħna l-bnedmin, fi Kristu, tgħolliet ‘il fuq mill-qtajja’ kollha tas-sema, ‘il fuq mill-ordnijiet kollha ta’ l-Anġli, ‘il fuq minn kull Setgħa u Qawwa, u qagħdet fuq il-lemin ta’ Alla l-Missier. Fuq għemejjel bħal dawn ta’ Alla aħna twaqqafna u nbnejna: il-qawwa tal-grazzja ta’ Alla tidher aktar ta’ l-għaġeb meta l-fidi tibqa’ sħiħa, it-tama ma titqarraqx, u l-imħabba ma titlifx il-ħeġġa tagħha għalkemm ikun għeb minn fost il-bnedmin dak li qanqal fihom ġieħ u qima għalih.

Fl-aħħar mill-aħħar il-qawwa ta’ moħħ li jaħseb ħsibijiet għoljin u d-dawl ta’ ruħ li turi fedeltà li ma bħalha huwa t-twemmin sħiħ f’dak li ma jarawx l-għajnejn tal-ġisem u x-xewqa qawwija ta’ dak li ma jidhirx. Kif tista’ titnissel fi qlubna tjieba bħal din? Kif konna niksbu l-ġustifikazzjoni bil-fidi kieku s-salvazzjoni tagħna kienet tiddependi biss minn dak li naraw bl-għajnejn tal-ġisem?

Dak li għamel is-Salvatur tagħna u rawh il-bnedmin meta hu kien jgħammar fostna, illum jinsab fil-misteri qaddisa; u biex il-fidi tagħna tkun aqwa u aħjar, illum, f’lok id-dehra tiegħu meta kien jgħammar fuq l-art, ghandna t-tagħlim tiegħu, biex dawk li jemmnu llum jibnu l-fidi tagħhom fuq l-awtorità tat-tagħlim, imdawwlin bid-dija tad-dawl tas-sema.

Din il-fidi, li tkattret bi tlugħ il-Mulej fis-sema u ssaħħet bid-don ta’ l-Ispirtu s-Santu, ma tibżax mill-ktajjen u mill-ħabsijiet, mill-eżilju u mill-ġuħ, minn nirien u mill-kefrija ta’ l-annimali selvaġġi, u lanqas minn ebda xorta ta’ torturi li l-ħruxija tal-bniedem tista’ toħloq. Għal din il-fidi, fid-dinja kollha, mhux biss irġiel imma ukoll nisa, mhux biss subjien imm’ukoll bniet fl-ewwel żgħożija tagħhom, tqabdu sat-tixrid tad-demm. Din il-fidi tkeċċi x-xjaten, tbiegħed il-mard, tirxoxta l-mejtin. L-istess Appostli qaddisa, imwettqin minn tant mirakli u mgħallmin minn tant priedki tal-Mulej, quddiem il-ħruxija tal-passjoni twerwru u għall-ewwel ma ridux jemmnu li l-Mulej kien tassew qam mill-imwiet; imma, wara tlugh il-Mulej fis-sema, tbiddlu b’mod hekk ta’ l-għaġeb li dak li qabel kien iqanqal il-biża’ fihom beda jimliehom bl-hena. Minn dakinhar huma refgħu ħarsithom ‘il fuq lejn is-sema biex jikkontemplaw id-divinità ta’ Dak li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier: issa, il-ġisem qaddis tiegħu ma kienx aktar jostor is-sebħ tiegħu ta’ Alla, u bl-għajnejn tar-ruħ setgħu għalhekk jaraw id-divinità ta’ Dak li meta ġie fid-dinja ma tbigħedx mill-Missier, u meta reġa’ lura għand il-Missier baqa’ mad-dixxipli tiegħu.

Għeżież: Bin il-bniedem kien magħruf mill-Appostli tiegħu b’mod aktar qaddis u aħjar bħala Iben Alla meta reġa lura għas-sebħ tal-kobor tal-Missier, u dehrilhom aktar bħala Alla meta kien tbiegħed minnhom bħala bniedem. Kien issa li l-fidi tagħhom aktar xegħlet għax resqu lejn l-Iben kif inhu daqs il-Missier: biex jemmnu fih ma kellhomx issa aktar ħtieġa li jmissu l-ġisem tiegħu, li bih hu inqas mill-Missier; in-natura tal-ġisem glorjuż ta’ Kristu ma tbiddlitx, imma dawk li jemmnu ġew issa msejjħin biex, mhux bl-idejn tal-ġisem imma fid-dawl ta’ l-Ispirtu, imissu u jemmnu fl-Iben waħdieni tal-Missier, li minnu tnissel u hu daqsu fil-kobor.

 

RESPONSORJU Lhud 8:1b; 10:22. 23

 

R/. Aħna għandna qassis hekk kbir li qagħad fuq il-lemin tat-tron tal-kobor ta’ Alla fis-sema; * Ejjew nersqu b’qalb sinċiera u fidi sħiħa bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina, hallelujah.

V/. Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta’ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda. * Ejjew nersqu b’qalb sinċiera u fidi sħiħa bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina, hallelujah.

 

 

TALBA

 

 O Alla, int li seħibt il-poplu tiegħek fil-fidwa li tajtu, agħmel li nifirħu dejjem bil-qawmien tal-Mulej mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

  

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Minn ġol qalb tal-Belt il-ġdida

toħroġ għanja ġdida w ħelwa,

biex mad-dinja kollha xxandar

il-ferħ kbir ta’ l-Għid ta’ Kristu.

 

Hu l-iljun rebbieħ ta’ Ġuda,

ġieb fix-xejn lill-għadu tagħna:

qam mill-mewt u, b’leħen qawwi,

sejjaħ lill-mejtin għall-ħajja.

 

U mill-qiegħ ta’ l-art u d-dalma

ħarġet ħielsa l-priża mjassra;

marru l-qtajja’ tal-mifdija

wara Kristu, s-Sultan tagħhom.

 

Bl-istendard tar-rebħa f’idu,

Ġesù radd is-sliem lill-ħlejjaq,

għaqqad l-art u s-sema, w nieda

żmien is-saltna ta’ Missieru.

 

Nitolbuh għalhekk il-barka

fuqna lkoll u jżommna miegħu,

ħalli nimxu wrajh bla nieqfu,

sa ma niksbu l-glorja mwiegħda.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Jiena d-dielja, intom il-friegħi, hallelujah.

 

Salm 79 (80)

 

O Ragħaj ta' Iżrael, agħti widen, *

int li tmexxi bħal merħla 'l Ġużeppi.

Int li qiegħed fuq il-kerubini, *

iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manassi.

Qajjem il-qawwa tiegħek, *

u ejja ħa ssalvana.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

Mulej, Alla ta' l-eżerċti, kemm se ddum tinkorla *

minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?

Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ, *

sqejthom id-dmugħ bix-xaba'.

Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna, *

l-għedewwa tagħna jiddieħku bina.

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

 

Int qlajt dielja mill-Eġittu, *

warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.

Ħejjejt l-art għaliha; *

hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.

Tgħattew l-għoljiet bid-dell tagħha, *

bħal ċedri l-kbar iż-żraġen tagħha.

Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,

sax-xmara ż-żraġen tagħha.

 

Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha, *

u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?

Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ, *

il-bhejjem tar-raba' jirgħu fiha.

 

Erġa' ejja, Alla ta' l-eżerċti;

ħares mis-sema, u ara,

u żur 'il din id-dielja.

Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek, *

ir-rimja li int kabbart għalik.

 

Jinqerdu mal-ħarsa qalila ta' wiċċek *

dawk li tawha n-nar u qaċċtuha.

 

Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta' lemintek, *

fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.

 

Aħna ma nitbegħdux minnek; *

roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu ismek.

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; *

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

 Glorja.

 

Ant. 1: Jiena d-dielja, intom il-friegħi, hallelujah.

Ant. 2: Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni, hallelujah.

 

Kantiku Iż 12:1-6

 

Inroddlok ħajr, Mulej, għaliex għadabt għalija; *

imma l-korla tiegħek reġgħet lura, u int farraġtni.

Ara, Alla hu s-salvazzjoni tiegħi ; *

jiena nittama, u ma jkollix m’niex nibża'.

Għax il-qawwa u l-għana tiegħi hu l-Mulej, *

Hu is-salvazzjoni tiegħi.

 

Kollkom ferħana, *

 timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni.

U f'dak il-jum għad tgħidu: *

"Għannu lill-Mulej, sejjħu lil ismu,

għarrfu lill-ġnus l-għeġubijiet tiegħu, *

xandru li ismu huwa fil-għoli.

Għannu lill-Mulej, għax għamel ħwejjeġ kbar; *

ħa jkun dan magħruf minn-nies kollha ta' l-art.

Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f'Sijon, *

għax kbir hu f'nofsok il-Qaddis ta' Iżrael!"

 Glorja.

 

Ant. 2: Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni, hallelujah.

Ant. 3: Il-Mulej temagħna b’qamħ mill-aħjar, hallelujah.

 

Salm 80 (81)

 

Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa tagħna, *

għajjtu bil-ferħ lil Alla ta' Ġakobb!

Għollu leħen ta’ l-għana, doqqu t-tnabar, *

doqqu ċ-ċetra ħelwa ma' l-arpa.

Doqqu t-tromba mal-qamar ġdid, *

mal-qamar mimli f'jum il-festa tagħna.

 

Għax dan hu kmand Amment għal Iżrael, *

din liġi ta' Alla ta' Ġakobb.

Dan l-ordni hu tah lil Ġużeppi, *

huwa u ħiereġ minn art l-Eġittu.

 

Kliem li ma nafux qiegħed nisma': †

"Neħħejtlek it-tagħbija minn fuq dahrek, *

ħlistlek idek mill-irfigħ tal-qoffa.

Fid-dwejjaq sejjaħtli, u jiena ħlistek; *

b'leħen moħbi, bħal f'ragħda, weġibtek;

ħdejn l-ilma ta' Meribah ġarrabtek.

 

Ismagħni, poplu tiegħi, ħa nlumek: *

Iżrael, m'hux li kont tismagħni!

Ma jkollokx alla ieħor f'nofskom, *

tinxteħitx quddiem alla barrani.

Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, †

li tellajtek mill-art ta' l-Eġittu; *

ftaħtlek ħalqek u tmajtek

.

Iżda l-poplu tiegħi ma semax minni, *

Iżrael ma riedx jaf bija.

Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta' qalbhom, *

biex imxew skond il-fehmiet tagħhom.

 

Jekk il-poplu tiegħi jisma' minni, *

jekk Iżrael jimxi fi triqati,

minnufih inniżżel l-għedewwa tagħhom, *

idi ndawwar fuq dawk li huma kontriehom.

 

Dawk li jobogħduhom jersqu jitkaxkru quddiemhom; *

din tkun xortihom għal dejjem.

U lilhom nitmagħhom b'qamħ mill-aħjar, *

inxebbagħhom bl-għasel mill-blat."

Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej temagħna b’qamħ mill-aħjar, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:10-11

 

 Jekk Kristu jgħammar fikom, ukoll jekk il-ġisem hu mejjet minħabba d-dnub, imma l-ispirtu hu ħaj minħabba l-ġustifikazzjoni. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, dak stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.

 

RESPONSORJU QASIR

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ftit ieħor u ma tarawnix aktar, jgħid il-Mulej: ftit ieħor u terġgħu tarawni, għax jien sejjer għand il-Missier, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ftit ieħor u ma tarawnix aktar, jgħid il-Mulej: ftit ieħor u terġgħu tarawni, għax jien sejjer għand il-Missier, hallelujah.

 

PREĊI

 

Alla l-Missier għamel li Ibnu jkun il-qawmien ta’ wliedu. Nitolbuh b’qalbna qawwija u ngħidu:

Agħmel li Ibnek Ġesù Sidna jkun il-ħajja tagħna.

Int mexxejt il-poplu tiegħek fid-deżert bid-dawl ta’ kolonna tan-nar:

- ikun Kristu d-dawl ta’ ħajjitna llum bil-qawmien tiegħu.

Permezz ta’ Mosè għallimt il-poplu tiegħek fuq il-muntanja:

- ikun Kristu l-kelma tal-ħajja għalina llum bil-qawmien tiegħu.

Inti tmajt il-poplu tiegħek bil-manna fi triqtu:

- ikun Kristu l-ħobż tal-ħajja għalina llum bil-qawmien tiegħu.

Inti sqejt il-poplu tiegħek bl-ilma mill-blat:

- agħtina l-Ispirtu tal-ħajja llum bil-qawmien ta’ Ibnek.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla, int li seħibt il-poplu tiegħek fil-fidwa li tajtu, agħmel li nifirħu dejjem bil-qawmien tal-Mulej mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 118 (119):65-72

 

IX (Tet)

 

Ġid għamilt mal-qaddej tiegħek, *

Mulej, skond il-kelma tiegħek.

Fehma tajba u għerf għallimni, *

għax jien nemmen fil-kmand Ammenti tiegħek.

 

Qabel ma għakkistni, jien kont fl-iżball; *

imma issa nħares il-kelma tiegħek.

Twajjeb int, u l-ġid tagħmel; *

għallimni l-kmand Ammenti tiegħek.

 

Jixluni l-kburin bil-gideb; *

imma jien b'qalbi kollha nħares il-preċetti tiegħek.

Smina bil-ħażen bħax-xaħam qalbhom; *

imma jien bil-liġi tiegħek nitgħaxxaq.

 

Swieli ta' ġid li għakkistni, *

għax tgħallimt il-kmand Ammenti tiegħek.

Aħjar għalija l-liġi ta' fommok *

mill-eluf ta' flejjes tad-deheb u l-fidda.

 Glorja.

 

Salm 55 (56):2-7b. 9-14

 

Ħenn għalija, o Alla, †

għax qegħdin ikasbruni, *

il-jum kollu jagħmlu għalija u jagħfsu fuqi.

Il-jum kollu jkasbruni l-għedewwa tiegħi, *

għax ħafna huma dawk li jeħduha miegħi.

 

Fik, Alla l-Għoli, jien nittama, *

meta jkolli għal xiex nibża'.

Bl-għajnuna ta' Alla nfaħħar kelmtu; †

f'Alla nafda, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

 

Il-jum kollu jqassu u jgħidu fuqi, *

ħsiebhom biss kif jagħmluli l-ħsara.

Jinġemgħu flimkien u jistaħbew, *

jgħassu l-mixi tiegħi.

Int għoddejt kull ċaqliqa tiegħi; †

iġma' fi flixkun id-dmugħ tiegħi. *

M'huwiex dan fil-ktieb tiegħek?

 

Mbagħad jerġgħu lura l-għedewwa tiegħi,

meta jiena nsejjaħlek. *

 Dan jien naf, li Alla hu miegħi.

Bl-għajnuna ta' Alla nfaħħar kelmtu; *

bl-għajnuna tal-Mulej infaħħar kelmtu.

F'Alla nitma, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

O Alla, jien marbut bil-wegħdiet tiegħek; *

għalhekk inroddlok sagrifiċċji ta' tifħir.

Għax mill-mewt int ħlistli 'l ħajti †

u 'l riġli mill-waqgħa, *

biex nimxi quddiem Alla fid-dawl tal-ħajjin.

 Glorja.

 

Salm 56 (57)

 

Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija, *

għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi;

għad-dell ta' ġwenħajk nistkenn, *

sakemm jgħaddi l-hemm minn fuqi.

Insejjaħ lil Alla l-Għoli, *

lil Alla, li jieħu ħsiebi.

 

Jibgħat mis-sema u jsalvani; †

jitfa' l-għajb fuq min jgħaffiġni; *

jibgħat Alla t-tjieba u l-fedeltà tiegħu. 

Ninsab mimdud qalb l-iljuni, *

li jaħtfu lill-bnedmin;

snienhom lanez u vleġeġ, *

u lsienhom sejf misnun. 

Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! *

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!

 

Xibka ħejjewli fil-mogħdija; *

għal ftit ma waqajtx fiha.

Ħofra ħaffruli quddiemi, *

iżda huma waqgħu fiha.

 

Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi; *

ħa ngħanni u ninseġ għanja:

"Qum, ruħ tiegħi, qum, arpa u ċetra! *

Ħa nqajjem sbiħ il-jum!"

Infaħħrek, Sidi, fost il-popli, *

ngħannilek fost il-ġnus;

għax m'ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, *

sas-sħab il-fedeltà tiegħek.

 

Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! *

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 12:13

 

Aħna lkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Tit 3:5a 6-7

 

Alla salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u tiġdid mill-Ispirtu s-Santu, li hu xerrdu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skond it-tama li għandna.

 

 V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA ara Kol 1:12-14

 

Inroddu ħajr lill-Missier, li għamilna denji li nissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl; hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż, li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.

 

 V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

 O Alla, int li seħibt il-poplu tiegħek fil-fidwa li tajtu, agħmel li nifirħu dejjem bil-qawmien tal-Mulej mill-imwiet. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

  

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Verb etern, li sa minn dejjem

int fil-glorja ma’ Missierek,

ħlaqt ‘l Adam u tajtu l-ħajja,

biex ikun ix-xbieha tiegħek.

 

Għad li l-għadu minn ġos-siġra

qarraq bih u biegħdu minnek,

inti ma ċħadtlux imħabbtek,

imma nżilt f’din l-art biex tfittxu.

 

U sirt bniedem minn ġuf Verġni,

biex lill-bniedem tħabbeb m’Alla;

tajtu l-maħfra w ħajja ġdida

bl-ilmijiet tal-magħmudija.

 

Ma stmerrejtx, Mulej, li titla’

fuq salib u xxerred demmek;

ħadt int stess il-mewt biex tifdi

lill-ilsir li qam għal sidu.

 

Iżda b’mewtek ksibt il-glorja

tal-qawmien mingħand Missierek,

li wkoll għamlek ir-Ras tagħna

ħalli bik inqumu miegħek.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin, hallelujah.

 

Salm 71 (72)

 

I

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek, *

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja, *

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.

 

Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu, *

tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja.

Hu jħares id-dritt ta' l-imsejknin tal-poplu, *

isalva l-fqajrin u jrażżan 'il min jgħakkishom.

Ħa jdum kemm iddum ix-xemx; *

kemm idum il-qamar, minn żmien għal żmien.

 

Jinżel bħax-xita fuq ir-raba' maħsud, *

bħal ħalba xita li ssaqqi l-art bil-għatx.

Tħaddar f'jiemu l-ġustizzja, *

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

Isaltan minn baħar sa baħar, *

u mix-Xmara sa truf l-art.

 

Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa tiegħu; *

dawk li huma kontrih it-trab jilagħqu.

Is-slaten ta' Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali; *

is-slaten ta' Xeba u ta' Saba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha, *

il-ġnus kollha lilu jaqdu.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin, hallelujah.

Ant. 2: Bih jitbierku l-ġnus kollha ta’ l-art, hallelujah.

 

II

 

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, *

u lill-imsejken li m'għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; *

il-ħajja tal-fqajrin isalva.

Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; *

demmhom għażiż quddiem għajnejh.

 

Ħa jgħix is-sultan għal dejjem, *

jingħata lilu deheb ta' Xeba!

Ħa jitolbu għalih dejjem, *

u jberkuh il-jum kollu!

Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, *

jogħla sal-qċaċet ta' l-għoljiet.

Ikun il-frott tiegħu bħal-Libanu, *

iħaddru l-uċuħ bħall-ħaxix tar-raba'.

 

Ismu jibqa' jissemma għal dejjem; *

idum ismu sakemm iddum ix-xemx!

Bih jitbierku l-ġnus kollha ta' l-art; *

il-popli kollha jsejjħulu hieni. 

Imbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, *

li waħdu jagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.

Imbierek għal dejjem l-isem imsebbaħ tiegħu; *

timtela l-art kollha bis-sebħ tiegħu! Ammen! Ammen!

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Bih jitbierku l-ġnus kollha ta’ l-art, hallelujah.

Ant. 3: Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem, hallelujah.

  

Kantiku Apok 11:17-18 ; 12:10b-12a

 

Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox, †

 li int u li kont, *

 talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek u bdejt issaltan.

 

 Il-ġnus imtlew bil-korla, †

 Imma ġiet il-korla tiegħek * 

 u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin 

 u jingħata l-ħlas mistħoqq, *

 lill-qaddejja tiegħek il-profeti,

 lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek, *

 kemm iż-żgħar u kemm il-kbar. 

 Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, 

 u s-Saltna ta' Alla tagħna, * 

 u s-setgħa tal-Messija tiegħu, 

 għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, *

 li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.

 U huma ħarġu rebbieħa fuqu

 bis-saħħa ta’ demm il-Ħaruf *

 u bis-saħħa tax-xhieda li taw, 

 u xejn ma għożżew ħajjithom, *

 hekk li ħadu saħansitra l-mewt.

 Għalhekk ifirħu, smewwiet, *

 u intom li tgħammru fihom. 

 Glorja lill-Missier.......

 

Ant. 3: Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 3:18. 21b-22

 

Kristu miet darba minħabba d-dnubiet; hu, li hu ġust, miet għall-inġusti, biex iressaqhom lejn Alla. Kien mogħti għall-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-Ispirtu. U issa salva lilkom ukoll, mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla ħierġa minn kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu li tela’ s-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla, u għandu taħtu s-setgħat u l-qawwiet ta’ l-anġli.

 

 RESPONSORJU QASIR

 

R/. Id-dixxipli ferħu. * Hallelujah, hallelujah. Id-dixxipli.

V/. Meta raw lill-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Id-dixxipli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

In-niket tagħkom għad jitbiddel f’ferħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma joħodulkom, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

In-niket tagħkom għad jitbiddel f’ferħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma joħodulkom, hallelujah.

  

PREĊI

 

Kristu, bir-rieda tal-Missier, huwa l-ped Amment tat-tama kollha tagħna u tal-qawmien ta’ l-imwiet. Nuruh il-ferħ tagħna u nitolbuh:

Sultan glorjuż, ismagħna.

Mulej Ġesù, inti dħalt fis-santwarju bis-saħħa ta’ demmek u tal-qawmien tiegħek:

- tellagħna miegħek fil-glorja tal-Missier.

Bil-qawmien tiegħek wettaqt id-dixxipli fil-fidi u bgħatthom fid-dinja:

- agħmel li l-isqfijiet u l-presbiteri jxandru l-Evanġelju tiegħek bil-fedeltà.

Bil-qawmien tiegħek tajtna s-sliem u rġajt ħabbibtna ma’ Alla:

- orbot bejniethom l-imgħammdin kollha fl-għaqda sħiħa tal-fidi u ta’ l-imħabba.

Bil-qawmien tiegħek fejjaqt lill-magħtub ħdejn il-Bieb is-Sabiħ tat-tempju:

- ħu ħsieb ħutna l-morda u uri fihom il-glorja tiegħek.

Int l-ewwel fost dawk li raqdu r-raqda tal-mewt u reġgħu qamu:

- sieħeb fil-glorja tiegħek lil ħutna l-mejtin li ttamaw fik.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla, int li seħibt il-poplu tiegħek fil-fidwa li tajtu, agħmel li nifirħu dejjem bil-qawmien tal-Mulej mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĦAMIS

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 15 (16)

 

Il-Mulej is-sehem ta’ wirti

Alla qajjem lil Ġesù billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2:24)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi, *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq: *

messni sehem tassew għal qalbi.

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 Glorja.

Barra Z.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:23

 

Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa, fl-ispirtu, fir ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

 

Talba

 

Mulej Alla tagħna, agħtina l-heda u l-mistrieħ wara t-taħbit u l-għeja ta’ llum, biex bl-għajnuna tiegħek niksbu saħħa ġdida, ħalli ningħataw b’ruħna u ġisimna għall-qadi tiegħek. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufn Amment,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.