Stampa t-test kollu ...


9 ta’ Mejju

SAN ĠORĠ PRECA, Presbiteru u Fundatur

tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, M.U.S.E.U.M.

Festa

Mill-Komun tar-Rgħajja tal-Erwieħ

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, l-ewlieni u l-kbir fost ir-rgħajja,

quddiemek jiġi l-poplu tal-wirt tiegħek,

ħa jrodd foħrija xierqa lil ragħaj tajjeb

fil-festa tiegħu.

 

Int ħtart lil dan il-qaddej kbir b’ministru,

lilu tajt sehem fis-saċerdozju tiegħek,

u bgħattu jaqdi l-poplu, mexxej tajjeb,

fidil u għaqli.

 

Tassew mexxej u mudell kbir tal-merħla!

Kien dawl għall-għomja, faraġ għall-imsejkna,

missier ħanin li għal uliedu kollha

sar kollox f’kollox.

 

Kristu, li jagħti l-ħlas mistħoqq fis-sema

lill-ħbieb li jaqduk tajjeb, żomm ‘il qalbna

fit-triq ta’ dan l-imgħallem, sakemm fl-aħħar

nissieħbu miegħu.

 

Tifħir u glorja lill-Missier għal dejjem,

u lilek, Sultan twajjeb, Feddej tagħna;

ikun imsebbaħ kullimkien bla heda

l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed għandu joqgħod wara kulħadd u jkun il-qaddej ta’ kulħadd, hallelujah.

 

Salm 20 (21):2-8. 41

 

Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan; *

 kemm jithenna bir-rebħa tiegħek!

Ix-xewqa ta' qalbu int qtajthielu, *

 ma ċħadtlux it-talba ta' fommu.

Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq, *

 kuruna ta' deheb fin qegħidtlu fuq rasu.

Il-ħajja talbek, u int tajthielu, *

 għomor twil minn żmien għal żmien.

 

Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu; *

 ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.

Lilu tagħti barkiet għal dejjem, *

 tferrħu u thennih bis-sebħ ta' wiċċek.

Għalhekk is-sultan fil-Mulej jittama, *

 għall-ħniena ta' l-Għoli qatt ma jitħarrek.

 

Tkabbar, Mulej, bil-qawwa tiegħek! *

 Ħa ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed għandu joqgħod wara kulħadd u jkun il-qaddej ta’ kulħadd, hallelujah.

Ant. 2: Meta jidher ir-Ragħaj il-kbir. Tiksbu l-kuruna tas-sebħ, magħmula minn ward li qatt ma jidbiel, hallelujah.

 

Salm 91 (92)

 

I

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *

 li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli.

Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *

 u billejl il-fedeltà tiegħek,

fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *

 u bid-daqq taċ-ċetra.

Għax inti, Mulej, ferraħtni b'għemilek; *

 għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

 

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *

 kemm huma għolja ħsibijietek!

Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *

 u l-iblah ma jifhimhomx.

Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *

 u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

ilkoll għad jinqerdu għal dejjem; *

 imma int, Mulej, għal dejjem fl-għoli.

 Glorja.

 

Ant. 2: Meta jidher ir-Ragħaj il-kbir. Tiksbu l-kuruna tas-sebħ, magħmula minn ward li qatt ma jidbiel, hallelujah.

Ant. 3: Qaddej tajjeb u fidil, idħol fl-hena ta’ Sidek, hallelujah.

 

II

 

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej, †

 l-għedewwa tiegħek jintilfu; *

 jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.

Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *

 żejt ifuħ sawwabtli fuqi.

Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *

 widnejja jisimgħu bit-telfa

 tal-ħżiena li qamu għalija.

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *

 bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawwlin f'dar il-Mulej, *

 iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *

 kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi, *

 u ebda qerq ma jinsab fih.

Glorja.

 

Ant. 3: Qaddej tajjeb u fidil, idħol fl-hena ta’ Sidek, hallelujah.

 

V/. Int tisma’ kliemi ħiereġ minn fommi, hallelujah.

R/. U twiddibhom f’ismi, hallelujah.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 1 Tim 5:17-22; 6:10-14

 

It-taqbida t-tajba tal-presbiteru u l-bniedem ta’ Alla

 

Għażiż : Il-presbiteri, li jmexxu sewwa, ikun jistħoqqilhom ġieħ għal darbtejn, l-aktar dawk li jagħmlu x-xogħol tax-xandir tal-kelma u tat-tagħlim. Għax l-Iskrittura tgħid: "La tqegħedx sarima ma' ħalq il-gendus li jidres"; u wkoll: "Il-ħaddiem ħaqqu ħlasu." Qatt tilqa' akkuża kontra presbiteru jekk mhux fuq ix-xhieda ta' tnejn jew tlieta min-nies. Lil dawk li jiżbaljaw wissihom quddiem kulħadd, biex l-oħrajn joqogħdu fil-biża’. 

Inwissik bil-qawwa kollha quddiem Alla u Kristu Ġesù, u quddiem l-anġli magħżula, biex iżżomm tajjeb dawn il-ħwejjeġ kollha bla ma tħares lejn wiċċ ħadd u bla ma xxaqleb lejn ħadd. Tkunx ħafif biex tqiegħed idejk fuq dak li jkun; tisseħibx fid-dnubiet ta' ħaddieħor; żomm ruħek safi!

 Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta' kull ħażen; kien minħabba din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b'niket kbir.

Imma int, bniedem ta' Alla, aħrab dan kollu; fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta' dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda. 

Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha, u quddiem Kristu Ġesù li xehed u għamel l-istqarrija sabiħa quddiem Ponzju Pilatu, inwissik biex tħares il-liġi u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta' Sidna Ġesù Kristu,

 

RESPONSORJU 1 Kor 4:1-2; Prov 20:6

 

R/. In-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla: * Mill-amministraturi wieħed jistenna li jkunu fidili, hallelujah.

V/. Ħafna jiftaħru bi tjubithom; iżda wieħed fidil min isibu? * Mill-amministraturi wieħed jistenna li jkunu fidili, hallelujah.

LEZZJONI II

 

Qari mill-Ittri ta’ San Ġorġ Preca, saċerdot

(Ittra lil Rakele Camilleri tas-26 ta’ Ġunju 1934: Arkivju tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, Malta)

 

It-Tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid

 

Lil Rakeli, paċi, u saħħa, u benedizzjoni mis-Sinjur tagħna Ġesù Kristu.

 Nieħu okkażżjoni mix-xahar tal-Qalb ta’ Ġesù illi neżortakom biex tħarsu lejn din il-kbira qalb li tant fittxet is-salvazzjoni ta’ l-erwieħ. Nimitawha, Rakeli, billi naħdmu tajjeb il-missjoni tagħna fuq din l-art, li l-ħanin Alla tagħna għoġbu jassenjalna sabiex ngħallmu kif nistgħu lill-proxxmu tagħna. Oh kemm jenħtieġ li wieħed iħabrek għat-tagħlim! Oh kemm huma ftit dawk li jinteressaw ruħhom iex jgħallmu; skars wisq it-tagħlim, u għalhekk ftit huma li jgħożżu l-ħajja spiritwali! Xejn m’hu prezzjuż daqskemm it-tagħlim li huwa l-għajn ta’ kull ġid.

 Irrikkmanda lis-sudditi tiegħek li jaħdmu għal Alla fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu speċjalment billi jgħallmu lit-tfal il-veritajiet tal-fidi tagħna u l-morali. It-tfal ikunu għalina oġġett ta’ ħsieb speċjali u ta’ kuraġġ għax huma għadhom art tajba biex tkun miżrugħa u ta’ speranza għall-frott tagħhom infushom u għall-kotor tan-numru tas-soċji fl-Oqsma. Inkkellmuhom lit-tfal fuq Alla, fuq in-Novissmi, u fuq il-ħajja tas-Sinjur tagħa Ġesù Kristu fejn naraw tant eżempji ta’ umiltà, ta’ karità, ta’ manswetudni, ta’ paċenzja. Għidilhom lis-sudditi tiegħek sabiex jgħallmu skond l-istil tas-Soċjetà speċjalment rigward il-mistoqsijiet. X’ħasra hawn mad-dinja kollha akkawża tan-nuqqas tat-tagħlim! Kemm jenħtieġu operarji! Għalhekk nagħmlu kemm nistgħu biex niġbdu żgħażagħ ta’ xi speranza, u fuq kollox nitolbu l-Padrun tal-ħsad li jqanqal u li jibgħat Hu stess fl-Oqsma ħafna soċji.

 Biżżejjed li jiena ngħidlek li l-Ispirtu s-Santu jara wisq sbieħ is-saqajn ta’ dawk li jgħallmu ħwejjeġ tajba, ħwejjeġ tal-paċi. Hemm bżonn ta’ kuraġġ fis-sudditi tiegħek biex ikunu aħjar u jinteressaw ruħhom aħjar biex jagħtu t-tagħlim: però dan il-kuraġġ malajr jidħol fil-qalb, malli tidħol fil-menti l-persważjoni ta’ l-eternità: issa huwa ż-żmien li niżirgħu.........

 Fl-aħħarnett ngħidlek li inti u s-sudditi kollha tiegħek ilkoll intom f’idejn Alla, u għalhekk qatt m’għandkom tiddejqu, għax fl-ebda ħaġa ma jonqoskom. Intom qegħdin tagħmlu l-missjoni tal-Maħbub Ġesù, Mgħallem wieħed tal-bnedmin, li ġie fid-dinja biex jilluminaha bit-tagħlim tiegħu. Dan it-tagħlim tiegħu li aħna qegħdin nikkomunikawh lil min ma jafux, u nagħmlu kuraġġ lil xulxin biex ngħixu l-ħajja spiritwali li hija tant triq dejqa. Jiena kuljum nirrikmandakom fil-quddiesa; u nitolbu ‘l Alla lkoll kemm aħna jagħmel miżerikordja magħna. Oh x’unur li Alla tant maestuż jogħġbu jinqeda bina għal servizz hekk ħelu, hekk glorjuż, hekk importanti!

 

RESPONSORJU Sir 21:17 [20 Vulg.]; Mt 13:52

 

R/. Dak li jgħid l-għaqli hu mfittex fil-laqgħat, * u f’qalbhom jibqgħu jaħsbu fuqu, hallelujah.

V/. Huwa jixbah lil wieħed sid li mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim, * u f’qalbhom jibqgħu jaħsbu fuqu, hallelujah.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

 

TALBA

 

 O Alla, int sejjaħt lis-saċerdot tiegħek, San Ġorġ Preca għall-ministeru ta’ l-evanġelizzazzjoni, agħtina nitolbuk li mħeġġin bit-tagħlim tiegħu u msaħħin bl-interċessjoni tiegħu, aħna wkoll naħdmu bla heda għas-saħħa tad-dinja u nħabirku biex jitkattar l-għadd ta’ dawk li jemmnu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Inxandru r-rebħ u l-ġieħ ta’ bniedem t’Alla,

li kien mexxej imfaħħar, missier għaqli,

qaddej fidil, li Sidu mlieh bil-hena

fis-saltna tiegħu.

 

Bħala mexxej u mgħallem, quddiem l-aħwa

ta xhieda sħiħa w wera l-ħajja mseddqa,

u fittex bla mistrieħ bi mġibtu safja

jogħġob lil Alla.

 

Nersqu bit-tama w nitolbuh li fuqna

tinżel il-maħfra w kull għajnuna f’waqtha;

u bit-talb tiegħu jerfa’ lejn is-sema

xewqatna kollha.

 

Lil Alla waħdu s-setgħa, l-ġieħ u s-saltna,

għax tiegħu l-glorja fis-smewwiet għal dejjem;

hu jmexxi d-dinja kollha w sħiħa jżommha

bil-liġi tiegħu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba, hallelujah.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1: Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba, hallelujah.

Ant. 2: Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, ħalli jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, ħalli jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom, hallelujah.

Ant. 3: Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar, hallelujah.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Ant. 3: Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 13:7-9a

 

Ftakru f'dawk li jmexxukom, dawk li wasslulkom il-kelma ta' Alla; aħsbu fuq it-tmiem ta' ħajjithom, imxu fuq l-eżempju tal-fidi tagħhom. Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem. Tħallux li tinġibdu ‘l barra mit-triq b'tagħlim xorta oħra u barrani.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Fuqek, Ġerusalemm, qegħedt l-għassiesa. * Hallelujah, hallelujah. Fuqek.

V/. Lejl u nhar ma jiqfux ixandru isem il-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Fuqek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu hu r-ragħaj it-tajjeb li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Inroddulek ħajr, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Irgħa l-poplu tiegħek, Mulej.

Kristu, int għoġbok tqiegħed fil-Knisja tiegħek rgħajja qaddisin bħal eżempju tat-tjieba u l-imħabba tiegħek:

- ibqa’ uri l-ħniena tiegħek magħna b’rgħajja bħalhom.

Int għadek taqdi l-uffiċċju ta’ ragħaj spiritwali permezz ta’ dawk li tqiegħed f’ismek fuq il-merħla tiegħek:

- żommna dejjem fit-triq it-tajba taħt il-ħarsien tal-mexxejja tagħna.

Bil-qaddisin tiegħek, li f’idejhom tafda l-popli, turina lilek innifsek bħala t-tabib tar-ruħ u tal-ġisem:

- kompli fina bla heda l-ministeru tal-ħajja u l-qdusija.

Int tipprovdi bnedmin qaddisa biex jirgħu l-merħla tiegħek bl-għaqal u bl-imħabba;

- xerred id-doni tiegħek fuq ir-rgħajja spiritwali tagħna f’dawn il-gżejjer biex jagħarfu jqaddsuna.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int sejjaħt lis-saċerdot tiegħek, San Ġorġ Preca għall-ministeru ta’ l-evanġelizzazzjoni, agħtina nitolbuk li mħeġġin bit-tagħlim tiegħu u msaħħin bl-interċessjoni tiegħu, aħna wkoll naħdmu bla heda għas-saħħa tad-dinja u nħabirku biex jitkattar l-għadd ta’ dawk li jemmnu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

  

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

Salmodija tal-Erbgħa tas-VI Ġimgha tal-Għid

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

 

Salm 118 (119):57-64

 

VIII (Ħet)

 

Jien għedt, Mulej: "Dan hu sehmi, *

li nħares il-kelma tiegħek."

Quddiemek nitlob b'qalbi kollha; *

ħenn għalija skond il-wegħda tiegħek.

 

Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, *

u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

Ngħaġġel u ma nitnikkirx, *

biex inħares il-kmand Ammenti tiegħek.

Il-ħbula tal-ħżiena dawramejt għalquni, *

imma jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

F'nofs il-lejl inqum infaħħrek *

minħabba d-digrieti ġusti tiegħek.

Nissieħeb ma' kull min għandu l-biża' tiegħek, *

ma' dawk li jħarsu l-preċetti tiegħek.

Mimlija, Mulej, l-art bit-tjieba tiegħek; *

għallimni l-kmand Ammenti tiegħek. 

 Glorja.

 

Salm 54 (55):2-15. 17-24

 

I

 

Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi, *

titwarrabx mit-talb umli tiegħi.

Ismagħni u weġibni, *

m'għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi!

 

Nirtogħod bil-biża' għall-ħoss ta' l-għedewwa, *

minħabba l-għajat tal-ħżiena;

għax huma jġibu fuqi l-ħsarat, *

fl-għadab tagħhom jeħduha kontrija.

Qalbi tinfena ġewwa fija, *

biża' tal-mewt waqa' fuqi.

Biża' u tregħid jiġu fuqi, *

u twerwir jaħkimni.

U ngħid: "M'hux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, *

biex intir u mmur nistrieħ!

Kont 'il bogħod immur niġġerra, *

u fid-deżert insib fejn noqgħod. 

Kont malajr insib fejn nistkenn *

mir-riħ qawwi u r-riefnu."

 

Eqridhom, Sidi, ħawwdilhom kliemhom, *

għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.

Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha, *

fiha m'hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.

Il-ħerba tinsab ġo nofsha, *

moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.

 Glorja.

 

II

 

M'huwiex xi għadu dak li jċanfarni; *

li kien hekk, kont nissaporti.

M'hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; *

li kien hekk, kont ninħeba minnu.

Imma int, wieħed bħali, *

sieħbi u ħabib tal-qalb,

li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, *

ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta' Alla.

 

Imma jien lil Alla nsejjaħ, *

u l-Mulej isalvani.

Fil-għaxija, fil-għodu u f'nofsinhar †

nokrob u nitniehed; *

u hu jisma' l-leħen tiegħi.

Jeħlisli 'l ħajti fis-sliem †

mill-ġlieda li qajjmu kontrija, *

għax ħafna huma li ħabtu għalija.

Alla jismagħni u jrażżanhom, *

hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem;

għax huma ma jridux jindmu, *

ma għandhomx il-biża' ta' Alla.

 

Idu refa' kontra ħbiebu, *

kiser il-ftehim tiegħu.

Aktar mill-butir hu ħelu fommu, *

imma qalbu bil-ġlied mimlija.

Aktar miż-żejt hu artab kliemu, *

imma hu bħal sejf mislut.

 Ħalli xortik f'idejn il-Mulej, †

u hu jgħinek u jwieżnek; *

hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.

 

U int, o Alla, itfagħhom *

fil-ħofra tat-telfien.

Nies tad-demm u tal-qerq, †

ma jgħixux nofs ħajjithom! *

 Imma jien fik nittama.

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA ara Rum 4:24-25

 

Aħna nemmnu f’dak li qajjem mill-imwiet lil Ġesù Sidna, li kien mogħti għal dnubietna u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.

 

V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 5:5-6a

 

Min hu dak li jirbaħ lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? Dan hu dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm.

 

V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA ara Ef 4:23-24

 

Iġġeddu fl-ispirtu tal-fehma tagħkom u ilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.

 

V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

Agħtina, Mulej, li kif taħt il-velu tal-misteru qegħdin nagħmlu bil-ferħ it-tifkira solenni tal-qawmien ta’ Ibnek għall-ħajja, hekk ukoll fit-tieni miġja tiegħu jkun jistħoqqilna l-hena mal-qaddisin tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Bniedem sewwa, mudell jiddi

ta’ virtù ninsġulek innu;

bih nixtiequ nfaħħru lilek

u l-għemejjel kbar ta’ Alla.

 

Il-Qassis il-kbir ta ħajtu

biex ħbieb t’Alla nerġgħu nsiru:

bil-patt ġdid li għamel magħna,

radd is-sliem lill-poplu mifdi.

 

Inti minnu nħtart ministru

biex tissokta l-ħidma tiegħu,

tagħti glorja lil Missieru

u ssalvalu l-ġemgħa tiegħu.

 

Sieħbek miegħu fil-missjoni,

qaddes ħajtek, dawwal kelmtek;

u b’hekk sirt għall-poplu tiegħu

saċerdot u vittma w mgħallem.

 

Mis-smewwiet, fejn int tithenna,

la tinsiex il-Knisja mqaddsa;

tħalli qatt li n-ngħaġ ta’ Kristu

tkun tonqoshom mergħa tajba.

 

Sebħ lit-Trinità qaddisa,

li, fit-tjieba kbira tagħha,

issa tatek il-ħlas xieraq

ta’ qaddej fidil u tajjeb. Ammen.

 

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Jiena sirt ministru ta’ l-Evanġelju skond id-don tal-grazzja ta’ Alla mogħtija lili, hallelujah.

 

Salm 14 (15)

 

Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek? *

Min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?

 

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, *

min jgħid is-sewwa f'qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu, †

ma jagħmilx deni lil ġaru, *

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin, *

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej;

min iwiegħed u jżomm kelmtu; †

min jislef u ma jitlobx imgħax, *

u ma jieħu xejn kontra min hu bla ħtija.

 

Min jagħmel dan, *

qatt ma jitħarrek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Jiena sirt ministru ta’ l-Evanġelju skond id-don tal-grazzja ta’ Alla mogħtija lili, hallelujah.

Ant. 2: Qaddej fidil u għaqli, li s-Sid qiegħdu fuq il-familja tiegħu, hallelujah.

 

Salm 111 (112)

 

Hieni l-bniedem li jibża' mill-Mulej, *

li jitgħaxxaq ħafna bil-kmand Ammenti tiegħu!

Kbar fuq l-art ikunu wliedu; *

nisel it-tajbin ikun imbierek.

Ġid u għana jkunu f'daru; *

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu.

 

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin; *

twajjeb u ħanin hu l-bniedem sewwa.

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef, *

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.

 

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel; *

għal dejjem tibqa' t-tifkira tiegħu.

Xejn ma jibża' minn aħbar ħażina; *

qalbu qawwija bit-tama fil-Mulej.

Qalbu qawwija, m'għandux m’niex jibża', *

sa ma jara mxejjen l-għadu tiegħu.

Iqassam u jagħti lill-foqra; †

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu; *

rasu merfugħa bil-ġieħ.

 

Jarah il-ħażin u jinkedd, †

jheżheż snienu u jtertaq qalbu. *

Imma x-xewqa tal-ħżiena tibqa' bla temma.

Glorja.

 

Ant. 2: Qaddej fidil u għaqli, li s-Sid qiegħdu fuq il-familja tiegħu, hallelujah.

Ant. 3: In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda u ragħaj wieħed, hallelujah.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox;

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, *

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minnek? *

 Min ma jsebbħux?

 Għaliex int waħdek qaddis; †

 il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda u ragħaj wieħed, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:1-4

 

Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll u xhud tat-tbatijiet ta' Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mis-sebħ li għad irid jidher: irgħu l-merħla ta' Alla li hi f'idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma bil-qalb, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, iżda mħeġġin mill-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li ġew mogħtijin f’idejkom, imma billi tkunu eżempju għall-merħla. Mbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tiksbu l-kuruna tas-sebħ, magħmula minn ward li qatt ma jidbiel.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R. Dan hu l-ħabib ta’ ħutu, u jitlob ħafna ghall-poplu. Hallelujah, hallelujah. Dan.

V. Huwa ta ħajtu għal ħutu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Dan.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Dan hu amministratur fidil u għaqli, li s-Sid qiegħdu fuq in-nies tad-dar, biex jagħtihom l-ikel f’waqtu, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

 għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

 b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Dan hu amministratur fidil u għaqli, li s-Sid qiegħdu fuq in-nies tad-dar, biex jagħtihom l-ikel f’waqtu, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu hu l-Qassis il-Kbir, imqiegħed għall-bnedmin f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Nagħtuh tifħir xieraq, u bl-umiltà kollha nitolbuh u ngħidulu:

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej.

Int xerridt dawl ta’ l-għaġeb fuq il-Knisja tiegħek permezz ta’ mexxejja kbar u qaddisa:

- ferraħ dejjem u sebbaħ bl-istess dawl lill-poplu nisrani.

Int ħfirt id-dnubiet tal-poplu tiegħek kull meta r-rgħajja qaddisa talbuk bħal Mosè:

- bit-talb tagħhom ibqa’ saffi u qaddes il-Knisja tiegħek.

Int ikkonsagrajt għalik il-qaddisin tiegħek minn fost l-aħwa u bgħatt fuqhom l-Ispirtu tiegħek:

- agħti l-milja ta’ l-Ispirtu s-Santu lill-mexxejja kollha tal-poplu tiegħek.

Inti nnifsek għoġbok tkun is-sehem u l-wirt tar-rgħajja qaddisa tiegħek:

- tħallix li xi ħadd minna l-mifdija b’demmek jibqa’ mingħajrek.

Bir-rgħajja tal-Knisja inti tagħti l-ħajja ta’ dejjem lin-nagħaġ tiegħek, biex ħadd ma jaħtafhomlok minn idejk:

- salva lil ħutna l-mejtin li għalihom tajt ħajtek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int sejjaħt lis-saċerdot tiegħek, San Ġorġ Preca għall-ministeru ta’ l-evanġelizzazzjoni, agħtina nitolbuk li mħeġġin bit-tagħlim tiegħu u msaħħin bl-interċessjoni tiegħu, aħna wkoll naħdmu bla heda għas-saħħa tad-dinja u nħabirku biex jitkattar l-għadd ta’ dawk li jemmnu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

  

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

 

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

 

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufn Amment,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.