Stampa t-test kollu ...


Is-Sibt fuq it-2 Ħadd wara Għid il-Ħamsin

 

IL-QALB BLA TEBGĦA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 

Salmodija tas-Sibt tal-I ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

F’ġuf Marija niżel jgħammar

dak li s-sema, l-art u l-baħar

ixandruh u jagħtuh qima,

għax hu Alla li ħalaqhom.

 

Ħdan il-Verġni, mimli grazzja,

jilqa’ fih lis-Sid il-Għoli,

li jaqduh ix-xemx u l-qamar,

l-univers bil-ħlejjaq tiegħu.

 

Hienja l-omm, li ġewwa ċ-ċokon

tal-ġuf safi tagħha niżel

il-ħallieq, li xejn ma jesgħu,

u f’qiegħ idu jżomm id-dinja.

 

Hienja dik li emmnet l-anġlu

u bil-qawwa ta’ l-Ispirtu,

ġiebet fostna ‘l Alla bniedem,

il-mixtieq tal-ġnus mill-qedem.

 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

Bin Marija, Omm u Verġni;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: L-akbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu dak li jċekken lilu nnifsu bħal tifel żgħir.

 

Salm 130 (131)

 

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *

anqas ma ntrefgħu għajnejja;

jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *

jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

 

Imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ, *

bħal tarbija f'ħoġor ommha;

bħal tarbija miftuma, *

hekk hi ruħi ġewwa fija.

 

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *

minn issa u għal dejjem!

Glorja.

 

Ant. 1: L-akbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu dak li jċekken lilu nnifsu bħal tifel żgħir.

Ant. 2: Alla tiegħi, jien offrejtlek kollox tassew minn qalbi.

 

Salm 131 (132)

 

I

 

Ftakar, Mulej, f'David *

u fil-hemm tiegħu kollu.

Ftakar kif hu ħalef lill-Mulej, *

u wiegħed lil Alla, il-Qawwi ta' Ġakobb:

 "Ma nidħolx taħt is-saqaf ta' dari, *

ma jitlax fuq il-friex ta' soddti,

ma nagħlaqx għajnejja u norqod *

u anqas nagħlaq xfar għajnejja bin-ngħas,

sa ma nsib post għall-Mulej, *

għamara għal Alla l-Qawwi ta' Ġakob."

 

Araw, smajna bl-Arka f'Efrata, *

sibnieha fir-raba' ta' Ġagħar.

Ħa nidħlu fil-għamara tiegħu, *

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta' riġlejh!

 

Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek, *

int u l-Arka tal-qawwa tiegħek.

Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, *

igħajtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

Minħabba f'David, il-qaddej tiegħek, *

twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Alla tiegħi, jien offrejtlek kollox tassew minn qalbi.

Ant. 3: Il-Mulej ħalef wegħda sħiħa lil David: hu wettaqlu s-saltna tiegħu għal dejjem.

 

II

 

Il-Mulej ħalef wegħda lil David, *

u żgur li ma jerġax lura minnha:

"Wieħed min-nisel tiegħek *

jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek.

 

Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi *

u l-preċetti li jien nagħtihom,

uliedhom ukoll għal dejjem *

joqogħdu fuq it-tron tiegħek."

 

Għax il-Mulej għażel 'il Sijon, *

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

"Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem! *

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!

 

Bil-barka nimla l-ħażniet tagħha, *

bil-ħobż inxabba' l-foqra tagħha.

Bis-salvazzjoni nlibbes il-qassisin tagħha, *

bil-ferħ igħajtu l-ħbieb tagħha.

 

Hemm inqajjem qawwa lil David, *

inħejji mnara għas-sultan, il-midluk tiegħi.

Bil-mistħija nlibbes l-għedewwa tiegħu, *

imma fuqu tiddi l-kuruna tiegħu."

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej ħalef wegħda sħiħa lil David: hu wettaqlu s-saltna tiegħu għal dejjem.

 

V/. Ejjew, araw x’għamel il-Mulej.

R/. Għemejjel ta’ l-għaġeb fuq l-art.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob Ġob 42:7-16

 

Alla jiġġustifika lil Ġob

 

Wara li l-Mulej temm jgħid dan il-kliem lil Ġob, qal lil Elifaż it-Temani: "Jiena inkurlat għalik u għaż-żewġt iħbieb tiegħek għax ma tkellimtux sewwa fuqi bħal Ġob il-qaddej tiegħi. Ħudu, mela, seba' għoġiela u seba' muntuni u offruhom b'sagrifiċċji maħruqa għalikom. Ġob, il-qaddej tiegħi, jitlob għalikom u jiena minħabba fih ma nikkastigax il-bluha li wrejtu meta ma tkellimtux is-sewwa fuqi bħal Ġob il-qaddej tiegħi.”

Elifaż it-Temani, Bildad is-Suħi, u Sofar in-Nagħmi marru u għamlu kif qalilhom il-Mulej. U l-Mulej ta wiċċ lil Ġob. Lilu għax talab għal ħbiebu reġġgħu għal li kien qabel u kattarlu għal darbtejn il-ġid kollu li kellu.

Mbagħad ħutu kollha, subjien u bniet, u dawk li kienu jafuh qabel, ġew għandu jarawh u kielu l-ħobż miegħu f'daru. Huma wrewh is-sogħba tagħhom u farrġuh għad-diżgrazzji kollha li l-Mulej bagħat fuqu u tawh kull wieħed minnhom munita u ċurkett tad-deheb.

U l-Mulej bierek il-ħajja l-ġdida ta' Ġob aktar minn dik ta' qabel, u kellu Ġob erbataxil elf nagħġa u sitt elef ġemel, elf żewġ barrin u elf ħmara.

Kellu wkoll seba' subjien u tlitt ibniet. Bintu l-kbira semmieha Jemina, lil ta' warajha Kesigħa, u lit-tielet waħda Keren Ħappuk. Fil-pajjiż kollu ma kienx hemm nisa li fil-ġmiel iħabbtuha mal-bniet ta' Ġob. Missierhom tahom qasma mill-wirt ma' ħuthom is-subjien.

Wara dan kollu Ġob għex mija u erbgħin sena, u ra 'l uliedu u wlied uliedu sar-raba' nisel, u miet xiħ u mimli bil-għomor.

 

RESPONSORJU ara Ġob 42:7. 8

 

R/. Qal il-Mulej lil Elifaż: Int u ż-żewġ ħbiebek ma tkellimtux sewwa fuqi bħal Ġob il-qaddej tiegħi: * Hu jitlob għalikom.

V/. Jiena, minħabba fih ma nikkastigax il-bluha li wrejtu. * Hu jitlob għalikom.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Lawrenz Ġustinjani

 

Marija kienet iżżomm dan kollu f’qalba

 

Marija qrat, semgħet u rat, u baqgħet iżżomm sewwa f’qalbha kull ma saret taf, u kienet toqgħod taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha. Min jaf kemm kienet titqawwa fil-fidi, tikber fil-merti, tissaħħaħ fl-għerf, u titħeġġeġ dejjem iżjed bin-nar ta’ l-imħabba! Aktar ma kienet tiftakar u taħseb fil-misteri tas-sema, aktar kienet timtela bil-ferħ, titwettaq bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, timxi lejn Alla, u tħares l-umiltà tagħha. Dan hu l-ġid li tagħmel il-grazzja ta’ Alla: hija tgħolli ħafna lil min hu ċkejken ħafna, u tbiddlu minn glorja għal glorja. Tassew imbierka r-ruħ tal-Verġni: l-Ispirtu s-Santu għammar fiha u għallimha toqgħod dejjem għal dak kollu li l-Verb ta’ Alla ried minnha. Ma kinitx tagħmel dak li tħoss hi jew li jidhrilna hi, imma kienet iġġib ruħha minn barra skond ma l-Għerf kien inebbaħha temmen minn ġewwa. Għax kien xieraq li l-Għerf ta’ Alla, hu u jibni l-Knisja bħala d-dar tiegħu biex jgħammar fiha, jinqeda b’Marija santissima u jagħmilha eżempju ħaj tal-ħarsien tal-liġi, tas-safa tar-ruħ, tal-ħajja umli, u ta’ l-offerta spiritwali.

 Ruħ nisranija, kun ixbah lilha. Biex int tissaffa fl-ispirtu, biex iseħħlek titnaddaf mit-tinġis tal-ħtija, idħol fit-tempju ta’ qalbek. Alla hemmhekk iħares iżjed lejn is-sentimenti tagħna milli lejn dak li nagħmlu. U għalhekk, sew jekk nieqfu mitlufa f’Alla bil-qawwa ta’ ħsibijietna, sew jekk inkunu f’sensina u nfittxu li nikbru fil-virtù jew naħdmu għall-ġid tal-proxxmu, dan kollu ma nagħmluhx għal ħaġa oħra ħlief għax inħossu l-imħabba ta’ Kristu ssuqna. Din hi tassew offerta safja u spiritwali li togħġob: ma ssirx f’tempju maħdum bl-idejn, imma fit-tempju ta’ qalbna, fejn Kristu l-Mulej iħobb jidħol.

 

RESPONSORJU

 

R/. Verġni qaddisa u bla tebgħa, int jistħoqqlok l-ogħla tifħir, * Għax ġibt fil-ġuf lil dak li anqas is-smewwiet ma jesgħuh.

V/. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Għax ġibt fil-ġuf lil dak li anqas is-smewwiet ma jesgħuh.

 

TALBA

 

 O Alla, int ħejjejt għamara xierqa lill-Ispirtu s-Santu fil-Qalb tal-Verġni mqaddsa Marija; fil-ħniena tiegħek agħmel li, bit-talb tagħha, jistħoqqilna nkunu tempju tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Sidt glorjuża, li fil-għoli

fuq il-kwiekeb ġejt imtellgħa,

nagħtuk ġieħ, għax int, b’ħalibek

safi, sqejt lil dak li ħalqek.

 

B’Ibnek sewwejtilna l-ħsara

li d-dnub t’Eva ġibed fuqna;

bi tjubitek ftaħt mogħdija

biex l-imsejkna jidħlu s-sema.

 

Inti l-bieb tas-Sultan Għoli

bieb li minnu d-dawl feġġ fuqna;

ħa jifirħu l-ġnus mifdija,

għax bik, Verġni, sabu l-ħajja.

 

Agħmel int li nsebbħu f’kollox

lill-Missier, lil Kristu Ibnek,

u ‘l-Ispirtu, li bħal b’libsa

ta’ ġmiel kbir żejjnuk bil-grazzja. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Lejk, Mulej, indawwar għajnejja sa minn sbiħ il-jum.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

 

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

 

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant. 1: Lejk, Mulej, indawwar għajnejja sa minn sbiħ il-jum.

Ant. 2: Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni.

 

Kantiku Eż 15:1-4a. 8-13. 17-18

 

 Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ; * 

 żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.

 

 Qawwieti u għanjieti l-Mulej: *

 għalija sar is-salvazzjoni. 

 Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar; *

 Alla ta' missieri, u lilu ngħolli!

 Il-Mulej gwerrier, Jahweh ismu! *

 Il-karrijiet tal-Fargħun u qawwietu

Tefagħhom fil-baħar; 

 

 Mar-riħ qawwi ta’ mnifsejk inġemgħu l-ilmijiet, †

 bħal gods twaqqfu l-gliegel, *

 għaqdu l-imwieġ f’nofs il-baħar.

 Qal l-għadu: 'Niġri warajhom, nilħaqhom; *

 naqsam il-priża, u jkolli bix-xaba’; 

 is-sejf tiegħi nislet, *

idi teqridhom”.

 Infaħt bir-riħ tiegħek, †

għattiehom il-bahar, *

 għerqu bħaċ-ċomb fl-ilmijiet qawwija.

 

 Min hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

 min hu bħalek, kbir fil-qdusija ?

 Int tal-biża' fil-glorji tiegħek ; *

int li tagħmel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb !

 Int meddejt il-leminija tiegħek, *

 u belgħethom l-art ġo fiha.

 Fi tjubitek mexxejt dan il-poplu li fdejt; *

 b'ħiltek mexxejtu lejn l-għamara qaddisa tiegħek.

 Twassalhom u tħawwilhom *

 fuq il-muntanja, wirt tiegħek; 

 il-post, Mulej, li int għamiltu l-għamara tiegħek, * 

 il-maqdes, ja Sidi, li ħejjew idejk.

 Il-Mulej isaltan *

għal dejjem ta' dejjem.”

 Glorja.

 

Ant. 2: Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni.

Ant. 3: Il-ġnus kollha jfaħħru l-Mulej.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli lkoll!

 

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 3: Il-ġnus kollha jfaħħru l-Mulej.

  

LEZZJONI QASIRA ara Iż 61:10

 

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarusa tlellex bil-gawhar tagħha.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Għażilha l-Mulej, * U ħatarha fost kulħadd. Għażilha.

V/. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * U ħatarha fost kulħadd. Glorja. Għażilha

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Qalbi u ġismi jifirħu f’Alla l-ħaj.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Qalbi u ġismi jifirħu f’Alla l-ħaj.

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna għoġbu jitwieled minn Marija Verġni. Infaħħruh u nitolbuh:

Tidħol għalina quddiemek Ommok, Mulej.

Salvatur tad-dinja, bil-grazzja qawwija tal-fidwa tiegħek int ħarist minn qabel lil Ommok minn kull tebgħa ta’ dnub:

- żommna safja u mbiegħda mid-dnub.

Feddej tagħna, int għamilt lill-Verġni bla tebgħa Marija għamara tiegħek l-iżjed qaddisa u santwarju ta’ l-Ispirtu s-Santu:

- agħmilna tempju li fih jgħammar dejjem l-Ispirtu tiegħek.

Verb etern, int għallimt lil Ommok tagħżel għaliha s-sehem it-tajjeb;

- agħtina li nagħmlu bħalha, billi nfittxu l-ikel li jsaħħaħna għall-ħajja ta’ dejjem.

Sultan tas-slaten, int ridt li Ommok tkun imtellgħa ħdejk fis-sema bir-ruħ u l-ġisem:

- agħtina l-grazzja li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema.

Sid is-sema u l-art, int qegħedt lil Marija sultana fil-leminija tiegħek:

- agħmel li jkun jistħoqqilna nissieħbu magħha fil-glorja.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int ħejjejt għamara xierqa lill-Ispirtu s-Santu fil-Qalb tal-Verġni mqaddsa Marija; fil-ħniena tiegħek agħmel li, bit-talb tagħha, jistħoqqilna nkunu tempju tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Mexxini, Mulej, mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

 

Salm 118 (119): 33-40

 

V (He)

 

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek; *

jiena rrid nibqa' fiha sa l-aħħar.

Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek *

u nagħmilha b'qalbi kollha.

 

Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, *

għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.

Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek, *

u mhux lejn ir-regħba.

 

Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa; *

agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.

Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek, *

li int għamilt ma' dawk li jibżgħu minnek.

 

Warrab minni l-għajb li nibża' minnu, *

għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.

Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek; *

fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.

 Glorja.

 

Ant.1 Mexxini, Mulej, mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

Ant.2 Min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 

Salm 33 (34)

 

I

 

Kull ħin inbierek il-Mulej; *

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

Ħarsu lejh, u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *

u ma jkollkomx għax tistħu.

 

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses

madwar dawk li jibżgħu minnu, *

 u jeħlishom.

 

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 Glorja.

 

Ant.2 Min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

Ant.3 Fittex is-sliem u imxi warajh.

 

II

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili; *

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,*

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 Ħares ilsienek mill-ħażen, *

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej lejn il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †

u l-Mulej jismagħhom; *

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, *

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha, *

ebda waħda ma titkissirlu.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 Glorja.

 

Ant.3 Fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA I Slat 8:60-61

 

Jagħraf kull poplu ta’ l-art li l-Mulej hu Alla u ma hemm ħadd ħliefu. Jalla qalbkom tkun kollha kemm hi mal-Mulej Alla tagħna, biex timxu skond id-digrieti tiegħu, u tħarsu l-kmandamenti tiegħu.

 

 V/. Alla tiegħi, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

 R/. Mexxini fis-sewwa tiegħek.

 

Talba

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 17:9-10

 

Qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha? Jien hu l-Mulej, li nifli l-moħħ, u ngħarbel il-qlub biex nagħti ‘l kull wieħed skond l-imġiba tiegħu, skond ma jkun jistħoqqlu għemilu.

 

 V/. Minn dak li ma nafx bih saffini, Mulej.

 R/. Ħares lill-qaddej tiegħek mill-kburija.

 

Talba

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nar ta’ l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 7:27a; 8:1

 

Għalkemm waħdu, l-għerf ta’ Alla jista’ kollox: għalkemm jibqa’ fih innifsu, hu jġedded kollox. Huwa jifrex il-qawwa tiegħu minn tarf ta’ l-art, u jqassam kollox sewwa.

 

 V/. Kemm huma kbar l-għemejjel tiegħek, Mulej.

 R/. Kemm huma għolja ħsibijietek.

 

Talba

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.